|
31.7.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 229/90 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta”
COM(2012) 11 final — 2012/011 (COD)
2012/C 229/17
Relatur ġenerali: is-Sur PEGADO LIZ
Nhar is-16 ta’ Frar 2012 u nhar l-1 ta’ Marzu 2012, il-Parlament Ewropea u l-Kunsill iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali)
COM(2012) 11 final — 2012/011 (COD).
Nhar il-21 ta’ Frar 2012, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.
Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu tat-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju) li jaħtar lis-Sur PEGADO LIZ bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b'165 vot favur, 34 vot kontra u 12-il astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-KESE jilqa' d-direzzjoni ġenerali li ħadet il-Kummissjoni, jappoġġja l-għażla tad-dispożizzjoni ta’ awtorizzazzjoni proposta, u japprova fil-prinċipju l-għanijiet tal-proposta, li jsegwu mill-qrib opinjoni tal-Kumitat. Fir-rigward tal-istatus legali tal-protezzjoni tad-dejta, il-KESE huwa tal-opinjoni li l-użu u t-trasferiment tad-dejta fi ħdan is-suq uniku għandhom ikunu konformi mad-dritt għall-protezzjoni tad-dejta personali kif speċifikat fl-Artikolu 8 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali u fl-Artikolu 16(2) tat-TFUE. |
|
1.2 |
Fir-rigward tal-għażla ta’ regolament bħala l-aktar strument legali adegwat għall-għanijiet mfittxija, il-KESE għadu diviż u jitlob lill-Kummissjoni biex turi b'mod aktar ċar filwaqt li tindika r-raġunijiet li għalihom dan huwa strument preferibbli għal Direttiva, jew saħansittra strument indispensabbli. |
|
1.3 |
Madankollu, il-Kumitat jiddispjaċih li hemm għadd kbir ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li jaffettwaw il-prinċipji dikjarati tal-liġi għall-protezzjoni tad-dejta personali. |
|
1.4 |
Fil-kuntest ġdid tal-ekonomija diġitali, il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li “l-individwi għandhom id-dritt li jgawdu kontroll effettiv fuq l-informazzjoni personali tagħhom”, u jixtieq ukoll li dan id-dritt jinfirex għall-użi differenti l-oħra li għalihom jitħejjew profili individwali abbażi ta’ dejta miġbura permezz ta’ għadd kbir ta’ mezzi differenti (legali u xi kultant illegali) u tal-ipproċessar tad-dejta miksuba. |
|
1.5 |
Rigward id-drittijiet fundamentali, l-armonizzazzjoni permezz ta’ regolament f'oqsma speċifiċi xorta waħda għandha tippermetti lill-Istati Membri jadottaw fil-liġijiet nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li mhumiex inklużi fir-regolament inkwistjoni jew dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli minn dawk previsti. |
|
1.6 |
Barra minn hekk, mir-referenzi li jsiru tista' tgħid b'mod sistematiku għal atti delegati, il-Kumitat ma jistax jaċċetta dawk li ma jaqgħux b'mod speċifiku taħt l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). |
|
1.7 |
Madankollu, il-Kumitat jilqa' l-idea li jinħoloq qafas istituzzjonali effikaċi li jiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tad-dispożizzjonijiet legali kemm fil-livell tal-intrapriżi (uffiċjali tal-protezzjoni tad-dejta) kif ukoll f'dak tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri (awtoritajiet ta’ kontroll indipendenti). Madankollu, huwa kien japprezza kieku l-Kummissjoni għażlet approċċ li jkun aktar konformi mal-ħtiġijiet u l-istennijiet reali taċ-ċittadini u li jkun jaqbel aktar man-natura ta’ ċerti oqsma tal-attività ekonomika u soċjali. |
|
1.8 |
Il-KESE jqis li hemm sensiela ta’ titjib u kjarifiki li jistgħu jsiru għat-test propost u jagħti xi eżempji preċiżi dwar diversi artikoli, li jgħinu sabiex id-drittijiet jiġu definiti aħjar, tissaħħaħ il-protezzjoni taċ-ċittadini inġenerali u tal-ħaddiema b'mod partikolari, in-natura tal-kunsens, il-legalità tal-ipproċessar, u b'mod partikolari il-funzjoni tal-uffiċjali tal-protezzjoni tad-dejta u l-ipproċessar tad-dejta fil-qasam tal-impjieg. |
|
1.9 |
Il-KESE jqis ukoll li għandhom jiġu inklużi elementi li ma tqisux, speċjalment it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni, l-ipproċessar tad-dejta sensittiva u l-azzjonijiet kollettivi. |
