|
15.2.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp ta’ strateġija makroreġjonali fil-Mediterran — il-vantaġġi għall-Istati Membri gżejjer” (opinjoni esploratorja fuq talba tal-Presidenza Ċiprijotta)
2013/C 44/01
Relatur: is-Sur DIMITRIADIS
Nhar it-22 ta’ Mejju 2012, is-Sur Andreas D. MAVROYIANNIS, Ministru Delegat Ċiprijott għall-Affarijiet Ewropej, ikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew f’isem il-Presidenza Ċiprijotta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar
L-iżvilupp ta’ strateġija makroreġjonali fil-Mediterran — il-vantaġġi għall-Istati Membri gżejjer.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-21 ta’ Novembru 2012.
Matul l-485 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2012 (seduta tat-12 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’147 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 5 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
|
1.1 |
Il-KESE jqis li minkejja s-sitwazzjoni estremament fraġli u għalissa indeċiża li qed tiddomina r-reġjun Mediterranju, issa nħolqu l-kundizzjonijiet (1) sabiex jitnieda djalogu f’diversi livelli bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-pajjiżi li jipparteċipaw fis-sħubija Ewro-Mediterranja, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili biex tinħoloq strateġija makroreġjonali fil-Mediterran, maqsuma f’żewġ partijiet, li tkopri l-ħtiġijiet tar-reġjun billi ssaħħaħ il-kompetittività internazzjonali tiegħu. |
|
1.2 |
Il-KESE jirrikonoxxi li r-reġjun Mediterranju huwa żona partikolarment mifruxa, b’karatteristiċi li jvarjaw mil-lat ekonomiku, soċjali, politiku u kulturali, u huwa ffurmat minn pajjiżi li l-istrutturi u l-infrastrutturi tagħhom huma wkoll varji (Stati Membri tal-UE, Stati mhux membri tal-UE bi statut ta’ pajjiżi kandidati, Stati mhux membri tal-UE li jipparteċipaw fis-sħubija Ewro-Mediterranja), u għaldaqstant jipproponi li jiġu stabbiliti żewġ politiki sottoreġjonali, waħda għal-Lvant tal-Mediterran u l-oħra għall-Punent, li jintrabtu flimkien u mal-Istrateġija makroreġjonali għall-Baħar Jonju u dak Adrijatiku permezz tal-kollaborazzjoni. |
|
1.3 |
Il-KESE jikkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill u l-opinjoni konverġenti tal-Parlament Ewropew li skontha strateġija makroreġjonali m’għandhiex tirrikjedi la riżorsi finanzjarji supplimentari, la regolamentazzjoni leġislattiva, u lanqas korpi ta’ tmexxija addizzjonali (il-prinċipju tat-tliet negazzjonijiet). Madankollu huwa jqis li hemm bżonn li tiġi ffinanzjata l-għajnuna teknika għall-ġbir tad-data u l-promozzjoni tal-proġetti strutturali li huma meħtieġa. |
|
1.4 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-użu tar-riżorsi kbar li l-UE diġà kkommettiet biex tiffinanzja l-azzjonijiet u l-programmi previsti taħt il-Fondi Strutturali kif ukoll tal-istrumenti finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandu joffri mezzi sodisfaċenti, li għandhom jintużaw b’mod trasparenti imma wkoll flessibbli kemm jista’ jkun. Huwa jaqbel ukoll mal-ħolqien ta’ bank Ewro-Mediterranju tal-Investiment permezz tal-BEI, kif ukoll ma’ politika miftuħa għall-kontribuzzjonijiet ta’ istituzzjonijiet finanzjarji differenti, bħall-Kreditanstalt für Wiederaufbau (KfW), il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), il-Bank Dinji, il-Bank Afrikan ta’ Żvilupp u l-Bank Iżlamiku ta’ Żvilupp. |
|
1.5 |
Il-KESE jqis li huwa importanti li tissaħħaħ il-kooperazzjoni intrareġjonali permezz ta’ rabtiet reċiproċi aktar mill-qrib bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran fil-kummerċ, it-turiżmu u l-industrija. |
|
1.6 |
Il-KESE jqis li hemm bżonn li l-Kunsill jieħu d-deċiżjonijiet politiki meħtieġa biex jissolvew immedjatament il-problemi sospiżi ħalli l-Unjoni għall-Mediterran issir post ta’ ppjanar u ta’ implimentazzjoni tal-politika makroreġjonali l-ġdida. |
|
1.7 |
