15.2.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/119 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni – Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu”
COM(2012) 79 final
2013/C 44/21
Relatur: is-Sur CHIRIACO
Nhar id-29 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni – Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu
COM(2012) 79 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-22 ta’ Novembru 2012
Matul l-485 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2012 (seduta tat-12 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’125 vot favur u 7 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Fil-fehma tal-KESE hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tkompli tiggarantixxi livell adegwat ta’ fondi pubbliċi għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fl-agrikoltura. F’dan ir-rigward, il-KESE jqis li hemm bżonn li jkun hemm kooridnazzjoni aħjar bejn il-politiki tar-riċerka f’sens strett u politiki tal-agrikoltura li jiffavorixxu l-innovazzjoni, b’referenza partikolari għal dawk iffinanzjati mill-PAK. Barra minn hekk, il-KESE jqis li d-dibattitu dwar l-EPI “Produttività u Sostenibbiltà fl-Agrikoltura” jista’ joffri kontribut għall-proċess ta’ riforma tal-Politika Agrikola Komuni għal wara l-2013. |
1.2 |
Il-KESE jitlob li l-istrateġija promossa mill-EPI “Produttività u sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu” tagħti attenzjoni adegwata lill-għan tat-tisħiħ u tat-tkabbir tas-settur tal-ipproċessar industrijali Ewropew. Huwa biss b’integrazzjoni adegwata tal-aspetti differenti fil-katina agroalimentari li jkun possibbli li jiġi garantit li ż-żjieda fl-offerta agrikola Ewropea timxi id f’id ma’ promozzjoni adegwata u aċċess sikur għas-suq tal-prodotti primarji Ewropej. |
1.3 |
Il-KESE jqis li hemm bżonn li tiġi promossa diskussjoni dwar l-indikatur propost mill-Kummissjoni biex tiġi valutata l-prestazzjoni tal-miżuri tal-EPI f’termini ta’ sostenibbiltà. Filfatt, filwaqt li l-KESE jirrikonoxxi l-kontribut deċisiv ta’ funzjonalità sodisfaċenti tal-art għas-sostenibbiltà, iqis li hemm bżonn li ma jiġix traskurat l-użu ta’ indikaturi oħra ta’ prestazzjoni li jippermettu li jiġi rikonoxxut il-kontribut ta’ xi prattiki agrikoli, b’mod partikolari għall-konservazzjoni tar-riżorsi naturali. |
1.4 |
Fil-fehma tal-KESE, l-EPI “Produttività u sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu” m’għandix titraskura milli tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ innovazzjonijiet fl-organizzazzjoni li jistgħu jtejbu kemm jistgħu r-relazzjonijiet bejn is-suġġetti fil-katina agroalimentari nazzjonali u dik Ewropea. Filfatt, livell ta’ dħul adegwat għall-bdiewa, it-titjib fit-tħaddim tal-ktajjen tal-forniment agroalimentari, l-irkupru tal-poter tas-suq ta’ dawk li jaħdmu fl-agrikoltura u tqassim aktar ġust tal-valur bejn l-atturi tul il-ktajjen agroalimentari jirrappreżentaw għanijiet kruċjali biex tiġi evitata l-qerda tal-attività agrikola f’ħafna żoni rurali Ewropej. |
1.5 |
Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni li tiggarantixxi parteċipazzjoni adegwata u s-sehem tar-rappreżentanti tal-imsieħba ekonomiċi, soċjali u istituzzjonali fil-qasam tal-agrikoltura fil-governanza tal-EPI biex tiġi promossa l-akbar effikaċja u effiċjenza tal-attività li ser jitwettqu. |
1.6 |
Fil-fehma tal-KESE, l-EPI jkollhom effett pożittiv biss jekk il-gruppi operattivi jkunu jistgħu jinbidlu b’mod effikaċi f’suġġetti li jkunu kapaċi jagħtu bidu lil proċessi ta’ żvilupp b’għanijiet li jitkejlu, aktar milli jkunu sħubijiet ġodda intiżi biss biex jitolbu finanzi pubbliċi. Barra minn hekk, il-KESE jaqbel mal-proposta mfassla mill-Kummissjoni Ewropea li tiġi garantita koordinazzjoni tal-gruppi operattivi differenti tal-EPI “Produttività u sostenibbiltà fil-qasam agrikolu” permezz tal-ħolqien ta’ netwerk ta’ EPI fil-qafas ta’ netwerk rurali Ewropew. |
