|
4.10.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 299/170 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “White Paper tat-Trasport: lejn adeżjoni u impenn tas-soċjetà ċivili” (opinjoni esploratorja)
2012/C 299/31
Relatur: is-Sur BACK
Nhar il-11 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċiediet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
White Paper tat-Trasport: lejn adeżjoni u impenn tas-soċjetà ċivili
(Opinjoni esploratorja).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ġunju 2012.
Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’140 vot favur, 3 voti kontra u 7 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-KESE għandu jniedi t-twaqqif ta’ qafas għal skambju ta’ fehmiet miftuħ u trasparenti dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper bejn is-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni u atturi rilevanti oħrajn bħall-awtoritajiet nazzjonali f’livelli differenti. B’dan il-mod, l-aċċettazzjoni u fehim ikunu jistgħu jittejbu fis-soċjetà ċivili u jitressqu opinjonijiet utli lil dawk li jfasslu l-politika u lil dawk li huma responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha.
1.2 Djalogu jrid ikun f’diversi livelli u jinvolvi l-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali kemm tas-soċjetà ċivili kif ukoll tal-gvern. Is-soċjetà ċivili għandha tinfiehem fis-sens wiesa’ tal-kelma, u tinkludi, iżda mhijiex limitata għal, negozji, dawk li jħaddmu, ħaddiema, utenti, NGOs u l-qasam akkademiku.
1.3 Djalogu jrid jiżgura li l-komunikazzjoni tkun reċiproka. Irid jipprovdi opportunità għall-Kummissjoni Ewropea biex tikkomunika dwar proposti u azzjonijiet ta’ politika. Fl-istess waqt, irid jipprovdi b’mod partikolari lis-soċjetà ċivili kif ukoll lill-gvern fil-livell lokali u reġjonali l-opportunità li jagħmlu kuntatt mal-Kummissjoni, mal-KESE u mal-istituzzjonijiet relevanti l-oħra sabiex iressqu l-kummenti tagħhom u jqajmu problemi u mistoqsijiet relatati mal-politika tat-trasport tal-UE u l-implimentazzjoni tagħha, biċ-ċertezza li jingħataw tweġiba. Djalogu miftuħ u kostruttiv huwa importanti sabiex titjieb l-aċċettazzjoni tal-miżuri ta’ politika, inklużi proposti leġislattivi u pjani tal-infrastruttura.
1.4 Għandu jkun possibbli li jitqajmu problemi konkreti, pereżempju fir-rigward tal-aċċessibilità għal persuni b’diżabilità, il-kwalità tat-trasport lokali u l-adegwatezza f’ċerti kuntesti tal-għanijiet tal-politika tat-trasport, bħal bidla modali jew trasport ’il fuq minn distanza speċifika.
1.5 Djalogu fuq dawn il-linji jista’ jtejjeb il-fehim u l-aċċettazzjoni tal-għanijiet tal-politika tat-trasport tal-UE u l-miżuri ta’ implimentazzjoni proposti. Jista’ jtejjeb il-fehim fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE dwar ir-realtajiet prattiċi u l-ħtieġa li jitqiesu kundizzjonijiet differenti f’partijiet differenti tal-UE u jtejjeb il-possibilitajiet biex jinstabu soluzzjonijiet sodisfaċenti għal problemi konkreti u jingħataw tweġibiet għal kull tħassib li jkun hemm.
1.6 Il-kontinwità u s-segwitu għal mistoqsijiet li jitqajmu huma elementi importanti fi djalogu ta’ suċċess, kif ukoll komunikazzjoni f’waqtha mill-Kummissjoni qabel ma jseħħu l-inizjattivi ppjanati. Għandu jintlaħaq ftehim mal-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha sabiex jiġi żgurat djalogu effiċjenti, miftuħ u trasparenti. Il-KESE jifhem li l-Kummissjoni tqis ta’ importanza partikolari l-fatt li jsir djalogu dwar proġetti ta’ infrastruttura u azzjonijiet li jinvolvu tibdil fl-imġiba. Il-KESE jħoss ukoll li l-ambitu ta’ djalogu għandu jkun usa’ u li jista’ jġib miegħu valur miżjud għall-biċċa l-kbira tal-inizjattivi.