Il-KESE jqis li l-adozzjoni immedjata tal-Istrateġija għall-Adrijatiku u l-Baħar Jonju mill-Kunsill (fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Ġunju 2011) ser tiftaħ it-triq għall-implimentazzjoni tal-istrateġija makroreġjonali għall-Mediterran. |
|
1.8 |
Il-KESE huwa tal-fehma li Ċipru u Malta, flimkien mal-gżejjer kollha tal-Mediterran, ser ikollhom rwol partikolarment importanti x’jaqdu fl-istrateġiji l-ġodda kollha mfassla mill-UE. Fil-fatt dawn il-gżejjer jinsabu f’sitwazzjoni partikolarment diffiċli minħabba fin-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ konnessjoni u komunikazzjoni mal-Istati Membri kontinentali tal-UE. |
|
1.9 |
Il-KESE jenfasizza li huwa importanti ferm għaż-żona kollha tal-Mediterran f’sens wiesa’ li tiġi mħeġġa l-produzzjoni agrikola. |
|
1.10 |
Il-KESE jafferma li huwa indispensabbli li jiżviluppaw konnessjonijiet bil-baħar u bl-ajru bejn il-pajjiżi tal-Mediterran u f’ambitu aktar mifrux, mal-bqija tal-UE. |
|
1.11 |
Il-KESE jikkunsidra li b’din l-opinjoni huwa qed iniedi d-dibattitu dwar l-istrateġija makroreġjonali għall-Mediterran il-ġdida u qed jiftaħ in-negozjati dwar l-aktar temi importanti. Huwa jiddikjara li ser ikompli jaħdem dwar din il-kwistjoni tant importanti, permezz ta’ opinjonijiet ġodda li ser jistudjaw fil-fond u fid-dettall il-problemi li dan id-dokument jiddeskrivi. |
2. Introduzzjoni
|
2.1 |
Fil-kariga tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE, fit-tieni semestru 2012, Ċipru stabbilixxa l-prijorità li titfassal opinjoni bit-titlu “Strateġija makroreġjonali għall-Mediterran”, bl-approċċ speċifiku “Liema vantaġġi għall-pajjiżi gżejjer żgħar?”. |
|
2.2 |
L-għażla li tafda dan l-istudju lill-KESE jirriżulta mir-rwol li dan kellu fit-tfassil ta’ opinjonijiet konsultattivi li jesprimu u jirrappreżentaw il-fehmiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Istati Membri, filwaqt li jippromovu d-demokrazija parteċipattiva fl-UE. |
|
2.3 |
It-tema magħżula tkompli fuq is-suċċess li ġabet magħha d-definizzjoni tal-approċċi makroreġjonali għar-reġjun tal-baħar Baltiku (2), kif ukoll fuq l-istrateġiji makroreġjonali ta’ żvilupp għar-reġjun tad-Danubju, ir-reġjun Adrijatiku u Jonju u dak tal-Atlantiku, peress li l-Mediterran huwa reġjun b’karatteristiċi partikolari u b’eżiġenzi korrispondenti. |
|
2.4 |
Din l-istrateġija għandha l-għan li toħloq politiki koordinati li jgħinu lill-pajjiżi tar-reġjun isaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali ta’ bejniethom, jikkollaboraw fir-risposta li jagħtu lil għadd ta’ problemi komuni li jkollhom, biex b’hekk jagħtu lir-reġjun tagħhom il-possibbiltà li jkun kompetittiv fil-livell internazzjonali, sinjur, sikur u ekoloġikament sostenibbli. Barra minn hekk, strateġija makroreġjonali bħal din tippermetti l-koordinazzjoni tal-politiki, l-għanijiet u l-azzjonijiet kollha tal-istituzzjonijiet Ewropej mal-Istati Membri, ir-reġjuni u l-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali lokali u l-atturi kollha fir-reġjun Mediterranju, b’mod partikolari fl-Istati ġżejjer tal-Mediterran ta’ daqs żgħir u iżolati. |
|
2.5 |
Huwa daqstant ieħor skontat li l-istrateġija ser issolvi l-problemi marbutin mal-kriżi ekonomika internazzjonali attwali u ser tħaffef ir-ritmu tat-tkabbir, il-ħolqien tal-opportunitajiet ta’ xogħol u t-tnaqqis tal-qgħad. |
|
2.6 |