|
1.10 |
Għaldaqstant il-KESE jqis li l-magni tat-tiftix (search engines) li jiksbu l-ikbar parti tal-qligħ tagħhom minn reklami mmirati b'riżultat tal-ġbir ta’ dejta personali dwar il-viżitaturi tagħhom, jew it-tfassil ta’ profili ta’ dawn, għandhom jaqgħu expressis verbis taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament. L-istess jgħodd għas-siti ta’ servers li joffru spazji ta’ ħżin u, għal xi wħud, għal softwers (cloud computing) li jiġbru d-dejta dwar l-utenti tagħhom għal finijiet kummerċjali. |
|
1.11 |
L-istess għandu jseħħ ukoll għall-informazzjoni personali ppubblikata fuq in-netwerks soċjali, li għandha tagħmel possibbli, b'konformità mad-dritt li wieħed jintnesa, it-tibdil jew t-tħassir ta’ informazzjoni mill-persuna kkonċernata jew it-tneħħija tal-paġna personali tal-persuna, jekk din titlob hekk, u tal-links għal siti oħra li jżuruhom ħafna nies fejn din l-informazzjoni tiġi riprodotta jew diskussa. L-Artikolu 9 għandu jinbidel biex iqis dan kollu. |
|
1.12 |
Fl-aħħar, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni terġa' tikkunsidra ċerti aspetti tal-proposta li hu jqis li mhumiex aċċettabbli għal suġġetti sensittivi bħall-protezzjoni tat-tfal, id-dritt għall-oppożizzjoni, it-tfassil ta’ profili, ċerti limitazzjonijiet għad-drittijiet, il-limitu ta’ 250 ħaddiema sabiex jinħatar uffiċjal għall-protezzjoni tad-dejta u l-mod kif huwa regolamentat il-“punt ta’ kuntatt uniku”. |
2. Daħla
|
2.1 |
Il-KESE għadu kif ġie kkonsultat dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (Regolament dwar il-Protezzjoni ta’ Dejta Ġenerali)” (1). |
|
2.2 |
Madankollu, ta’ min jinnota li din il-proposta tagħmel parti minn “pakkett” li jinkludi wkoll komunikazzjoni ta’ introduzzjoni (2), Proposta għal Direttiva (3) u “Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bbażat fuq l-Artikolu 29(2) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2008” (4). Il-KESE ma ġiex ikkonsultat dwar il-leġislazzjonijiet kollha proposti, iżda biss fuq l-abbozz ta’ Regolament, mentri jmissu ġie kkonsultat ukoll fuq l-abbozz ta’ Direttiva. |
|
2.3 |
Il-proposta li l-KESE ġie kkonsultat dwarha tinsab, skont il-Kummissjoni, f'salib it-toroq bejn tnejn fost l-aktar orjentazzjonijiet importanti tal-UE: legali u politiċi minn naħa u politiċi u ekonomiċi min-naħa l-oħra. |
|
2.3.1 |
Minn naħa hemm l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 16(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jikkwalifikaw il-protezzjoni tad-dejta bħala dritt fundamentali u li għaldaqstant irid jiġi protett bħala tali. Dan huwa l-bażi tal-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Programm ta’ Stokkolma u għall-Pjan ta’ Azzjoni għat-twettiq ta’ dan il-programm (5). |
|
2.3.2 |
Min-naħa l-oħra, hemm l-Istrateġija Diġitali għall-Ewropa u, b'mod aktar ġenerali, l-Istrateġija Ewropa 2020, li jippromovu t-tisħiħ tad-dimensjoni tas-“suq uniku” tal-protezzjoni tad-dejta u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi li joħonqu lill-intrapriżi. |
|
2.4 |
L-għan tal-Kummissjoni huwa li taġġorna u timmodernizza l-prinċipji mnaqqxa fid-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali sabiex tiggarantixxi l-ġejjieni tad-drittijiet tal-persuni fil-qasam tar-rispett tal-ħajja privata fis-soċjetà diġitali u n-netwerks tagħha. L-għan mixtieq huwa li jissaħħu d-drittijiet, jiġi kkonsolidat is-suq uniku tal-UE, jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-dejta fl-oqsma kollha (inkluż dak tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali), li tiġi żgurata l-applikazzjoni tajba tad-dispożizzjonijiet meħuda għal dan il-għan, li jiġi megħjun it-trasferiment transkonfinali tad-dejta u li jiġu stabbiliti standards universali rigward il-protezzjoni tad-dejta. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1 |