1.7 |
Fil-fehma tal-KESE, l-inizjattiva tal-EPI “Produttività u sostenibbiltà fil-qasam agrikolu” tagħti kontribut importanti lill-innovazzjoni fl-agrikoltura permezz tal-ħolqien ta’ netwerk ta’ operaturi u l-konnessjoni bejn il-positijiet fejn tinħoloq innovazzjoni u dawk fejn l-innovazzjoni tiġi adottata. Il-KESE jqis li dan l-approċċ għandu jagħmilha possibbli li jkun hemm suġġetti intermedji li jġibu flimkien is-suġġetti differenti li jipparteċipaw fil-katina tal-innovazzjoni. Filfatt, il-KESE huwa tal-fehma li l-impatt tal-EPI “Produttività u Sostenibbiltà fl-Agrikoltura” jiddependi mill-parteċipazzjoni attiva tal-intermedjarji tal-innovazzjoni (innovation brokers) li jkunu kapaċi jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni għall-innovazzjoni bejn diversi suġġetti differenti. |
1.8 |
Il-KESE jqis li, bi prijorità, l-inizjattivi tal-gruppi operattivi tal-EPI għandhom jissaħħu b’miżuri fil-qasam tat-tiġdid ġenerazzjonali, tal-assistenza teknika, tat-taħriġ speċjalment għall-bdiewa żgħażagħ, tal-appoġġ għall-investimenti strutturali, tal-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti agrikoli, tal-ħolqien ta’ niċeċ ġodda fis-suq (pereżempju il-ktajjen qosra) u tad-diversifikazzjoni tad-dħul tal-intrapriża permezz tal-aċċess prijoritarju għar-riżorsi li jeżistu fil-programmi ta’ żvilupp rurali. |
1.9 |
Il-KESE jitlob li jitniedu miżuri speċifiċi li jiggarantixxu l-koordinament u s-sinerġija bejn l-EPI “Produttività u Sostenibbiltà fl-Agrikoltura” u l-oħrajn fl-oqsma tal-“Materja Prima” u l-“Ilma”. |
2. Sħubijiet Ewropej għall-innovazzjoni (EPI)
2.1 |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 – Unjoni tal-Innovazzjoni tipproponi s-sħubijiet Ewropej għall-innovazzjoni (EPI) (1). Il-Kummissjoni tqis li l-EPI jridu jikkontribwixxu biex jissolvew diversi problemi ta’ importanza kbira għas-soċjetà fosthom dik li tinħoloq id-disponibbiltà ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u ta’ kwalità għolja bis-saħħa ta’ metodi ta’ produzzjoni sostenibbli. |
2.2 |
S’issa, il-Kummissjoni Ewropea ppromoviet l-ewwel sħubija sperimentali fil-qasam tat-tixjiħ attiv u b’saħħtu (2). B’mod parallel tressqu it-tliet proposti li ġejjin għal sħubijiet:
|
2.3 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) diġà esprima l-interess tiegħu rigward is-sħubija Ewropea. Madankollu, fakkar fil-miżuri differenti u proċeduri ġenerali li ttieħdu f’dan ir-rigward. Filfatt, il-KESE indika l-ħtieġa li jitqiesu dawn l-esperjenzi filwaqt li jiġu segwiti l-inizjattivi li ttieħdu. Fil-fehma tal-KESE, il-ħidma kollha li twettqet s’issa mill-Kummissjoni u mill-partijiet l-oħra interessati trid tiġi rikonoxxuta, konsolidata u użata fil-ħolqien ta’ inizjattivi ġodda. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrakkomanda li tiġi garantita l-armonizzazzjoni meħtieġa tal-miżuri u l-istrumenti l-ġodda li qed jiġu proposti biex dawn ikunu kompatibbli mal-proċessi li għaddejjin, ħalli jiġu evitati komplikazzjonijiet oħra u x-xogħol doppju u biex jiġu assigurati l-kontinwità, iċ-ċertezza legali u l-istabbiltà meħtieġa (6). Fl-aħħar, il-KESE talab li fl-implimentazzjoni tas-sħubijiet Ewropej għall-innovazzjoni jiġi garantit ir-rispett tal-prinċipju tal-volontarjetà, il-ġometrija varjabbli, it-trasparenza u forma ta’ governanza ċara u li tiġi amministrata b’mod faċli (7). |
3. Il-Komunikazzjoni fi ftit kliem
3.1 |
Il-Kummissjoni Ewropea preżentat komunikazzjoni fl-ambitu tal-inizjattiva Unjoni tal-Innovazzjoni li tippromovi sħubija ġdida Ewropea għall-innovazzjoni fil-qasam tal-“Produttività u sostenibbiltà fil-qasam agrikolu”. |
