15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/45


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs”

COM(2011) 870 final

2012/C 351/10

Relatur: is-Sinjura DARMANIN

Korelatur: is-Sur LANNOO

Nhar is-7 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs

COM(2011) 870 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-30 ta’ Awwissu 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tad-19 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’174 vot favur u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa’ l-pjan ta’ azzjoni tal-UE biex ittejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs fi żmien meta ħafna pajjiżi Ewropej qed jiffaċċjaw prospetti ekonomiċi inċerti. Il-KESE huwa tal-fehma li l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa jista’ jinkiseb biss jekk il-politika dwar l-SMEs tkun fost l-iktar punti importanti tal-aġenda tal-persuni li jiddeċiedu dwar il-politika fl-Ewropa. Għalhekk, huwa jappoġġja b’mod ċar l-isforzi tal-istituzzjonijiet Ewropej biex isaħħu r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja, sabiex tkun strument li jista’ jintuża mill-ekonomija reali.

1.2   Il-KESE jinnota li l-azzjonijiet dedikati ma jistgħux ikunu ta’ suċċess mingħajr l-involviment ċar mill-Istati Membri. Għalhekk, il-KESE jistedinhom jimplimentaw il-pjan ta’ azzjoni u jiftħu kull mekkaniżmu possibbli ta’ appoġġ għall-finanzi tal-SMEs billi jiffokaw fuq il-prijoritajiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Pereżempju, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw fondi ta’ garanzija u jagħmlu użu aħjar mill-fondi strutturali għall-istrumenti finanzjarji.

1.3   Il-KESE jirrikonoxxi li l-finanzjament bis-self għadu u jibqa’ wieħed mill-istrumenti li jintużaw l-iktar għall-iżvilupp tal-SMEs. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-miżuri regolatorji u finanzjarji li għandhom l-għan li jsaħħu l-finanzjament tad-dejn u jiżguraw l-istrumenti għat-tkabbir tal-SMEs.

1.4   Il-Kumitat jisħaq li l-proposti ta’ Basel III għandhom jiġu implimentati b’mod korrett fl-Ewropa bid-Direttiva CRD IV mistennija, sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi għall-finanzjament tal-ekonomija reali.

1.5   Il-KESE jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni biex jissaħħaħ il-kapital ta’ riskju fl-Ewropa. Hija ħaġa essenzjali li s-suq Ewropew tal-kapital ta’ riskju jingħata impetu ġdid deċiżiv bil-għan li jingħelbu n-nuqqasijiet tas-suq u l-ostakli regolatorji, biex b’hekk il-qasam tal-kapital ta’ riskju jsir iżjed attraenti għall-investituri privati.

1.6   L-SMEs Ewropej huma varjati u eteroġenji. L-inizjattivi biex jittejjeb l-aċċess għall-finanzi għandhom jikkonsistu f’portafoll sħiħ ta’ miżuri diversi u innovattivi biex dan il-grupp ta’ atturi diversi jintlaħaq b’mod effettiv filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu. L-intrapriżi soċjali u l-professjonijiet liberi, pereżempju, għandhom forom legali u mudelli ta’ tħaddim differenti mill-intrapriżi “tradizzjonali”, ħaġa li tikkomplika iżjed l-aċċess tagħhom għall-finanzi billi dawn il-forom jew mudelli mhux dejjem ikunu rikonoxxuti jew jinfiehmu mill-atturi finanzjarji.

1.7   Il-kapital ibridu, li jirrappreżenta alternattiva għas-self bankarju, għandu jissaħħaħ ukoll. L-introduzzjoni ta’ atturi finanzjarji ġodda għandha tiġi appoġġjata, bħalma għandha tiġi appoġġjata wkoll l-introduzzjoni ta’ intermedjarji ġodda li jipprovdu kemm soluzzjonijiet finanzjarji innovattivi kif ukoll parir kummerċjali. Il-crowd funding huwa eżempju tajjeb biex insemmuh hawnhekk u s-servizzi bankarji parteċipattivi jistgħu jservu bħala għażla oħra li tista’ tiġi kkunsidrata.

1.8   Il-KESE jenfasizza l-bżonn li l-grupp tal-BEI, f’kooperazzjoni stretta mal-Kummissjoni Ewropea, jaqdi rwol ewlieni fl-investiment fl-SMEs, permezz ta’ firxa sħiħa ta’ strumenti ġenerali u mmirati. Fir-rigward tas-self mill-BEI għall-SMEs, l-intermedjarji tal-BEI huma mitluba jżidu l-isforzi tagħhom tal-komunikazzjoni biex jippromovu din l-iskema finanzjarja lill-komunità tal-SMEs f’kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs.

1.9   Il-KESE jieħu nota tal-proposta għas-semplifikazzjoni u għal aktar trasparenza tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ strumenti finanzjarji (Strument Finanzjarju ta’ Dejn tal-UE u Strument Finanzjarju ta’ Ekwità tal-UE) fil-qafas tal-Programm Qafas Multiannwali (PQM). Il-KESE jappoġġja l-proposti għax dawn iż-żewġ skemi għandhom effett ta’ lieva kbir.