Fil-kuntest ġdid tal-ekonomija diġitali, il-Kumitat jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li “l-individwi għandhom id-dritt li jgawdu kontroll effettiv fuq l-informazzjoni personali tagħhom”, u jixtieq ukoll li dan id-dritt jinfirex għall-użi differenti l-oħra li għalihom jitħejjew profili individwali abbażi ta’ dejta miġbura permezz ta’ għadd kbir ta’ mezzi differenti (legali u xi kultant illegali) u tal-ipproċessar tad-dejta miksuba. Il-Kumitat iqis ukoll li l-ipproċessar u t-trasferiment tad-dejta fil-qafas tas-suq uniku għandhom ikunu soġġetti għad-dritt għall-protezzjoni previst mill-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dan huwa dritt fundamentali, imnaqqax fil-liġi istituzzjonali tal-Unjoni u fil-biċċa l-kbira tal-leġislazzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri. |
|
3.2 |
Minħabba dan, kull ċittadin jew resident tal-Unjoni jgawdi mid-drittijiet fundamentali previsti fil-Karta u fit-Trattati; dawn id-drittijiet huma rikonoxxuti wkoll fil-liġi tal-Istati Membri, xi kultant anke fil-livell kostituzzjonali. Drittijiet oħra, bħad-dritt għall-immaġni jew id-dritt għall-protezzjoni tal-ħajja privata, jikkomplementaw u jsaħħu d-dritt għall-protezzjoni tad-dejta li tikkonċerna lill-persuna. Għandu jkun possibbli li jiġi ggarantit ir-rispett ta’ dawn id-drittijiet billi jintalab lil sit tal-internet li jbiddel jew ineħħi profil personali jew fajl minn server u, f'każ li dan ma jseħħx, li l-persuna tikseb rimedju minn imħallef b'mandat ta’ inibizzjoni. |
|
3.3 |
Iż-żamma ta’ fajls li fihom dejta individwali hija indispensabbli għall-amministrazzjoni pubblika (6), għall-ġestjoni tal-persunal tal-intrapriżi, għas-servizzi kummerċjali, għall-assoċjazzjonijiet u t-trejdjunjins, għall-partiti politiċi, jew għas-siti soċjali u l-magni ta’ tiftix tal-internet. Madankollu, sabiex titħares il-ħajja privata tal-individwi li d-dejta dwarhom tkun tinsab f'dawn il-fajls, għal użi differenti, dawn il-fajls għandu jkun fihom biss id-dejta essenzjali għall-użu rispettiv tagħhom u li ma jiġux interkonnessi permezz tat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) mingħajr il-bżonn jew il-protezzjoni legali. L-eżistenza ta’ awtorità li jkollha aċċess mingħajr limiti għad-dejta kollha tipperikola l-libertajiet pubbliċi u l-ħajja privata. |
|
3.4 |
Meta l-fajls ikunu f'idejn entitajiet privati, dawn l-individwi kkonċernati għandu jkollhom id-dritt għall-aċċess, għall-korrezzjoni u saħansitra għat-tneħħija tal-fajl, kemm jekk ikunu fajls għar-riċerka tas-suq kif ukoll dawk tas-siti soċjali. |
|
3.5 |
Għall-fajls tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jew privati, u li jobdu l-obbligi legali, l-individwi li d-dejta tagħhom tkun reġistrata għandu jkollhom dritt għall-aċċess, għall-korrezzjoni f'każ ta’ żball, u saħansitra għat-tneħħija jekk id-dettalji tal-persuna ma jkunx fadlilhom użu, pereżempju f'każ ta’ maħfra f'fajl ġudizzjarju jew f'każ tat-tmiem ta’ kuntratt tax-xogħol, lil hinn mill-iskadenzi legali għaż-żamma tagħhom. |
|
3.6 |
Il-KESE jilqa' d-direzzjoni ġenerali li ħadet il-Kummissjoni billi għarfet li minkejja li l-għanijiet tad-Direttiva 95/46/KE kkonsolidata għadhom validi, wara li għaddew 17-il sena u meta jitqies it-tibdil teknoloġiku u soċjali li seħħ fil-qasam tal-ambjent diġitali, hemm bżonn indispensabbli ta’ reviżjoni fil-fond. Pereżempju d-Direttiva 95/46/KE ma kinitx tindirizza ċerti aspetti tal-iskambju transkonfinali tal-informazzjoni u tad-dejta bejn amministrazzjonijiet inkarigati mill-prevenzjoni ta’ delitti kriminali u tat-twettiq ta’ sentenzi fil-qafas tal-kooperazzjoni ġudizzjarja u bejn il-pulizija. Din il-kwistjoni hija indirizzata fl-abbozz ta’ Direttiva inkluż fil-pakkett “protezzjoni tad-dejta” li dwaru l-Kumitat ma ġiex ikkonsultat. |
|
3.7 |
Il-KESE japprova fil-prinċipju l-għanijiet tal-proposta li huma favur il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u li jsegwu mill-qrib l-opinjoni tal-Kumitat (7), speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma':
|
|
3.8 |