3.2 |
Il-Kummissjoni tiffissa żewġ għanijiet għall-EPI “Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu”:
F’dan ir-rigward, l-EPI għandha l-għan li tikkontribwixxi li twassal b’mod effikaċi r-riċerka u l-aktar teknoloġija avangardista lill-partijiet interessati, fosthom il-bdiewa, l-intrapriżi, l-industrija, is-servizzi ta’ konsulenza u l-NGOs. |
4. Kummenti ġenerali
4.1 |
Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva promossa mill-Kummissjoni għat-tnedija ta’ sħubijiet Ewropej għall-innovazzjoni (EPI). B’mod partikolari, il-KESE jaqbel mal-għażla tal-Kummissjoni li tirriżerva inizjattiva speċifika fl-ambitu tal-EPI għas-suġġett “Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu”. Filfatt, fil-fehma tal-KESE din l-inizjattiva tista’ tkun okkażżjoni interessanti biex tiġi promossa d-diskussjoni fost il-partijiet interessati fil-qasam agroalimentari dwar l-identifikazzjoni ta’ għanijiet prijoritarji strateġiċi ta’ żvilupp għall-agrikoltura Ewropea lejn l-2050. F’dan ir-rigward, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra xi proposti li għamel f’opinjonijiet tiegħu preċedenti (8): |
4.2 |
Il-KESE jqis li waħda mill-isfidi prinċipali għall-futur tal-agrikoltura hija l-identifikazzjoni ta’ paradigma produttiv li jippermetti li l-produzzjoni agrikola tkun kompatibbli mar-rispett tal-ambjent u tas-sostenibbiltà. Hija ħaġa kumplikata li jintlaħaq dan il-għan minħabba l-fatturi li qed jiddefinixxu x-xenarju li bħalissa qed jikkaratterizza s-settur agroalimentari fil-livell dinji. L-instabbiltà fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli, l-iffinanzjarizzazzjoni tas-settur agrikolu, l-użu dejjem aktar tal-prodotti agrikoli għall-enerġija u l-implikazzjonijiet tal-kriżi ekonomika globali huma ostakli serji għall-ħolqien ta’ prattiċi ġodda li huma aktar produttivi u sostenibbli. F’dan ir-rigward, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza tar-riċerka u l-innovazzjoni filwaqt li jqis li l-EPI “Produttività u Sostenibbiltà fl-Agrikoltura” tista’ toffri kontribut importanti biex tiġi ffaċċjata din l-isfida deċisiva għall-futur tal-agrikoltura Ewropea. |
4.3 |
Il-KESE jenfasizza li l-prestazzjoni f’termini ta’ kompetittività tas-sistema agroalimentari Ewropea kollha kemm hi hija influwenzata b’mod deċisiv mill-kontribut li jagħtu s-setturi tal-ipproċessar industrijali u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-ikel. F’dan ir-rigward, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex ma tissottovalutax il-kontribut tal-importazzjoni tal-materja prima agrikola għar-riżultati ekonomiċi tal-katina agroalimentari Ewropea. B’hekk l-istrateġija promossa mill-EPI “Produttività u sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu” trid tagħti attenzjoni adegwata lill-għan tat-tisħiħ u tat-tkabbir tas-settur tal-ipproċessar industrijali Ewropew. Huwa biss b’integrazzjoni adegwata tal-aspetti differenti fil-katina agroalimentari li jkun possibbli li jiġi garantit li ż-żjieda fl-offerta agrikola Ewropea timxi id f’id ma’ promozzjoni adegwata u aċċess sikur għas-suq tal-prodotti primarji Ewropej. |
4.4 |
Il-KESE jinnota li l-Kummissjoni ma tipproponix definizzjoni tal-produttività fl-agrikoltura fil-Komunikazzjoni. Diskussjoni dwar il-kunċett ta’ produttività fl-agrikoltura trid tibda bilfors minn definizzjoni li jkun hemm qbil dwarha ta’ output tal-agrikoltura. Filfatt, f’opinjonijiet differenti (9), il-KESE ġibed l-attenzjoni għall-importanza li jinżamm il-mudell agrikolu Ewropew u fakkar li l-popolazzjoni tal-Unjoni hija sensibbli għar-rwoli differenti li taqdi l-agrikoltura (produzzjoni tal-ikel u tal-fibri, ħarsien tal-ambjent u tal-iżvilupp rurali, kontribut għall-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali, żvilupp territorjali bbilanċjat, kwalità tajba tal-ikel u l-benesseri tal-annimali). Għalhekk, fil-fehma tal-KESE, kull sforz li tiġi promossa u titjieb il-produttività fl-agrikoltura irid ikun iffukat fuq l-għan li n-natura plurifunzjonali tal-agrikoltura tingħata spinta bil-promozzjoni ta’ żvilupp ibbilanċjat tas-settur filwaqt li ma jiġi traskurat l-ebda wieħed mill-outputs ta’ dan il-mudell. |