1.10   Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li trawwem id-djalogu bejn id-diversi partijiet interessati sabiex jiġu monitorjati l-iżviluppi fis-suq u jsiru rakkomandazzjonijiet dwar kif jista’ jittejjeb l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs. Il-KESE jittama li jiġi mistieden b’mod regolari għall-Forum dwar il-Finanzjament tal-SMEs biex jiddiskuti u jippreżenta proposti konkreti dwar kif jistgħu jittaffew il-problemi finanzjarji tal-SMEs.

1.11   Il-Kumitat huwa tal-fehma li t-taħriġ speċifiku għall-intraprendituri, bħall-programmi tal-prontezza tal-investituri, għandu jiġi stimulat.

1.12   Il-KESE jenfasizza li l-programmi Ewropej li jappoġġjaw il-finanzi tal-SMEs li jiġu implimentati permezz ta’ intermedjarji Ewropej, nazzjonali jew reġjonali għandhom ikunu jistgħu jiġu aċċessati iżjed faċilment mill-SMEs. Proċeduri trasparenti, li jinfiehmu u li jkunu konsistenti fil-livelli kollha lkoll jirrappreżentaw it-triq li twassal għas-suċċess.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1   Il-pjan ta’ azzjoni jiddeskrivi l-ostakli ewlenin biex jiġu stimulati l-finanzi għall-SMEs. Fosthom:

l-aċċess għas-self;

l-aċċess għall-kapital ta’ riskju;

l-aċċess għas-swieq tal-kapital.

2.2   Barra minn hekk, id-dokumenti jiddeskrivu l-miżuri li ttieħdu bejn l-2007 u l-2012 biex jiġi żgurat li l-fondi jilħqu l-SMEs. Dawn kienu:

il-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP);

l-allokazzjoni tal-BEI għas-self lill-SMEs;

il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni;

l-istrument ta’ Kondiviżjoni tar-Riskji fis-Seba’ Programm Kwadru.

2.3   Il-Kummissjoni tidentifika għadd ta’ miżuri biex jiġi ffaċilitat il-finanzjament għall-SMEs. Dawn jinkludu:

miżuri regolatorji;

miżuri finanzjarji biex jittejbu s-self u l-kapital ta’ riskju fl-UE kollha kemm hi;

miżuri biex jittejjeb l-ambjent għall-SMEs.

3.   Osservazzjonijiet u kummenti ġenerali

3.1   Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), f’kooperazzjoni stretta mal-Kummissjoni Ewropea, jippubblika fuq bażi regolari r-riżultati tal-“Istħarriġ dwar l-aċċess għall-finanzjament tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fiż-żona tal-euro (1). Skont ir-riżultati tal-aħħar stħarriġ, bejn Ottubru 2011 u Marzu 2012, il-bżonn ta’ finanzjament estern min-naħa tal-SMEs fiż-żona tal-euro żdied. Fl-istess ħin, ir-riżultati tal-istħarriġ juru li l-aċċess għas-self mill-banek baqa’ sejjer għall-agħar, iżda kien hemm differenzi bejn l-Istati Membri (2). B’kollox, il-kumpaniji rrapportaw li s-sitwazzjoni marret għall-agħar rigward id-disponibbiltà tas-self mill-banek. Barra minn hekk, ir-riżultati tal-istħarriġ jindikaw rati ta’ ċaħda kemxejn ogħla fost l-applikazzjonijiet għas-self. Sadattant, il-persentaġġ ta’ persuni li wieġbu li l-aċċess għall-finanzi kienet il-problema ewlenija tagħhom baqa’ ftit jew wisq l-istess. Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-modi alternattivi għall-aċċess għall-finanzjament ikunu jistgħu jiġu sfruttati kompletament.

3.2   Il-KESE jenfasizza li kull studju għandu jiġi segwit bir-reqqa sabiex ikun hemm rispons malajr billi jiġu proposti miżuri ta’ politika speċifiċi. L-informazzjoni disponibbli fil-Forum tal-Finanzjament tal-SMEs, fl-Istati Membri u fl-organizzazzjonijiet tal-SMEs tista’ tikkomplementa dan is-segwitu. Dan l-eżerċizzju għandu jitwettaq mill-Kummissjoni bil-parteċipazzjoni tal-KESE u tas-soċjetà ċivili.

3.3   Il-KESE jappoġġja l-istudju li l-Kummissjoni qed twettaq biex tiġi valutata d-definizzjoni tal-SMEs u jitlob b’mod speċjali li tingħata attenzjoni speċifika lill-mikrokumpaniji u l-kumpaniji ż-żgħar. Fid-dawl tad-diversità u d-daqs tal-SMEs (3) (l-intrapriżi tal-familji, il-professjonijiet liberi u l-intrapriżi soċjali, biex insemmu xi wħud), il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni li t-tfassil ta’ miżuri ta’ appoġġ finanzjarju adattat speċifikament għalihom għandu jkun prijorità. Għalhekk, il-Kummissjoni hija mitluba tqis il-karatteristiċi differenti tagħhom, b’attenzjoni speċjali għall-mikrointrapriżi, hija u tfassal il-programmi finanzjarji biex tappoġġja l-iżvilupp tagħhom. Il-Kummissjoni għandha tevita kwalunkwe diskriminazzjoni għax m’hemm l-ebda risposta ta’ daqs wieħed għal kulħadd għall-bżonnijiet tagħhom.

