15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/68


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal”

COM(2012) 196 final

2012/C 351/15

Relatur: is-Sur LONGO

Nhar it-2 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal

COM(2012) 196 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Settembru 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’134 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jieħu nota tal-Komunikazzjoni diskussa hawnhekk, li tipprova twettaq wieħed mill-impenji tal-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal (Azzjoni 9) sabiex issaħħaħ il-prevenzjoni tar-riskji u tħeġġeġ lit-tfal ikunu aktar responsabbli u jipparteċipaw aktar fl-użu tal-internet fil-kuntest ta’ viżjoni pożittiva tal-internet bħala “post ta’ opportunitajiet għat-tfal sabiex ikollhom aċċess għall-għarfien, jikkomunikaw, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jtejbu l-perspettivi tagħhom ta’ impjiegi u għall-impjegabilità” (1).

1.2

Aspett importanti tal-Komunikazzjoni jikkonċerna l-impenn biex jinħolqu ħiliet ġodda ta’ livell għoli fir-rigward tas-sikurezza, il-kwalità tal-kontenut u l-applikazzjonijiet il-ġodda. Din l-għażla hija importanti għaliex is-suq Ewropew mhux kbir biżżejjed biex jistimola l-investimenti adegwati.

1.3

Il-Komunikazzjoni tfassal strateġija globali fejn kulħadd jintalab jinvolvi ruħu fl-iżvilupp ta’ din l-“ekosistema ġdida” li ser tkun fundamentali fl-għexieren ta’ snin li ġejjin, u għalhekk jistħoqqilha li tiġi kkunsidrata.

1.4

Madankollu, il-Kumitat jinnota wkoll xi aspetti kritiċi u nuqqasijiet, u jistieden lill-Kummissjoni tindirizzahom billi tibdel uħud mill-għażliet u żżid xi proposti ġodda fl-istrateġija.

L-ewwel nett, il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar l-approċċ ġenerali tal-Komunikazzjoni, li tidher li tagħti aktar attenzjoni lit-tkabbir tan-negozju milli lill-ħolqien ta’ internet aħjar għat-tfal li jiggarantixxi l-protezzjoni massima tagħhom.

1.5

Il-KESE huwa konvint li hemm bżonn li l-ewwel nett jiġi definit qafas koerenti ta’ protezzjoni u ta’ garanziji għat-tfal, bħala linji gwida għall-partijiet involuti kollha. F’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni mhix konkreta u dettaljata biżżejjed.

1.6

Jeżisti dubju wkoll dwar l-effikaċja tal-awtoregolamentazzjoni. Il-Kumitat huwa konvint bis-sħiħ li rigward il-kwistjonijiet l-aktar importanti, bħall-protezzjoni tad-data personali, ir-rispett tal-privatezza u l-ġlieda kontra l-pedopornografija, għandhom jiġu adottati regoli preċiżi u rigorużi b’sanzjonijiet adegwati li jistgħu saħansitra jinkludu l-għeluq immedjat tal-websajts u r-revoka tal-awtorizzazzjonijiet.

1.7

Ir-reklamar onlajn  (2) għandu jingħata attenzjoni partikolari. Għalkemm il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi l-fraġilità tat-tfal, hija tieħu biss impenji ġeneriċi. Il-Kumitat jemmen li din l-istrateġija hija vaga u insuffiċjenti, u jitlob li jkun hemm obbligi aktar preċiżi u vinkolanti għall-operaturi kollha tas-settur.

1.8

Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota li ma ssir l-ebda referenza għar-reklamar tal-ikel u dan huwa preokkupanti ħafna minħabba l-problemi tal-obeżità u l-eating disorders. Il-Kumitat jittama li l-Kummissjoni twettaq dak li tistqarr hi stess, jiġifieri li tiżgura “li l-istandards għar-reklamar fuq is-siti elettroniċi għat-tfal jippermettu livell ta’ protezzjoni komparabbli ma’ dak ta’ reklamar fis-servizzi awdjoviżivi”.