1.7 Il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ hija element importanti fi djalogu, sabiex jinħoloq interess u aċċettazzjoni tal-għanijiet tal-politika tat-trasport tal-UE.
1.8 Fil-biċċa l-kbira, djalogu għandu jkun imsejjes fuq il-komunikazzjoni bl-internet. Dan għandu jinkludi websajt apposta/iddedikat. Għandu jiġi kkunsidrat l-użu tal-midja soċjali bħal Facebook u Twitter. Ġestjoni adegwata tad-djalogu fuq l-internet hija importanti sabiex jiġi assigurat li s-sistema taħdem. Taqsima tal-ispazju fuq l-internet iddedikata għad-djalogu għandha tkun immirata lejn iż-żgħażagħ. Għandu jkun hemm ukoll għadd ta’ links esterni relevanti, pereżempju għas-sit tal-internet tal-Kummissjoni għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini.
1.9 L-internet m’għandux ikun il-mezz esklużiv ta’ komunikazzjoni. Konferenzi jew arranġamenti oħrajn, organizzati kif meħtieġ, jistgħu jikkomplementaw id-djalogu bl-internet u jipprovdu forum sabiex jiġu diskussi żewġ suġġetti jew tlieta. Bl-istess mod, kuntatti diretti bejn rappreżentanti tal-KESE u tas-soċjetà ċivili għandhom isiru kull meta jinħass li jkunu utli. Kull mistoqsija u tħassib li jitqajmu f’dawn il-kuntesti għandhom jitressqu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni.
1.10 B’mod adatt, kull mistoqsija u tħassib li jitqajmu tul id-djalogu jistgħu jwasslu għal riżoluzzjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE u jinfluwenzaw l-opinjonijiet tiegħu dwar kwistjonijiet li jitressqulu biex joħroġ opinjoni dwarhom.
1.11 Meta wieħed iqis il-parteċipazzjoni tal-gvern lokali u reġjonali fid-djalogu, għandhom isiru kuntatti mal-Kumitat tar-Reġjuni (KtR) sabiex jinstab arranġament u jiġi involut il-KtR fid-djalogu u l-ġestjoni tiegħu, bl-attenzjoni dovuta għar-rwoli rispettivi tal-KESE u tal-KtR.
1.12 Fi ħdan il-KESE, id-djalogu għandu jkun ġestit minn kumitat ta’ tmexxija mis-Sezzjoni TEN tal-KESE, bl-appoġġ tas-Segretarjat tat-TEN u f’kooperazzjoni kontinwa mal-KtR u mal-Kummissjoni.
1.13 Id-dettalji tal-ġestjoni, kif ukoll tal-amministrazzjoni tad-djalogu bl-internet, ir-riżorsi meħtieġa u l-kwistjonijiet baġitarji għandhom jiġu studjati minn task force, li jressaq is-suġġerimenti tiegħu sa tmiem l-2012. Idealment jinstabu soluzzjonijiet effiċjenti u sempliċi għall-ġestjoni u l-amministrazzjoni, kemm jista’ jkun permezz ta’ riżorsi li diġà jeżistu. Tista’ tiġi kkunsidrata l-għażla li l-ispejjeż involuti fil-ġestjoni tad-djalogu jinqasmu mal-KtR.
1.14 Id-data maħsuba sabiex jinbeda d-djalogu għandha tkun kmieni fl-2013.
2. Daħla
2.1 Il-White Paper: Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti (il-Pjan Direzzjonali) tistabbilixxi għaxar għanijiet għal sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti bħala parametri ta’ referenza għall-ksib tal-mira tat-tnaqqis ta’ 60 % tal-gassijiet b’effett ta’ serra. L-għanijiet fuq medda twila ta’ żmien jistabbilixxu l-għanijiet globali għall-2050 filwaqt li għanijiet oħra jirreferu għal miri intermedjarji oħra fl-2020 jew fl-2030. Il-White Paper tistabbilixxi wkoll strateġija magħmula minn 40 inizjattiva li jikkontribwixxu għall-ksib ta’ dawn l-għanijiet matul l-għaxar snin li ġejjin.
