15.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/115


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016”

COM(2012) 286 final

2013/C 44/20

Relatur: is-Sinjura OUIN

Nhar id-19 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016

COM(2012) 286 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Novembru 2012.

Matul l-485 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2012 (seduta tat-13 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’104 voti favur u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-istrateġija li għandha l-għan li teqred it-traffikar tal-bnedmin u jixtieq jikkollabora fiha. Madankollu jenfasizza li l-kelma “qerda” ftit li xejn tidher realistika fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali tal-fenomenu, il-klima ta’ tolleranza relattiva f’dan ir-rigward u d-dgħufija tar-riżorsi allokati għal din il-ġlieda.

1.2

Il-Kumitat jenfasizza li din l-istrateġija ma tistax tiġi applikata mingħajr l-għajnuna attiva tas-soċjetà ċivili, f’kuntatt mal-vittmi. L-assoċjazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi għandhom bżonn mezzi finanzjarji biex iwettqu ħidmiethom.

1.3

Il-Kumitat jipproponi li ssir distinzjoni bejn it-traffikar tal-bnedmin għal finijiet ta’ sfruttament sesswali u għal finijiet oħra (xogħol, l-isfruttament tal-bnedmin bħala tallaba, żwiġijiet fittizji u t-traffikar tal-organi) biex kulħadd ikun jaf b’mod ċar x’għandu jiġi miġġieled. Jipproponi li tiġi introdotta tikketta għall-bliet ostili għall-isfruttament sesswali tan-nisa u t-tfal.

1.4

Bl-istess mod, il-Kumitat jixtieq li jkun hemm trattament divrenzjat għat-tfal (il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal).

1.5

Il-pajjiżi Ewropej għandhom jirratifikaw minnufih il-Konvenzjoni tal-ILO dwar ix-xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi, kif ukoll il-konvenzjonijiet internazzjonali kollha relatati ma’ dan is-suġġett.

1.6

Il-Kumitat jinsisti li l-protezzjoni tal-vittmi tkun biżżejjed biex tippermettilhom jintegraw mill-ġdid fl-isfera legali tas-soċjetà li minnha kienu esklużi (protezzjoni meta jressqu lmenti, aċċess għall-akkomodazzjoni u għall-kura tas-saħħa, eċċ.). Sabiex tkun vijabbli, tali integrazzjoni mill-ġdid għandha toffri lill-vittmi l-possibbiltà li jsibu impjieg f’suq tax-xogħol inklużiv iffinanzjat minn fondi pubbliċi.

1.7

Il-ġlieda kontra l-isfruttament għandha tissawwar bħala politika trasversali, b’politika soċjali ġenwina, flimkien mal-eliminazzjoni tat-traffikar. Jeħtieġ li jinħolqu sinerġiji mal-istrateġiji l-oħra: favur l-integrazzjoni tar-Rom, il-ġlieda kontra l-faqar, l-abbuż tad-droga u l-abuż sesswali li t-tfal huma vittmi tiegħu, eċċ.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-iskjavitu ma naqrawx dwaru biss fil-kotba tal-istorja, għadu jeżisti u saħansitra fl-aktar pajjiżi żviluppati. Il-persistenza u saħansitra l-iżvilupp tat-traffikar tal-bnedmin fit-territorju tal-Unjoni Ewropea huma kankru li jherri l-pedamenti demokratiċi tal-Unjoni. Meta f’pajjiżi rregolati mill-istat tad-dritt il-bnedmin jinbiegħu minn oħrajn għal finijiet ta’ sfruttament sesswali, ta’ xogħol, biex jiġu sfurzati jittallbu jew, dan l-aħħar, anke għat-traffikar tal-organi u żwiġijiet fittizji u meta t-traffikanti jaqilgħu dħul konsiderevoli mill-attività tagħhom, tiġi affettwata l-kredibbiltà tal-prinċipji tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, liema prinċipji l-Unjoni tistinka tant biex ixxerred madwar id-dinja.

2.2

It-traffikar tal-bnedmin huwa speċifikament ipprojbit mill-Artikolu 5 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Ladarba tiġi trasposta mill-Istati Membri sas-6 ta’ April 2013, id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, li tadotta approċċ komprensiv li jiffoka fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-vittmi u tinkludi dimensjoni tal-ġeneru, għandha tippermetti li din il-kwistjoni tiġi indirizzata aħjar. Jeżistu strumenti legali oħra, kemm dwar id-drittijiet tal-vittmi, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, l-isfruttament sesswali tat-tfal kif ukoll kontra dawk li konxjament iħaddmu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, li jippermettu l-insegwiment tat-traffikanti tal-bnedmin.