1.9

Il-Kumitat mhuwiex kontra l-ħolqien ta’ sħubijiet pubbliċi-privati biex jiżviluppaw kontenut ta’ kwalità, sakemm l-NGOs iżommu l-libertà u l-indipendenza tagħhom u dawn is-sħubijiet ma jintużawx biex jagħmlu reklam għall-kumpaniji.

1.10

Fir-rigward tal-involviment tat-tfal fil-ħolqien ta’ kontenut ġdid ta’ kwalità, il-Kumitat huwa favur kull azzjoni li ttejjeb il-kreattività taż-żgħażagħ, iżda għandu riservi serji dwar il-viżjoni prevalentement kummerċjali tal-azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġjati filwaqt li l-protezzjoni titpoġġa fit-tieni post.

1.11

Il-Kumitat jaqbel mal-preokkupazzjoni dwar iċ-ċiberkriminalità bħall-pedopornografija u l-grooming, u jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ il-linji ta’ emerġenza (hotlines) u li tkompli l-programmi tal-UE li rnexxew, bħal Safer Internet.

1.12

L-azzjoni ta’ prevenzjoni rigward ċerti aspetti tal-użu qarrieqi tal-internet b’rabta mal-kontenut li jista’ jitniżżel fuq il-mowbajls u t-talbets, bħar-ringtones u l-applikazzjonijiet, għandha tissaħħaħ billi tiħrax il-leġislazzjoni tal-UE u billi l-awtoritajiet regolatorji jiġu mfakkra fir-responsabbiltajiet tagħhom.

1.13

Fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, il-Kumitat diġà esprima t-tħassib u t-talbiet tiegħu b’rabta ma’ din il-problema delikata f’diversi opinjonijiet (3), u jitlob li jkun hemm regoli aktar stretti kemm għall-kumpaniji tal-UE kif ukoll għall-operaturi l-oħra kollha tas-suq Ewropew.

1.14

Barra minn hekk, il-Kumitat jinnota li fil-Komunikazzjoni ma ssir l-ebda referenza u ma tittieħed l-ebda miżura fir-rigward tar-riskji għas-saħħa fiżika u psikoloġika tat-tfal, b’mod partikolari d-dipendenzi. Il-Kumitat jittama li dan l-aspett importanti jiġi integrat fl-istrateġija jew li jkun hemm dokument ġdid fuqu.

1.15

Fl-aħħar nett, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja b’mod kostanti, wiesa’ u fil-fond ir-relazzjoni bejn it-tfal u l-internet, għaliex din id-data hija l-bażi fundamentali sabiex tingħażel l-azzjoni li trid tittieħed (4).

2.   Il-kontenut tal-Komunikazzjoni

2.1

Skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE tat-28 ta’ Novembru 2011 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal fid-Dinja Diġitali, il-ksib ta’ internet aħjar għat-tfal jirrikjedi l-implimentazzjoni ta’ taħlita ta’ politiki fuq livell Ewropew, nazzjonali u settorjali, b’azzjonijiet li jiġu inklużi fi strateġija globali li tistabbilixxi r-rekwiżiti bażiċi u tevita l-frammentazzjoni.

2.2

Il-Kummissjoni hija konvinta li r-regolamentazzjoni tibqa’ għażla possibbli, iżda għandha tingħata preferenza lill-awtoregolamentazzjoni tal-operaturi, l-edukazzjoni u l-użu responsabbli tal-internet.

2.3

L-analiżi tal-Kummissjoni tibda b’eżami fil-fond tad-“diskrepanzi u problemi attwali”, li fil-fehma tagħha huma l-frammentazzjoni tas-suq, il-falliment tas-suq li jipprovdi protezzjoni u kwalità fl-UE, id-diffikultà fil-ġestjoni tar-riskji sabiex tinbena l-fiduċja, u n-nuqqas ta’ ħiliet fost it-tfal, li għandhom “defiċit diġitali” reali.