Il-KESE jilqa' bi pjaċir l-enfasi li tpoġġiet fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u jaqbel kompletament mal-għażla tal-bażi legali proposta, li qed tintuża għall-ewwel darba f'din il-leġislazzjoni. Huwa jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-importanza kbira ta’ din il-proposta għat-twettiq tas-suq uniku u l-effetti pożittivi tiegħu fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020. Fir-rigward tal-għażla ta’ regolament, xi wħud mill-membri tal-KESE, indipendentement mill-Grupp li jinsabu fih, jaqblu mal-Kummissjoni u jqisu li dan huwa l-aktar strument legali adegwat biex jiggarantixxi applikazzjoni uniformi u l-istess livell għoli ta’ ħarsien tad-dejta fl-Istati Membri kollha; oħrajn huma tal-fehma li direttiva tista' tħares aħjar il-prinċipju tas-sussidjarjetà u tipproteġi d-dejta aktar, speċjalment fl-Istati Membri li fihom diġà hemm livell ogħla ta’ ħarsien minn dak stabbilit fil-proposta tal-Kummissjoni. Il-KESE jifhem ukoll li anke l-Istati Membri huma diviżi bejniethom dwar dan is-suġġett. Għalhekk, il-KESE jappella lill-Kummissjoni biex tiġġustifika l-proposta tagħha aħjar billi tiċċara l-kompatibbiltà tagħha mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u r-raġunijiet li għalihom l-għażla ta’ regolament hija essenzjali għall-għanijiet li qed jiġu mfittxija. |
|
3.8.1 |
Peress li dan huwa regolament li ser japplika kollu kemm hu u immedjatament fl-Istati Membri kollha mingħajr il-bżonn ta’ traspożizzjoni, il-KESE jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħtieġa li tħares il-koerenza tat-traduzzjonijiet fil-lingwi kollha - li mhuwiex il-każ fil-proposta. |
|
3.9 |
Il-KESE jqis li, minn naħa l-proposta setgħet iżżid aktar il-protezzjoni ta’ ċerti drittijiet li tista' tgħid inġabu fix-xejn minħabba l-għadd kbir ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjoni, u min-naħa l-oħra li jmissha bbilanċjat aħjar id-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati differenti. Minħabba dan hemm ir-riskju ta’ żbilanċ bejn l-għanijiet tad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta u dawk tas-suq uniku, għad-detriment tal-ewwel. Il-KESE jaqbel mal-kontenut essenzjali tal-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (8). |
|
3.10 |
Il-KESE xtaq jara lill-Kummissjoni tadotta approċċ li huwa aktar konformi mal-ħtiġijiet u l-istennijiet taċ-ċittadini u li jkun jaqbel aktar man-natura ta’ ċerti oqsma tal-attività ekonomika u soċjali bħal, pereżempju, il-kummerċ onlajn, il-kummerċjalizzazzjoni diretta, ir-relazzjonijiet tax-xogħol, l-awtoritajiet pubbliċi, is-sorveljanza u s-sigurtà, id-DNA, eċċ. billi jiġi differenzjat ir-reġim legali skont dawn l-aspetti differenti ħafna fl-ipproċessar tad-dejta. |
|
3.11 |
Fir-rigward ta’ diversi dispożizzjonijiet li huma inklużi fil-proposta (kollha mniżżlin fl-Artikolu 86), hemm aspetti importanti ħafna tal-istrument legali u tal-mod kif taħdem is-sistema li jiddependu mill-atti delegati futuri (26 delegazzjoni ta’ poter għal tul ta’ żmien mhux determinat). Il-KESE jqis li dan imur bil-bosta lil hinn mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 290 tat-Trattat u li huma definiti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea relatata mal-implimentazzjoni tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (9), u dan għandu konsegwenzi għas-sigurtà u ċ-ċertezza legali tal-istrument. Il-KESE jemmen li ċertu numru ta’ dawn id-delegi jistgħu jiġu regolati direttament mil-leġislaturi Ewropej. Oħrajn jistgħu jkunu r-responsabbiltà tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom fil-livell Ewropew (10). Dan isaħħaħ l-implimentazjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u jikkontribwixxi għal iktar ċertezza legali. |
|
3.12 |
Il-KESE jifhem ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni f'din il-proposta ffukat fuq id-drittijiet tal-individwi meta titqies in-natura legali speċifika tagħha, iżda jitlob li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni wkoll lid-dejta dwar il-persuni ġuridiċi, speċjalment dawk li għandhom personalità ġuridika. |
4. Kummenti speċifiċi
Il-punti pożittivi:
4.1 Il-proposta għadha konformi mal-objettiv u l-għanijiet tad-Direttiva 95/46/KE, b'mod partikolari fir-rigward ta’ ċerti definizzjonijiet, is-sugu tal-prinċipji dwar il-kwalità tad-dejta u l-ġustifikazzjonijiet tal-ipproċessar, l-ipproċessar li jsir fuq xi kategoriji partikolari u ċerti drittijiet ta’ informazzjoni u ta’ aċċess għad-dejta.
4.2 Il-proposta hija pożittivament innovattiva fl-aspetti fundamentali marbutin mad-definizzjonijiet il-ġodda, għal kundizzjonijiet ta’ kunsens aktar ċari, speċjalment fil-każ tat-tfal, għall-klassifikazzjoni ta’ drittijiet ġodda bħad-dritt għar-rettifika u t-tħassir, speċjalment id-“dritt li jkun minsi u għat-tħassir”, il-kontenut tad-dritt għall-oġġezzjoni u t-tfassil ta’ profil, kif ukoll l-obbligi dettaljati ħafna ta’ dawk responsabbli mill-ipproċessar u n-nies ta’ taħthom, is-sigurtà tad-dejta u l-qafas ġenerali tas-sanzjonijiet, prinċipalment ta’ natura amministrattiva.
4.3 Il-Kumitat jilqa' wkoll l-idea tal-proposta li toħloq qafas istituzzjonali effikaċi li jiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tad-dispożizzjonijiet legali, kemm fil-livell tal-intrapriżi (uffiċjali tal-protezzjoni tad-dejta) kif ukoll fil-livell tal-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri (awtoritajiet ta’ kontroll indipendenti), kif ukoll it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn dawn l-awtoritajiet u mal-Kummissjoni (ħolqien ta’ Kumitat Ewropew tal-protezzjoni tad-dejta). Madankollu, jinnota li l-kompetenzi tal-kontrolluri għall-protezzjoni tad-dejta nazzjonali u, parzjalment, dawk reġjonali fl-Istati Membri għandhom jinżammu.
4.4 Fl-aħħar nett, huwa jqis bħala pożittiv it-tħeġġiġ għat-tħejjija ta’ kodiċijiet ta’ kondotta u r-rwol taċ-ċertifikazzjoni u siġilli u marki tal-protezzjoni tad-dejta.
X'jista' jittejjeb
4.5
4.5.1 Il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni previsti fil-paragrafu 2 huma restrittivi wisq; infakkru l-każijiet ta’ intrapriżi farmaċewtiċi li huma bbażati barra l-Ewropa li biex jagħmlu testijiet kliniċi jixtiequ jaċċessaw dejta klinika ta’ persuni kkonċernati li jgħixu fl-UE.
4.6
4.6.1 Id-definizzjoni ta’ “kunsens”, li huwa l-bażi essenzjali għas-sistema kollha tal-protezzjoni tad-dejta, għandha tiġi definita aħjar, speċjalment in-natura ta’ “azzjoni affermattiva ċara” (speċjalment fil-verżjoni franċiża).
4.6.2 Il-kunċett ta’ “ipproċessar tad-dejta” ma jiġi definit imkien, mentri dan għandu jkollu definizzjoni fl-Artikolu 4.
4.6.3 Il-kunċett ta’ dejta pproċessata “ġustament” imsemmi fl-Artikolu 5(a) għandu jiġi definit.
4.6.4 Il-kunċett ta’ “dejta personali li b'mod ċar tkun saret pubblika” (Artikolu 9(2)(e)) ukoll għandu jiġi definit b'mod preċiż.
4.6.5 Il-kunċett ta’ “tfassil ta’ profili” użat matul il-proposta kollha wkoll għandu jiġi definit.
4.7
4.7.1 Fis-sottoparagrafu (f), il-kunċett ta’ “interessi leġittimi segwiti minn kontrollur”, li ma huma koperti mill-ebda sottoparagrafu ta’ qabel, jidher vag u suġġettiv. Dan għandu jiġi spjegat aħjar fit-test innifsu u mhux jitħalla għal att delegat (ara l-paragrafu 5), speċjalment għax il-paragrafu 4 ma jsemmix is-sottoparagrafu (f) (importanti pereżempju għas-servizzi postali u l-kummerċjalizzazzjoni diretta) (11).
4.8
Fil-paragrafu 3 hemm bżonn jiġi indikat li l-irtirar tal-kunsens iwaqqaf kull ipproċessar futur u li dan jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar biss mill-mument li jsir l-irtirar tal-kunsens 'il quddiem.
4.9
4.9.1 Fil-paragrafu 4(b) ikun tajjeb li tiġi stabbilita skadenza massima.
4.10
4.10.1 In-notifika tal-ksur kollu li jseħħ tista' tikkomprometti l-funzjonament tas-sistema u fl-aħħar mill-aħħar tkun ostaklu biex il-ħatja jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom.
4.11
4.11.1 Rigward l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta, hemm bżonn li jiġu speċifikati aktar il-kundizzjonjiet marbuta ma’ din il-pożizzjoni, b'mod partikolari: il-protezzjoni kontra t-tkeċċijiet mix-xogħol li għandha tkun definita b'mod ċar u testendi lil hinn mill-perjodu li matulu l-persuna kkonċernata taqdi din il-funzjoni; id-definizzjoni ta’ kundizzjonijiet bażiċi u rekwiżiti ċari għat-twettiq ta’ din l-attività; l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta m'għandux jinżamm responsabbli jekk jirrimarka irregolaritajiet lil min iħaddem jew lill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta; ir-rappreżentanti tal-ħaddiema għandu jkollhom id-dritt li jieħdu sehem dirett fil-ħatra tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta u d-dritt li dawn ir-rappreżentanti jiġu infurmati kull tant żmien (12) dwar il-problemi misjuba u s-soluzzjonijiet għalihom. Għandha tiġi ċċarata wkoll il-kwistjoni tar-riżorsi li ser jingħataw għal din il-funzjoni.
4.12
4.12.1 Iċ-ċertifikazzjoni għandha tkun waħda mir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni.
4.13
4.13.1 Fl-Artikolu 82 m'hemm l-ebda referenza espliċita għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni (li ma tissemmix lanqas fl-Artikolu 20 dwar it-“tfassil ta’ profili”). Barra minn hekk, ma jiġix ippreċiżat jekk din l-awtorizzazzjoni tapplikax ukoll għat-tqegħid tal-kliem tad-dispożizzjonijiet dwar l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta. Il-projbizzjoni tat-“tfassil ta’ profili” fil-qasam tal-impjiegi għandha tiġi ppreċiżata wkoll fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt dwar il-protezzjoni tad-dejta (Artikolu 33).
4.14
4.14.1 Minflok “… fil-limiti ta’ dan ir-Regolament …” għandu jingħad “… fuq il-bażi ta’ dan ir-Regolament …”.
Dak li hu nieqes u għandu jiġi inkluż:
4.15
4.15.1 Rigward id-drittijiet fundamentali, l-armonizzazzjoni f'oqsma speċifiċi għandha tippermetti lill-Istati Membri jadottaw fil-liġijiet nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li mhumiex inklużi jew dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli minn dawk previsti fir-regolament, bħalma huwa previst diġà fl-oqsma msemmijin fl-Artikolu 80 sa 85.
4.15.2 L-indirizzi tal-IP tal-individwi għandhom jiġu inklużi b'mod speċifiku fil-korp tar-regolament taħt id-dejta personali li għandha tiġi protetta u mhux biss fil-premessi.
4.15.3 Il-magni tat-tiftix, li jiksbu l-ikbar parti tal-qligħ tagħhom mir-reklami, li jiġbru d-dejta personali dwar l-utenti tagħhom u jagħmlu użu kummerċjali minnha, għandhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament u mhux biss fost il-premessi.
4.15.4 Għandu jiġi ċċarat li n-netwerks soċjali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni u dan mhux biss meta jidħlu fil-qasam tat-tfassil ta’ profili għal finijiet kummerċjali.
4.15.5 Ċerti metodi ta’ kontroll u ta’ filtraġġ tal-internet li taparsi jintużaw għall-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u li għandhom l-għan li jfasslu profili ta’ ċerti utenti, iżommu l-fajls dwarhom u jimmonitorjaw il-movimenti tagħhom, fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ġudizzjarja speċifika, ukoll għandhom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.
4.15.6 Ikun tajjeb li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni wkoll ikollhom jikkonformaw mal-obbligi tar-regolament.
4.16
4.16.1 Il-pass li jmiss għandu jkun id-definizzjoni ta’ reġimi speċjali skont iċ-ċirkostanzi, is-sitwazzjonijiet u l-finijiet tal-ipproċessar tad-dejta. It-“tfassil ta’ profili” għandu jiġi pprojbit anke f'dawn l-oqsma.
4.16.2 Għandu wkoll jiġi introdott il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fl-ipproċessar tad-dejta sensittiva għal finijiet statistiċi.
4.17
|
— |
sehem tar-rappreżentanti tal-persunal fil-livelli nazzjonali u Ewropej kollha fit-tfassil ta’ “regoli korporattivi vinkolanti”, li minn issa 'l quddiem għandhom jiġu aċċettati bħala rekwiżit għat-trasferiment internazzjonali tad-dejta (Artikolu 43); |
|
— |
informazzjoni u konsultazzjoni tal-Kumitat tax-Xogħol Ewropew meta jsiru trasferimenti internazzjonali ta’ dejta dwar l-impjegati - b'mod partikolari lejn pajjiżi terzi; |
|
— |
informazzjoni u parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali Ewropej u tal-NGOs Ewropej tal-konsumaturi u tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem fl-għażla tal-membri tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta li għandu jieħu post il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29; |
|
— |
informazzjoni u parteċipazzjoni ta’ dawn l-imsieħba u tal-NGOs imsemmija hawn fuq livell nazzjonali fl-għażla tal-membri tal-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-dejta, li mhuwiex previst. |
4.18
4.18.1 Il-biċċa l-kbira tal-ksur tad-drittijiet tal-protezzjoni tad-dejta tkun ta’ natura kollettiva; meta dan iseħħ, mhijiex persuna waħda li tintlaqat mill-istess ksur, iżda grupp jew dawk kollha li d-dejta tagħhom tkun inħażnet. Ir-rimedji legali individwali tradizzjonali mhumiex adegwati biex iwieġbu għal dan it-tip ta’ ksur. Madankollu, minkejja li l-Artikolu 76 jawtorizza lil kull korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni li jkollhom l-għan li jipproteġu d-dejta tal-individwi kkonċernati biex, f'isem suġġett tad-dejta wieħed jew aktar, jibdew il-proċeduri previsti fl-Artikoli 74 u 75, l-istess ħaġa ma tgħoddx għal meta jintalab rimedju jew kumpens għax f'dan il-każ l-Artikolu 77 jipprevedi din il-possibbiltà biss għall-individwi u ma jipprevedix proċedura ta’ rappreżentanza kollettiva jew ta’ azzjoni.