2.2 L-40 inizjattiva stabbiliti fil-pjan direzzjonali għandhom jiġu implimentati sal-2020. Uħud huma leġislattivi. Iżda ħafna huma mibnija fuq inizjattivi nazzjonali jew lokali jew fuq l-inkoraġġiment ta’ tibdil fl-imġiba kemm għaliex hemm kompetenza limitata tal-UE kif ukoll għaliex il-leġislazzjoni mhijiex għodda adegwata sabiex isir it-tibdil fl-imġiba li huwa essenzjali sabiex inizjattiva partikolari tkun ta’ suċċess. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ għadd ta’ inizjattivi leġislattivi, it-tibdil fl-imġiba huwa importanti sabiex ikunu ta’ suċċess.
2.3 F’ittra tal-11 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni Ewropea talbet il-fehmiet tal-KESE dwar kif is-soċjetà ċivili tista’ tkun impenjata biex tapprova l-objettivi tal-White Paper u tikkontribwixxi biex tintlaħaq il-viżjoni fit-tul tagħha dwar it-trasport. L-ittra semmiet b’mod speċifiku l-ħtieġa li jiġu rikonċiljati l-interessi nazzjonali u dawk Ewropej fir-rigward ta’ proġetti importanti tal-infrastruttura fit-TEN-T, u kif jistgħu jinkisbu l-appoġġ u kontributi mis-soċjetà ċivili għall-għanijiet fuq medda twila ta’ żmien stabbiliti fil-White Paper.
2.4 Nistgħu nqabblu dan mar-rwol tal-KESE fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 permezz tal-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Tmexxija orizzontali ġdid tal-Ewropa 2020 sabiex ikun hemm interazzjoni iktar effiċjenti bejn il-korpi tal-KESE u l-partijiet interessati nazzjonali, bil-għan li jiġu identifikati u ppjanati inizjattivi partikolari u l-aqwa prattiki fil-proċess kontinwu ta’ riforma tal-Istati Membri. Fit-23 ta’ Frar 2011 ġie ppubblikat rapport dwar il-valutazzjoni tas-soċjetà ċivili dwar l-iżvilupp tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili f’dak il-proċess, sabiex jingħata kontribut lill-Kummissjoni għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa.
2.5 Barra minn hekk, l-Att dwar is-Suq Uniku jipprevedi “l-involviment tas-soċjetà ċivili u l-promozzjoni ta’ kultura tal-evalwazzjoni”. L-Att jiddikjara li l-konsultazzjoni pubblika wriet b’mod ċar li s-soċjetà ċivili tixtieq tkun involuta aktar mill-qrib fl-iżvilupp tas-suq uniku milli kienet qabel. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tippubblika b’mod regolari lista tal-20 aspettattiva ewlenija taċ-ċittadini u tal-intrapriżi fir-rigward tas-suq uniku. Il-lista se tiġi ppreżentata lill-forum tas-suq uniku li se jlaqqa’ flimkien perjodikament il-parteċipanti fis-suq, pereżempju n-negozji, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u dawk li jirrappreżentaw iċ-ċittadini, l-awtoritajiet pubbliċi f’livelli differenti u l-parlamenti. Se tanalizza l-qagħda tas-suq uniku u tagħmel skambju tal-aqwa prattika. Se tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ kultura ta’ valutazzjoni tal-politika u għaldaqstant se taqdi rwol fil-monitoraġġ tal-Att dwar is-Suq Uniku u tgħin biex jitkejjel l-impatt ta’ dak l-Att fil-livell l-iżjed bażiku. L-imsieħba soċjali għandu jkollhom ukoll rwol imsaħħaħ u jingħataw l-opportunità li jippreżentaw il-pożizzjonijiet tagħhom dwar kwistjonijiet relatati mal-koeżjoni ekonomika u soċjali.