4.   Osservazzjonijiet u kummenti speċifiċi dwar il-miżuri regolatorji

4.1   Ir-regolazzjoni tal-kapital ta’ riskju

4.1.1

Il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni ta’ reġim armonizzat għat-transazzjonijiet transkonfinali mill-fondi tal-kapital ta’ riskju. Din il-proposta hija waħda rakkomandabbli peress li hemm ċans tajjeb li ttaffi n-nuqqasijiet tas-suq bis-saħħa ta’ “Passaport Ewropew” li jippermetti lill-fondi tal-kapital ta’ riskju fl-UE jqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq u joħolqu kapital fuq bażi pan-Ewropea. Il-KESE għamel għadd ta’ kummenti fl-Opinjoni preċedenti tiegħu dwar il-kapital ta’ riskju (4) u jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidrahom.

4.1.2

Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-istudju li l-Kummissjoni ser twettaq fl-2012 dwar ir-relazzjoni bejn ir-regolazzjoni prudenzjali u l-investimenti fil-kapital ta’ riskju mill-banek u l-kumpaniji tal-assigurazzjoni. L-istudju għandu janalizza jekk dawn l-istrumenti humiex qed joħolqu oligopolija ta’ banek internazzjonali kbar jew jekk għandhomx jinbidlu fil-perjodu l-medju jew qasir.

4.1.3

Billi l-maġġoranza tal-SMEs huma intrapriżi żgħar (inqas minn 10 impjegati), il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-mikrofondi ta’ kapital ta’ riskju. Dawn il-fondi jinvestu f’intrapriżi li l-proġetti tagħhom ma jkunux attraenti biżżejjed biex jiġbdu l-attenzjoni tal-kapitalisti ta’ riskju tradizzjonali imma jkunu kbar wisq jew riskjużi wisq biex jattiraw il-kapital mis-sorsi tradizzjonali tas-self. Dawn it-tip ta’ fondi jsaħħu l-bażi kapitali ta’ kumpanija u jiżviluppaw il-ħiliet kummerċjali tal-intraprendituri billi jużaw metodi ta’ kowċing matul il-perjodu tal-investiment (5). L-Istati Membri huma mistiedna jipproponu strumenti bħal miżuri speċifiċi ta’ tassazzjoni li jistgħu jistimolaw l-iżvilupp ta’ dawn il-fondi biex jingħalaq id-distakk finanzjarju.

4.2   Ir-riformi fiskali

4.2.1

Nilqgħu l-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-riformi fiskali għall-investimenti transkonfinali tal-kapital ta’ riskju. Fl-istess ħin, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu miżuri ċari għall-prevenzjoni tal-evitar u l-evażjoni tat-taxxa.

4.2.2

Filwaqt li tindirizza l-ostakli fiskali għat-transazzjonijiet transkonfinali, il-Kummissjoni għandha tiżgura wkoll li l-Istati Membri jħeġġu r-riforma fiskali f’pajjiżhom stess għall-iskemi ta’ finanzjament tal-SMEs.

4.2.3

Il-prattiki tajbin li jeżistu f’xi Stati Membri għandhom jiġu esplorati u estrapolati għal-livell pan-Ewropew u jinxterdu fost l-SMEs (6). F’għadd ta’ pajjiżi diġà ġew stabbiliti pakketti ta’ stimolu fiskali. Fost l-eżempji nsibu l-Belġju/Fjandri fejn ftit tas-snin ilu ġie introdott win-win-loan: individwi jistgħu jsellfu flus lill-SMEs u meta jagħmlu dan jibbenefikaw minn tnaqqis fiskali. Is-sistema fil-Pajjiżi l-Baxxi, magħrufa bħala t-Tante Agaath regeling  (7), hija eżempju ieħor.

4.2.4

L-eżenzjonijiet fiskali bħal-liġi Franċiża ISF PME  (8) jistgħu jkunu ta’ benefiċċju ġenwin għall-SMEs b’rata għolja ta’ tkabbir. Il-KESE huwa favur skemi bħal dawn sakemm l-ammont eżentat mit-taxxa jkun raġonevoli u ma jolqotx il-kontribuzzjonijiet għal setturi li jkunu daqstant importanti.

4.3   Ir-regoli tal-Għajnuna mill-Istat

4.3.1

Il-KESE jappoġġja l-proposta prevista dwar il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat biex jiġu semplifikati r-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat għall-SMEs. Huwa jinnota li l-Kummissjoni ser tivvaluta r-Regolament tal-Eżenzjoni tal-kategorija u għadd ta’ linji gwida tal-għajnuna mill-Istat, inklużi dawk relatati mal-kapital ta’ riskju, sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jħeġġeġ li dawn ir-regoli jiġu mtejba, semplifikati u ċċarati. Il-Kumitat tagħna jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-għajnuna mill-Istat tintuża biss biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-suq.

4.4   Is-swieq tal-SMEs u SMEs elenkati fil-Borża iktar viżibbli

4.4.1

Il-KESE jilqa’ l-fatt li d-direttiva MIFID tipproponi l-iżvilupp ta’ swieq ta’ tkabbir omoġenji tal-SMEs u li jsiru iktar attraenti għall-investituri bis-saħħa ta’ tikketta ta’ suq ta’ tkabbir tal-SMEs. Madankollu, il-KESE jissuġġerixxi (9) li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet u miżuri speċifiċi li jippermettu li tiġi implimentata b’mod effiċjenti u effettiv.