2.3

Dawn l-istrumenti legali kollha, frammentati, u li x’aktarx huma duplikati, ma jiffurmawx politika waħda. Għalhekk, hemm bżonn li tiġi adottata strateġija biex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet, jingħalqu d-distakki u biex it-testi differenti jkunu koerenti. Dan hu l-għan tal-istrateġija li qed tiġi analizzata.

2.4

Bħalissa teżistidistanza kbira bejn il-prinċipji li ġew affermati u r-realtà fil-post. Fil-prinċipju, l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u ċ-ċittadini huma ferm kontra t-traffikar tal-bnedmin, li huwa kkunsidrat bħala forma ta’ skjavitu moderna. Madankollu, fil-prattika lkoll kemm aħna, sew jekk ċittadin ordinarju, tabib, assistent soċjali, pulizija, jew rappreżentant elett, nistgħu niltaqgħu mal-vittmi tat-traffikar – tfajliet żgħar barranin jitlajjaw fit-toroq tal-bliet Ewropej, tfal jittallbu – jew nipparteċipaw indirettament fl-isfruttament tal-bnedmin billi nixtru prodotti li tant ikunu rħas li nafu li fi stadju jew ieħor tal-produzzjoni x’aktarx kien hemm xogħol furzat. Fir-realtà hemm tolleranza kollettiva kbira u silenzju qawwi fir-rigward tat-traffikar tal-bnedmin. Il-biċċa l-kbira tan-nies jagħlqu għajnejhom, ma jridux jaraw, ma jħossuhomx ikkonċernati mentri kulħadd għandu rwol x’jaqdi.

2.5

F’dan it-test, il-Kummissjoni tipproponi strateġija ta’ azzjoni biex tkun aktar effikaċi. Din hija xi ħaġa li l-Kumitat jappoġġja peress li kien talab għal tali approċċ b’rabta mal-Proposta għal Direttiva (1).

2.6

Din l-istrateġija tista’ biss tirnexxi jekk is-soċjetà ċivili tkun l-imsieħeb ewlieni. F’dan il-qasam, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma dawk li jifhmu l-aktar din il-kwitsjoni, biex jgħinu fl-identifkazzjoni tal-vittmi u jaġixxu għall-prevenzjoni. Il-pulizija, is-sistema tal-ġustizzja, l-ispettorat tax-xogħol, eċċ. lkoll huma indispensabbli però jekk is-servizzi tal-Istat waħedhom jistgħu jeradikaw it-traffikar tal-bnedmin, kieku dan il-fenomenu diġà sparixxa. Li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiġu involuti fl-implimentazzjoni tal-istrateġija huwa l-unika mezz kif nistgħu nkunu effikaċi. L-organizzazzjonijiet li jgħinu lill-vittmi jirrikjedu appoġġ finanzjarju.

2.7

It-test jipproponi ħames prijoritajiet: l-identifikazzjoni, il-ħarsien u l-assistenza lill-vittmi tat-traffikar; l-intensifikar tal-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin; iż-żieda fil-prosekuzzjoni tat-traffikanti; koordinazzjoni u kooperazzjoni msaħħa fost l-atturi ewlenin u koerenza politika; għarfien akbar dwar tħassib emerġenti relatat ma’ kull għamla ta’ traffikar tal-bnedmin u reazzjoni effettiva għalih, b’mod partikolari l-użu tal-internet min-netwerks kriminali.

3.   Kummenti tal-Kumitat

3.1

Il-Kumitat diġà esprima l-opinjoni tiegħu dwar suġġetti relatati mat-traffikar tal-bnedmin f’bosta opinjonijiet, fost l-oħrajn l-Opinjonijiet dwar l-abbuż sesswali tat-tfal (2), dwar id-drittijiet tal-vittmi fl-UE (3), u dwar l-approċċ globali għall-migrazzjoni u l-mobilità (4).