2.6 L-ewwel sensiela ta’ aspettattivi, ibbażata fuq studju, ġiet ippubblikata fil-ħarifa tal-2011.
2.7 Fl-istess ħin fil-KESE qed jiġu vvalutati ideat kunċettwali għal Forum Ewropew għat-Taħlita tal-Enerġija (EEMF). Qed jiġi kkunsidrat is-suġġeriment għal struttura permanenti b’kumitat ta’ tmexxija, segretarjat permanenti, konferenzi annwali u sa sitt laqgħat fis-sena ta’ grupp ta’ ħidma, kontra kwistjonijiet relatati ma’ fondi, kwistjonijiet istituzzjonali, adegwatezza u bażi legali. Il-kunċett jinkludi wkoll netwerk ta’ forums nazzjonali.
3. Kummenti ġenerali
3.1 Il-KESE huwa tal-fehma li l-isfida issa hija simili għal dawk imsemmija hawn fuq. Jiffoka fuq l-appoġġ tas-soċjetà ċivili għall-għanijiet tat-trasport fuq medda twila ta’ żmien u l-kontributi għal dawn l-għanijiet li huma stabbiliti fil-White Paper, kif ukoll fuq l-aċċettazzjoni tal-proġetti ta’ infrastruttura. Il-Kummissjoni tidher li qed tfittex ukoll il-fehmiet tas-soċjetà ċivili dwar jekk it-tnaqqis ta’ 60 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u l-għaxar għanijiet korrispondenti tal-White Paper jistgħux jintlaħqu bl-għodod li għandha bħalissa l-Kummissjoni.
3.2 Il-KESE jieħu nota li l-Artikolu 11(1) – (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprovdi bażi formali għal dan it-tip ta’ eżerċizzju. Dawn id-dispożizzjonijiet jistipolaw dmir tal-istituzzjonijiet tal-UE li jistabbilixxu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tal-partijiet interessati u mas-soċjetà ċivili, iwettqu konsultazzjonijiet estensivi ma’ assoċjazzjonijiet tan-negozju u rappreżentattivi u jipprovdu possibilitajiet għaċ-ċittadini u l-assoċjazzjonijiet li jiddikjaraw il-fehmiet tagħhom kif ukoll jaqsmuhom fil-pubbliku. Il-KESE jieħu nota wkoll li dan l-artikolu huwa wkoll il-bażi legali għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini.
3.3 Il-KESE huwa tal-fehma li, mill-għaxar għanijiet stabbiliti fil-White Paper, l-appoġġ tas-soċjetà ċivili jidher partikolarment sinifikanti għall-għanijiet numru 1 (aċċettazzjoni fis-suq u tibdil fl-imġiba), 3 (attitudni tal-operaturi, dawk li jippjanaw it-trasport u s-sidien tal-merkanzija), 4 (tibdil fl-imġiba), 5, 7 (użu ottimali tal-infrastruttura u sistemi ta’ ġestjoni tat-traffiku, inkoraġġiment ta’ ppjanar transkonfinali effiċjenti), 8, 10 (sistema ġusta), 9 (sikurezza u xejriet ta’ mġiba relatati mas-sigurtà).
3.4 L-appoġġ għall-għanijiet tal-Pjan Direzzjonali jidher ċar li huwa utli, sabiex tingħata l-għajnuna biex tinħoloq klima favorevoli mil-lat politiku għall-implimentazzjoni tagħha.
3.5 Fl-opinjoni tal-KESE, kwistjonijiet ġenerali sinifikanti fejn djalogu mas-soċjetà ċivili organizzata jista’ jkun partikolarment utli jinkludu:
|
— |
kwistjonijiet relatati mar-rabta tal-interess tal-UE mal-interess nazzjonali/reġjonali/lokali, b’mod partikolari mil-lat tal-interessi tas-soċjetà ċivili organizzata; |
|
— |
kwistjonijiet relatati ma’ modi mhux tekniċi kif jiġu promossi l-għanijiet tal-politika tat-transport, inklużi l-politika korporattiva, l-imġiba intraprenditorjali, l-aċċettazzjoni tal-innovazzjoni u t-tibdil fl-imġiba. |
3.6 Fir-rigward ta’ dawn il-punti, l-appoġġ ta’ soċjetà ċivili organizzata huwa importanti u possibbilment l-aqwa “triq” kif tiġi komunikata l-informazzjoni, jinkiseb appoġġ, iżda wkoll jitressqu opinjonijiet dwar problemi u ostakli.