4.5   Il-piż tar-rappurtar għall-SMEs elenkati fil-Borża

4.5.1

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri huma mistiedna jnaqqsu r-regoli tal-kontabilità u l-piż tar-rappurtar għall-SMEs elenkati fil-Borża fl-Ewropa. Il-Kumitat jagħraf il-fatt li l-Kummissjoni ressqet proposta għal direttiva li tissemplifika u temenda d-Direttivi dwar il-Kontabilità u fl-istess ħin, proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Trasparenza. Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni tadotta ż-żewġ Opinjonijiet tiegħu li ħareġ fil-bidu tal-2012 (10) u huwa tal-fehma li l-SMEs għandhom jirrilaxxaw ir-riżorsi biex jinvestu fl-intrapriżi tagħhom b’tali mod li jżidu t-tkabbir.

4.6   L-implimentazzjoni futura ta’ Basel III u l-konsegwenzi għall-finanzjament tal-SMEs

4.6.1

L-UE għandha tkompli tkun fuq quddiem nett fl-implimentazzjoni tar-riformi regolatorji finanzjarji miftiehma fil-livell internazzjonali. Madankollu, il-KESE jinnota li d-diversi rekwiżiti ta’ kapital għall-implimentazzjoni ta’ Basel III fl-UE li deħlin fis-seħħ u li qed jiġu diskussi bħalissa (CRD IV/CRR) jistgħu jikkawżaw diversi problemi għall-SMEs (11).

4.6.2

Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-istituzzjonijiet Ewropej biex isaħħu r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja, sabiex jiġu evitati kriżijiet futuri. Madankollu, dan ifisser ukoll li ma jistgħux jiddaħħlu iżjed regolamenti għas-swieq finanzarji għad-detriment tal-finanzjament tal-SMEs. Il-KESE jappoġġja għal kollox ir-Rapport Karas, adottat mill-Parlament Ewropew f’Mejju 2012, li jirrappreżenta pass ieħor fit-triq it-tajba lejn implimentazzjoni għaqlija u fattibbli fl-UE tar-regoli dwar ir-rekwiżiti kapitali ta’ Basel III.

4.6.3

Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni ser tikkonsulta lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) fi żmien 24 xahar mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva l-ġdida (CRD IV) u li l-ABE ser tirrapporta dwar is-self lill-SMEs u lill-persuni fiżiċi. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkun involuta bis-sħiħ fil-valutazzjoni mill-ġdid tal-piż tar-riskju billi tesprimi l-fehma tagħha dwar ir-rapport li għandu jintbagħat lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew.

4.7   Id-Direttiva dwar il-Ħlasijiet Tard

4.7.1

Il-Kummissjoni tipprevedi li din id-Direttiva tiġi implimentata sas-16 ta’ Marzu 2013. Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-SMEs ikunu jistgħu jibbenefikaw iżjed malajr mis-sistema. Huwa ferm importanti wkoll li l-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni fil-ħin ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib ħafna l-mod kif l-Istati Membri jimplimentaw l-Artikolu 4(5), li jagħtihom il-possibbiltà li jtawlu l-proċedura ta’ verifika sa iktar minn 30 jum, sakemm dan ma jkunx inġust għall-aħħar għall-kreditur. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja mill-qrib l-Istati Membri sabiex iżżommhom milli jużaw dan l-Artikolu biex idewmu l-ħlas b’mod artifiċjali, speċjalment billi d-dewmien fil-ħlasijiet mill-awtoritajiet pubbliċi għandu impatt konsiderevoli fuq il-fluss tal-flus u l-ġestjoni tal-likwidità tal-SMEs.

4.7.2

Sabiex jagħtu l-eżempju, il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej iħallsu lill-kuntratturi tagħhom fil-ħin u jevitaw li jimponulhom piżijiet amministrattivi u finanzjarji bla bżonn.

4.8   Il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej

4.8.1

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament dwar il-Fondi ta’ Intraprenditorija Soċjali Ewropej u jfakkar lill-Kummissjoni li t-titjib tal-aċċess għal kapital adatt għall-intrapriża soċjali għandu jkun fost l-iktar punti importanti tal-aġenda. Il-KESE esprima l-fehma (12) tiegħu dwar din il-kwistjoni fil-bidu tal-2012. Waħda mill-isfidi hija l-bżonn li jitkejlu u jiġu rapportati l-effetti soċjali u l-impatt fuq is-soċjetà tal-impriżi tal-portafolji. Il-KESE jirrakkomanda li jsir studju konġunt fil-livell tal-UE sabiex jiġu żviluppati kriterji u indikaturi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħal dawn. Il-Kumitat ifakkar lill-Kummissjoni li fondi ta’ dan it-tip jistgħu jkunu biss għodda waħda fost bosta strumenti finanzjarji ferm meħtieġa li għad iridu jiġu żviluppati.

4.8.2.

Il-KESE jistieden ukoll lill-Istati Membri biex itejbu r-rikonoxximent ta’ diversi forom ta’ intrapriżi soċjali. B’rikonoxximent ikbar, dawn l-intrapriżi jaraw tnaqqis fil-piż tar-riskju għas-self li jingħatalhom u ma jibqgħux żvantaġġati f’dan il-qasam, meta mqabbla mal-intrapriżi tradizzjonali.