2.4

Il-Komunikazzjoni tipproponi sensiela ta’ linji gwida li għandhom jiggwidaw lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-katina kollha tal-operaturi tas-settur abbażi ta’ strateġija globali strutturata fuq erba’ pilastri ewlenin li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku:

l-istimolu tal-kontenut ta’ kwalità tal-internet għaż-żgħażagħ;

is-sensibilizzazzjoni u r-responsabilizzazzjoni;

il-ħolqien ta’ ambjent sikur għat-tfal fuq l-internet;

il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq it-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal.

2.5

Fl-aħħar mill-aħħar, l-impenn konsiderevoli u suġġestiv li l-Kummissjoni qed titlob mill-Ewropa, l-Istati Membri u l-operaturi tas-servizzi u tal-kontenut hu li tinħoloq “ekosistema ġdida” bis-saħħa tal-implimentazzjoni ta’ 10 azzjonijiet:

il-produzzjoni ta’ kontenut kreattiv u edukattiv fuq l-internet;

il-promozzjoni ta’ esperjenzi pożittivi;

il-litteriżmu diġitali u medjatiku u t-tagħlim tas-sikurezza onlajn fl-iskejjel;

is-sensibilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni tat-tfal;

l-iżvilupp ta’ għodod sempliċi u affidabbli biex jiġi rappurtat il-kontenut ta’ ħsara;

il-konfigurazzjoni tal-privatezza adattata skont l-età;

it-tixrid u l-affidabbiltà tal-kontrolli tal-ġenituri;

l-użu tal-klassifikazzjoni tal-kontenut (sistema PEGI);

ir-reklamar onlajn u l-kontroll tal-infiq (ringtones tat-telefon, eċċ.), logħob tal-azzard onlajn;

il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali fuq it-tfal u l-isfruttament sesswali tat-tfal (materjal onlajn, kollaborazzjoni internazzjonali, eċċ.).

3.   Kummenti ġenerali

a)   L-aspetti pożittivi

3.1

Il-Kumitat jieħu nota b’interess kbir ta’ din il-Komunikazzjoni, li l-ġustifikazzjoni sostanzjali tagħha tinsab fl-Artikolu 3(3) tat-Trattat ta’ Lisbona li jipprevedi b’mod espliċitu li l-Unjoni għandha tippromovi l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, li huma ratifikati wkoll mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE (Artikolu 24).

3.2

Barra minn hekk, dan huwa wieħed mill-impenji li jinsabu fl-Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal (5), li fl-Azzjoni 9 tipprevedi interventi li jgħinu lill-Istati Membri u l-partijiet interessati oħrajn sabiex isaħħu l-prevenzjoni, jagħmlu lit-tfal aktar responsabbli u jħeġġuhom jipparteċipaw aktar biex jibbenefikaw kemm jistgħu mit-teknoloġiji onlajn, u jiġġieldu s-cyber-bullying, il-kuntatt ma’ kontenut dannuż u riskji oħra marbutin man-navigazzjoni onlajn.

3.3

Ta’ min japprezza l-approċċ ġenerali b’viżjoni pożittiva tal-internet, li jitqies bħala “post ta’ opportunitajiet għat-tfal sabiex ikollhom aċċess għall-għarfien, jikkomunikaw, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jtejbu l-perspettivi tagħhom ta’ impjiegi u għall-impjegabilità” (6).

3.4

L-internet, għalhekk, joffri opportunitajiet kbar li però jridu jintużaw bil-kapaċità, l-għarfien u l-informazzjoni meħtieġa biex jiġu evitati d-diffikultajiet u l-perikli. In-“navigazzjoni onlajn” hija metafora tqila u mimlija tifsiriet għaliex l-internet jitqies bħala ambjent naturali, fisjoloġiku u mhux patoloġiku, jiġifieri bħala “baħar” li fih wieħed irid jitgħallem jiċċaqlaq biex jisfrutta bis-sħiħ l-opportunitajiet u r-rikkezzi kollha filwaqt li jirrispetta ċerti regoli ta’ mġiba u joqgħod attent għall-perikli.