Għaldaqstant, l-opinjoni tadotta d-definizzjoni ta’ strateġija makroreġjonali li tagħti l-Kummissjoni (3), li tindika li strateġija tissejjaħ “makroreġjonali” meta tkun tikkonċerna reġjun li fih territorji minn pajjiżi jew reġjuni differenti li għandhom elementi komuni – pereżempju, l-istess żona, marittima jew ta’ tip ieħor, jew li għandhom quddiemhom l-istess sfidi, bħal problemi ta’ żvilupp, ta’ tibdil fil-klima, ta’ skambji ekonomiċi u kulturali limitati, eċċ. L-istrateġiji makroreġjonali jiffurmaw approċċi li jużaw l-għodod, il-programmi u l-finanzi li diġà jeżistu biex jimplimentaw l-għanijiet speċifiċi tal-makroreġjuni u jimmiraw li jġibu flimkien finanzi pubbliċi u privati fil-pjanijiet tagħhom, sabiex il-politiki aktar mifruxa jiġu allinjati mal-fondi disponibbli (Ewropej, nazzjonali u reġjonali). Barra minn hekk, huma jippermettu l-konverġenza tar-riżorsi tar-reġjuni u l-Istati Membri differenti fil-qafas tal-implimentazzjoni ta’ “intergovernanza” koordinata, kif ukoll il-ħolqien ta’ sitwazzjoni “ta’ vantaġġ reċiproku” għall-partijiet kollha msieħba. |
|
2.7 |
Fid-dawl tal-ambjent politiku u soċjali li qed jinbidel u li huwa partikolarment inċert, li huwa prevalenti fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran wara r-rivoluzzjonijiet, l-UE nediet approċċ ġdid fir-rigward tagħhom bit-titlu “Sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni”, li jippremja lill-pajjiżi li jagħmlu progress fl-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa u li jilħqu għanijiet preċiżi u li jitkelju (4). |
3. L-isfidi tar-reġjun Mediterranju
|
3.1 |
Għandu jiġi notat li fid-dawl tal-għadd kbir ta’ programmi u inizjattivi li diġà tfasslu kemm għall-Mediterran kollu (ir-relazzjonijiet Ewro-Mediterranji, magħrufa bħala “Il-proċess ta’ Barċellona”) kif ukoll għal reġjuni aktar speċifiċi fil-Mediterran bħar-reġjun Jonju u dak Adrijatiku (il-kooperazzjoni territorjali fil-baċir Mediterran, bis-saħħa tal-makroreġjun Adrijatiku-Jonju), l-istrateġija makroreġjonali l-ġdida trid tgħaqqad il-pajjiżi kollha taż-żona tal-Mediterran jiġifieri l-Istati Membri (il-Portugall, Spanja, Franza, l-Italja, il-Greċja, Ċipru, is-Slovenja, Malta) u l-pajjiżi terzi (il-Kroazja, il-Montenegro, l-Albanija, it-Turkija, il-Libanu, is-Sirja, it-Territorji Palestinjani, il-Ġordan, l-Iżrael, l-Eġittu, il-Libja, l-Alġerija, it-Tuneżija, u l-Marokk). |
|
3.2 |
Qabel ma jiġi definit il-qafas tal-għanijiet tal-azzjonijiet u l-politiki, hemm bżonn li jiġi ċċarat liema huma l-isfidi li qed jiffaċċja r-reġjun. |
|
3.2.1 |
L-ewwel nett, il-Mediterran, b’mod speċjali l-Lvant tal-Mediterran, għandu importanza storika kbira u jinkludi Stati Membri tal-UE, kif ukoll pajjiżi terzi li jinsabu fi stadji differenti ta’ żvilupp. Ir-reġjun tal-Mediterran huwa kkaratterizzat minn konċentrazzjoni qawwija ta’ flussi kummerċjali u tan-nies peress li din iż-żona minn dejjem kienet abitata min-nies, kien fiha attività ekonomika u ċċirkulaw fiha ammonti kbar ta’ beni, nies u vapuri. Madankollu r-relazzjonijiet ekonomiċi tal-pajjiżi tar-reġjun għadhom limitati ħafna; pereżempju, m’hemmx konnessjonijiet diretti bl-ajru bejn il-pajjiżi tal-Lvant tal-Mediterran. L-impressjoni ta’ xi wħud li l-“kooperazzjoni Ewro-Mediterranja” sfortunatament hija limitata għall-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u l-UE jew il-kooperazzjoni bilaterali ma’ xi Stati Membri mhijiex bla bażi. |
|
3.2.2 |
Barra minn hekk, l-iżbilanċ ekonomiku li jiddomina r-reġjun u d-differenzi fil-livell ta’ żvilupp u ta’ ġid, kif ukoll it-tensjonijiet li spiss jaħkmuh, speċjalment f’dawn iż-żminijiet, wasslu biex iċ-ċirkolazzjoni tan-nies ħadet il-forma ta’ migrazzjoni ekonomika permanenti (legali u illegali) (5) b’konsegwenzi ħżiena kemm għall-pajjiżi tal-oriġini kif ukoll għall-pajjiżi ta’ destinazzjoni; iċ-ċaqliq tan-nies li jkunu qed ifittxu asil politiku huwa parti mill-problema kollha li toħloq tħassib partikolari. |
|
3.2.3 |
It-tielet, ir-reġjun tal-Mediterran għadu kkaratterizzat minn instabbiltà politika u kunflitti armati, b’ħafna effetti mhux mixtieqa f’telf ta’ ħajjiet umani, ħsarat materjali u konsegwenzi negattivi fuq l-iskambji ekonomiċi u kummerċjali u fuq l-ambjent. Barra minn hekk, wara li bdew ir-rivoluzzjonijiet Għarab, bdiet tinħass il-ħtieġa biex tiġi mfassla fil-lokalità strateġija ġdida li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali bejn il-pajjiżi tar-reġjun b’inizjattiva tal-UE, li ser tiġi strutturata minn djalogu demokratiku mal-Istati kif wkoll mas-soċjetà ċivili (6), u li ser turi li l-UE b’mod fundamentali żżomm mal-popli tan-Nofsinhar tal-Mediterran (7). |