4.5 |
Skont il-KESE, il-kunċett ta’ produttività fl-agrikoltura m’għandux jitraskura l-anqas li jagħti importanza lill-kontribut li l-fatturi differenti jagħtu lill-produzzjoni. Filfatt, ħafna mill-analiżijiet li jsiru dwar il-produttività agrikola għandhom it-tendenza li jagħtu importanza biss lill-kontribut tal-fatturi tekniċi (ħamrija, ilma, fertilizzanti, żrieragħ), filwaqt li jinsew jiġbdu l-attenzjoni għall-kontribut fundamentali tal-fattur uman, speċjalment biex jinkisbu produzzjonijiet ta’ kwalità. B’hekk, fil-fehma tal-KESE, mhux ser ikun possibbli li tiġi definita strateġija ta’ promozzjoni u ta’ valutazzjoni tal-produttività fl-agrikoltura mingħajr ma jiġu adottati miżuri adatti (taħriġ, sigurtà) biex titjieb il-kwalità tax-xogħol fl-agrikoltura. |
4.6 |
Fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-EPI “Produttività u Sostenibbiltà fil-Qasam Agrikolu”, il-KESE jqis li huwa opportun li tiġi promossa diskussjoni dwar l-idea ta’ sostenibbiltà għall-iskop li jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet tal-mudell agrikolu Ewropew flimkien mal-iżviluppi u l-isfidi fix-xenarju globali. Fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-agrikoltura u s-sostenibbiltà, il-KESE għandu l-ħsieb, l-ewwel nett, li jfakkar il-kontribut tal-plurifunzjonalità biex jintlaħaq dan il-għan. F’dan ir-rigward, il-KESE jqis li għandu jiġi enfasizzat li l-plurifunzjonalità hija karatteristika partikolari tal-agrikoltura u li għaldaqstant għandha tiġi salvagwardjata u mogħtija valur bil-għan li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli. |
4.7 |
Il-KESE jfakkar il-progress kbir li għamel is-settur tal-agrikoltura Ewropew fir-rigward tat-tliet komponenti tal-iżvilupp sostenibbli (ekonomiku, soċjali u ambjentali). Madankollu, il-KESE jfakkar li l-iżvilupp sostenibbli ma jistax jiġi garantit mingħajr ma tingħata attenzjoni adegwata lill-aspett istituzzjonali tas-sostenibbiltà. Għaldaqstant, il-KESE jrid jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi promoss livell adegwat ta’ parteċipazjoni u ta’ impenn tas-suġġetti kollha fis-settur agrikolu permezz tal-miżuri tal-EPI “Produttività u sostenibbiltà tal-agrikoltura” biex il-kontribut li l-mudell agrikolu Ewropew jista’ jagħti lill-għan tal-iżvilupp sostenibbli jiġi massimizzat. |
4.8 |
Il-KESE jaqbel mal-għażla tal-Kummissjoni li tindika s-sostenibbiltà tal-agrikoltura bħala wieħed mill-għanijiet prijoritarji tal-EPI. Madankollu, il-KESE jqis li f’dan ir-rigward hemm bżonn li tiġi promossa diskussjoni dwar l-indikatur propost mill-Kummissjoni biex tiġi valutata l-prestazzjoni tal-miżuri tal-EPI f’termini ta’ sostenibbiltà. Filfatt, filwaqt li l-KESE jirrikonoxxi l-kontribut deċisiv ta’ funzjonalità sodisfaċenti tal-art għas-sostenibbiltà, iqis li hemm bżonn li ma jiġix traskurat l-użu ta’ indikaturi oħra ta’ prestazzjoni li jippermettu li jiġi rikonoxxut il-kontribut ta’ xi prattiki agrikoli, b’mod partikolari għall-konservazzjoni tar-riżorsi naturali. |
4.9 |