5.   Osservazzjonijiet u kummenti speċifiċi dwar il-miżuri finanzjarji tal-UE għall-SMEs

5.1   Il-Kumitat huwa konxju sew li għadd kbir ta’ SMEs, b’mod partikolari iż-żgħar, ser ikomplu jiddependu l-iktar fuq il-kreditu fir-rigward tal-finanzjament estern.

5.2   Il-KESE jilqa’ l-attività sostnuta tas-self mill-BEI għall-SMEs bħala waħda mill-istrumenti ewlenin ta’ self lill-SMEs fil-livell tal-UE, u jagħraf il-vantaġġi finanzjarji li jgħaddu lill-SMEs biex jitnaqqsu l-ispejjeż tas-self permezz ta’ dan is-self intermedju. Il-KESE jistieden lill-BEI jkompli bl-implimentazzjoni effettiva tagħhom u biex jirrapporta regolarment dwar ir-riżultati li jinkisbu. Sabiex jintlaħqu r-riżultati mistennija, il-banek intermedjarji huma mitluba jżidu l-isforzi tagħhom tal-komunikazzjoni biex jippromovu dan is-self b’mod aħjar lill-komunità tal-SMEs f’kooperazzjoni stretta mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs.

5.3   Huwa daqstant importanti li tiġi appoġġjata l-introduzzjoni ta’ forom ġodda ta’ intermedjarji, li f’ħafna każijiet ikunu iktar adatti għad-diversità tal-SMEs. L-esperjenzi mis-setturi tal-kooperattivi u tas-servizzi bankarji soċjali huma siewja, peress li joffru appoġġ finanzjarju adattat li ħafna drabi jkun abbinat ma’ servizzi oħra ta’ appoġġ.

5.4   Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-faċilitajiet tal-kondiviżjoni tar-riskju għall-investimenti tal-ekwità u l-kważi-ekwità, f’kooperazzjoni stretta mal-grupp tal-BEI, u biex tappoġġja l-ħruġ ta’ bonds korporattivi komuni (pooled). Fir-rigward tas-suq tal-kważi-ekwità, il-KESE jistieden b’mod partikolari lill-Kummissjoni u l-grupp tal-BEI biex jesploraw modi kif jistgħu jtejbu l-finanzjament intermedju u biex iħarsu lejn prodotti intermedji ġodda, bħala garanzija għas-self intermedju.

5.5   Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tkompli bil-promozzjoni tal-iskemi finanzjarji tal-UE mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs sabiex tiżgura iżjed viżibbiltà u adozzjoni rapida għal dawn l-istrumenti, speċjalment għall-Istati Membri li għadhom lura. Billi l-finanzjament effettiv tal-SMEs jista’ jitqies bħala waħda mill-iktar għodod importanti fil-Patt tat-Tkabbir, is-suġġett għandu jiġi indirizzat b’mod adatt fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

5.6   Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni speċifika biex jiġu appoġġjati l-SMEs permezz tal-istrumenti ta’ ekwità u dejn provduti mill-Programm għall-Kompetittività tal-intrapriżi u l-SMEs (COSME) u l-programm Orizzont 2020. Il-KESE jappoġġja ħafna li jiżdied il-livell limitu massimu stipulat mill-faċilità tal-garanzija tas-self f’COSME (EUR 150 000) kif diġà ġie stabbilit fl-Opinjoni preċedenti tagħna dwar il-Programm tal-Kompetittività (13).

5.7   Il-KESE jenfasizza l-bżonn li jkun hemm regolamenti dwar il-politika ta’ koeżjoni li jipprovdu għal implimentazzjoni mingħajr xkiel u effiċjenti tal-programmi tal-SMEs billi l-qafas attwali mhuwiex suffiċjenti biex jintlaħaq dan il-għan. Il-KESE jiddispjaċih li r-regolamenti finanzjarji tal-UE bħalissa huma wisq tqal jew wisq kumplessi, u għalhekk qed joħolqu problemi għall-intermedjarji nazzjonali inkarigati mill-implimentazzjoni tagħhom. Hemm tassew bżonn ċar għal monitoraġġ aħjar tal-użu tal-istrumenti finanzjarji fi ħdan il-Politika ta’ Koeżjoni (14).

5.8   Hija ħaġa importanti wkoll li jkun hemm bidla mill-finanzjament tal-proġetti għal strumenti ta’ finanzjament sostenibbli biex tiġi evitata d-dipendenza fuq il-fondi pubbliċi. Hawnhekk il-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida dwar il-prattika tajba fit-taħlit u l-proporzjonar ta’ dejn u ekwità tal-istrumenti finanzjarji minn sorsi differenti matul l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-SME.