|
3.2.4 |
Ir-raba’, ir-reġjun huwa sors ta’ diversi materji primi prezzjużi, l-ewwel fosthom ir-riżervi tal-enerġija tal-Lvant Nofsani aktar mifrux u l-Afrika ta’ Fuq. L-iskoperta reċenti ta’ bjar ġodda tal-gass naturali hija avveniment importanti, li għandu jwassal għal provvista supplimentari ta’ riżorsi enerġetiċi għall-UE li jkunu fuq bażi aktar stabbli. Madankollu huwa indispensabbli li jiġu garantiti kundizzjonijiet ta’ sigurtà u titjib fir-rotot tal-komunikazzjoni, dawk marittimi, bl-ajru u f’forom oħra, bejn il-Mediterran u l-bqija tad-dinja, b’enfasi fuq il-flotta merkantili, li toffri attività ekonomika importanti fir-reġjun. |
|
3.2.5 |
Il-ħames, minħabba f’okkupazzjoni twila fir-reġjun, l-agrikoltura tiegħu, l-episodji reċenti ta’ nixfa repetuta, is-sajd żejjed, u d-densità tat-traffiku marittimu wasslu għal tniġġis fir-reġjun li għandu effetti negattivi fuq il-ħajja fil-baħar u fuq il-kosti, bi ħsara għall-attività turistika. L-azjendi agrikoli qed jipproduċu volumi dejjem aktar baxxi ta’ ikel li l-valur tiegħu dejjem qed jonqos (8), ir-riżorsi tal-baħar qed jispiċċaw bil-mod u wieħed jinnota tnaqqis kbir fir-rendiment tal-pixkeriji. |
|
3.2.6 |
Is-sitta, karatteristika komuni għall-pajjiżi kollha tal-Mediterran hija l-importanza li kisbet l-industrija tat-turiżmu bħala sors ta’ impjiegi u ta’ tkabbir: hija waħda mir-raġunijiet li għaliha l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tar-reġjun trid tkun element ewlieni tal-istrateġija għall-iżvilupp, biex jiġu riżolti problemi mifruxa, b’mod speċjali dik tal-istaġuni. |
|
3.2.7 |
Is-seba’, hija l-konstatazzjoni li l-użu tal-mezzi teknoloġiċi tal-komunikazzjoni permezz tal-internet huwa limitat, speċjalment fin-Nofsinhar tal-Mediterran, u li m’hemm l-ebda sforz ta’ riċerka jew ta’ innovazzjoni minkejja li dawn huma elementi indispensabbli f’ekonomija moderna. Il-pajjiżi tal-Mediterran mhumiex konnessi ħlief b’mod limitat ħafna. |
|
3.3 |
Għandu jiġi notat li r-relazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u soċjali bejn il-pajjiżi tat-Tramuntana tal-Afrika jinsabu f’livell verament baxx, tant li ’l hekk imsejħa kooperazzjoni Ewro-Mediterranja mhijiex ħlief kooperazzjoni tal-UE ma’ xi pajjiżi biss. Barra minn hekk, il-politiki u l-programmi li l-UE implimentat fir-reġjun kellhom suċċess limitat, minħabba fin-nuqqas ta’ msieħba lokali effikaċi u l-korruzzjoni (9), kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ komprensjoni adegwata tad-drawwiet, it-tradizzjonijiet u r-rappreżentazzjonijiet soċjali lokali. Il-proċess ta’ Barċellona li ilu fis-seħħ mill-1995, ta riżultati fjakki u l-programm MEDA u l-Unjoni għall-Mediterran ma tawx ir-riżultati mistennija għal promozzjoni adegwata tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-baċir tal-Mediterran. |
4. Għanijiet ta’ strateġija makroreġjonali fil-Mediterran
|
4.1 |
Fid-dawl tal-isfidi msemmija hawn fuq, qed jiġi propost li l-għanijiet ewlenin tal-istrateġija makroreġjonali jiġu definiti kif ġej: |
|
4.1.1 |
jinkiseb żvilupp sostenibbli bit-tisħiħ tal-kompetittività tal-ekonomiji tal-pajjiżi tar-reġjun; sabiex tiġi ffaċċjata l-kriżi ekonomika internazzjonali attwali u jinħolqu possibbiltajiet ta’ impjiegi u ta’ tnaqqis tal-qgħad; |
|
4.1.2 |
tisħiħ tar-rabtiet bejn il-pajjiżi tal-Mediterran li jsiru pont ta’ komunikazzjoni bejn l-UE, il-Lvant Nofsani u l-Afrika, biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-paċi, il-prosperità u l-koeżjoni reġjonali; |
|
4.1.3 |
l-identifikazzjoni ta’ politika enerġetika ambizzjuża li taqdi kemm lill-pajjiżi tar-reġjun kif ukoll lill-UE, billi wieħed iżomm f’rasu li din għandha bżonn tiddiversifika l-fornituri tagħha tal-enerġija u tnaqqas d-dipendenza tagħha mir-Russja; |