Fl-aħħar, il-KESE jqis li għandu jiġi approfondit il-kunċett tal-innovazzjoni fl-agrikoltura li jippermetti li jiġu enfasizzati u kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet tal-mudell agrikolu Ewropew. Bejn is-snin 60 u 80, ġiet reġistrata żjieda qawwija fil-produzzjoni agrikola bis-saħħa tal-innovazzjonijiet li ddaħħlu bir-revoluzzjoni ‘l-ħadra. Iżda dan it-titjib tal-prestazzjonijiet produttivi sar askapitu tas-sostenibbiltà ambjentali tal-agrikoltura minħabba fl-użu dejjem aktar massiv ta’ prodotti kimiċi (fertilizzanti, prodotti kontra l-ħaxix ħażin u pestiċidi) u tal-karburant għat-tħaddim tal-magni. Minkejja li l-KESE huwa konvint li s-sikurezza tal-provvista tal-ikel hija dritt fundamentali tal-bniedem, iqis li “r-rivoluzzjoni l-ħadra” ma toffrix il-mudell biex tiġi ffaċċjata din l-isfida globali kruċjali fil-ġejjieni. F’dan is-sens, il-proċessi innovattivi fl-agrikoltura jridu jkunu immirati li jappoġġjaw strateġija organika ta’ żvilupp għas-settur, li filwaqt li timmira lejn użu effiċjenti tal-fatturi kollha produttivi (ħamrija, ilma, xogħol, enerġija) u lejn il-valorizzazzjoni tal-produzzjonijiet ta’ kwalità, tappoġġja n-natura plurifunzjonali tal-agrikoltura. |
4.10 |
Il-KESE jappoġġja b’konvinzjoni l-importanza li l-mudell agrikolu Ewropew jingħata valur u li jitħares. Filfatt, hemm bżonn li jiġi rikonoxxut il-karattru plurifunzjonali tal-agrikoltura filwaqt li tingħata importanza lill-kontribut li hija tista’ toffri lill-għan li jiġi garantit żvilupp sostenibbli. Dan it-twessigħ tal-funzjonijiet u tar-rwoli li jingħataw lill-agrikoltura joħolqu l-ħtieġa li l-istrateġiji innovattivi għas-settur jiġu maħsuba mill-ġdid. Filfatt, fil-fehma tal-KESE, għandu jkun hemm definizzjoni mill-ġdid tal-limiti u tal-ambiti tal-intervent filwaqt li jiġu mfakkra r-rabtiet li qed jiżdiedu bejn l-agrikoltura u s-setturi produttivi l-oħra. F’dan is-sens, l-istrateġiji ta’ miżuri innovattivi jridu jkunu dejjem inqas settorjali u dejjem aktar immirati għall-attivitajiet kollha li jaqgħu taħt it-titlu bijoekonomija. |
4.11 |
Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex ma titraskura l-ebda forma ta’ innovazzjoni li tista’ titwettaq fis-settur agrikolu. Filwaqt li ma jissottovalutax l-importanza li jingħata appoġġ adegwat lill-ħolqien u t-tixrid tal-innovazzjonijiet għall-proċessi agrikoli, f’dan ir-rigward, il-KESE jistieden li tingħata attenzjoni akbar lill-innovazzjonijiet li jistgħu jiġu implimentati fil-fażijiet tal-kummerċjalizzazzjoni, dawk marbutin mal-prova ta’ forom ġodda ta’ organizzazzjoni fl-intrapriżi u dawk immirati li jtejbu kemm jistgħu r-relazzjoni bejn is-suġġetti tul il-ktajjen agroalimentari nazzjonali u dawk Ewropej. |
4.12 |
Fir-rigward tal-innovazzjoni tal-prodotti, il-KESE jfakkar fl-attenzjoni akbar li l-individwi qed jagħtu lill-iżvilupp, it-tixrid u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ikel funzjonali. Filwaqt li l-KESE ma jinjorax l-importanza ekonomika u sanitarja ta’ dawn it-tipi ġodda ta’ prodotti, jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu appoġġjati proċessi ta’ innovazzjoni tal-prodott li, anke jekk jinkludu inizjattivi privati, jagħtu aktar każ lill-ħtieġa li jinħolqu benefiċċji akbar għall-komunità sħiħa. |
4.13 |
Il-KESE jqis li l-Kummissjoni fdat għanijiet ambizzjużi ferm lill-EPI “Produttività u sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu”. Fil-fehma tal-KESE, biex jiġi garantit l-aħjar riżultat għall-inizjattiva trid tinħoloq l-akbar sinerġija possibbli bejn l-EPI “Produttività u sostenibbiltà fil-qasam Agrikoltu” u l-politiki Komunitarji varji (intrapriżi, miżuri għall-klima, politiki intersettorjali, ekonomija, finanzi u fiskalità, impjiegi u drittijiet soċjali, enerġija u riżorsi naturali, ambjent, konsumaturi u saħħa, relazzjonijiet esterni u affarijiet barranin, reġjuni u żvilupp lokali, xjenza u teknoloġija). F’dan ir-rigward irid ikun hemm attenzjoni partikolari biex tiġi garantita l-koerenza bejn l-inizjattivi tal-EPI u l-kontenut tal-istrumenti tal-Politika Agrikola Komuni. |
4.14 |