3.7 Idealment, dawn it-“kanali” ta’ komunikazzjoni jistgħu jintużaw ukoll għat-twaqqif ta’ punti ta’ riferiment u l-iskambju ta’ informazzjoni.
3.8 Il-lista ta’ inizjattivi tagħti wkoll idea dwar fejn l-appoġġ tas-soċjetà ċivili huwa importanti sabiex jintlaħqu l-għanijiet fuq medda twila ta’ żmien.
4. Kummenti speċifiċi
4.1 Sabiex ikollna idea aħjar dwar il-punti fil-pjan ta’ azzjoni ta’ 40 punt dwar l-Orizzont 2020 kif stabbilit fil-White Paper, fejn l-appoġġ mis-soċjetà ċivili huwa partikolarment importanti, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-punti li ġejjin.
4.2 Żona Unika Ewropea tat-Trasport
4.2.1 Inizjattivi ppjanati biex jippromovu impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ kwalità għolja se jesiġu l-appoġġ attiv tal-imsieħba soċjali li jistgħu jipprovdu kontribut utli fir-rigward tal-utilità ta’ aktar azzjoni fil-qafas tad-djalogu soċjali (Artikoli 9, 152, 153 TFUE). Fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ kunflitti soċjali u azzjonijiet possibbli mmirati lejn il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet indaqs fir-rigward tal-livelli ta’ remunerazzjoni, il-Kumitat ifakkar li dawn l-oqsma huma espressament esklużi mill-kompetenza tal-UE (Artikolu 153(5) TFUE) u għaldaqstant huma riferuti għal soluzzjonijiet ta’ kunflitti ta’ normi bħal fid-Direttiva tas-Servizzi jew id-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema, li l-aspetti prattiċi tagħhom jistgħu joħolqu problemi partikolari fil-qasam tat-trasport.
4.2.2 Is-sigurtà u s-sikurezza tat-trasport kif ukoll il-moviment ħieles ta’ passiġġieri b’diżabilitajiet jew anzjani relatati direttament mal-aċċessibilità tas-suq kollu tat-trasport mhumiex biss kwistjoni ta’ regolazzjoni, iżda wkoll ta’ politika tal-kumpanija tat-trasport u l-fattur uman.
4.2.3 B’mod simili, filwaqt li l-Ajru Uniku Ewropew, iż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea u l-“Blue Belt” essenzjalment huma dipendenti minn miżuri regolatorji u rutini amministrattivi, l-użu reali tal-possibilitajiet twessa’, b’mod partikolari fir-rigward taż-Żona Ferrovjarja Unika u l-“Blue Belt”, inklużi l-użu ottimali ta’ Sistemi Intelliġenti tat-Trasport u l-aċċess tas-suq għall-portijiet se jiddipendi mill-azzjoni ta’ operaturi u partijiet oħra kkonċernati.
4.2.4 Il-kwistjonijiet ta’ kwalità, aċċessibilità u affidibilità tas-servizzi tat-trasport jikkonċernaw kemm it-trasport tal-merkanzija kif ukoll dak tal-passiġġieri. B’mod partikolari fir-rigward tal-merkanzija, l-azzjoni ta’ diversi operaturi involuti hija importanti sabiex jinkiseb suċċess. L-aktar fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri, il-valutazzjoni tal-effikaċja tal-qafas regolatorju tad-drittijiet tal-passiġġieri u l-kwalità tal-infrastruttura tat-trasport għall-passiġġieri b’diżabilitajiet u dawk anzjani se tesiġi wkoll il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata.