L-identifikazzjoni tal-vittmi

3.2

Fl-Opinjoni ta’ Ottubru 2012, il-Kumitat saħaq fuq il-protezzjoni tal-vittmi malli jiġu identifikati bħala vittmi. Il-problema ewlenija hija l-identifikazzjoni u l-oneru tal-provi li huma r-responsabbiltà ta’ persuni vulnerabbli, li ma jitkellmux il-lingwa, li huma kontrollati minn dawk li jisfruttawhom, li jibżgħu, li ma jafux id-drittijiet tagħhom u li ma jafux lil min għandhom jikkuntattjaw. Jeħtieġ li jsir progress fil-qasam tal-identifikazzjoni tal-vittmi, sabiex jingħataw widen. Xi organizzazzjonijiet trejdjunjonistiċi wettqu azzjonijiet pilota biex iħarrġu lill-ħaddiema li jistgħu jiġu f’kuntatt mal-vittmi tax-xogħol furzat sabiex jidentifikawhom, ikunu jafu kif jistgħu jikkuntattjawhom, jakkumpanjawhom u jipproteġuhom. L-awtoritajiet pubbliċi u l-assoċjazzjonijiet għandhom iwettqu l-istess tip ta’ azzjoni ma’ persuni li jistgħu jiġu f’kuntatt ma’ vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għal finijiet ta’ sfruttament sesswali (madwar 80 % tal-vittmi). L-għodda eżistenti, it-taħriġ, il-linji gwida u l-gwidi ta’ proċeduri għandhom ikunu mifruxa iżjed biex l-individwi jkunu jafu kif u lil min għandhom jikkuntattjaw f’każ ta’ suspett ta’ traffikar tal-bnedmin.

3.3

Jeħtieġ li jinbidel l-approċċ attwali: meta vittma tikkuntattja lil assoċjazzjoni ta’ għajnuna, sikwit tintbagħat għand assoċjazzjoni oħra kkunsidrata aktar kompetenti. B’hekk xi vittmi jkollhom jirrakkontaw l-istorja tagħhom lil għexieren ta’ persuni qabel ma’ jiġu megħjuna. Għall-kuntrarju, jeħtieġ li kulħadd iħossu kapaċi jisma’ u jgħin lill-vittmi. Għal dan jeħtieġ li kulħadd ikun infurmat, imħarreġ u mgħammar biex ikun jaf x’għandu jgħid u jagħmel u biex l-assoċjazzjonijiet u s-servizzi soċjali jaħdmu flimkien.

3.4

Jinħtieġu wkoll approċċi speċjalizzati skont il-vittmi, b’mod partikolari fil-każ tat-tfal fejn il-prinċipju ewlieni huwa l-interess tat-tifel jew tifla. Il-ġlieda kontra l-fenomenu ta’ tfal Rom li jiġu furzati jittallbu għandu jiġi inkluż fl-Istrateġija Ewropea għall-integrazzjoni tar-Rom.

Insaħħu l-prevenzjoni

3.5

Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li ssir enfasi fuq id-dimensjoni tal-ġeneru. Fil-fatt, madwar 80 % tal-vittmi tat-traffikar huma nisa u l-biċċa l-kbira tagħhom jiġu sfurzati fid-dinja tal-prostituzzjoni. L-isfruttament sesswali jirrappreżenta 76 % tat-traffikar tal-bnedmin. Il-persistenza ta’ dan it-tip ta’ traffikar għal finijiet ta’ sfruttament sesswali toħroġ fid-dieher l-inugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa. Il-fatt li n-nisa, sikwit tfaljiet żgħar, jinġiebu fl-aktar bliet għonja tal-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta’ prostituzzjoni jqajjem il-mistoqsija ta’ x’immaġni għandhom il-klijenti ta’ dawn in-nisa – u tan-nisa b’mod ġenerali – u jdgħajjef l-azzjonijiet li qed jittieħdu f’oqsma oħra favur l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

3.6

Għaldaqstant, il-Kumitat jirrakkomanda li ssir distinzjoni ċara bejn it-tipi differenti ta’ traffikar tal-bnedmin għal finijiet sesswali, għal finijiet ta’ xogħol, ta’ traffikar tal-organi u biex jiġu sfurzati jittallbu. Jirrakkomanda li ssir distinzjoni wkoll fir-rigward tal-isfruttament sesswali tat-tfal. Il-biċċa l-kbira tat-traffikar tal-bnedmin (80 %) tikkonċerna l-isfruttament sesswali. Għalhekk huwa importanti li ssir referenza ċara għal din il-kwistjoni sabiex inkunu ċari f’dak li għandu jiġi miġġieled. Jista’ jagħt l-każ li t-traffikanti jitqiesu bħala grupp vag, imbiegħed u li ma jistax jinqabad, iżda l-klijenti u l-vittmi huma persuni li kollha niltaqgħu magħhom fit-toroq tal-bliet tal-Ewropa.