3.5

Il-Kumitat jaqbel mal-għażla tal-Kummissjoni li tipproponi li hi stess tikkoordina l-politiki nazzjonali dwar qasam li qiegħed dejjem jikber f’soċjetà li qed tinbidel.

3.6

Aspett importanti ieħor jikkonċerna l-possibbiltà li jinħolqu ħiliet ġodda ta’ livell għoli fir-rigward tas-sikurezza, il-kwalità tal-kontenut u l-applikazzjonijiet il-ġodda.

3.7

Din l-għażla hija importanti għaliex fl-Ewropa s-suq għadu qed isib diffikultà biex jalloka r-riżorsi finanzjarji għall-forniment ta’ kontenut ta’ kwalità u s-suq Ewropew mhux kbir biżżejjed biex jistimola l-investimenti adegwati.

3.8

Fl-istess ħin hemm bżonn li jingħataw risposti għad-defiċit ta’ ħiliet fost it-tfal Ewropej, li għalkemm huma “nattivi diġitali” (“digital natives”) xorta jistqarru li m’għandhomx l-għarfien informatiku meħtieġ biex jidħlu fis-suq tax-xogħol bil-kwalifiki mitluba.

3.9

Fl-aħħar nett, il-Komunikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata kif jixraq għaliex hi tfassal strateġija li tinvolvi lil kulħadd fl-iżvilupp ta’ din l-“ekosistema ġdida” li ser tkun fundamentali fl-għexieren ta’ snin li ġejjin.

b)   Kummenti kritiċi u nuqqasijiet

3.10

Madankollu, il-KESE huwa mħasseb ħafna dwar l-approċċ ġenerali tal-Komunikazzjoni, u jinnota li hemm xi nuqqasijiet dwar ċerti aspetti partikolari.

Sa mill-ewwel stqarrijiet tal-Komunikazzjoni jidher li t-tkabbir tan-negozju huwa għan prevalenti jew saħansitra importanti daqs il-ħolqien ta’ internet aħjar għat-tfal li jiggarantixxi l-protezzjoni massima tagħhom.

3.11

Fil-fatt, il-Kummissjoni dan tistqarru ċar u tond meta f’punt 1.1 tgħid li, “billi tingħata attenzjoni għat-talbiet tat-tfal tkun qed tinfetaħ firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet ta’ negozju”. L-istess isir f’punt 1.2, li jitkellem dwar id-“diskrepanzi u problemi attwali”, fejn tingħata prijorità lill-preokkupazzjonijiet tal-“frammentazzjoni” u l-“falliment tas-suq”, u mbagħad wara jissemmew il-“ġestjoni tar-riskji sabiex tinbena l-fiduċja” u n-“nuqqas ta’ ħiliet” tat-tfal.

3.12

Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni meta tirrikonoxxi li f’dawn is-snin ma kienx hemm qafas koerenti u ttieħdu azzjonijiet b’għanijiet speċifiċi, bħall-mezzi tax-xandir u l-pjattaformi teknoloġiċi. Għalhekk, m’hemmx dubju li kienet tinħtieġ bidla deċiżiva favur il-ħolqien ta’ suq diġitali uniku ta’ daqs konsiderevoli li jkun jista’ jikkompeti fuq livell internazzjonali.

Dwar dan l-aħħar punt b’mod partikolari, il-Kumitat esprima fehmtu favur l-azzjoni tal-Kummissjoni f’diversi opinjonijiet.

3.13

Barra minn hekk, kien u għad hemm bżonn li jiġi definit qafas koerenti ta’ protezzjoni u ta’ garanziji għat-tfal, bħala linji gwida għall-partijiet involuti kollha, inklużi l-Istati Membri, l-awtoritajiet u l-korpi ta’ sorveljanza, l-intrapriżi, l-iskejjel u l-familji. Din il-Komunikazzjoni hija opportunità mitlufa sabiex isir xi ħaġa f’dan ir-rigward.