4.3 It-tisħiħ u l-integrazzjoni ta’ inizjattivi lokali bażiċi
4.3.1 Il-messaġġ ta’ effiċjenza, adattament u sostenibilità fl-użu tar-riżorsi fil-White Paper dwar it-trasport diġà stimola programmi ta’ azzjoni taċ-ċittadini, kemm rurali kif ukoll urbani, madwar l-Ewropa. Dan qed isir f’ħafna modi innovattivi. Pereżempju, skemi organizzati ta’ użu komuni ta’ karozzi jnaqqsu l-ammont ta’ nies li huma sidien ta’ karozzi, u t-trasport tal-komunità lokalizzat ħafna (speċjalment li jaħdem skont id-domanda) joffri aċċess u mobilità mtejba għall-gruppi żvantaġġati u iżolati. Pjani ta’ reżiljenza tal-komunità, ta’ sikwit b’enfasi fuq il-minimizzazzjoni tal-enerġija, identifikaw trasport effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u lokalizzazzjoni adatti bħala elementi ewlenin. Skemi prattiċi mhux biss joffru mudelli ġodda tat-trasport iżda, billi jiżviluppaw mil-livell l-iżjed bażiku, jipprovdu opportunitajiet effettivi ta’ impenn pubbliku u informazzjoni għall-parteċipanti tagħhom. Dan iwessa’ l-bażi ta’ għarfien u fehim pubbliku fir-rigward tat-tibdil fl-attitudnijiet lejn it-trasport li jrid iseħħ.
4.3.2 Madankollu, ħafna inizjattivi lokali li jsiru ’l hemm u ’l hawn fl-Ewropa huma ta’ karattru mhux koordinat u strutturat, u dan ma jawgurax tajjeb meta wieħed iqis il-gravità tal-isfidi li għandna quddiemna, l-iżjed l-objettivi tat-tnaqqis kbir ta’ emissjonijiet ta’ CO2 mit-trasport. Il-livell ta’ ambizzjoni tal-White Paper jagħmilha neċessarja li l-isforzi jissaħħu b’mod konsiderevoli permezz tal-azzjonijiet li ġejjin:
|
— |
aktar żvilupp u l-estensjoni ta’ inizjattivi eżistenti, b’mod speċjali bil-għan li jiġu massimizzati l-parteċipazzjoni u l-impenn tal-pubbliku; |
|
— |
l-immultiplikar ta’ dawn l-inizjattivi madwar l-Ewropa abbażi ta’ prattiki tajbin eżistenti u għal darb’oħra b’enfasi speċjali fuq il-parteċipazzjoni u l-impenn tal-pubbliku; |
|
— |
l-integrazzjoni progressiva ta’ dawn l-inizjattivi kollha permezz ta’ pjattaformi u għodod komuni ta’ komunikazzjoni sabiex isir skambju tal-prattiki tajbin, ikun hemm rabtiet ma’ komunitajiet ikbar u jissawwar fehim pubbliku wiesa’ dwar l-isfidi u s-soluzzjonijiet possibbli għalihom. |
4.4 L-innovazzjoni għall-ġejjieni – it-teknoloġija u l-imġiba
4.4.1 L-istrateġija tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-adattament tat-Trasport Ewropew mhijiex biss kwistjoni ta’ riċerka, fondi għar-riċerka, governanza u adattament ta’ sistemi intelliġenti tal-mobilità. Kif intwera fil-Pjan Direzzjonali, huwa meħtieġ l-appoġġ minn kundizzjonijiet tal-qafas regolatorju. Iżda l-aċċettazzjoni tas-suq u l-użu min-naħa tas-suq huma wkoll elementi essenzjali, u hawnhekk is-soċjetà ċivili organizzata tista’ taqdi rwol.
4.4.2 Fil-fatt dan huwa marbut mill-qrib mat-tema ta’ Xejriet tal-Mobilità Innovattivi, fejn hija essenzjali l-attitudni tal-operaturi, tas-sidien tal-merkanzija u, fil-każ tat-trasport tal-passiġġieri, tal-pubbliku ġenerali.