|
4.1.4 |
tisħiħ tal-libertà tal-moviment tal-prodotti, is-servizzi, il-kapital u l-persuni bejn il-pajjiżi tal-Mediterran li mhumiex fl-UE; |
|
4.1.5 |
titjib tan-netwerk tal-konnessjonijiet biex ikun hemm aċċess mgħaġġel u bla ostakli għall-oġġetti, il-persuni u s-servizzi, b’insistenza partikolari fuq it-trasport b’sigurtà sħiħa tar-riżorsi tal-enerġija; |
|
4.1.6 |
tisħiħ tar-rwol tal-Istati Membri tal-UE li huma gżejjer żgħar fir-reġjun tal-Mediterran, jiġifieri Ċipru u Malta, bit-tnedija ta’ inizjattivi għat-titjib tar-relazzjonijiet mal-imsieħba tal-Mediterran, l-aktar bit-tixrid tal-konnessjonijiet elettroniċi tal-pajjiżi fir-reġjun mal-bqija tad-dinja; |
|
4.1.7 |
promozzjoni ta’ programmi li għandhom l-għan li joħolqu impjiegi addizzjonali li minnhom jibbenefikaw gruppi li jeħtieġu attenzjoni partikolari (10) (nisa, żgħażagħ, persuni b’diżabbiltà eċċ.). |
|
4.2 |
L-istrateġija makroreġjonali għall-Mediterran, maqsuma fi strateġija sottoreġjonali għal-Lvant u oħra għall-Punent tal-Mediterran, għandha timmira li tittrasforma r-reġjun f’żona li tkun ġenwinament innovattiva fil-qasam tal-kummerċ, it-turiżmu, il-kultura, l-ideat, l-innovazzjonijiet, ir-riċerka u l-attivitajiet edukattivi, biex b’hekk isir reġjun ta’ paċi fejn jinkiseb l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli u l-prosperità. |
5. Approċċ strateġiku fil-perspettiva tal-makroreġjun tal-Mediterran
|
5.1 |
L-analiżi li saret hawn fuq tista’ tgħin biex jiġu identifikati l-elementi prinċipali għal strateġija għar-reġjun, organizzati f’sitt pilastri kompatibbli mal-Istrateġija Ewropea “Ewropa 2020” (11) li huma kif ġej: |
|
5.1.1 |
L-ewwel pilastru jirrigwarda l-kooperazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku b’rabta mal-għanijiet tas-sostenibbiltà, b’miżuri importanti fil-qasam ekonomiku u komponenti bħal:
|
|
5.1.2 |
It-tieni pilastru jitratta l-ħarsien tal-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, fosthom:
|
|
5.1.3 |
It-tielet pilastru jirrigwarda t-trasport, fejn l-għan hu li jiġu garantiti l-konnessjonijiet u s-sigurtà tat-trasport tal-oġġetti u tal-persuni bl-ajru u bil-baħar. F’dan ir-rigward, l-għanijiet huma:
|
|
5.1.4 |
Ir-raba’ pilastru jirrigwarda l-kooperazzjoni fil-qasam tal-enerġija (12) għall-idrokarburanti, il-gass naturali, l-enerġija rinnovabbli u t-trasport sikur tagħhom mill-pajjiżi produtturi lejn l-UE u bnadi oħra. L-għan għal żmien twil li tinħoloq “komunità tal-enerġija UE - Nofsinhar tal-Mediterran” huwa proġett ambizzjuż ħafna iżda indispensabbli. Għal dan il-għan, hemm bżonn li tiġi żviluppata politika tal-enerġija f’diversi livelli għall-Mediterran li timmira għal:
|
|
5.1.5 |
Il-ħames pilastru jirrigwarda l-innovazzjoni u l-kompetittività. L-istrateġija għandha tuża l-okkażjonijiet maħluqin mill-inizjattivi tal-UE li diġà huma fis-seħħ fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni, bl-għan li tissaħħaħ il-kompetittività, biex b’hekk isir kontribut lejn il-prosperità tal-popolazzjonijiet tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Mediterran fis-sens wiesa’, b’azzjonijiet li jikkonsistu f’dan li ġej:
|
|
5.1.6 |
Is-sitt pilastru jirrigwarda l-immigrazzjoni u l-mobbiltà (13); l-ambitu tiegħu jirrigwarda l-promozzjoni tal-immigrazzjoni legali u organizzata tajjeb, ir-rispett tad-drittijiet internazzjonali fil-qasam tal-asil, it-tnaqqis tal-immigrazzjoni klandestina, il-ġlieda kontra n-netwerks kriminali li jittraffikaw in-nies, u fl-aħħar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam tal-kontroll tal-fruntieri:
|
6. Kundizzjonijiet essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija makroreġjonali ta’ żvilupp tal-Mediterran
|
6.1 |