Il-KESE jqis li huwa importanti li jintwera l-impatt tal-għażliet li tagħmel l-UE fil-qasam tal-politiki kummerċjali f’termini ta’ prestazzjoni tal-produttività tas-setturi agrikoli. Pereżempju, fil-każ tal-kultivazzjonijiet li minnhom jidderivaw il-proteini, l-għażla tal-UE li tnaqqas il-forom ta’ appoġġ wasslet biex l-operaturi Ewropej tilfu l-kompetittività tagħhom fis-settur. Fil-fehma tal-KESE, dan il-każ juri li t-titjib fil-produttività ta’ xi setturi agrikoli ma jiddependix biss miż-żieda fir-riżorsi li jiġu trasferiti lejn is-settur, iżda jista’ jintlaħaq ukoll billi ma tiġix injorata l-adozzjoni ta’ miżuri kummerċjali effikaċi. F’dan ir-rigward irid jiġi mfakkar li biex jiġi garantit id-dħul tal-bdiewa hemm bżonn li kull politika mmirata li żżid il-produttività agrikola jkollha magħha miżuri li jiggarantixxu l-aċċess meħtieġ għas-suq taż-żjieda fil-kwantità tal-prodotti miksuba. |
4.15 |
Il-KESE jfakkar li d-dinja kollha u l-pajjiżi individwali gawdew sew miż-żjieda fil-produttività tal-agrikoltura. Parti kbira minn dawn il-benefiċċji hija dovuta għall-progress teknoloġiku li seħħ bis-saħħa tal-investiment pubbliku fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp fis-settur agrikolu. Madankollu, l-evidenza empirika disponibbli tissuġġerixxi li l-benefiċċji huma ħafna akbar mill-ispejjeż. Fil-fehma tal-KESE hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tkompli tiggarantixxi livell adegwat ta’ fondi pubbliċi għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fl-agrikoltura. F’dan ir-rigward, il-KESE jqis li hemm bżonn li jkun hemm kooridnazzjoni aħjar bejn il-politiki tar-riċerka f’sens strett u l-politiki tal-agrikoltura li jiffavorixxu l-innovazzjoni, b’referenza partikolari għal dawk iffinanazjati mill-PAK. Għandu jiġi mtejjeb il-kontribut li jistgħu joffru lit-tixrid tal-progress tekniku kemm il-pagamenti diretti diżakkoppjati tal-ewwel pilastru kif ukoll il-miżuri strutturali tal-iżvilupp rurali. |
4.16 |
Il-KESE jiġbed l-attenzjoni li d-diskussjoni dwar l-EPI “Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu” qed issir fl-istess waqt li qed jiġi diskuss il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid tal-Unjoni Ewropea. Filfatt għalissa għadu mhux magħruf fiċ-ċert kemm l-UE beħsiebha talloka fondi biex jitwettqu l-politiki Komunitarji differenti. Il-KESE jikkunsidra li huwa importanti li l-UE, b’koerenza mal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, issosstni b’mod adegwat il-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni implimentati fil-livell Ewropew. Fir-rigward tal-qasam agrikolu, il-KESE jitlob li jiġi garantit tal-anqas allokament ta’ EUR 5,1 biljun li jkunu riżervati biss għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-agrikoltura, previst fil-proposta tal-QFP 2014-2020. |
5. Kummenti speċifiċi
5.1 |
Il-KESE japprezza l-isforz tal-Kummissjoni Ewropea biex iddaħħal forma ġdida ta’ governanza għall-implimentazzjoni tal-proċessi ta’ innovazzjoni, iżda jitlob li jiġu ċċarati l-kriterji li ser jintużaw biex jintgħażlu l-membri tal-Bord ta’ tmexxija li ser jissorvelja t-tfassil tal-programm strateġiku ta’ ħidma pluriennali tal-EPI. |
5.2 |
Il-KESE jqis li huwa importanti li jkun hemm l-akbar sinerġija possibbli bejn l-EPI “Produttività u Sostenibbiltà fl-Agrikoltura” u l-inizjattivi l-oħra li ġew promossi s’issa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-innovazzjoni fis-settur (il-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka Agrikola, l-ERA-NET u l-pjattaformi teknoloġiċi Ewropej). F’okkażjonijiet oħra, il-KESE (10) kien ġibed l-attenzjoni għall-valur miżjud u l-benefiċċji li jirriżultaw minn programmazzjoni konġunta fis-settur tar-riċerka agrikola f’termini ta’ impatt fuq il-kompetittività Ewropea. Barra minn hekk, il-KESE jitlob li jiġu ċċarati l-miżuri li ser jittieħdu biex jiġu garantiti l-koordinament u s-sinerġija bejn l-EPI “Produttività u Sostenibbiltà fl-Agrikoltura” u l-oħrajn fl-oqsma tal-“Materja Prima” u “l-Ilma”. |