3.14

Jeżisti dubju wkoll dwar l-effikaċja tal-awtoregolamentazzjoni. L-għażla bejn liġijiet, regolamenti, kontrolli u awtoregolamentazzjoni għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kontenut tal-internet li jista’ jkun ta’ ħsara għall-iżvilupp psikoloġiku tat-tfal, jew saħansitra l-kontenut antisoċjali jew kriminali, għandha ssir fid-dawl tal-età tat-tfal, tal-kuntest u tal-effikaċja ta’ kull strument, li lkoll jistgħu jkunu siewja u effikaċi (7).

3.15

L-internet huwa mifrux madwar id-dinja kollha u huwa faċli li l-websajts jiġu miftuħa jew rilokati f’pajjiżi li mhumiex soġġetti għal-leġislazzjoni Ewropea. L-awtoregolamentazzjoni tista’ tkun l-aktar mezz utli u rapidu biex tittieħed azzjoni sakemm jintlaħaq ftehim internazzjonali; tista’ tkun għażla temporanja sakemm ikun hemm regolamentazzjoni. M’hemmx dubju, però, li ħafna drabi l-awtoregolamentazzjoni tintuża biex tinganna u ma tiġix rispettata fl-istess intrapriżi li jadottawha. Għalhekk, ikun tajjeb li din tissaħħaħ permezz ta’ monitoraġġi perjodiċi u sanzjonijiet, li jistgħu jagħmlu parti mill-kompetenzi tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

3.16

Madankollu, il-Kumitat huwa konvint bis-sħiħ li rigward il-kwistjonijiet l-aktar importanti, bħall-protezzjoni tad-data personali, ir-rispett tal-privatezza u l-ġlieda kontra l-kontenut illegali tal-pedopornografija, għandhom jiġu adottati regoli preċiżi u rigorużi b’sanzjonijiet adegwati li jistgħu saħansitra jinkludu l-għeluq immedjat tal-websajts u r-revoka tal-awtorizzazzjonijiet.

3.17

Ir-reklamar onlajn għandu jingħata attenzjoni partikolari. Il-Kummissjoni stess, f’punt 2.3.4, tirrikonoxxi li, “it-tfal […] ma jkunux għadhom żviluppaw l-abbiltà li jifhmu b’mod kritiku l-messaġġi tar-reklami”. Bħala eżempji, hi ssemmi x-xiri onlajn, il-logħob tal-azzard u r-ringtones, u żżid tgħid li, “dan kollu jista’ jinvolvi pagamenti għoljin”. Iżda mbagħad tieħu biss impenji ġeneriċi fir-rigward taż-żieda tal-kontroll fuq ir-rispett tar-regolamentazzjoni tal-UE, l-evalwazzjonijiet tal-effikaċja tal-kodiċijiet tal-awtoregolamentazzjoni, l-approfondiment tal-Aġenda tal-Konsumatur, eċċ.

Il-Kumitat jemmen li din l-istrateġija hija vaga u insuffiċjenti, u jitlob li jkun hemm impenji aktar preċiżi u vinkolanti għall-operaturi kollha tas-settur.

3.18

B’rabta ma’ dan il-punt, il-Kumitat jinnota wkoll li ma ssir l-ebda referenza għar-reklamar tal-ikel u dan huwa preokkupanti ħafna minħabba l-problemi tal-obeżità u tal-eating disorders.

4.   Kummenti speċifiċi

a)   Kontenut ta’ kwalità, ħiliet u skejjel

4.1

Il-Kumitat jaqbel li l-iskejjel m’għandhomx ir-riżorsi ta’ tagħlim onlajn rilevanti, u hu mhuwiex kontra l-ħolqien ta’ sħubijiet pubbliċi-privati bil-parteċipazzjoni tal-ġenituri, l-għalliema u l-NGOs li jaħdmu biex jipproteġu lit-tfal u jippromovu d-drittijiet tagħhom, sakemm l-istess NGOs iżommu l-libertà u l-indipendenza tagħhom u dawn is-sħubijiet ma jintużawx biex jagħmlu reklam għall-kumpaniji.

