4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proċessi parteċipattivi fl-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020” (opinjoni esploratorja)

2012/C 299/01

Relatur: is-Sinjura LOUGHEED

F’ittra tat-18 ta’ April 2012, is-Sinjura Sotiroula Charalambous, Ministru tax-Xogħol u s-Sigurtà Soċjali tar-Republika ta’ Ċipru, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, f’isem il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE li jmiss, dik Ċiprijotta, li jħejji opinjoni esploratorja dwar

It-tisħiħ tal-proċessi parteċipattivi u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali, l-NGOs u l-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-27 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tat-12 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’mod unanimu.

1.   Rakkomandazzjonijiet

Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-gvernijiet nazzjonali biex iġeddu l-impenn tagħhom li jinteraġixxu mal-imsieħba kollha kkonċernati (il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet lokali, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili organizzata, il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u korpi simili, il-bliet u kull forma oħra ta’ awtorità lokali) fl-Istrateġija Ewropa 2020.

Il-KESE jwiegħed li jibni fuq il-ħidma mal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali (KES) u korpi simili u mar-rappreżentanti nazzjonali tas-soċjetà ċivili organizzata billi jsir il-punt ta’ kuntatt Ewropew u jipprovdi pjattaforma ddedikata biex ikunu jistgħu jaħdmu aktar fuq l-Istrateġija Ewropa 2020.

Fuq perjodu twil, il-KESE jemmen li l-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa viżjoni fit-tul tal-mira aħħarija tal-impenn tal-partijiet interessati u taħdem biex din tiżviluppaha b’mod gradwali.

Fuq perjodu qasir, il-KESE jemmen li għadd ta’ bidliet żgħar ikollhom impatt kbir fuq il-progress. B’mod partikolari, hemm bżonn urġenti li l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jqisu mill-ġdid l-iskadenzi u l-arranġamenti sabiex ikun possibbli l-impenn ġenwin u r-responsabbiltà konġunta tal-partijiet interessati kollha.

2.   Daħla

2.1

Fit-18 ta’ April 2012 il-Presidenza li jmiss, dik Ċiprijotta, talbet lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex iħejji opinjoni dwar is-suġġett tat-tisħiħ tal-proċessi parteċipattivi u l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali, l-NGOs u l-imsieħba soċjali fl-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020 peress li għandha l-ħsieb li tqis din il-kwistjoni bħala prijorità għall-Presidenza u għall-EPSCO Informali f’Lulju 2012.

Bis-Semestru Ewropew fit-tielet sena tiegħu, huwa żmien opportun li nħarsu lejn il-proċessi parteċipattivi tal-Ewropa 2020 u naraw kif jistgħu jiġu żviluppati.

2.2

Il-Kumitat tat-Tmexxija tal-Ewropa 2020 tal-KESE għandu l-kariga li jissorvelja l-ħidma u jġib flimkien il-KES nazzjonali u korpi simili fl-Istati Membri u li jaqsam l-esperjenzi dwar kif il-proċessi parteċipattivi jistgħu jittejbu fl-Ewropa 2020.

2.3

Ir-rwol tal-KESE fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 (1) issa għandu rikonoxximent sħiħ u l-Kumitat jixtieq jaqsam ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar kif il-proċessi parteċipattivi jistgħu jittejbu fl-Istrateġija 2020 u s-Semestru Ewropew.

3.   Ewropa 2020 – sistema ġdida

3.1

L-Unjoni Ewropea u l-popolazzjoni tagħha jinsabu fi kriżi ekonomika u finanzjarja gravi li kellha impatt serju fuq l-Unjoni Ewropea kollha u ċ-ċittadini tagħha. Diversi Stati Membri għaddew minn sitwazzjonijiet ta’ diffikultajiet estremi, u jibqa’ t-tħassib dwar il-livelli ogħla ta’ qgħad. Għaldaqstant, kif stqarr b’diversi opinjonijiet tiegħu tul dawn l-aħħar tliet snin, il-KESE jqis li l-Istrateġija Ewropa 2020 hija aktar importanti minn qatt qabel peress li toffri aġenda komprensiva għal riforma li għandha l-għan li tiżgura tkabbir sostenibbli u l-bini ta’ Ewropa aktar b’saħħitha.

3.2

L-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv hija l-istrateġija ta’ tkabbir li tistabbilixxi miri f’oqsma ta’ politika ewlenin fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali. L-ambitu tagħha huwa wiesa’ b’ambizzjoni globali li tappoġġja t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u li tkopri l-iżviluppi fl-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, il-qgħad, il-politika industrijali u l-koeżjoni soċjali u territorjali, filwaqt li tindirizza l-livelli ta’ faqar, il-politika ta’ koeżjoni u diversi elementi oħra.

3.3

L-għan tal-governanza tal-Istrateġija Ewropa 2020 huwa li tlaqqa’ l-kompetenzi Ewropej, nazzjonali u dawk konġunti f’sistema ta’ diversi livelli, u b’hekk tgħin tavvanza l-leġittimità tat-tisħiħ tal-integrazzjoni Ewropea. Meta mqabbla mal-Istrateġija ta’ Lisbona, l-Ewropa 2020 għandha inizjattivi ewlenin li huma marbutin flimkien u li jipprovdu punt fokali u appoġġ f’oqsma tematiċi importanti, prijoritajiet, miri prinċipali u sistema ta’ sorveljanza msaħħa u rigoruża – bil-possibbiltà ta’ valutazzjonijiet analitiċi tal-iżviluppi (jew in-nuqqas tagħhom) fil-livell nazzjonali.

3.4

Meta mqabbla mal-Istrateġija ta’ Lisbona, il-mekkaniżmu ta’ rappurtar huwa differenti mhux biss għaliex huwa aktar ikkonċentrat, iżda wkoll għaliex huwa marbut mal-proċessi fil-qafas tas-sistemi l-ġodda u mtejba ta’ governanza ekonomika sabiex b’hekk, pereżempju, il-Programm ta’ Stabbiltà u Konverġenza u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riformajitressqu quddiem il-Kummissjoni Ewropea fl-istess żmien u b’hekk tkun possibbli viżjoni aktar sħiħa ta’ fejn jinsabu l-Istati Membri partikolari u fejn beħsiebhom imorru.

3.5

Il-bidla fil-proċess ġiet enfasizzata l-ewwel fid-dokument tal-Istrateġija Ewropa 2020 innifsu li għamilha ċara li “[n]eħtieġu aktar responsabbiltà” u li għal dan il-għan “[i]l-kontribut tal-partijiet interessati fil-livell nazzjonali u reġjonali u tas-sħab soċjali jeħtieġ li jissaħħaħ”. Kien ittieħed impenn speċifiku li kemm il-KESE kif ukoll il-Kumitat tar-Reġjuni għandhom jiġu assoċjati aktar mill-qrib. Din il-ħtieġa għal proċessi parteċipattivi ġiet imtennija f’diversi okkażjonijiet, l-aktar importanti fosthom il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2010 u l-Linji Gwida għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma fl-Istrateġija Ewropa 2020 li nħareġ mill-Kummissjoni Ewropea, li jisħaq li “ser ikun importanti li l-parlamenti nazzjonali, l-imsieħba soċjali, ir-reġjuni u l-partijiet interessati l-oħra jiġu assoċjati mill-qrib fit-tħejjija tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma, sabiex isaħħu s-sens ta’ responsabbiltà għall-istrateġija”.

4.   Esperjenza tas-Semestru Ewropew

4.1

Tliet snin wara l-Istrateġija Ewropa 2020 jidher ċar li ħafna Stati Membri ħadu l-impenn li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata jipparteċipaw fis-Semestru Ewropew u dawn l-imsieħba ġew involuti fil-proċessi nazzjonali tagħhom. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dan l-impenn mhuwiex uniformi, il-livelli ta’ impenn ivarjaw u anke fejn hemm dan l-impenn, il-livelli ta’ parteċipazzjoni ġenwina tal-imsieħba fil-proċess ivarjaw. Filwaqt li diversi Stati Membri jinformaw lill-imsieħba tagħhom u jikkonsultawhom, il-proċess spiss jonqsu punt fokali u għal dawk li jkunu qed jipparteċipaw fih, jista’ jinħass sparpaljat u nieqes minn strateġija globali. B’mod partikolari, il-KESE u oħrajn esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-iskadenzi li huma qosra ħafna u li prattikament ma jħallu l-ebda ħin għal diskussjoni serja mal-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-parlamenti nazzjonali u reġjonali. Dan it-tħassib ma jinħassx biss fil-livell nazzjonali; ħafna organizzazzjonijiet fil-livell Ewropew staqsew jekk il-proċess u l-governanza tas-Semestru Ewropew, kif ukoll il-monitoraġġ fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, jistgħux jittejbu. Il-Parlament Ewropew għamel rakkomandazzjonijiet ta’ politika biex jiddefinixxi aħjar ir-rwol tiegħu u l-kontribut li jista’ jagħti (2) u l-Kumitat tar-Reġjuni qed jagħmel it-tħejjijiet biex joħroġ il-linji gwida tiegħu dalwaqt.

4.2

Fi ħdan il-KESE, it-twaqqif ta’ Kumitat ta’ Tmexxija tal-Ewropa 2020 ħoloq punt fokali essenzjali għall-ħidma tagħna; b’hekk il-KESE għandu grupp wieħed b’viżjoni globali ta’ dak kollu li l-Istrateġija Ewropa 2020 tkopri u l-proposti marbutin magħha, aktar milli jħares biss lejn il-biċċiet. Bħalissa, jieħdu sehem b’mod regolari fil-Kumitat ta’ Tmexxija rappreżentanti tal-Kummissjoni u atturi oħra. Sabiex jissaħħu r-rabtiet mal-livell nazzjonali, il-Kumitat ta’ Tmexxija jistieden b’mod regolari lill-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali Nazzjonali u korpi simili oħra jieħdu sehem fl-istadji importanti tas-Semestru Ewropew, u jorganizza wkoll avvenimenti relatati mal-Ewropa 2020 flimkien mal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-livell nazzjonali. Jeħtieġ li din il-ħidma tissaħħaħ u tiġi żviluppata iżjed.

4.3

Ir-rwol li kellu l-KESE biex jgħaqqad flimkien il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u korpi simili, għalkemm mhuwiex iffokat biss fuq is-Semestru Ewropew u l-Istrateġija Ewropa 2020, kien utli wkoll fir-rigward tal-iżvilupp tal-analiżi tagħna u tagħhom, ta’ kif jiġu mifhuma s-sitwazzjonijiet madwar l-Unjoni Ewropea u tat-tisħiħ tal-proposti li jagħmlu kemm il-KESE kif ukoll huma stess.

5.   Il-valur u l-utilità tal-proċessi parteċipattivi

5.1

Huwa ċar li sabiex is-Semestru Ewropew jkollu l-aħjar impatt, it-titjib u ż-żjieda fil-proċessi parteċipattivi fl-Ewropa 2020 jkunu ta’ benefiċċju għall-Istrateġija nnifisha u fl-aħħar mill-aħħar għall-benesseri taċ-ċittadini.

5.2

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri li jiffurmawha spiss jirreferu għall-utilità tal-proċessi parteċipattivi u l-parteċpazzjoni tas-soċjetà ċivili organizzata. L-imsieħba soċjali u l-pubbliku ġenerali fil-fatt għandhom għadd ta’ proċessi u sistemi differenti li qed jaħdmu; huwa utli li nkunu ċari dwar ir-raġuni li għaliha dan huwa daqstant importanti u potenzjalment x’jista’ jinkiseb minn sistema ta’ parteċipazzjoni li taħdem tajjeb u li tiggarantixxi parteċipazzjoni akbar. L-interazzjoni proattiva mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata tista’ toħloq:

impatt akbar fuq it-tixrid tal-informazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea u effetti kollaterali konsiderevoli,

sens akbar ta’ responsabbiltà għall-istrateġiji jekk jinħassu li nħolqu minn dawk kollha kkonċernati,

sistema ta’ twissija bikrija – li spiss tkun aktar qrib il-livell lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jistgħu joffru sistema ta’ twissija bikrija dwar il-mikrotendenzi li qed jiżviluppaw ħafna qabel ma jkunu jidhru fil-livell nazzjonali jew Ewropew,

il-kapaċità li l-ideat jiġu pruvati u li s-soluzzjonijiet jiġu żviluppati – mhijiex sorpriża li dawk li huma l-eqreb tas-sitwazzjonijiet spiss jistgħu jippruvaw il-proposti fil-prattika qabel ma jiġu implimentati għalkollox u spiss joffru soluzzjonijiet prammatiċi u effikaċi ħafna,

implimentazzjoni aħjar – f’ħafna każijiet huma l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili stess li jkunu responsabbli għall-implimentazzjoni fattwali tal-proposti fil-lokalità.

6.   Proposti speċifiċi għat-titjib tal-proċessi parteċipattivi fl-Ewropa 2020

6.1

Meta wieħed iħares lejn il-proċessi li ntużaw s’issa kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali, il-KESE jemmen li hemm ħafna xi jsir u li dawn il-proċessi jistgħu jiġu żviluppati f’sistema li verament twassal għal sħubija soda fost l-istituzzjonijiet Ewropej, il-gvernijiet nazzjonali, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-parlamenti nazzjonali u reġjonali u partijiet interessati oħra. Ħafna minn dan jeħtieġ sforz iffukat u konġunt u mhux ser jinkiseb malajr. Madankollu, il-KESE jemmen li dawn is-sistemi għandhom jiġu żviluppati billi b’mod gradwali jibnu proċessi ta’ sħubija f’diversi livelli li jkunu strateġiċi u komprensivi, filwaqt li jimplimentaw malajr azzjonijiet sempliċi li jistgħu jwasslu għal titjib fuq perjodu qasir.

6.2

L-aktar importanti, il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej u l-gvernijiet nazzjonali biex iġeddu l-impenn politiku tagħhom li jinvolvu lill-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u partijiet interessati oħra b’mod aktar regolari u sistematiku, filwaqt li jiżguraw li dan isir bl-aktar mod komprensiv u sistematiku possibbli fi proċessi parteċipattivi tal-Ewropa 2020 li jkunu b’saħħithom, vijabbli u sostenibbli. It-Trattat ta’ Lisbona jisħaq fuq il-ħtieġa li s-soċjetà ċivili tiġi konsultata fil-livell Ewropew fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Jekk l-Istati Membri ser jiksbu sens akbar ta’ responsabbiltà u ta’ impenn kemm għall-Istrateġija 2020 kif ukoll għall-proċess Ewropew, għandhom iħaddmu l-istess dixxiplina u jikkonsultaw il-KES u korpi simili kemm jista’ jkun spiss.

7.   Il-KESE

7.1

Rigward ir-rwol tiegħu, il-KESE jqis li huwa vitali li jżżomm il-punt fokali tiegħu u l-impenn strateġiku tiegħu fil-partijiet kollha tal-Istrateġija Ewropa 2020, sabiex iżomm il-kapaċità li jara s-sinerġiji possibbli li jinħolqu mill-Istrateġija u l-partijiet li jiffurmawha.

7.2

Il-KESE jemmen li l-ħidma li qed iwettaq permezz tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Ewropa 2020 għandha titkompla u tiġi żviluppata. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jżomm l-attenzjoni tiegħu fuq l-Istrateġija u l-implikazzjonijiet tagħha għall-pubbliku ġenerali, u għandu jibni fuq il-komunikazzjoni interna mal-membri li jipparteċipaw fil-ħidma tal-Kumitat ta’ Tmexxija sabiex jiżgura li kulħadd jiggwadanja mill-perspettiva globali u approfondita tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

7.3

Il-KESE jqis li l-ħidma li wettaq b’mod gradwali fil-koordinazzjoni tal-kuntatti bejn il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali u tal-ħidma tagħhom, fejn dawn jeżistu, kellha effett pożittiv ħafna, imma tista’ titjieb. Ħafna minn dawn l-organizzazzjonijiet għandhom rwol ukoll fil-livell nazzjonali fl-Istrateġija Ewropa 2020, l-istess bħal ħafna mill-membri tagħhom. Fir-rigward tat-titjib fil-parteċipazzjoni fl-Istrateġija Ewropa 2020, il-KESE jemmen li dan huwa qasam fejn azzjoni mgħaġġla u sempliċi tista’ tagħti benefiċċji kbar. Il-KESE jemmen li l-pożizzjoni tiegħu hija ideali biex ikun punt ta’ kuntatt Ewropew għall-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u korpi simili, speċjalment billi jassistihom fil-ħidma tagħhom fl-Ewropa 2020. Il-KESE huwa lest li jieħu dan l-impenn u li jibda dan il-proċess biex isaħħaħ iżjed il-kuntatti u l-kooperazzjoni billi jinvolvi l-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali u korpi simili oħra f’avveniment li jiffoka fuq l-Istrateġija Ewropa 2020 mal-ewwel opportunità.

8.   Azzjoni mgħaġġla biex isir tibdil fuq perjodu qasir

8.1

Il-KESE jappoġġja b’konvinzjoni l-intenzjoni tal-Presidenza Ċiprijotta li tiffoka fuq it-tisħiħ tal-proċessi parteċipattivi fil-proċess tal-Ewropa 2020 u li tiddedika parti mill-EPSCO Informali ta’ Lulju 2012 għal din il-ħidma. Il-KESE jappoġġja dan għalkollox bħala bidu b’saħħtu għall-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea biex iqisu kif kull wieħed jista’ jtejjeb dak li qed jagħmel.

8.2

Il-KESE jappella lill-Istati Membri kollha biex jiċċaraw fil-livell nazzjonali liema aġenziji governattivi huma responsabbli għal liema miżuri fl-Ewropa 2020, u r-rabta bejn l-aġenziji responsabbli għall-koordinazzjoni jew il-monitoraġġ tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u dawk responsabbli għall-implimentazzjoni fattwali. Anke kjarifika sempliċi dwar dan f’kull Stat Membru tippermetti li l-atturi jibnu kuntatt mal-korp it-tajjeb u l-effett ikun aħjar.

8.3

Il-KESE jemmen li trasparenza sħiħa dwar il-forom ta’ parteċipazzjoni użati f’kull Stat Membru kif ukoll deskrizzjonijiet tal-proċessi u l-istrumenti li l-gvernijiet għandhom il-ħsieb li jużaw ser joffru ċarezza għal kulħadd dwar dak li qed jiġri u dwar il-kif u l-għaliex.

8.4

Il-KESE jemmen li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jirrevedu b’mod urġenti l-iskadenzi għall-azzjonijiet differenti fis-Semestru Ewropew. L-aktar sfida persistenti indikata minn kważi l-partijiet kollha interessati fl-istrutturi attwali hija n-nuqqas ta’ żmien għal xi tip ta’ risposta meqjusa u dibattitu ġenwin. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-iskadenzi li qed jużaw bħalissa b’mod urġenti u jqisu kif jistgħu jagħmluhom aktar raġonevoli.

8.5

Il-KESE jinkuraġġixxi b’mod qawwi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex iżidu l-involviment tagħhom fil-proċessi tal-Ewropa 2020 fi ħdan il-qafas nazzjonali tagħhom u b’mod dirett fil-livell tal-UE. It-twaqqif, mill-Kumitat tar-Reġjuni, tal-Pjattaforma ta’ Monitoraġġ għall-Ewropa 2020 hu żvilupp eċċellenti lejn dan l-għan. Il-KESE jemmen li dan l-involviment ikbar għandu jiġi appoġġjat mill-gvernijiet nazzjonali. L-għarfien tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-iżvilupp lokali u l-applikazzjonijiet potenzjali hu parti ewlenija ta’ x’għandu jitwaqqaf għall-Ewropa 2020 sabiex taqdi r-rwol potenzjali sħiħ tagħha

9.   L-iżvilupp ta’ proċess parteċipattiv fit-tul għall-Ewropa 2020

9.1

Il-KESE jemmen li hemm mudelli utli ħafna li diġà qed jitwettqu għall-ħolqien ta’ strutturi b’saħħithom għal djalogu permanenti. Il-KESE jemmen li l-“Kodiċi ta’ Prattika Tajba għall-Parteċipazzjoni Ċivili fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni” mniedi mill-Kunsill tal-Ewropa (3) jipprovdi qafas eċċellenti u għadd ta’ prinċipji għal din il-ħidma li tista’ tiġi applikata għall-Istrateġija Ewropa 2020. L-użu ta’ sett ta’ prinċipji bħal dan jippermetti lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri li b’mod gradwali jressqu d-diskussjonijiet skont il-livell ta’ parteċipazzjoni, minn livelli pjuttost baxxi li huma ffokati l-aktar fuq l-għoti tal-informazzzjoni, għal konsultazzjoni miftuħa, djalogu li jiżviluppa fost il-parteċipanti sakemm fl-aħħar tiżviluppa sħubija ġenwina – l-erba’ stadji ewlenin fl-iżvilupp tal-proċessi ta’ parteċipazzjoni kif deskritti fil-Kodiċi. Il-KESE jemmen li l-proċessi fl-Ewropa 2020 għandhom jibdew jimxu b’mod gradwali f’dan is-sens. Il-Kodiċi tipprovdi wkoll għadd ta’ għodod utli li jistgħu jiġu applikati għall-proċessi tal-Ewropa 2020.

9.2

Is-soċjetà ċivili organizzata fl-Istati Membri għandhom jipparteċipaw tul is-Semestru Ewropew kollu. Proċess ewlieni fil-qasam tat-tfassil huwa l-abbozzar ta’ Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Il-proċess ta’ abbozzar tal-Istati Membri għandu jibni fuq djalogu wiesa’ u aktar mifrux mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata. Dawn l-atturi ma jipprovdux biss għarfien espert fl-iffissar tal-miri u t-tfassil tal-programmi u l-istrateġiji għal oqsma bħall-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, huma wkoll atturi fundamentali fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrateġiji.

9.3

Stadju ieħor ewlieni fis-Semestru Ewropew huwa l-pubblikazzjoni u r-reviżjoni tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi. L-imsieħba soċjali Ewropej u s-soċjetà ċivili organizzata għandhom jiġu informati u kkonsultati dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull Stat Membru. F’dan il-kuntest, iż-żmien huwa kruċjali sabiex is-soċjetà ċivili organizzata tkun tista’ tipparteċipa fi stadju bikri fit-tħejjija tal-prospetti tal-ġejjieni għaċ-ċikli ta’ wara.

9.4

F’opinjonijiet preċedenti, il-KESE ssuġġerixxa l-valutazzjoni komparattiva biex jitkejjel il-progress li jsir fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020. Hawnhekk, il-KES nazzjonali jew korp simili janalizza u jistabbilixxi l-kriterji ta’ prijorità tiegħu bl-użu ta’ statistika li hija liberament aċċessibbli fis-sit tal-Eurostat. Xi KES diġà qed jipprattikaw dan u KES nazzjonali oħra għandhom jitħeġġu biex jidħlu f’dan il-proċess. B’din il-valutazzjoni komparattiva, il-partijiet interessati jkunu jistgħu jissorveljaw l-implimentazzjoni tar-riformi. Dan jifforma kontribut ta’ valur fir-reviżjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

9.5

Għandhom jittieħdu passi biex jissaħħaħ id-dibattitu dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija UE 2020 fl-Istati Membri, u l-gvernijiet għandhom jiżviluppaw proċessi aktar effettivi fir-rigward tar-reazzjonijiet dwar ir-riżultati ta’ djalogu ċivili u soċjali usa’ dwar l-Istrateġija. Hawnhekk, ir-rwol tas-soċjetà ċivili fis-segwitu jista’ jkollu valur speċifiku. Konferenzi regolari fl-Istati Membri bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha jkunu utli, kif ukoll seduti miftuħin fil-Parlament li jippreżentaw il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

9.6

Hemm kontradizzjoni bejn is-sensibilizzazzjoni li qed tiżdied fost l-istituzzjonijiet Ewropej dwar il-ħtieġa li jikkonsultaw is-soċjetà ċivili organizzata, u d-diffikultajiet li bħalissa għandhom quddiemhom il-maġġoranza tal-KES nazzjonali u korpi simili. Dawn l-organizzazzjonijiet huma spiss iffinanzjati mill-ispiża pubblika. F’ħafna Stati Membri, il-baġit tagħhom tnaqqas b’mod drastiku. Dan qed iwassal biex il-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali nazzjonali jew korpi ekwivalenti jiffukaw biss fuq prijoritajiet nazzjonali u jnaqqsu mill-parteċipazzjoni tagħhom fil-livell Ewropew. L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom iqisu kif jistgħu jappoġġjaw u jassistu lil dawn l-organizzazzjonijiet, tal-anqas fil-kontribut tagħhom għas-Semestru Ewropew.

9.7

Peress li punt ta’ kuntatt għas-segwitu mal-KES nazzjonali u korpi simili jista’ jkollu valur speċifiku, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tikkunsidra li tagħti lill-KESE r-responsabbiltà u l-appoġġ biex jorganizza konferenza mal-KES nazzjonali kollha jew korpi u istituzzjonijiet simili tal-anqas darba fis-sena, li ssir f’mument li jorbot tajjeb mas-Semestru Ewropew, sabiex jiġu diskussi s-Semestru Ewropew, l-Istrateġija 2020 u l-kontribut u l-aħjar prattiki tagħhom f’dan il-qasam.

10.   Il-partijiet interessati

10.1

Il-KESE jemmen li l-partijiet interessati stess jistgħu jġeddu wkoll l-impenn tagħhom fil-proċessi tal-Ewropa 2020. Filwaqt li jemmen li r-responsabbiltà primarja hija tal-Istati Membri u li dawn għandhom bżonn jirrevedu l-proċessi biex jinvolvu lill-imsieħba, il-partijiet interessati stess jistgħu jitgħallmu aktar minn xulxin u jkollhom aktar fiduċja fl-interazzjoni diretta tagħhom mal-istituzzjonijiet Ewropej u mal-gvernijiet nazzjonali. Bl-istess mod, minkejja l-ħtieġa li l-gvernijiet jirrevedu b’mod urġenti l-iskadenzi tal-proċessi, il-partijiet interessati għandhom itejbu l-antiċipazzjoni tal-istadji tas-Semestru Ewropew.

11.   Proposti speċifiċi relatati mal-impjieg, il-faqar u l-esklużjoni

11.1

Fit-talba ta’ konsultazzjoni li ressqet quddiem il-KESE, il-Presidenza Ċiprijotta saħqet b’mod speċifiku fuq il-bżonn ta’ kontribut min-naħa tiegħu għal parteċipazzjoni aħjar mis-soċjetà ċivili fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-oqsma ta’ politika bħalma huma l-faqar u l-esklużjoni. Fil-fehma tal-KESE, il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati fi djalogu strutturat u regolari, fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, hija determinanti biex jinstabu soluzzjonijiet effettivi f’dawn l-oqsma ta’ politika.

11.2

Huwa importanti li jiġi żviluppat approċċ imsejjes fuq il-partijiet interessati (stakeholder approach) u d-djalogu strutturat mal-atturi tas-soċjetà ċivili fil-qasam tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika fil-qafas tal-ħidma li ssir mill-pjattaforma kontra l-faqar u l-esklużjoni. Fil-qasam tal-faqar u l-esklużjoni, ta’ spiss huma l-atturi tas-soċjetà ċivili li jiltaqgħu l-ewwel ma’ tendenzi u t-tibdil soċjali u jiġbdu l-attenzjoni għalihom. Il-ħidma ffukata tagħhom fid-dawl tal-perspettiva tal-konsumatur u tal-ħidma preventiva tagħhom, kif ukoll tal-iżvilupp u l-prestazzjoni ta’ servizzi innovattivi lil dawn il-gruppi mmirati, twassal għal għarfien u esperjenza fil-ħidma tal-istrateġija kontra l-faqar u l-esklużjoni. Il-KESE hawnhekk jenfasizza l-importanza tal-ekonomija soċjali u tar-rwol strateġiku li jaqdu l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-faqar, iħeġġu l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u jiżviluppaw servizzi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-soċjetà b’mod kreattiv.

11.3

Huwa importanti li, b’rabta ma’ dawn l-oqsma ta’ politika, insemmu l-hekk imsejħa rapporti soċjali tal-Istati Membri (National Social Reports – NSR) li jikkomplementaw il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u jitfasslu mill-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali. Dawn ir-rapporti, li jitfasslu abbażi tal-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni, jivvalutaw id-dimensjoni soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020, jidentifikaw l-iżjed riformi immedjati fuq il-bażi tal-istrateġija annwali ta’ tkabbir u jressqu proposti għat-teħid ta’ miżuri konkreti. Huwa kruċjali li jitnieda proċess li jagħmilha possibbli li jiġu involuti b’mod iżjed effettiv il-partijiet interessati fit-tfassil tal-NSR, li s’issa għadu mhuwiex biżżejjed, u li jiġu integrati iżjed fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Huwa ta’ importanza kbira ħafna li jissaħħaħ il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni għas-sigurtà soċjali, billi nibdew minn strateġiji nazzjonali integrati bil-għan li jkun hemm rabta iżjed mill-qrib mal-pjattaforma Ewropea kontra l-faqar.

11.4

L-avveniment annwali fil-livell tal-UE kontra l-faqar u l-esklużjoni għandu jiġi segwit minn seduta assoċjata fil-livell nazzjonali bil-kooperazzjoni tas-settur pubbliku, mal-persuni li jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ faqar, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-organizzazzjonijiet tal-ekonomija soċjali, l-imsieħba soċjali u atturi oħra fi ħdan is-soċjetà ċivili. L-għan huwa li flimkien neżaminaw il-progress miksub u n-nuqqasijiet f’dawn l-oqsma ta’ politika u nirrakomandaw riformi. Dan għandu jsir fl-istess ħin li jitfasslu l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

11.5

Anke l-organizzazzjoni ta’ laqgħat ta’ djalogar u konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi għandha tiġi ppjanata bil-quddiem b’mod li l-partijiet interessati jkunu jistgħu juru l-interess tagħhom. L-approċċ imsejjes fuq il-partijiet interessati għandu jinvolvi wkoll valutazzjoni tal-effetti soċjali tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u tal-progress miksub.

11.6

Il-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma u d-definizzjoni tal-għanijiet nazzjonali huma fattur ewlieni fl-isforz biex jiġu implimentati l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-istrateġiji politiċi għall-ġlieda kontra l-faqar. Huwa importanti li niżguraw li l-għanijiet relatati mal-faqar ikunu definiti b’mod adatt b’mod li jkunu inklużi l-gruppi fil-periklu tal-faqar u ta’ diversi tipi ta’ esklużjoni bil-għan li l-istrateġiji u r-riformi jkunu orjentati b’mod effettiv lejn dawn il-gruppi. F’dan il-kuntest, is-sehem tal-atturi tas-soċjetà ċivili u s-sħubija magħhom huma essenzjali peress li dawn sikwit jiskopru minn kmieni gruppi ġodda fil-periklu jew jidentifikaw żieda fir-riskji għall-gruppi esklużi.

Brussell, 12 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Kif appoġġjat mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa kemm fl-2011 u l-2012.

(2)  “How effective and legitimate is the European Semester? Increasing the role of the European Parliament” 2011 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  http://www.coe.int/t/ngo/code_good_prac_en.asp.