5.3 |
Il-KESE jqis li x-xenarju ppreżentat mill-Kummissjoni dwar l-EPI “Produttività u sostenibbiltà fil-qasam Agrikoltu” huwa ambizzjuż ferm. Fil-fehma tal-KESE l-approċċ minn isfel għal fuq propost għat-tħaddim tal-gruppi operattivi għandu jiġi, filfatt, meqjus bħala innovazzjoni pożittiva. B’mod parallel, il-KESE qed jipproponi xi kunsiderazzjonijiet dwar il-problemati u d-diffikultajiet potenzjali f’termini ta’ governabbiltà li jistgħu jinbtu mill-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida tal-EPI. Filfatt, fil-fehma tal-KESE, l-EPI jkollhom effett pożittiv biss jekk il-gruppi operattivi jkunu jistgħu jinbidlu b’mod effikaċi f’suġġetti li jkunu kapaċi jagħtu bidu lil proċessi ta’ żvilupp b’għanijiet li jitkejlu, aktar milli jkunu sħubijiet ġodda indirizzati biss biex jitolbu finanzi pubbliċi. |
5.4 |
Fil-fehma tal-KESE għandu jiġi garantit li l-implimentazzjoni tal-EPI sseħħ mingħajr ma jinħolqu diffikultajiet u komplikazzjonijiet ulterjuri għal dawk li jistgħu jipparteċipaw fil-gruppi operattivi. B’mod partikolari, il-KESE jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-inizjattiva EPI tista’ toħloq spejjeż amministrattivi għall-awtoritajiet ta’ tmexxija u l-aġenziji tal-pagamenti li jipparteċipaw fl-attivitajiet ta’ għażla, ħlas, monitoraġġ u kontroll, marbutin mal-implimentazzjoni tal-approċċ EPI. Fil-fehma tal-KESE, dan ir-riskju jista’ tnaqqas il-valur miżjud tal-inizjattiva EPI, anke f’termini tar-relazzjoni bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji. |
5.5 |
Il-KESE huwa sodisfatt għall-fatt li l-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-EPI “Produttività u sostenibbiltà fil-qasam Agrikoltu” qed tadotta l-approċċ sistemiku propost mill-Bank Dinji flimkien mal-Agricultural Innovation System – AIS immirat li joħloq network ta’ organizzazzjonijiet, intrapriżi u individwi biex jiddaħħlu fis-suq prodotti, proċessi u forom ta’ organizzazzjoni ġodda, bil-kollaborazzjoni ta’ istituzzjonijiet u politiki li jinfluwenzaw il-mod li bih diversi aġenti jinteraġixxu, jaqsmu flimkien, jaċċessaw, jiskambjaw u jużaw l-għarfien. Dan l-approċċ juri l-importanza li jkun hemm suġġetti intermedji li jġibu flimkien l-atturi differenti implikati fil-katina tal-innovazzjoni. Filfatt, il-KESE huwa tal-fehma li l-impatt tal-EPI “Produttività u Sostenibbiltà fl-Agrikoltura” jiddependi mill-parteċipazzjoni attiva tal-intermedjarji tal-innovazzjoni li jkunu kapaċi jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ kooperazzjoni għall-innovazzjoni bejn diversi suġġetti differenti. |
5.6 |
Il-KESE jaqbel mal-proposta mfassla mill-Kummissjoni Ewropea li tiġi garantita l-koordinazzjoni bejn il-gruppi operattivi differenti tal-EPI “Produttività u sostenibbiltà fil-qasam agrikolu” permezz tal-ħolqien ta’ netwerk tal-EPI fil-qafas tan-netwerk rurali Ewropew. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob li jiġi ċċarat x’ser ikunu l-provvedimenti operattivi li ser jittieħdu mill-Kummissjoni Ewropea biex in-netwerk rurali Ewropew ikun jista’ jwettaq dan il-kompitu l-ġdid speċjalment il-formazzjoni ta’ persunal b’ħiliet u kompetenzi adegwati. |
5.7 |
L-isfidi l-ġodda dinjija (liberalizzazzjoni tas-swieq, żjieda fil-popolazzjoni u skarsezza tar-riżorsi naturali) jwasslu biex is-suġġett tal-innovazzjoni fl-agrikoltura jiġbed dejjem aktar attenzjoni. L-evidenza disponibbli turi problemi marbutin ma’ ritmu ta’ innovazzjoni inqas minn dak mixtieq u għall-prevalenza ta’ tipi ta’ innovazzjonijiet klassiċi, bħal dawk fil-mekkanika, il-varjetajiet, dawk marbutin ma’ swieq ġodda, l-ipproċessar dirett, tekniki ġodda ta’ kultivazzjoni u ċertifikazzjoni. Fil-fehma tal-KESE, l-inizjattiva tal-EPI “Produttività u sostenibbiltà fil-qasam agrikolu” tagħti kontribut importanti lill-innovazzjoni fl-agrikoltura permezz tal-ħolqien ta’ netwerk ta’ operaturi u l-konnessjoni bejn il-positijiet fejn tinħoloq l-innovazzjoni u dawk fejn l-innovazzjoni tiġi adottata. |