3.7

It-tisħiħ tal-prevenzjoni jfisser li l-ewwel u qabel kollox tiġi indirizzata d-domanda. Sakemm ikun hemm klijenti, ser ikun hemm it-traffikanti. Sabiex tonqos id-domanda hemm bżonn li l-pubbliku minn kwalunkwe sfera tal-ħajja jiġi edukat dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa minn età kemm jista’ jkun żgħira u għaldaqstant jeħtieġ li jkun hemm taħlita akbar ta’ nisa u rġiel fil-post tax-xogħol. Meta jkun hemm taħlita ta’ nisa u rġiel fil-post tax-xogħol u t-tnejn iwettqu l-istess xogħol, ikollhom l-istess livell ta’ responsabbiltà jkun aktar diffiċli li wieħed ikollu perċezzjonijiet irreali tan-nisa, u li dawn jitqiesu bħala oġġetti sesswali li jistgħu jinxtraw. L-edukazzjoni sesswali li tikkunsidra d-dimensjoni emottiva u d-dinjità tal-bniedem hija essenzjali. Jekk il-ġenituri ma jitkellmux dwar ir-relazzjonijiet sesswali, iż-żgħażagħ ser ifittxu l-informazzjoni fuq l-internet u hemm ir-riskju li jkunu esposti għal rappreżentazzjonijiet negattivi li jistgħu jinfluwenzaw il-fehma futura tagħhom tar-relazzjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel.

3.8

Id-dimensjoni tal-ġeneru hija importanti però jinħtieġ approċċ divrenzjat għat-tfal u l-adulti. Ta’ min ifakkar li r-relazzjonijiet sesswali mat-tfal jikkostitwixxu reat. Jeħtieġ li jiġu allokati aktar riżorsi għal din il-kwistjoni fid-dawl taż-żieda fin-numru ta’ siti pornografiċi fuq l-internet li jinkludu stampi ta’ tfal u tal-fatt li ċerti adulti jinsew jew jinjoraw il-liġi. Jeħtieġ ukoll li t-tfal jiġu edukati dwar is-sesswalità u jiġu mgħallma li huma stess jistħoqqilhom jiġu rispettati (5).

3.9

Il-prevenzjoni tfisser ukoll il-ġlieda kontra l-faqar li jwassal biex l-individwi jispiċċaw mingħajr dar u kontra t-traffikanti tal-bnedmin li japprofittaw minn tali ċirkostanzi. Attirati bil-ħolma li jkollhom il-ġid tal-Punent, l-immigranti illegali f’sitwazzjonijiet vulnerabbli, mingħajr karti, mingħajr flus, mingħajr ma jkunu jistgħu jikkomunikaw, imbeżża’ li jinqabdu mill-pulizija, isibu ruħhom taħt il-ħakma tat-traffikanti li jdaħħluhom fl-iskjavitu mentri jkunu ġew bir-rieda tagħhom u mhux maħtufa bil-forza minn darhom.

3.10

Iż-żieda tax-xogħol furzat hija ta’ tħassib. Jeħtieġ ukoll li jiġi indirizat l-abbuż billi jiġi ċċarat l-istatus tax-xogħol “au pair” u tax-xogħol li jwettqu l-pellegrini għall-istituzzjonijiet reliġjużi, għaliex il-fruntiera bejn ix-xogħol volontarju u x-xogħol furzat xi kultant tista’ tkun ambigwa.

Il-prosekuzzjoni tat-traffikanti

3.11

Fl-Opinjoni preċedenti tiegħu, il-Kumitat saħaq fuq l-aspett finanzjarju tal-investigazzjonijiet u dan għadu rilevanti. Fil-fatt dan it-tip ta’ kriminalità huwa wieħed minn dawk li l-aktar iħallu qligħ. L-istima tal-profitti annwali globali magħmula mill-isfruttament tal-vittmi tat-traffikar għal finijiet ta’ xogħol furzat hija ta’ USD 31,6 biljun. Minn dan l-ammont, USD 15,5 biljun, jiġifieri 49 % huma ġġenerati fl-ekonomiji industrijalizzati (6). L-investigazzjonijiet finanzjarji fil-livell Ewropew huma parti essenzjali tal-insegwiment tat-traffikanti. Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu kkonfiskati l-assijiet iġġenerati mit-traffikar tal-bnedmin u li dawn il-fondi jintużaw biex jiġu kkumpensati l-vittmi u għall-ġlieda kontra t-traffikar.

3.12

Il-protezzjoni tal-vittmi li tikkunsidra d-dimensjoni tal-ġeneru hija sfida li għandha tiġi indirizzata. Ir-rwol tal-vittmi fil-proċeduri kriminali kontra t-traffikanti huwa importanti u għalhekk il-proċeduri għandhom isiru b’mod kunfidenzjali. Il-protezzjoni tagħhom għandha tinkludi wkoll l-aċċess għall-akkomodazzjoni, għall-kura tas-saħħa u s-sigurtà personali. Sabiex tkun vijabbli, din l-integrazzjoni mill-ġdid għandha toffri lill-vittmi l-possibbiltà li jsibu l-impjieg f’suq tax-xogħol inklużiv li huwa ffinanzjat minn fondi pubbliċi. B’hekk, ikunu jistgħu jakkwistaw esperjenza u drawwiet tax-xogħol, li huma prerekwiżit għal suċċess fir-riabilitazzjoni u t-transizzjoni għas-suq tax-xogħol miftuħ. Wara li jkunu ġew sfurzati jgħixu fix-xifer tas-soċejtà l-vittmi għandhom jiġu megħjuna biex jintegraw fis-soċjetà legali.

3.13

Jeħtieġ li jiġu ffirmati konvenzjonijiet mal-Istati tal-oriġini tal-immigranti illegali biex jiġu megħjuna jiġġieldu b’mod aktar effettiv kontra t-traffikanti, li ma jiġux imħarrka għat-traffikar tal-bnedmin għalkemm jipprovdu vittmi potenzjali lin-netwerks kriminali.

Intejbu l-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u l-koerenza

3.14

Il-Kumitat jilqa’ l-pjan li tiġi stabbilita koalizzjoni Ewropea tan-negozju kontra t-traffikar tal-bnedmin. L-impenn tal-intrapriżi huwa essenzjali għall-ġlieda kontra x-xogħol furzat mhux biss fil-pajjiżi terzi, iżda wkoll fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Din il-koalizzjoni għandha tiġi estiża għall-intrapriżi żgħar li jkunu s-sottokuntratturi ta’ kumpaniji kbar fis-setturi fejn ix-xogħol mhux iddikjarat huwa konsiderevoli: is-settur tal-catering, il-bini u l-agrikoltura. Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin hija dimensjoni essenzjali tar-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi. Din tinkludi wkoll il-ġlieda kontra x-xogħol illegali u x-xogħol furzat fil-pajjiżi terzi u fi ħdan is-sottokuntratturi kollha fl-istadji kollha tal-katina tal-produzzjoni. Peress li l-proċessi huma globalizzati, l-intrapriżi multinazzjonali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex jivverifikaw il-mod kif jiġu manifatturati l-prodotti kollha li jużaw.

3.15

Bl-istess mod, il-ftehimiet kummerċjali għandhom jinkludu b’mod espliċitu klawżoli li jipprojbixxu ċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti u servizzi li jkunu frott ix-xogħol furzat.

3.16

Fis-servizzi, b’mod partikolari s-servizzi domestiċi, nafu li l-iskjavitu ma għebietx għalkollox. F’Ġunju 2011, l-ILO adottat strument għall-ġlieda kontra l-abbuż permezz tal-Konvenzjoni Nru 189 dwar “xogħol deċenti għall-ħaddiema domestiċi” (7). Il-KESE jirrakkomanda li s-27 Stati Membri għandhom jirratifikaw minnufih din il-Konvenzjoni kif ukoll l-istrumenti internazzjonali kollha li jikkonċernaw it-traffikar tal-bnedmin (8).

3.17

Il-Kumitat jabel mal-ħolqien ta’ pjattaforma tas-soċjetà ċivili li tista’ tippermetti li, f’kull assoċjazzjoni li tista’ tkun ikkonċernata u mogħnija bl-għarfien espert meħtieġ, jiġu provduti informazzjoni u taħriġ dwar it-traffikar tal-bnedmin.