4.18.2 Għal dan il-għan, il-Kumitat ifakkar li f'diversi opinjonijiet fis-snin li għaddew, huwa appoġġja l-ħtieġa u l-urġenza li l-UE tiġi mogħnija bi strument legali armonizzat ta’ azzjoni ta’ grupp fil-livell Ewropew, neċessarju f'ħafna oqsma tal-liġi tal-UE u kif jeżisti diġà f'diversi Stati Membri.
Dak li ma jistax jiġi aċċettat:
4.19
4.19.1 Meta t-terminu “minorenni” ġie definit bħala kull persuna taħt it-18-il sena (Artikolu 4(18)), b'konformità mal-Konvenzjoni ta’ New York, mhuwiex aċċettabbli li fl-Artikolu 8(1) tingħata l-possibbiltà lil minorenni ta’ 13-il sena li jagħtu l-“kunsens” għall-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom.
4.19.2 Minkejja li l-Kumitat jifhem il-bżonn ta’ regoli speċifiċi għall-SMEs, mhuwiex aċċettabbli li permezz ta’ att delegat il-Kummissjoni tkun tista' sempliċiment teżenta l-SMEs mill-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet tal-minorenni.
4.20
4.20.1 Bl-istess mod, fl-Artikolu 9(2)(a) m'hemm l-ebda raġuni għalfejn minorenni għandhom ikunu jistgħu jagħtu l-“kunsens” tagħhom għall-ipproċessar ta’ dejta dwar l-oriġini nazzjonali, l-opinjonijiet politiċi, ir-reliġjon, is-saħħa, il-ħajja sesswali jew is-sentenzi kriminali tagħhom.
4.20.2 Id-dejta pprovduta b'mod volontarju mill-persuni nfushom, bħal pereżempju fuq il-Facebook, m'għandhiex tiġi eskluża mill-protezzjoni, kif jista' jinftiehem fl-Artikolu 9(e), u għandha tgawdi mill-inqas mid-dritt li wieħed jintnesa.
4.21
4.21.1 L-eċċezzjoni fl-aħħar tal-Artikolu - “sakemm din ma tkunx possibbli jew meta tkun tinvolvi sforz sproporzjonat” - mhijiex ġustifikata u lanqas ma hi aċċettabbli.
4.22
4.22.1 L-istess eċċezzjoni li tidher fil-paragrafu 5(b) ma tistax tiġi aċċettata lanqas.
4.23
4.23.1 Il-kliem vag li jintuża għall-eċċezzjoni - “raġunijiet leġittimi konvinċenti” - mhuwiex aċċettabbli u jxejjen id-dritt għall-oġġezzjoni.
4.24
4.24.1 Il-projbizzjoni tat-tfassil ta’ profili m'għandhiex tkun ristretta għall-ipproċessar “awtomatizzat” (13).
4.24.2 Fil-paragrafu 2(a) l-espressjoni “meta jkunu ġew ippreżentati” għandha tinbidel għal “meta jingħataw provi tal-eżistenza ta' …”.
4.25
4.25.1 Il-mod kif inhu miktub l-Artikolu 21(1)(c) huwa totalment inaċċettabbli għax fih espressjonijiet vagi u mhux definiti tajjeb bħal: “interess finanzjarju jew ekonomiku”, “kwistjonijiet baġitarji, monetarji u fiskali” u anke “l-istabbiltà u l-integrità tas-suq”. Din tal-aħħar żdiedet ukoll mad-Direttiva 95/46.