5.8 |
Il-KESE jfakkar li l-propensità għall-innovazzjoni fl-agrikoltura hija influwenzata wkoll mill-karatteristiċi individwali tal-imprendituri jew il-familji tagħhom, mill-karatteristiċi strutturali speċifiċi tal-intrapriża għall-kundizzjonijiet tas-suq u l-kuntest ġenerali (kulturali u istituzzjonali) li fihom jaħdmu l-intrapriżi F’dan ir-rigward, il-KESE jqis li hemm bżonn li jiġu integrati l-inizjattivi tal-gruppi operattivi tal-EPI b’miżuri fil-qasam tat-tiġdid ġenerazzjonali, tal-assistenza teknika, tat-taħriġ speċjalment għall-bdiewa żgħażagħ, tal-appoġġ għall-investimenti strutturali, tal-promozzjoni u l-iżvilupp ta’ prodotti agrikoli, tal-ħolqien ta’ niċeċ ġodda fis-suq (pereżempju il-ktajjen qosra) u tad-diversifikazzjoni tad-dħul tal-intrapriża permezz tal-aċċess prijoritarju għar-riżorsi li jeżistu fil-Programmi ta’ żvilupp rurali. |
5.9 |
Il-KESE jfakkar li, fl-ambitu tal-programmazzjoni għall-iżvilupp rurali 2007-2013, iddaħħlet miżura ġdida mmirata li tippromovi esperjenzi ġodda ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp ta’ prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda fis-settur tal-agrikoltura u dak alimentari u f’dak tal-foresterija (11). Il-KESE jqis li għandha tiġi assigurata l-koordinazzjoni u s-sinerġija bejn l-azzjonijiet tal-EPI “Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu” u dawn l-inizjattivi li twettqu fl-ambitu tal-iżvilupp rurali. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu analizzati l-problemi u l-punti ta’ saħħa li s’issa ħarġu fl-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ kooperazzjoni, biex jiġu kkunsidrati fl-ippjanar operattiv tal-miżuri tal-EPI “Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu”. |
Brussell, 12 ta’ Diċembru 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) COM(2010) 546 final - Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 Unjoni tal-Innovazzjoni
(2) COM(2012) 83 final - Il-progress tal-Pjan Strateġiku tal-Implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu
(3) COM(2012) 82 final - Il-materja prima ssir disponibbli għall-benesseri tal-Ewropa fil-ġejjieni - proposta għal sħubija Ewropea tal-innovazzjoni dwar il-materja prima.
(4) COM(2012) 79 final - is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni - Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu
(5) COM(2012) 216 final - is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma.
(6) Opinjoni tal-KESE dwar Unjoni tal-Innovazzjoni (ĠU C 132, 3.5.2011 p. 39, punt 3.5).
(7) Opinjoni tal-KESE dwar Unjoni tal-Innovazzjoni (ĠU C 132, 3.5.2011 p. 39, punt 4.4).
(8) Opinjoni tal-KESE dwar Il-futur tal-bdiewa żgħażagħ tal-Ewropa (ĠU C 376, 22.12.2011, p. 19-24, punt 3.5), Opinjoni tal-KESE dwar Ir-rwol tan-nisa meħtieġ għal mudell ta’ żvilupp u ta’ innovazzjoni fl-agrikoltura u fiż-żoni rurali(ĠU C 299, 4.10.2012, p. 29-33).
(9) Opinjoni tal-KESE dwar Ir-riforma tal-PAK fl-2013 (ĠU C 354, 28.12.2010, p. 35-42), Opinjoni tal-KESE dwar Il-PAK fid-dawl tas-sena 2020 (ĠU C 191, 29.06.2012, p. 116-129), Opinjoni tal-KESE dwar Il-futur tal-PAK (ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63-70).
(10) Opinjoni tal-KESE dwar Riċerka Agrikola (ĠU C 128, 18.5.2010, p. 107, punt 1.3).
(11) Artikolu 29, ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1698/2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).