3.18

Huwa essenzjali li jkun hemm relaturi nazzjonali u ġbir aħjar tal-informazzjoni. Il-ġbir tal-informazzjoni għandu jkun armonizzat bil-għan li jitwettaq bl-istess mod f’kull pajjiż. Ir-relaturi nazzjonali, peress li jkunu responsabbli prinċipalment għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, jistgħu jikkoordinaw l-azzjonijiet tad-diversi servizzi u assoċjazzjonijiet ikkonċernati iżda li mhux dejjem jaħdmu flimkien: is-servizzi tal-immigrazzjoni, il-protezzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ, l-ispettorat tax-xogħol, l-assoċjazzjoni għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, eċċ. Il-Europol għandu rwol importanti x’jaqdi għaliex il-kunċett ta’ fruntieri ma jeżistix fost it-traffikanti.

3.19

Il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet esterni tal-UE u l-fatt li nitkellmu espliċitament dwar it-traffikar tal-bnedmin fil-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles jistgħu biss jiġbdu l-attenzjoni għal dan il-fenomenu, li sikwit jinħeba jew jiġi sottovalutat.

3.20

Peress li jinsabu eqreb tar-realtajiet fil-post, l-awtoritajiet pubbliċi lokali, b’mod partikolari l-muniċipalitajiet tal-bliet il-kbar, jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jiġġieldu kontra l-isfruttament sesswali illegali tal-vittmi tat-traffikar. Il-Kumitat jirrakkomanda li awtorità indipendenti toħloq tikketta għall-aktar bliet ostili għat-traffikar tal-bnedmin, li jiġġieldu ħafna kontra l-prostituzzjoni u l-fenomenu ta’ bnedmin sfurzati jittallbu. Jeżistu tikketti għall-kwalità tal-arja u tal-ilma; l-ambjent uman mhuwiex daqstant importanti wkoll?

3.21

Huwa indispensabbli li tiġi valutata l-effikaċja tal-fondi allokati mill-UE u li jitfasslu, jixxerrdu u jiġu tradotti gwidi ta’ prattika tajba u proċeduri effikaċi adatti għall-atturi differenti, inklużi l-pulizija, is-sistema tal-ġustizzja, il-muniċipalitajiet u l-assoċjazzjonijiet.

Nindirizzaw il-punti ġodda ta’ tħassib

3.22

Ir-reklutaġġ ta’ vittmi u klijenti mill-internet huwa riskju ġdid. Jeħtieġ li dan jiġi analizzat u miġġieled billi jintużaw l-internet u n-netwerks soċjali biex jinxtered diskors dwar ir-responsabbiltà u r-rispett għad-dinjità tal-bniedem. Ikun ħasra li niffukaw biss fuq il-perikli reali tal-internet meta din l-għodda ġdida tista’ tintuża wkoll biex tippromovi t-tixrid ta’ messaġġi pożittivi u tkun mezz ta’ prevenzjoni.

Brussell, 13 ta’ Diċembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 51, 17.2.2011, p. 50–54.

(2)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 138–144.

(3)  ĠU C 43, 15.2.2012, p. 39–46.

(4)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 134–141.

(5)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 154–158.

(6)  Patrick Belser, Forced Labor and Human Trafficking: Estimating the Profits (Ix-xogħol sfurzat u t-traffikar tal-bnedmin: stima tal-profitti), dokument ta’ ħidma, Ġinevra, Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, 2005.

(7)  Il-Konvenzjoni tal-ILO għadha ma ġiet irratifikata mill-ebda pajjiż Ewropew (żewġ pajjiżi rratifikawha: l-Urugwaj u l-Filippini).

(8)  Il-Protokoll għall-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, speċjalment tan-Nisa u t-Tfal, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali, Ġabra ta’ Trattati, vol. 2237, p. 319; il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (STCE no 197), Varsavja, 16.5.2005; il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, New York, 18 ta’ Diċembru 1979. Ġabra ta’ Trattati, vol. 1249, p. 13; il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, 20 ta’ Novembru 1989, Nazzjonijiet Uniti, Ġabra ta’ Trattati, vol. 1577, p. 3; il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Furzat, 1930 (Nru 29); il-Konvenzjoni dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, 1957 (Nru 105); il-Konvenzjoni dwar l-Agħar Forom ta’ Xogħol tat-Tfal, 1999 (Nru 182).