5.9   Il-KESE jieħu nota tal-proposta biex jiġi faċilitat l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs fit-tul bi strumenti finanzjarji ġodda (Strument Finanzjarju ta’ Dejn tal-UE u Strument Finanzjarju ta’ Ekwità tal-UE) fil-qafas tal-Programm Qafas Multiannwali (PQM) fil-forma ta’ pjattaformi dedikati. Bil-ġbir ta’ riżorsi minn diversi sorsi, il-KESE jikkalkula li l-istrumenti finanzjarji jistgħu jipprovdu katalista għall-investimenti għal-lakuni identifikati fis-suq, jistgħu jinkisbu ekonomiji ta’ skala u/jew jiġi minimizzat ir-riskju ta’ falliment f’oqsma fejn ikun diffiċli biex l-Istati Membri individwali jiksbu l-massa kritika meħtieġa. Għalhekk, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ strumenti finanzjarji fuq il-bażi tal-lezzjonijiet li nsiltu mill-istrumenti eżistenti (strumenti finanzjarji tas-CIP, RSFF). Huwa importanti li jiġu stabbiliti regoli, gwidi u standardizzazzjoni adatti b’konformità mar-rekwiżiti tas-suq u l-aħjar prattika, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġu semplifikati l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni bil-għan li jiġu promossi l-effiċjenza u d-dixxiplina finanzjarja. Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-monitoraġġ, ir-rappurtar, il-verifika u l-governanza tajba adegwati lkoll huma tal-ikbar importanza biex jiġi żgurat li r-riżorsi tal-UE jintużaw għall-iskop previst.

6.   Osservazzjonijiet u kummenti speċifiċi dwar il-miżuri għat-titjib tal-ambjent għall-SMEs

6.1   Informazzjoni u komunikazzjoni aħjar għall-SMEs

6.1.1

Il-KESE jilqa’ l-proposta biex tiżdied l-informazzjoni għall-intermedjarji finanzjarji u biex il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji jiġu mħeġġa jipprovdu lill-klijenti tagħhom bl-għodod kollha meħtieġa biex jgħinuhom isibu l-finanzjament. Barra minn hekk, il-KESE jqis li huwa importanti li tiġi xprunata l-edukazzjoni finanzjarja għall-SMEs. L-Istati Membri huma mħeġġa ħafna jieħdu sehem f’dak l-eżerċizzju billi jwaqqfu programmi speċifiċi tal-“prontezza għall-investiment” għall-SMEs f’kooperazzjoni stretta mal-organizzazzjonijiet tal-SMEs.

6.1.2

Waħda mill-ikbar problemi għall-maġġoranza vasta tal-SMEs hija l-aċċess għall-konsulenza mfassla speċifikament għalihom. Il-KESE jappoġġja l-prinċipju u r-rwol tan-Netwerk Ewropa għall-Intrapriża (Europe Enterprise Network – EEN) iżda jqis li l-potenzjal tiegħu għandu jiġi użat kompletament (15). Konsegwentement, il-KESE jissuġġerixxi li tissaħħaħ il-kapaċità għall-konsulenza finanzjarja tal-EEN. Madankollu, jenfasizza li l-organizzazzjonijiet tal-SMEs għandhom ikunu involuti wkoll mill-qrib f’din il-kampanja u li għandha tiġi mfassla b’tali mod li tenfasizza d-diversità tal-SMEs.

6.2   Intejbu l-monitoraġġ u l-ġbir tad-data tas-suq ta’ finanzjament tal-SMEs

6.2.1

Il-Kumitat jinnota li l-Kummissjoni diġà ħadmet fuq din il-kwistjoni (Stħarriġ dwar l-Aċċess tal-SMEs għall-finanzi u l-SME Finance Index). Huwa jilqa’ l-proposta mill-Kummissjoni biex taħdem iktar mill-qrib mal-federazzjonijiet tal-banek u biex tikkonsulta istituzzjonijiet oħra (il-BĊE, l-ABE). Il-KESE jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet tal-SMEs jiġu involuti fil-livell tal-Istati Membri wkoll. Il-KESE jiddispjaċih li l-Pjan ta’ Azzjoni ma jirreferix għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-OECD biex jinħarġu d-data u l-istatistika (16) dwar l-aċċess għall-finanzjament.

6.3   Il-klassifikazzjoni kwalitattiva

6.3.1

Il-mudelli tal-klassifikazzjoni purament kwantitattiva ħafna drabi ma jkunux adatti għall-valutazzjoni tal-SMEs għax ikunu riġidi wisq. L-użu ta’ fatturi kwalitattivi minbarra l-analiżi kwantitattiva komuni huwa ferm milqugħ. Għalhekk, il-banek jistgħu jqisu li jibbilanċjaw il-metodi tagħhom għall-klassifikazzjoni tal-valutazzjoni ta’ kemm jifilħu jissellfu l-SMEs b’lok biżżejjed għar-“relationship banking”. Din il-kwistjoni trid tiġi indirizzata wkoll bl-iskambju tal-aħjar prattiki. Il-KESE jiddispjaċih li xi banek jidhru li qed jitbiegħdu minn din l-idea minflok ma jippromovuha.

6.4   L-investituri informali (Business Angels) u atturi oħra fl-istadji bikrija

6.4.1

Il-KESE jemmen pereżempju li huwa importanti li tiġi żviluppata r-rabta bejn l-investituri informali u l-fondi ta’ kapital ta’ riskju fl-istadji bikrija mal-fondi ta’ kapital ta’ riskju fi stadji iktar avvanzati sabiex tiġi żgurata katina b’saħħitha ta’ finanzjament innovattiv. Barra minn hekk, l-inizjattivi għall-appoġġ ta’ djalogu iżjed b’saħħtu fil-livell reġjonali bejn l-investituri informali, il-fondi ta’ kapital ta’ riskju u l-intraprendituri lokali huma mħeġġa sew.