L-istrateġija makroreġjonali l-ġdida għall-Mediterran, maqsuma f’żewġ sezzjonijiet sottoreġjonali, trid tidħol fl-Istrateġija Ewropa 2020, il-programmi attwali u d-dispożizzjonijiet finanzjarji tal-UE (14) u fost affarijiet oħra tuża l-inizjattivi Ewropej bħall-programm Interact, biex joffru l-assistenza teknika u t-taħriġ (15) meħtiġin. Madankollu ser ikun indispensabbli li jinħolqu strutturi ġodda ta’ amministrazzjoni u ta’ tisħiħ tal-ħidma tal-istituzzjonijiet. L-istrateġija makroreġjonali trid tiżviluppa approċċi ġodda li minnhom jiggwadanjaw il-pajjiżi kkonċernati, billi tipprevedi miżuri prammatiċi u politiki li jistgħu jiġu implimentati b’suċċess. |
|
6.2 |
Fit-tfassil tal-istrateġija għall-Mediterran (il-Lvant u l-Punent tal-Mediterran), għandhom jintużaw il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni u tiġi allinjata mal-aspetti li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet esterni tal-approċċ Mediterranju. Hija ser tkun ibbażata fuq il-koordinazzjoni aktar effikaċi bejn l-azzjonijiet u l-politiki tal-Kummissjoni Ewropea u dawk tal-Istati Membri, ir-reġjuni, l-awtoritajiet lokali u suġġetti oħra kkonċernati. |
|
6.3 |
Filwaqt li rrikonoxxiet ir-rwol partikolarment importanti tal-Mediterran, waqt is-Summit għall-Mediterran tal-2008 l-UE ddeċidiet li ttejjeb immedjatament il-politika ta’ kooperazzjoni tagħha bil-ħolqien ta’ mekkaniżmu permanenti msejjaħ “Unjoni għall-Mediterran (16). Dan il-mekkaniżmu li twaqqaf f’Barċellona u li fuqu nbnew tamiet kbar, kellu jmexxi proġetti konkreti dwar it-tniġġis tal-baħar, is-sigurtà tal-baħar, l-enerġija u l-iżvilupp tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn l-atturi kollha li jipparteċipaw fis-sħubija Ewro-Mediterranja. Sfortunatament, s’issa r-riżultati tal-Unjoni għall-Mediterran kienu diżappuntanti ħafna. |
|
6.4 |
Il-makroreġjuni m’għandhomx fruntieri definiti b’mod strett. Għaldaqstant, it-temi li ser jintgħażlu għall-promozzjoni jridu jkunu ffukati fuq l-isfidi li jkun hemm qbil dwarhom u fuq l-elementi komuni li jippermettu s-soluzzjonijiet tagħhom u li jkunu jibnu rabtiet ma’ strateġiji makroreġjonali oħra, kif tkun iddefiniet l-UE, bl-implimentazzjoni ta’ firxa limitata ta’ politiki u ta’ azzjonijiet magħżulin mill-pajjiżi li jipparteċipaw. |
7. Miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida
|
7.1 |
Fil-qafas definit hawn fuq, l-approċċ tal-istrateġija makroreġjonali għall-Mediterran għandha b’mod aktar partikolari tinkludi l-għanijiet speċifiċi li ġejjin: |
|
7.1.1 |
il-ħolqien ta’ mekkaniżmu adatt ta’ koordinazzjoni u ta’ governanza għall-implimentazzjoni tal-istrateġija makroreġjonali, li tkun adatta għall-koordinazzjoni ta’ għadd kbir ta’ korpi Ewropej u ta’ atturi lokali li jkunu assoċjati magħhom. Għal dan il-għan, qed jiġu proposti l-aspetti li ġejjin:
|
|
7.1.2 |
l-implimentazzjoni tal-politika ta’ viċinat tal-UE. S’issa l-approċċ tal-istrateġiji makroreġjonali kien limitat għat-traspożizzjoni ta’ politiki interni għall-UE. Madankollu biex tirnexxi strateġija bħal din fil-Mediterran, li fiha diversi pajjiżi barra mill-UE, hemm bżonn li jiġu applikati wkoll aspetti ta’ politika esterna, b’enfasi fuq il-politika ta’ viċinat tajjeb tal-UE. |
|
7.1.3 |
Tnedija ta’ politiki ġodda: |
|
7.1.3.1 |
għall-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema; |
|
7.1.3.2 |
għat-titjib tal-komunikazzjoni permezz tal-internet u bil-mezzi elettroniċi, kif ukoll biex is-servizzi tal-internet jitjiebu b’mod kontinwu fil-gvern elettroniku; |
|
7.1.3.3 |
biex jiġi żviluppat programm konġunt ta’ riċerka u innovazzjoni, immirat lejn l-iżvilupp sostenibbli u t-taħriġ professjonali; |
|
7.1.3.4 |
għall-garanzija tal-libertà ta’ tranżitu marittimu u taċ-ċirkolazzjoni tal-merkanzija, tal-persuni u tal-enerġija bl-implimentazzjoni ta’ politika tas-servizzi tat-trasport sikuri u bi prezz li jintlaħaq, u bil-ħolqien ta’ kurituri marittimi ġodda, kif ukoll bit-titjib tat-tbaħħir kummerċjali; |
|
7.1.3.5 |