4.1.1

Huwa importanti li jinxterdu kemm jista’ jkun il-ħafna sperimenti li qed isiru f’bosta pajjiżi, bħall-ħolqien ta’ kotba tal-iskola interattivi bis-saħħa tal-“metodu wiki” (8), l-iżvilupp ta’ komunitajiet tal-iskola virtwali li jiskambjaw l-esperjenzi tagħhom, u d-disponibbiltà onlajn ta’ korsijiet ta’ taħriġ awtonomu mill-bogħod.

4.1.2

Fir-rigward tal-involviment tat-tfal fil-ħolqien ta’ kontenut ġdid ta’ kwalità, il-Kumitat huwa favur kull azzjoni li ttejjeb il-kreattività taż-żgħażagħ għaliex jaf tajjeb li kienu ż-żgħażagħ li ħolqu l-innovazzjonijiet kbar tal-aħħar snin, bħall-Google, il-Facebook u l-applikazzjonijiet tal-Apple. Però l-Kumitat huwa mħasseb dwar it-tendenza li, kif joħroġ fid-dieher ftit jew wisq f’diversi partijiet tal-istrateġija, il-Kummissjoni tadotta viżjoni prevalentement kummerċjali tal-azzjonijiet li għandhom jiġu appoġġjati filwaqt li l-protezzjoni titpoġġa fit-tieni post.

4.1.3

Ikun tajjeb li fl-iżvilupp tal-kontenut ta’ tagħlim u tal-kontenut interattiv ta’ kwalità maħsub għat-tfal jiġu mistiedna jipparteċipaw gruppi ta’ esperti ta’ livell għoli (psikologi tal-iżvilupp, pedagogi, eċċ.) bil-għan li jipproponu materjal aktar adatt għall-etajiet differenti u l-proċessi ta’ żvilupp li jistgħu jinbdew; li jħejju pubblikazzjonijiet qosra maħsubin kemm għall-għalliema kif ukoll għall-ġenituri; li jieħdu sehem fil-klassifikazzjoni skont l-età tal-websajts u tal-videogames; u li jikkollaboraw fil-ħolqien ta’ portali dedikati u ta’ kontenut stimolanti ta’ kwalità.

4.1.4

L-isforzi biex jinħoloq dan il-kontenut jistgħu jiġu appoġġjati permezz ta’ mekkaniżmi ta’ faċilitazzjoni tal-UE u ta’ vantaġġi fiskali nazzjonali. Huwa mixtieq ukoll li jinħoloq programm Ewropew ta’ kontenut u applikazzjonijiet ta’ kwalità, li jista’ jinkoraġġixxi b’mod partikolari l-ħolqien ta’ start-ups miż-żgħażagħ, li huma protagonisti magħrufin fl-innovazzjoni fuq l-internet.

4.1.5

Il-KESE jieħu din l-okkażjoni biex jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-komunikazzjoni diretta tagħha mat-tfal fuq il-portal “Europa”, b’mod partikolari rigward ir-riskji tal-internet, permezz ta’ kontenut maħluq apposta għalihom.

b)   Il - litteriżmu diġitali tal-adulti

4.2

F’sitwazzjoni li tista’ tissejjaħ transitorja, fejn il-ġenerazzjonijiet tan-“nattivi diġitali” qed jgħixu flimkien ma’ ġenerazzjonijiet li m’għaddewx għalkollox mill-użu passiv (televiżjoni, stampa, ċinema) għall-użu attiv tal-mezzi tax-xandir minkejja li għandhom ir-responsabbiltà li jipproteġu lit-tfal mill-ħsara li tista’ ssirilhom, l-aħjar triq hi li jissaħħaħ b’mod kontinwu l-litteriżmu diġitali tal-adulti, b’mod partikolari dawk li jedukaw lit-tfal fl-iskejjel, fil-familja u fl-għaqdiet. Għandu jiġi evitat ir-riskju li t-tfal tagħna jsiru “orfni diġitali”, mingħajr gwida li tkun kapaċi tmexxihom u tgħinhom jieħdu kontroll tal-għażliet tagħhom.