6.4.2

Għandhom jiġu esplorati u implimentati approċċi innovattivi għall-finanzjament ta’ riskju. Wieħed minn dawn l-approċċi huwa l-crowd funding, fejn ikunu ċ-ċittadini, u mhux il-banek jew l-ispeċjalisti, li jinvestu fl-SMEs permezz ta’ pjattaforma onlajn, minflok ma jinvestu fil-Borża.

6.4.3

Il-forom adattati ta’ kapital ibridu (17) li jinkludu elementi ta’ għotjiet, ekwità u kapital bid-dejn (bħas-self ibbażat fuq il-kondiviżjoni tal-profitti) għandhom jissaħħu, għax huma iżjed adatti għall-SMEs, kemm fl-istadji bikrija kif ukoll tul iċ-ċiklu sħiħ ta’ ħajjithom.

7.   Rakkomandazzjonijiet oħra biex jinkiseb il-finanzjament tal-SMEs

7.1   L-aħjar prattiki fis-settur bankarju

7.1.1

Għandu jiġi ppjanat l-iżvilupp ta’ qafas fejn jista’ jitħeġġeġ is-self mill-istituzzjonijiet li joperaw fuq filosofija ta’ kondiviżjoni tar-riskju u tal-profitti, peress li l-SMEs ċertament ikunu jistgħu jibbenefikaw minnu. Il-Kummissjoni għandha tqis b’mod serju l-fenomenu tas-servizzi bankarji parteċipattivi. Il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni tħejji Green Paper bħala bażi għat-tnedija ta’ dibattitu dwar is-servizzi bankarji parteċipattivi fil-livell Ewropew. Inizjattivi separati implimentati minn pajjiżi bħar-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Lussemburgu u Malta huma pożittivi iżda jistgħu jxekklu l-avvanz tal-integrazzjoni fl-industrija tas-servizzi finanzjarji fi ħdan l-UE. Barra minn hekk, inizjattivi separati u mhux koordinati jistgħu ma jħallux l-iktar riżultati effiċjenti li kieku jistgħu jinkisbu minn dan it-tip ta’ finanzjament, bħall-kondiviżjoni tar-riskju, il-kondiviżjoni tal-profitti u approċċ soċjali għall-finanzjament. It-tħeġġiġ tal-mikrofinanzjament b’politiki ta’ investiment speċifiċi li jirreferu għall-finanzjament Iżlamiku jista’ jwassal ukoll għal attivitajiet intraprenditorjali ġodda filwaqt li jgħin fil-ġlieda kontra l-faqar f’ċertu reġjuni. F’dan il-kuntest, għandha tiġi żviluppata direttiva li tipprevedi, tindirizza u tħeġġeġ metodi ta’ finanzjament alternattivi biex jiġi żgurat li dawn ikunu f’sitwazzjoni b’kundizzjonijiet indaqs b’metodi ta’ finanzjament bħall-finanzjament konvenzjonali.

7.1.2

Il-KESE jieħu nota li l-Kummissjoni analizzat il-ħidma u r-riżultati miksuba mill-medjaturi tal-kreditu kif ukoll dwar il-problemi li qed jiffaċċjaw l-SMEs fit-tfittxija tagħhom għall-finanzjament (18). Il-KESE jistieden lill-Istati Membri kollha biex tinħoloq funzjoni bħal din sabiex tittejjeb it-trasparenza fil-proċess tas-self. Il-Kumitat jinnota li l-Artikolu 145(4) tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRD III), u l-Artikolu 418(4) tar-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRD IV) jinkludu dispożizzjonijiet li jippermettu lill-SMEs jitolbu lill-banek jinformawhom dwar il-klassifika u l-valutazzjoni tagħhom. Tkun ħaġa importanti li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu implimentati bis-sħiħ fil-prattika.

7.1.3

Fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-settur bankarju, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tanalizza s-sitwazzjoni u tiżgura li hemm biżżejjed kompetizzjoni f’dan is-settur, kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom, fil-qasam tal-prodotti finanzjarji għall-SMEs. Pereżempju, hemm il-problema tat-telf mill-finanzjament (ara iktar ’l isfel); fl-istess ħin, ir-rati għas-self kurrenti mill-bank (overdrafts) għall-intrapriżi ż-żgħar għadhom f’livell għoli ħafna, għad li r-rati tal-imgħax tal-banek għall-finanzjament mill-ġdid qatt ma kienu daqshekk baxxi. Il-kumpaniji l-kbar jistgħu jużaw alternattivi (bħal straight loans), imma l-intrapriżi ż-żgħar ma jistgħux jużaw dawn il-prodotti.

7.1.4

Telf mill-finanzjament (funding loss): f’bosta Stati Membri, il-banek jiċċarġjaw imposta fuq l-intrapriżi meta dawn iħallsu lura s-self qabel iż-żmien. Kull meta s-self jintradd lura qabel iż-żmien previst fil-kuntratt, il-bank jiċċarġja imposta għat-telf mill-finanzjament biex jagħmel tajjeb għall-fatt li l-bank jaf ikollu jinvesti l-flus mill-ġdid b’rata ta’ imgħax iktar baxxa minn dik li kien ikollu kieku s-self ma kienx tħallas lura qabel iż-żmien mistenni.