biex jiġu garantiti konnessjonijiet effikaċi bil-baħar u bl-ajru, bejn ir-reġjuni kollha tal-Mediterran u mal-bqija tad-dinja; |
|
7.1.3.6 |
biex jissaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali u politiċi, bil-ħolqien ta’ żoni ta’ kummerċ ħieles fuq il-bażi ta’ ftehimiet Ewro-Mediterranji attwali u l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-importazzjonijiet bis-saħħa ta’ azzjonijiet ikkoordinati bħall-konverġenza regolamentari; |
|
7.1.3.7 |
għat-teħid ta’ dispożizzjonijiet fl-oqsma tal-kompetizzjoni, l-akkwist pubbliku, il-ħarsien tal-investimenti u kwistjonijiet ta’ saħħa u ta’ saħħa tal-pjanti. |
|
7.1.4 |
Il-proġetti ta’ kooperazzjoni transkonfinali u interreġjonali jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati mill-fondi attwali (17), jiġifieri il-Fondi Strutturali tal-UE, il-kontributi tal-Istati Membri, dħul minn pajjiżi oħra donaturi (pereżempju n-Norveġja u l-Isvizzera), il-Bank Ewropew tal-Investimenti (BEI) (18), li s’issa ħa sehem permezz tal-intermedju FEMIP (19) (il-Faċilità Ewro-Mediterranja ta’ Investiment u Sħubija), permezz tal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERD), permezz ta’ qbil internazzjonali, u bi krediti baġitarji li jinħarġu mill-Unjoni għall-Mediterran, bil-parteċipazzjoni possibbli tal-awtoritajiet lokali, suġġetti privati u NGOs. |
|
7.1.5 |
L-istrateġija makroreġjonali l-ġdida għandha tintrabat b’mod funzjonali ma’ politiki oħra tal-UE bħall-Istrateġija Ewropa 2020, il-politika ta’ koeżjoni, il-Politika Agrikola Komuni u dik tas-sajd, il-ġodda, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u n-netwerk trans-Ewropew tat-trasport, tat-telekomunikazzjonijiet u tal-enerġija, il-Programm Orizzont 2020, l-Aġenda Diġitali, il-programm COSME għall-kompetittività tal-intrapriżi u l-SMEs u, fuq kollox, il-Politika Marittima Integrata kif ukoll is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) (20). |
8. Ir-rwol tal-gżejjer fl-istrateġija makroreġjonali l-ġdida
|
8.1 |
M’hemmx dubju li s’issa, ma ġiet stabbilita l-ebda strateġija globali u permanenti fil-livell tal-UE li tqis il-bżonnijiet speċifiċi tal-Istati l-gżejjer membri tal-UE, Ċipru u Malta, li għandhom problemi fl-oqsma tat-trasport u tal-enerġija. In-nuqqas ta’ aċċess tagħhom huwa ostaklu għall-ħolqien ta’ suq uniku. |
|
8.2 |
Strateġija makroreġjonali ġdida għall-Mediterran ser tiddefinixxi b’mod preċiż il-konnessjoni għal Ċipru u għal Malta u tippermetti li jinħolqu l-kundizzjonijiet adatti għall-użu tar-riżorsi Ewropej. |
|
8.3 |
Ċipru (fil-Lvant tal-Mediterran) u Malta (fil-Punent tal-Mediterran) jistgħu jaqdu rwol speċifiku fl-implimentazzjoni u l-ġestjoni tal-istrateġija makroreġjonali l-ġdida bħala sedi ta’ korpi ta’ governanza li jiġu mwaqqfa jew trasferiti fir-reġjun. |
9. Ir-rwol potenzjali tal-KESE fl-istrateġija l-ġdida għar-reġjun tal-Mediterran
|
9.1 |
B’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali tal-Istati Membri tal-Mediterran u korpi simili fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ fuq (fejn jeżistu), kif ukoll mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw is-soċjetà ċivili, il-KESE ddeċieda li jorganizza assemblea Ewro-Mediterranja tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali, li għandha tiġi msejħa dalwaqt. |
|
9.2 |
Il-KESE għandu l-esperjenza u l-għarfien meħtieġ biex ikun membru tal-Forum għall-Mediterran, meta jitwaqqaf. |
|
9.3 |
Il-KESE beħsiebu jkompli jfassal opinjonijiet speċifiċi biex jistudjaw u janalizzaw l-istrateġija makroreġjonali għall-Mediterran. |
Brussell, 12 ta’ Diċembru 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Rapport tal-Parlament Ewropew dwar “L-evoluzzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE: prassi attwali u prospettivi futuri, b’mod partikolari fil-Mediterran” Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, rapporteur: F. Alfonsi (A7-0219/2012).