4.2.1

Il-programm tal-Kummissjoni jista’ jkun aktar preċiż dwar dan il-punt kif ukoll dwar il-parti li tirreferi għall-internet bħala għodda għall-iżvilupp tal-kreattività u t-tagħlim. Iż-żewġ aspetti jridu jintrabtu flimkien biex iħeġġu attitudni pożittiva fost il-ġenituri (9).

c)   Kontenut illeċitu u qarrieqi

4.3

Il-prevenzjoni mir-riskji u l-promozzjoni tal-internet bħala għodda għall-iżvilupp tat-tfal huma aspetti inseparabbli tal-istess proċess, liema proċess jippermetti l-prevenzjoni mingħajr problemi. Huwa importanti li jinsab bilanċ bejn il-kurżità naturali tat-tfal u l-ostakli tal-projbizzjonijiet, li jistgħu jittardjaw jew ixekklu t-triq lejn il-maturità u l-awtonomija.

4.3.1

Il-prevenzjoni taċ-ċiberkriminalità, bħall-pedopornografija u l-grooming, u l-ġlieda kontra s-cyber-bullying jirrikjedu li l-adulti jkunu kapaċi jevalwaw is-sinjali ta’ skumdità. Għal dan il-għan, jidher li hemm bżonn l-involviment tal-esperti – psikologi tal-iżvilupp, newropsikjatri tat-tfal, pedjatri, esperti tal-counselling u tobba tal-familja – fil-produzzjoni ta’ korsijiet u materjali maħsubin għall-ġenituri u l-edukaturi.

4.3.2

Barra minn hekk, tista’ tiġi studjata s-soluzzjoni teknika biex kull brawżer jinkludi simbolu grafiku intuwittiv li għandu jinxtered b’pubbliċità adegwata u li jservi bħala “sejħa ta’ emerġenza” sabiex il-link suspettuż jintbagħat dak il-ħin stess lill-awtorità tal-infurzar kompetenti.

4.3.3

Għandha tissaħħaħ ukoll l-azzjoni ta’ prevenzjoni rigward ċerti aspetti tal-użu qarrieqi tal-internet, li l-vittmi prinċipali tagħhom ikunu t-tfal. B’mod partikolari, rigward il-kontenut li jista’ jitniżżel fuq il-mowbajls u t-talbets, bħar-ringtones u l-applikazzjonijiet, għandha tiħrax il-leġislazzjoni tal-UE u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiġu mfakkra fir-responsabbiltajiet tagħhom.

Il-Kumitat jaqbel mal-impenn tal-Kummissjoni (punt 2.3.4) li tiżgura “li l-istandards għar-reklamar fuq is-siti elettroniċi għat-tfal jippermettu livell ta’ protezzjoni komparabbli ma’ dak ta’ reklamar fis-servizzi awdjoviżivi”.

4.3.4

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-prezz tas-softwer ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni tas-sikurezza informatika (filtri, antivirus, kontrolli tal-ġenituri, eċċ.). Jeħtieġ li jiġi evitat li jinħoloq “risk divide” fis-sens li minħabba l-ispejjeż għaljin tas-softwer, it-tfal, il-familji u l-iskejjel inqas vantaġġati jkunu aktar esposti għall-perikli tal-informatika.

4.4

Madankollu, jibqa’ dejjem indispensabbli u ċentrali li l-prevenzjoni ssir permezz tal-edukazzjoni fil-familja u fl-iskola, qabel ma jittieħdu l-azzjonijiet ta’ infurzar. Jeħtieġ li jittejjeb it-taħriġ tal-għalliema billi l-kurrikuli ta’ studju tagħhom ikunu jinkludu l-għarfien tal-internet. Barra minn hekk, jista’ jkun tajjeb ukoll li l-iskejjel jiddefinixxu u jxerrdu xi tip ta’ “etikett” rigward l-użu tal-mowbajls u tan-netwerks soċjali, b’regoli li jaqblu fuqhom it-tfal, l-għalliema u l-familji.