4.26
4.26.1 Il-limitu ta’ 250 ħaddiem, li jiddetermina l-applikabbiltà ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni, bħal pereżempju l-ħatra ta’ uffiċjal għall-protezzjoni tad-dejta, tkun tfisser li jkunu biss ftit inqas minn 40 % tal-impjegati li jgawdu minn din id-dispożizzjoni. F'dak li għandu x'jaqsam mal-obbligu li tiġi pprovduta d-dokumentazzjoni, l-istess limitu jkun ifisser li l-maġġoranza kbira tal-impjegati ma jkollhom l-ebda possibbiltà li jimmonitorjaw l-użu tad-dejta personali tagħhom, u għaldaqstant ma jibqa' jeżisti l-ebda tip ta’ kontroll. Il-Kumitat jissuġġerixxi li titqies il-possibbiltà ta’ limitu aktar baxx, pereżempju l-għadd ta’ ħaddiema li fl-Istati Membri ġeneralment jintuża biex jitwaqqaf grupp ta’ rappreżentanti tal-interessi tal-persunal fi ħdan l-intrapriżi. Jista' jittieħed ukoll approċċ ieħor, ibbażat fuq kriterji oġġettivi li jkunu bbażati, pereżempju, fuq l-għadd ta’ fajls ta’ protezzjoni tad-dejta ittrattati f'ċertu ammont ta’ żmien li jrid jiġi determinat, indipendentement mid-daqs tal-intrapriża jew tad-dipartiment ikkonċernat.
4.27
4.27.1 Minkejja li jifhem li l-prinċipju tal-“punt ta’ kuntatt uniku” huwa maħsub biex iħaffef il-ħajja tal-intrapriżi u jagħmel il-mekkaniżmi ta’ protezzjoni tad-dejta aktar effikaċi, dan xorta waħda jista' jwassal għal tnaqqis sinifikanti fil-protezzjoni tad-dejta dwar iċ-ċittadini inġenerali u l-protezzjoni tad-dejta tal-ħaddiema b'mod partikolari u jxejjen l-obbligu attwali li t-trasferiment tad-dejta personali ikun soġġett għal qbil fil-livell tal-intrapriża u approvat minn kummissjoni nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta (14).
4.27.2 Barra minn hekk, din is-sistema tidher li tmur kontra l-idea ta’ ġestjoni lokali u tista' twassal biex iċ-ċittadin tinċaħadlu l-possibbiltà li t-talba tiegħu tiġi indirizzata mill-awtorità ta’ kontroll li hi l-eqreb u l-aktar aċċessibbli għalih.
4.27.3 Għaldaqstant hemm raġunijiet li jagħfsu favur iż-żamma tal-kompetenza f'idejn l-awtorità fl-Istat Membru fejn jgħix il-kwerelant.
Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) COM(2012) 11 final.
(2) COM(2012) 9 final.
(3) COM(2012) 10 final.
(4) COM(2012) 12 final.
(5) Huma jinsistu fuq il-ħtieġa li l-Unjoni “tistabbilixxi sistema sħiħa dwar il-protezzjoni tad-dejta personali li tkopri l-kompetenzi kollha tal-Unjoni” u “għandha tara li d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-dejta jkun applikat b'mod konsistenti”, b'mod li l-persuni fiżiċi jkollhom id-dritt jeżerċitaw kontroll effettiv tad-dejta tagħhom.
(6) Ara l-Opinjoni CESE dwar “L-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku”, ĠU C 191, 29.06.2012, p. 129.
(7) Ara l-Opinjoni tal-KESE, ĠU C 248, 25.08.2011, p. 123.
(8) Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar “Il-Pakkett tal-Protezzjoni tad-Dejta”, 7 ta’ Marzu 2012.
(9) COM (2009) 673 final, 9.12.2009.
(10) Ara l-ilment dwar is-sussidjarjetà tas-senat Franċiż.
(11) Għandha tiġi ċċarata aktar il-kwistjoni tal-kummerċjalizzazzjoni bl-ittri indirizzati lill-individwi għax fil-mod kif inhu bħalissa, l-applikazzjoni tar-regolament twassal għall-projbizzjoni ta’ dan, meta dan huwa metodu mmirat u mhux intrużiv biex jinkisbu klijenti ġodda.
(12) Pereżempju, rapport kull tant żmien dwar l-attivitajiet tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-dejta lir-rappreżentanti tal-persunal jew lir-rappreżentanti tal-ħaddiema eletti fil-Bord tad-Diretturi jew fil-Bord Superviżorju nazzjonali u/jew Ewropew, fejn ikunu jeżistu.
(13) Ara r-rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)13 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, 23 ta’ Novembru 2010.
(14) B'mod partikolari, l-awtoritajiet amministrattivi indipendenti inkarigati li jawtorizzaw u jimmonitorjaw il-kostituzzjoni ta’ fajls tad-dejta personali; għall-kuntrarju, is-setgħat tagħhom għandhom jiġu estiżi biex ikopru s-soċjetà diġitali u n-netwerks soċjali, speċjalment fid-dawl tal-valur tal-iskambji tal-profili personali għal għanijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni.
APPENDIĊI
għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
L-emenda li ġejja inċaħdet waqt id-diskussjoni iżda rċeviet aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(3) tar-Regoli ta’ Proċedura):
Ħassar il-punti 4.25 u 4.25.1
|
“ |
| ” |
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur |
87 |
|
Kontra |
89 |
|
Astensjonijiet |
26 |