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Lulju 2012 dwar “L-evoluzzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE: Prassi attwali u prospettivi futuri, b’mod partikolari fil-Mediterran” (2011/2179/INI).
(2) Opinjoni tal-KESE dwar it-tema “Il-kooperazzjoni makroreġjonali – L-applikazzjoni tal-Istrateġija tal-Baħar Baltiku għal makroreġjuni oħra fl-Ewropa” – ĠU C 318, 23.12.2009, p. 6.
Opinjoni tal-KESE dwar it-tema - il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku COM(2009) 248 final - ĠU C 339, 14.12.2010, p. 29.
(3) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Baħar Baltiku – (COM(2009) 248 final, 10.6.2009)
(4) Komunikazzjoni konġunta lill-Kunsill Ewropew, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Sħubija għad-demokrazija u l-prosperità komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran”, COM(2011) 200 final, 8.3.2011.
(5) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Komunikazzjoni dwar il-migrazzjoni - COM(2011) 248 final ĠU C 248, 25.8.2011, p. 135.
(6) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni ta’ soċjetajiet ċivili rappreżentattivi fir-reġjun Ewro-Mediterranju”, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 32.Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fit-titjib tal-kooperazzjoni reġjonali u d-definizzjoni ta’ strateġija reġjonali ĠU C 277, 17.11.2009, p. 42.
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Ir-Reġjun tal-Baħar Baltiku: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata fit-titjib tal-kooperazzjoni reġjonali u d-definizzjoni ta’ strateġija reġjonali - ĠU C 277, 17.11.2009, p. 42.
(7) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni” COM(2011) 303 final, ĠU C 43, 15.2.2012 p. 89.
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fil-konsolidazzjoni tal-paċi fir-relazzjonijiet esterni: prattiki tajbin u perspettivi” - ĠU C 68, 6.3.2012, p. 21.
(8) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-Agrikoltura fis-Sħubija Ewro-Mediterranja” (inkluża l-importanza tax-xogħol li jagħmlu n-nisa fis-settur agrikolu u r-rwol tal-kooperattivi – ĠU C 347, 18.12.2010, p. 41.
(9) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran”, ĠU C 351, 15.11.2012, p. 27.
(10) Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni tal-intraprenditorija tan-Nisa fir-reġjun tal-EUROMED”, ĠU C 256, 27.10.2007, p. 144.
(11) http://ec.europa.eu/europe2020/index_mt.htm
(12) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli u l-politika Ewropea tal-viċinat: il-każ Ewro-Mediterranju”, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 1.
Opinjoni tal-KESE dwar id-dimensjoni esterna tal-politika tal-enerġija tal-UE, ĠU C 182, 4.8.2009, p. 8.
(13) Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità” COM(2011) 743 final, ĠU C 191, 29.6.2012, p. 134.
Opinjoni tal-KESE dwar il-proposti li ġejjin: Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għall-appoġġ finanzjarju għall-fruntieri esterni u l-viża COM(2011) 750 final – 2011/0365 (COD), Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil COM(2011) 751 final – 2011/0366 (COD), Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Asil u l-Fond għas-Sigurtà Interna u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tal-kriżi COM(2011) 752 final – 2011/0367 (COD) u Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għas-Sigurtà Interna, l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità u l-ġestjoni tar-riskji COM(2011) 753 final – 2011/0368 (COD), ĠU C 299, 4.10.2012, p. 108.
(14) Ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija, ĠU L 310, 9.11.2006, p. 1
|
— |
www.interact-eu.net/about_us |
|
— |
www.interact-eu.net/about_us/downloads/2544/INTERACT-factsheet_Mediterranean-lab_group_06.2010.pdf (li jirrigwarda b’mod speċifiku l-antenni għall-Mediterran li jinsabu f’Valensja). |
(16) http://www.eeas.europa.eu/euromed/index_en.htm
(17) Għall-perjodu sal-2013, il-krediti disponibbli huma ta’ madwar EUR 4 biljuni għall-assistenza lill-ġirien tan-Nofsinhar, fil-qafas ta’ mekkaniżmu Ewropew ta’ viċinat u ta’ sħubija.
(18) http://www.eib.europa.eu/projects/regions/med/index.htm?lang=fr&lang.en
(19) http://www.eib.europa.eu/infocentre/publications/all/femip-2011-annual-report.htm?lang=en
(20) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, liil-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjun – Programm ta’ politika dwar l-asil - Approċċ integrat għall-protezzjoni fl-UE, COM(2008) 360 final.