d)   Protezzjoni tad-data personali

4.5

Fl-aħħar snin il-Kumitat esprima t-tħassib u t-talbiet tiegħu dwar il-protezzjoni tad-data personali f’diversi opinjonijiet. Il-Kumitat jaħseb li għandhom jintalbu regoli aktar stretti kemm għall-kumpaniji tal-UE kif ukoll għall-operaturi l-oħra kollha tas-suq Ewropew. B’mod partikolari, rigward in-netwerks soċjali, għandha tiġi miġġielda l-azzjoni li tidher bħala “semplifikazzjoni” min-naħa tal-Google u l-Facebook, li però fil-verità jidhru li qegħdin jieħdu ċerta libertà fl-użu kummerċjali tad-data personali miksuba mill-profili tal-utenti. F’dan ir-rigward, tinħtieġ aktar kawtela fil-każ tat-tfal (10).

e)   Saħħa u dipendenzi

4.6

Il-Komunikazzjoni ma tagħmel l-ebda referenza u ma tieħu l-ebda miżura rigward ir-riskji għas-saħħa fiżika u psikoloġika tat-tfal li jqattgħu ħafna minn ħinhom jinnavigaw fuq l-internet jew jilagħbu bid-diversi mezzi informatiċi: problemi fil-muskoli, fl-għadam u fil-postura, problemi bil-vista, obeżità, dipendenza psikoloġika (11), tendenza għall-iżolament u l-ħrib mir-realtà tal-ħajja.

Huwa mixtieq li dan l-aspett importanti jiġi integrat fl-azzjonijiet jew li jkun hemm dokument ad hoc fuqu u monitoraġġ kostanti tiegħu. L-istatistika Ewropea attwali hija qadima, filwaqt li dan il-fenomenu qiegħed jevolvi b’mod rapidu u kontinwu.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet”ĠU C 224, 30.8.2008, p. 61; Opinjoni tal-KESE dwar “L-impatt tas-siti tan-netwerking soċjali fuq iċ-ċittadini/konsumaturi”ĠU C 128, 18.5.2010, p. 69.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Qafas għar-reklamar immirat lejn iż-żgħażagħ u t-tfal” (Ara paġna 6 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar ir-“Regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta”, ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90.

(4)  L-istatistika tal-Eurostat hija tal-2009, filwaqt li f’diversi pajjiżi sar stħarriġ aktar reċenti fuq livell nazzjonali. Ta’ min isemmi l-istħarriġ EU Kids Online, li ilu jitwettaq mill-2006 fil-qafas tal-programm Safer Internet u issa wasal fit-Tielet Rapport 2011-2014, li jikkonċerna 33 pajjiż.

(5)  COM(2011) 60 final tal-15 ta’ Frar 2011.

(6)  Prijorità ewlenija fl-Aġenda tal-UE dwar il-Ħiliet fl-Informatika, “Ħiliet fl-Elettronika għas-Seklu 21” – COM(2007) 496.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-approċċ proattiv tal-liġi: pass ieħor ’il quddiem lejn regolamentazzjoni aħjar fil-livell tal-UE”, ĠU C 175, 28.7.2009, p. 26.

(8)  Din hi referenza għall-mod kif tinkiteb il-Wikipedija, enċiklopedija diġitali li tista’ tintuża onlajn mingħajr ħlas u li hija l-frott tal-kooperazzjoni ta’ eluf ta’ esperti volontarji.

(9)  Opinjoni tal-KESE dwar “It-tisħiħ tal-kultura diġitali, il-kompetenzi diġitali u l-inklużjoni diġitali”, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9.

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar ir-“Regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-dejta”, ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90; Opinjoni tal-KESE dwar “L-użu responsabbli tan-netwerks soċjali” (għadha ma ġietx ippubblikata fil-ĠU).

(11)  L-istudji dwar id-dipendenza fuq l-internet (“internet addiction”) imorru lura għall-1995, meta Dr Kimberly Young waqqfet l-ewwel “Center for Internet Addiction” (www.netaddiction.com) fl-Istati Uniti. F’dawn is-snin saru sondaġġi importanti fil-Ġermanja, l-Italja u r-Repubblika Ċeka.