4.4.3 Dan huwa l-każ tal-merkanzija, fejn ix-xewqa li jintużaw innovazzjonijiet tekniċi u t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICTs) hija importanti daqs pereżempju x-xewqa li ssir kooperazzjoni biex jiġi ottimizzat l-użu tal-kapaċità.
4.4.4 Bl-istess mod, għat-trasport fil-bliet, ħafna jiddipendi mill-appoġġ tas-soċjetà ċivili sabiex jiġi żgurat li s-suq jibda jagħmel użu minn sistemi alternattivi ta’ propulsjoni, l-organizzazzjoni effiċjenti tad-distribuzzjoni tal-aħħar mil u l-ippjanar sostenibbli tal-ivvjaġġar individwali u t-trasport tal-prodotti.
4.5 Infrastruttura moderna, ipprezzar u finanzjament intelliġenti
4.5.1 Fir-rigward tan-Netwerk Ewropew tal-Mobilità, essenzjalment huwa l-użu ottimali tal-għodod tal-IT, sistemi ta’ monitoraġġ u lokalizzazzjoni għall-merkanzija, skedi ottimizzati u flussi tat-traffiku (e-freight) li jesiġu l-aċċettazzjoni mill-atturi fis-suq. Din l-aċċettazzjoni hija neċessarja sabiex l-adattament tagħhom fil-konnessjonijiet TEN-T ikun xieraq. Din hija kwistjoni li jintlaħqu kemm riżultati ottimali kif ukoll il-valur għall-flus investiti.
4.5.2 Fil-qafas tal-approċċ kurituri tat-TEN bħala strument ta’ implimentazzjoni għan-netwerk prinċipali, il-proġetti ta’ infrastruttura għandhom jiġu implimentati b’mod li jippermettu liċ-ċittadini, lis-soċjetà ċivili u lill-awtoritajiet rilevanti li jiksbu sens ta’ responsabbiltà għall-u/identifikazzjoni mal-proġetti kkonċernati. Dan għandu jinkludi miżuri bħall-parteċipazzjoni bikrija (li tibda bil-fażi tal-ippjanar), l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-Unjoni, l-applikazzjoni tal-iktar pjanar u metodi ta’ implimentazzjoni moderni li jeżistu jew komunikazzjoni kontinwa u trasparenti. F’dan il-kuntest, l-appoġġ tas-soċjetà ċivili jista’ jgħin ukoll biex tinħoloq klima li hija iktar favorevoli għall-ippjanar koerenti tal-infrastruttura transkonfinali.
4.5.3 Fir-rigward tal-iffinanzjar, il-kwistjoni tas-Sħubija bejn il-Pubbliku u l-Privat (PPP) tibqa’ essenzjalment kwistjoni ta’ finanzjament li ser tiddependi prinċipalment mill-aspetti legali u tekniċi. Madanakollu, fid-dawl tal-importanza tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proġetti u s-servizzi ta’ infrastruttura fejn tista’ tintuża l-PPP jeżisti interess leġittimu tas-soċjetà ċivili fil-parteċipazzjoni fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-PPPs.
4.5.4 Fir-rigward tal-ipprezzar u l-evitar tad-distorsjoni, essenzjalment din hija kwistjoni regolatorja. Madankollu, kuntatti mas-soċjetà ċivili jistgħu jipprovdu kontribut utli fir-rigward tal-prospetti tal-ħolqien ta’ klima ta’ aċċettazjoni għal dawn il-miżuri. Dawn il-kuntatti jistgħu jipprovdu wkoll informazzjoni fir-rigward ta’ problemi soċjali li possibbilment jinħolqu minn effetti gravi fuq l-ispejjeż f’reġjuni b’popolazzjoni baxxa jew il-kwalità tal-ħajja ta’ gruppi li huma vulnerabbli mil-lat ekonomiku jew fiżiku.
Sabiex tintlaħaq aċċettazzjoni, huwa essenzjali li kwalunkwe sistema tal-ipprezzar titqies bħala raġonevoli u ġusta, u hawnhekk ukoll kull kontribut mis-soċjetà ċivili jista’ jkun utli.
Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON