4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/165


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Azzjonijiet ewlenin għal Att dwar is-Suq Uniku II” (opinjoni esploratorja)

2012/C 299/30

Relatur Ġenerali: is-Sur VOLEŠ

Nhar is-27 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Azzjonijiet ewlenin għal Att dwar is-Suq Uniku II (opinjoni esploratorja)

Nhar it-28 ta’ Ġunju 2012, il-President inkariga lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu tal-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tat-12 ta’ Lulju) li jaħtar lis-Sur Voleš bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’176 vot favur, 5 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Introduzzjoni

1.1   Il-Kummissjoni ppreżentat proposti għal għaxra mit-tnax-il xprun tal-Att dwar is-Suq Uniku sal-aħħar tal-2011 u ż-żewġ proposti li kien baqa’ ġew ippreżentati fl-ewwel nofs tal-2012. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ressqet proposti għal jew ikkompletat 28 miżura mill-50 li kien għad baqa’ u li tħabbru fl-Att dwar is-Suq Uniku.

1.2   Il-proposti speċifiċi dwar il-governanza tas-suq uniku iffokaw fuq is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini u n-negozji fir-rigward tal-opportunitajiet tas-suq uniku, it-titjib tal-implimentazzjoni tar-regoli dwar is-suq uniku mill-Istati Membri u l-iżgurar tal-infurzar effettiv tagħhom. Ftit li xejn sar progress f’dan il-qasam partikolari minkejja l-fatt li ċ-ċittadini u n-negozji jqisu li dan huwa wieħed min-nuqqasijiet il-kbar.

1.3   L-enfasi fuq it-tnax-il xprun ippermettiet lill-Kummissjoni tagħmel aktar progress milli kieku kien ikun possibli. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill intalbu jadottaw il-proposti leġislattivi qabel tmiem l-2013 biex ikunu jistgħu jiġu implimentati sal-2014. It-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni rapidi, sħaħ u korretti tal-leġislazzjoni adottata ser ikunu kompitu ewlieni għall-Istati Membri.

1.4   Il-Kummissjoni ser tiċċelebra l-20 anniversarju tas-Suq Uniku billi torganizza Ġimgħa tas-Suq Uniku madwar l-Ewropa f’Ottubru 2012 b’avvenimenti fis-27 Stat Membru kollha. It-tieni Forum tas-Suq Uniku ser iżomm il-momentum politiku li ħoloq l-Att dwar is-Suq Uniku, janalizza l-progress li sar fl-implimentazzjoni tiegħu, u jqis prijoritajiet futuri biex jistimola t-tkabbir u jqawwi l-fiduċja.

1.5   F’ittra tas-27 ta’ Ġunju, il-Viċi President tal-Kummissjoni, is-Sur Maroš Šefčovič, talab lill-KESE biex jikkontribwixxi għad-dibattitu li għaddej bħalissa abbażi tal-fatt li l-membri tiegħu jirrappreżentaw id-diversità tal-atturi soċjali u ekonomiċi filwaqt li jipprovdu valur miżjud konsenswali għall-ħidma li għaddejja.

2.   Kummenti ġenerali u rakkomandazzjonijiet

2.1   Il-proposti għal Att dwar is-Suq Uniku II ma jistgħux jinjoraw is-sitwazzjoni diffiċli fl-UE li ġejja mill-fatt li bosta Stati Membri mhumiex kapaċi jiġġieldu d-defiċits pubbliċi tagħhom, l-istaġnar dominanti tal-PDG u l-qgħad li dejjem jiżdied. Għaldaqstant, il-proposti għandhom jinkludu mhux biss miżuri għall-perjodu qasir b’effett immedjat fuq it-tkabbir u l-impjieg iżda wkoll miżuri għall-perjodu medju u fit-tul li jiggarantixxu żvilupp sostenibbli u jkunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini kollha tal-UE anke fil-futur.

2.2   Strateġija Ewropa 2020 riveduta u aġġornata għandha tkun il-linja gwida ġenerali għall-iżvilupp tas-suq uniku, bħala l-aktar kisba prezzjuża tal-integrazzjoni Ewropea u għodda għall-ksib tal-għanijiet tal-Istrateġija.

2.3   It-tħejjija tas-sensiela l-ġdida ta’ proposti għat-tisħiħ tas-suq uniku għandha tqis il-fehmiet tal-partijiet interessati kollha inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali.

2.4   Il-miżuri intiżi biex juru l-potenzjal tas-suq uniku għan-negozji, il-konsumaturi, iċ-ċittadini u l-partijiet interessati l-oħra għandhom jittieħdu l-aktar fil-qasam tas-servizzi, l-aċċess għall-finanzjament, it-tneħħija tal-piż amministrattiv għall-SMEs, il-kummerċ elettroniku, is-suq uniku diġitali u l-mobbiltà. Minn naħa, dawn il-miżuri għandhom ikunu akkumpanjati minn azzjonijiet immirati lejn it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumaturi u l-fiduċja, u, min-naħa l-oħra, għandhom iqisu b’mod adegwat l-aspetti soċjali tas-suq uniku billi jappoġġjaw l-ekonomija soċjali u jirrispettaw il-bżonn għal koeżjoni soċjali kif ukoll id-drittijiet u l-interessi taċ-ċittadini.

2.5   Fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Att dwar is-Suq Uniku (1) u t-tnax-il xprun (2), il-KESE enfasizza għadd ta’ kwistjonijiet li għadu jqis bħala kruċjali:

il-komunikazzjoni dwar il-vantaġġi tas-suq uniku għaċ-ċittadini u n-negozji hija kruċjali u l-intermedjarji bħall-partiti politiċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-mezzi tax-xandir u l-istituzzjonijiet edukattivi fost l-oħrajn għandhom ir-responsabbiltà li jikkontribwixxu sabiex l-Ewropej jifhmu l-kwistjoni;

il-Kummissjoni Ewropea għandha tissensibilizza liċ-ċittadini dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw is-suq uniku billi tuża ħafna netwerks, aġenziji u għodod oħra li jinsabu għad-dispożizzjoni tagħha (3).

2.6   Aktar tard dis-sena, il-Kumitat ser ifassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar il-miżuri li huma nieqsa mill-Att dwar is-Suq Uniku. Fost affarijiet oħra, dawn jinkludu l-imposti tad-drittijiet tal-awtur (koperti mill-Att dwar is-Suq Uniku II), ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur, in-newtralità tan-netwerk, il-protezzjoni tad-data, il-ħarsien tal-investitur, il-protokoll dwar il-progress soċjali, l-istatuti Ewropej dwar il-kumpaniji privati, l-akkwist elettroniku, l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Ewropej, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-mikronegozji u n-negozji tal-familji, il-miżuri li jappoġġjaw il-ħolqien ta’ kumpaniji ġodda u l-estensjoni ta’ dawk li diġà jeżistu, il-karti ta’ kreditu u ta’ debitu, il-ħlasijiet elettroniċi, il-kreditu tal-konsumaturi u d-dejn eċċessiv, it-trasferimenti interbankarji, iż-żgħażagħ, miżuri biex tiġi kompluta l-implimentazzjoni tal-euro u t-titjib tal-funzjonament taż-Żona Ewropea Unika ta’ Pagament (SEPA).

2.7   Il-Kumitat jistenna li jkun involut fi kwalunkwe proċess ta’ konsultazzjoni relatat mal-miżuri leġislattivi u mhux leġislattivi tal-programm kontinwu tal-Kummissjoni li ser jagħmel parti mill-Att dwar is-Suq Uniku II u ser ifassal rakkomandazzjonijiet dettaljati meta l-azzjonijiet individwali tal-Kummissjoni jiġu tradotti fi proposti konkreti.

3.   Xpruni u azzjonijiet ewlenin

3.1   Is-servizzi

3.1.1   Għandhom ikunu disponibbli kontijiet ta’ pagamenti bażiċi għaċ-ċittadini kollha u dawn għandhom jiġu implimentati malajr. Il-Kumitat jitlob għal miżuri regolatorji dwar dawn il-kontijiet, it-trasparenza tal-miżati u t-tibdil faċli tal-kontijiet.

3.1.2   Il-kunsinna ta’ kaxxi postali speċjalment fil-kummerċ elettroniku (4) u l-proċedimenti transkonfinali tal-insolvenza huma oqsma oħra li għandhom jitqiesu bħala prijoritajiet.

3.1.3   Il-KESE jipproponi wkoll li jiġu inklużi miżuri għall-konsolidazzjoni tal-operazzjoni taż-Żona Ewropea Unika ta’ Pagament (SEPA).

3.1.4   Il-Kumitat itenni l-appoġġ tiegħu għall-estensjoni tal-istandards fuq is-servizzi filwaqt li fl-istess ħin jiġu kkunsidrati l-karattru speċifiku tas-servizzi u l-bżonnijiet tas-suq u tas-soċjetà.

3.2   Is-Suq Uniku diġitali

3.2.1   Il-Kumitat iqis li t-tkomplija tas-suq uniku diġitali ser tkun element ewlieni tat-tnedija mill-ġdid tas-suq uniku. Fl-opinjoni preċedenti tiegħu, il-Kumitat stqarr li l-kummerċ elettroniku huwa wieħed mill-vittmi tal-frammentazzjoni tas-suq uniku u dan ifixkel l-użu sħiħ tal-potenzjal tal-kummerċ transkonfinali onlajn kemm għall-provvedituri kif ukoll għall-konsumaturi. Biex jissolvew dawn il-problemi għandhom jittieħdu azzjonijiet li jikkomplementaw il-miżuri li diġà huma preparati mill-Kummissjoni, jiġifieri livell għoli ta’ protezzjoni tad-data, internet miftuħ, in-newtralità tan-netwerk, it-tneħħija ta’ ostakli bbażati fuq in-nazzjonalità/residenza, il-firem elettroniċi, il-ħlasijiet elettroniċi, l-investiment fil-broadband, aċċess universali, l-aċċessibbiltà tal-hardware u s-software għal kulħadd u l-leġislazzjoni dwar servizzi onlajn flimkien ma’ politika konsistenti tal-konsumatur.

3.2.2   Il-KESE jqis li huwa essenzjali li tiġi żgurata kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri u li jinfetħu s-servizzi tal-gvern elettroniku, li jista’ jiġi ffaċilitat permezz tal-użu ġeneralizzat tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern.

3.2.3   Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jitqiesu b’mod partikolari l-vantaġġi tat-tixrid wiesgħa tal-fatturar elettroniku. Iżda jemmen li din għandha tkun għażla fakultattiva u għandu jingħata trattament ugwali lill-karta, filwaqt li għandu jiġi evitat piż addizzjonali għall-SMEs.

3.3   Netwerks

3.3.1   Il-KESE jagħti attenzjoni speċjali lin-netwerks (trasport, enerġija, komunikazzjoni) li jaqdu rwol sostanzjali fil-konnessjoni tal-Ewropa. Fir-rigward tal-ferroviji, il-KESE jappoġġja l-idea li tiġi stabbilita żona ferrovjarja unika Ewropea li tkun tista’ tikkompeti mal-modi l-oħra tat-trasport. Jirrakkomanda li tiġi analizzata l-possibbiltà li jitwaqqaf fond ta’ kumpens simili għal dawk li diġà jeżistu f’diversi industriji li jużaw netwerk. Għandha tingħata prijorità assoluta lill-implimentazzjoni ġenerali tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju flimkien mas-Sistema Ewropea għall-Kontroll tal-Ferroviji.

3.3.2   Fir-rigward tat-trasport bl-ajru, il-ħolqien ta’ Ajru Uniku Ewropew huwa essenzjali sabiex tkun żgurata l-kompetittività tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE fis-suq globali. Għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-iżvilupp tas-SESAR (Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew): a) l-iżgurara ta’ użu sinkronizzat tat-titjib tal-infrastruttura tal-ajru u tal-art; b) l-iżgurar ta’ riżorsi finanzjarji adegwati u fil-ħin għall-użu tas-SESAR; c) l-istabbilment ta’ governanza adegwata għall-użu tas-SESAR. Għandu jkun miftuħ ukoll għall-SMEs.

3.3.3   Il-Kumitat jappella għal reviżjoni rapida tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 (5) biex jiġu aġġornati d-drittijiet tal-passiġġieri fir-rigward ta’ prenotazzjonijiet eċċessivi, dewmien u wkoll btajjel komprensivi.

3.3.4   Il-politika dwar il-portijiet Ewropej għandha tindirizza dawn it-temi:

a)

l-iżgurar ta’ żvilupp sostenibbli tal-portijiet u l-kapaċità relatata magħhom;

b)

il-ħolqien ta’ qafas ċar u trasparenti relatat mal-finanzjament ta’ investimenti fil-portijiet;

c)

il-kjarifika tal-proċeduri fir-rigward tal-aċċess għas-suq għas-servizzi tal-portijiet;

d)

is-soluzzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ konġestjoni operazzjonali li jfixklu l-effiċjenza tal-portijiet;

e)

il-promozzjoni ta’ sitwazzjonijiet u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u sikuri kif ukoll relazzjonijiet industrijali kostruttivi fil-portijiet;

f)

il-promozzjoni tal-kompetittività globali u tal-perċezzjoni pożittiva tal-portijiet.

3.3.5   Politika għall-portijiet Ewropej ma tfissirx neċessarjament il-ħolqien ta’ leġislazzjoni ġdida. B’mod partikolari, “il-liġi mhux vinkolanti” (“soft law”) tista’ tkun alternattiva ta’ valur għal-leġislazzjoni fuq naħa u ta’ valur ta’ każ b’każ fuq in-naħa l-oħra.

3.3.6   Fir-rigward tan-netwerks tal-enerġija, il-Kumitat japprova l-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li tkompli għaddejja l-interkonnessjoni u li jitlesta s-suq intern tal-enerġija.

3.3.7   Il-Kumitat jappoġġja l-prinċipju li tinħoloq Komunità Ewropea tal-Enerġija (KEE) u japprova l-istadji intermedji involuti, inklużi n-netwerks Ewropej reġjonali tal-enerġija, il-fond għall-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli u r-raggruppament tax-xiri tal-gass.

3.3.8   Il-Kumitat huwa tal-fehma li wasal iż-żmien għal valutazzjoni kritika tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-enerġija, peress li r-riżultati għaċ-ċittadini u n-negozji ma wasslux għall-prezzijiet orħos kif antiċipat.

3.4   L-aċċess għall-finanzi

3.4.1   Minħabba l-kriżi finanzjarja, l-aċċess għal kreditu jista’ jkun diffiċli għall-kumpaniji, speċjalment l-SMEs f’ħafna Stati Membri, b’riperkussjonijiet negattivi fuq l-attività tagħhom ta’ negozju. Sabiex is-settur privat, u speċjalment l-SMEs u l-intrapriżi soċjali jkunu jistgħu jiġġeneraw it-tkabbir u l-impjiegi, l-aċċess għall-kapital huwa kruċjali. Madankollu, il-banek qegħdin ikunu dejjem inqas lesti li jselfu lin-negozji, partikolarment lill-intrapriżi innovattivi u l-intrapriżi li għadhom jibdew li jippreżentaw kemm l-akbar riskji kif ukoll l-akbar potenzjal għal tkabbir. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll linji gwida lill-partijiet interessati kollha dwar il-prattika tajba billi jingħaqdu u jintużaw strumenti finanzjarji minn sorsi differenti.

3.4.2   Għal din ir-raġuni, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja lill-SMEs jaċċessaw is-swieq tad-dejn kapitali direttament u jiżviluppaw pjattaformi ta’ bonds immirati lejn l-SMEs kif ukoll biex tesplora modi kif jista’ jittejjeb il-finanzjament intermedju u tqis prodotti finanzjarji intermedji ġodda bħall-garanzija għas-self intermedju. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida lill-partijiet interessati kollha dwar l-aħjar mod kif għandhom jiġu kkombinati u mmultiplikati l-istrumenti finanzjarji minn sorsi differenti.

3.4.3   Il-KESE jirrakkomanda li n-negozjati mal-Istati Membri dwar il-fondi strutturali tal-futur iqisu l-bżonn li jinħolqu strumenti finanzjarji li jappoġġjaw il-garanziji għas-self lill-SMEs.

3.5   It-tassazzjoni

3.5.1   Il-Kumitat jappella għal azzjonijiet li jindirizzaw ir-regoli fiskali diverġenti u l-kumplikazzjonijiet amministrattivi, li huma wieħed mill-akbar ostakli għall-SMEs u li jipprevenuhom milli jespandu fi ħdan is-suq uniku.

3.5.2   Anke mingħajr l-armonizzazzjoni tat-tassazzjoni, jistgħu jitneħħew ħafna ostakli f’dan il-qasam, fost oħrajn it-tassazzjoni doppja, li hija ostaklu serju għall-attivitajiet transkonfinali b’implikazzjonijiet ekonomiċi negattivi fuq l-investiment u l-impjieg. Is-sistemi attwali kkumplikati għall-irkupru tal-VAT fil-kummerċ u s-servizzi transkonfinali jistgħu jwasslu għall-evażjoni fiskali u l-frodi, li jridu jiġu miġġielda b’mod effettiv. Dikjarazzjoni standard tal-VAT tal-UE tikkontribwixxi għas-semplifikazzjoni amministrattiva.

3.5.3   Il-Kumitat huwa tal-fehma li t-tassazzjoni fl-Istati Membri m’għandhiex twassal għall-ħolqien ta’ rifuġji fiskali b’impatti negattivi fuq l-ekonomija u l-baġits pubbliċi.

3.5.4   Għandha tingħata attenzjoni lill-iskemi tal-VAT għas-servizzi finanzjarji, u ċertament, jekk tiġi introdotta taxxa ġdida għas-settur finanzjarju bbażata fuq il-fluss tal-flus kontanti jew fatturi simili, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-merti li din titfassal fi ħdan il-qafas tal-VAT.

3.5.5   Il-KESE jappella wkoll li jiġu introdotti regoli ġenerali sabiex il-VAT titħallas biss meta l-fattura tkun tħallset mill-klijent. Din is-sistema, li diġà hija applikata f’xi Stati Membri għall-kumpaniji żgħar, magħrufa bħala kontabilità tal-ħlasijiet, tevita li l-VAT tiġi imposta fuq bejgħ, ikunx ħallas jew le l-klijent. Fir-riċessjoni ekonomika attwali, din tista’ tippreveni l-insolvenza speċjalment għall-SMEs.

3.6   L-ambjent kummerċjali

3.6.1   Il-KESE jenfasizza l-bżonn li tingħata attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet li mhumiex koperti biżżejjed mil-leġislazzjoni tal-UE u mill-programmi ta’ appoġġ, bħall-persuni impjegati għal rashom.

3.6.2   Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li jkompli jitnaqqas il-piż amministrattiv mhux meħtieġ u jistenna li l-Kummissjoni tipproponi l-miri wara l-2012, meta l-piż amministrattiv għandu jkun naqas b’25 %. Il-Kumitat jinnota li t-tnaqqis ta’ piż mhux meħtieġ huwa dejjem mixtieq kemm jekk għan-negozji, għall-konsumaturi jew għall-awtoritajiet pubbliċi, iżda hemm bżonn ta’ valutazzjoni bir-reqqa biex jiġi żgurat li l-għan oriġinali tal-leġislazzjoni ma jiġix kompromess.

3.7   L-intraprenditorija soċjali

3.7.1   L-Inizjattiva ta’ Negozju Soċjali ser tiġi riveduta fl-2014. F’kooperazzjoni mill-qrib mal-grupp ta’ esperti dwar in-negozju soċjali, il-Kummissjoni ser tanalizza r-riżultati u tiddetermina x’għad fadal isir. Il-KESE jirrakkomanda li jitqiesu tajjeb il-kummenti li għamel fl-opinjonijiet reċenti tiegħu dwar in-“negozju soċjali” (6).

3.7.2   Il-Kumitat jenfasizza l-bżonn li jiżdied il-livell ta’ għarfien dwar ir-rwol u t-tixrid tan-negozji soċjali bil-għan li jissaħħaħ l-impatt attwali tagħhom fuq il-komunità. Dan ser jeħtieġ l-iżvilupp ta’ metodoloġija sabiex jitkejjel dan l-impatt. Kejl bħal dan ser ikun meħtieġ ukoll sabiex jiġi implimentat il-Fond Ewropew għall-Intraprenditorija Soċjali.

3.7.3   Il-Kumitat huwa tal-fehma li l-proposta tal-Fondazzjoni Ewropea u l-forom korporattivi Ewropej kollha l-oħra għandha tiġi vvalutata fuq l-isfond tal-konsultazzjoni dwar it-tiġdid tal-liġi Ewropea tal-kumpaniji.

3.8   Il-konsumaturi

3.8.1   Il-Kumitat qed jistenna bil-ħerqa proposta leġislattiva dwar ir-rimedju kollettiv fil-futur qrib. Proposta bħal din trid twassal għal mekkaniżmu ta’ rimedju kollettiv li jopera kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll b’mod transkonfinali u li huwa aċċessibbli għall-konsumaturi kollha fis-suq uniku. Dawn il-mekkaniżmi għandhom ikunu disponibbli għal kull min ikollu d-drittijiet tiegħu mhux irrispettati fis-suq uniku. Mhumiex biss il-konsumaturi li jaraw id-drittijiet tagħhom mhux irrispettati minn fornituri ta’ prodotti u servizzi, permezz ta’ termini kuntrattwali u prattiki kummerċjali mhux ġusti. Anke ħaddiema li d-drittijiet tagħhom ma jiġux irrispettati u ċittadini inġenerali li jbatu minn diskriminazzjoni għandu jkollhom aċċess għal sistemi ta’ rimedju kollettiv. L-SMEs jista’ jkun li jeħtieġu protezzjoni simili kontra prattiki kummerċjali mhux ġusti.

Tħejjijiet ulterjuri għandhom iqisu wkoll il-perspettivi tal-partijiet kollha interessati.

3.8.2   Il-KESE jappella għal miżuri regolatorji sabiex jinkiseb suq uniku integrat għall-pagamenti bil-kards, minn fuq l-internet u bil-mowbajl.

3.8.3   Fir-rigward tar-regoli dwar is-sigurtà tal-prodott, il-Kumitat jappella li jiġu applikati żewġ prinċipji bażiċi:

il-filosofija taċ-ċiklu tal-ħajja. Dan ifisser li jiġu applikati r-rekwiżiti għas-sigurtà tal-prodotti għall-utenti u l-ħaddiema involuti kollha. Ir-referenza għaċ-ċiklu tal-ħajja tkopri l-fażijiet kollha ta’ ħajja ta’ prodott, mill-akkwist tal-materja prima sar-rimi;

il-promozzjoni tal-approċċ “mill-bidu sat-tmiem” fejn is-sostenibbiltà tal-prodott għandha tkun aspett prinċipali tal-produzzjoni.

3.9   Il-mobilità taċ-ċittadini

3.9.1   Il-Kumitat itenni l-bżonn li tinkiseb iżjed mobilità għaċ-ċittadini billi tiġi mmodernizzata s-sistema tal-għarfien tal-kwalifiki professjonali. Il-promozzjoni tal-mobilità professjonali u ġeografika tal-ħaddiema tista’ tgħin biex jitjieb il-funzjonament tas-swieq tax-xogħol Ewropej u l-forniment ta’ servizzi transkonfinali. Id-dibatittu dwar ir-rikonoxximent mhux dejjem ikun sinifikanti fil-livell ta’ 27 Stat Membru. Għandha titpoġġa aktar enfasi fuq il-bżonn attwali (f’sitwazzjonijiet transkonfinali u bejn il-pajjiżi ġirien), abbażi ta’ analiżi tal-mudelli tal-mobilità. L-UE għandha tistimola l-kooperazzjoni reġjonali f’dan il-qasam u tippromovi taħriġ vokazzjonali transkonfinali konġunt.

3.9.2   Fir-rigward tat-trasferibbiltà tad-drittijiet tal-pensjoni, il-White Paper (7) qed tiffoka wisq fuq it-titjib tal-pensjonijiet individwali tat-tielet pilastru. L-iskemi tal-ewwel u t-tieni pilastru għandhom bżonn jittejbu sabiex jiġu garantiti benefiċċji strutturali anke għall-persuni li jiċċaqalqu fl-Ewropa.

3.9.3   Il-KESE jesprimi mill-ġdid it-tħassib tiegħu dwar id-deċiżjoni reċenti tal-Kunsill li l-Ftehim ta’ Schengen jiġi nazzjonalizzat mill-ġdid, deċiżjoni li tippermetti li jiġu stabbiliti ostakli ġodda għall-moviment ħieles taċ-ċittadini fl-Unjoni u l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli mal-fruntieri li kienu tneħħew. Din hija kontradizzjoni ċara tal-prinċipji fundamentali tat-Trattat u toħloq aktar diffikultajiet fit-twettiq tas-suq uniku.

3.10   Il-koeżjoni soċjali

3.10.1   Il-Kumitat huwa tal-fehma li hemm bżonn li jiġu ċċarati r-regoli ta’ nfurzar u r-referenza għall-Artikolu 3(3) tat-Trattat ta’ Lisbona, fejn jissemma li s-suq intern mhux għan fih innifsu, iżda strument sabiex jinkisbu l-progress soċjali u soċjetà sostenibbli għaċ-ċittadini Ewropej.

3.11   L-akkwist pubbliku

3.11.1   L-akkwist pubbliku għandu jiġi stabbilit permezz ta’ regoli li ma jirreferux biss għall-aħjar prezz; il-kriterji l-oħra relatati mal-benefiċċji soċjali u l-impatt fuq is-sostenibbiltà għandhom jitqiesu b’mod ugwali.

3.11.2   Għandu jitqies sa liema punt is-swieq tal-akkwist pubbliku tal-UE jistgħu jibqgħu miftuħin b’mod sostenibbli filwaqt li pajjiżi terzi jżommu sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet mhumiex ugwali għal kulħadd. F’dan ir-rigward, il-konvenzjonijiet ratifikati tal-ILO u d-drittijiet tal-bniedem iridu jiġu rrispettati mill-atturi kollha, kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-pajjiżi terzi. L-UE għandha tippromovi b’mod attiv din il-politika fil-livell globali.

3.11.3   Jista’ jinksieb aktar permezz tal-akkwist pubbliku elettroniku sabiex jitħaffu l-proċeduri amministrattivi.

3.12   Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

3.12.1   Għall-konsumaturi, il-qafas legali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali attwali jħawwad l-imħuħ; dan huwa saħansitra agħar fuq livell pan-Ewropew. Il-qafas legali jrid jiġi kkjarifikat u s-sanzjonijiet legali u l-infurzar tal-liġi jridu jkunu proporzjonati: il-konsumaturi individwali li jistgħu jiksru r-regoli tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bi żball u/jew fuq skala żgħira għall-konsum personali tagħhom jistgħu jiġu ttrattati differenti minn attività kriminali fuq skala kbira/kummerċjali.

3.12.2   Huwa meħtieġ approċċ iktar pan-Ewropew għal-liċenzjar u l-ħlasijiet.

Brussell, 12 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 47.

(2)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 99.

(3)  SOLVIT, Netwerk Ewropa għall-Intrapriża, Ċentri Ewropej tal-Konsumatur, Eurocentres, eċċ.

(4)  Kif muri minn wieħed mill-filmati tal-kompetizzjoni “Tell us your story” organizzata mid-DĠ MARKT. Is-seduta pubblika tal-Osservatorju tas-Suq Uniku li saret f’Tallinn fl-1 ta’ Ġunju 2012 indirizzat is-segwitu għall-kwistjonijiet li tqajmu f’dawn il-filmati miċ-ċittadini.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91.

(6)  Ara l-opinjonijiet ĠU C 24, 28.1.2012, p. 1, ĠU C 229, 31.07.2012, p. 44 u ĠU C 229, 31.7.2012, p. 55

(7)  White paper “Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli”, COM(2012) 55 final.