7.1.5

Madankollu, il-problema hi li dawn l-imposti għat-telf mill-finanzjament ħafna drabi jkunu pjuttost għoljin. Barra minn hekk, dawn l-imposti sikwit ma jkunux spjegati b’mod ċar fil-kuntratt, li jirreferi anki għal rati ta’ imgħax futuri li ma jkunux għadhom magħrufa. Din il-ħaġa tagħmilha diffiċli ferm biex intrapriża jkollha stima tal-imposta potenzjali għat-telf mill-finanzjament fil-każ li tħallas qabel iż-żmien. Fi kwalunkwe każ, il-biċċa l-kbira tal-intrapriżi lanqas jafu bl-obbligu li jridu jħallsu imposta għat-telf mill-finanzjament.

7.1.6

Għalhekk huwa kruċjali li l-banek jipprovdu informazzjoni iżjed ċara dwar dawn l-imposti qabel ma jiġi ffirmat il-ftehim dwar is-self. Barra minn hekk, l-ammont tal-imposta għat-telf mill-finanzjament għandu jkun limitat u raġonevoli.

7.2   Il-viżibbiltà u l-amministrazzjoni tal-programmi Ewropej għall-finanzjament tal-SMEs

7.2.1

Il-KESE huwa favur il-ħolqien ta’ bażi tad-data unika onlajn li tħaddan sorsi differenti ta’ finanzjament, li tintegra l-miżuri Ewropej, nazzjonali u reġjonali biex jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs. Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni xxerred kemm jista’ jkun il-gwida prattika (19) li huwa fassal b’informazzjoni dwar kif jistgħu jiġu aċċessati l-EUR 50 biljun ta’ finanzi pubbliċi fis-27 Stat Membru.

7.2.2

Il-KESE huwa tal-fehma li, fir-rigward tal-programm Orizzont 2020, baġit dedikat ta’ 15 % tal-programm globali u struttura ta’ ġestjoni unika huma essenzjali biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-innovazzjoni tal-SMEs. Fir-rigward tal-proċedura, għandu jsir titjib rigward il-kwistjonijiet finanzjarji u amministrattivi. Pereżempju, ħafna SMEs li qed jieħdu sehem fi proġetti finanzjati mill-UE għadhom qed jiffaċċjaw problemi enormi relatati mal-VAT fil-pajjiżi rispettivi tagħhom meta jieħdu sehem fil-proġetti. Ħafna drabi din il-kwistjoni tkun wieħed mill-ostakli ewlenin għal dawk li jkunu qed jieħdu sehem mill-bidu nett. Fl-Istati Membri kollha għandhom jiġu implimentati regolamenti ċari li jeħilsu lill-SMEs minn dawn il-piżijiet. Il-VAT għandha tkun rikuperabbli f’kull ċirkostanza fil-proġetti finanzjati mill-UE.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Dan l-istħarriġ twettaq bejn id-29 ta’ Frar u d-29 ta’ Marzu 2012, b’kampjun ta’ 7 511 kumpanija fiż-żona tal-euro.

(2)  Ibid, ara l-figuri speċifiċi fil-paġni 14-15.

(3)  ĠU C 318, 23.12.2009, p. 22, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51.

(4)  ĠU C 191, 29.06.2012, p. 72.

(5)  Ara pereżempju Financités: http://www.financites.fr/

(6)  Ara r-rapport tal-EBAN: Tax Outlook 2010 Executive Summary - http://www.eban.org/resource-center/publications/eban-publications

(7)  Tante Agaath regeling (http://www.tanteagaath.nl/agaath_regeling.htm).

(8)  http://pme.service-public.fr/actualites/breves/reduction-isf-pour-investissements-pme.html

(9)  ĠU C 191, 29.06.2012, p. 80.

(10)  ĠU C 143, 22.05.2012, p. 78 - ĠU C 181, 21.06.2012, p. 84.

(11)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 39.

(12)  ĠU C 229, 31.07.2012, p. 55.

(13)  ĠU C 181, 21.06.2012, p. 125.

(14)  Rapport Speċjali Nru 2/2012 “Financial instruments for SMEs co-financed by the European Regional Development Fund” – Rapport tal-Qorti Ewropea Awdituri - http://eca.europa.eu/portal/pls/portal/docs/1/13766742.PDF

(15)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51, ĠU C 181, 21.06.2012, p. 125.

(16)  Ara eżempji bħal "Financing SMEs and Entrepreneurs 2012: an OECD scoreboard" (http://www.oecd-ilibrary.org/industry-and-services/financing-smes-and-entrepreneurship_9789264166769-en).

(17)  http://www.schwabfound.org/pdf/schwabfound/SocialInvestmentManual.pdf

(18)  http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/10/1186&format=HTML&aged=0&language=EN&guiLanguage=en

(19)  Rapport Finali, Evalwazzjoni tal-Politiki tal-Istati Membri biex ikun faċilitat l-Aċċess għall-Finanzi għall-SMEs (Evaluation of Member State Policies to facilitate Access to Finance for SMEs - mhux disponibbli bil-Malti) – Ġunju 2012 http://ec.europa.eu/enterprise/policies/finance/guide-to-funding/indirect-funding/files/evaluation-of-national-financing-programmes-2012_en.pdf