31.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 229/39


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Is-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni”

COM(2011) 572 final

2012/C 229/07

Relatur: is-Sinjura HEINISCH

Nhar il-21 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni: Is-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni

COM(2011) 572 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Mejju 2012.

Matul l-481 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-23 u l-24 ta’ Mejju 2012 (seduta tat-23 ta’ Mejju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’191 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni li s-sħubija toffri ħafna vantaġġi u potenzjal li għadu ma ġiex sfruttat għal kollox. Il-Kumitat għalhekk jilqa’ b’mod partikolari din l-inizjattiva tal-Kummissjoni, biex fil-qafas tal-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni tal-Innovazzjoni tistabbilixxi u tħeġġeġ is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) intiża biex iċ-ċiklu Ewropew tar-Riċerka u l-Innovazzjoni jiġi organizzat b’mod iktar effiċjenti u biex jitqassar il-perjodu ta’ żmien sakemm l-innovazzjonijiet jitqiegħdu fis-suq.

1.2   Sabiex jiġi żgurat li s-sħubijiet ikollhom ħajja twila u impatt sostenibbli, għandhom jinħolqu kundizzjonijiet intiżi biex jingħelbu l-isfidi relatati mal-istrutturi tal-ġestjoni, il-finanzjament u l-implimentazzjoni.

1.3   Bħala kundizzjoni fundamentali s-sħubijiet għandhom ikunu sempliċi, flessibbli, inklużivi u miftuħa, il-gruppi ta’ pilotaġġ għandhom ikunu rappreżentattivi u bilanċjati u r-relazzjonijiet bejn l-inizjattivi u l-istrumenti eżistenti għandhom jiġu ċċarati mill-bidu nett.

1.4   Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-innovazzjoni soċjali bħala strument kruċjali għall-ħolqien ta’ ambjent favur l-innovazzjoni, sabiex tiġi mħeġġa l-kooperazzjoni bejn l-intrapriża, is-settur pubbliku, l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili u biex b’hekk tiżdied il-kapaċità tagħhom għall-innovazzjoni u l-prestazzjoni.

1.5   Sabiex il-kunċett tas-sħubija jiġi żviluppat iktar hemm bżonn kjarifika u monitoraġġ kontinwu tar-relazzjonijiet bejn l-EIP u inizjattivi politiċi oħra (punt 2.3.2 tal-Komunikazzjoni).

1.6   L-iffaċilitar indispensabbli għall-implimentazzjoni u l-finanzjament koordinat tal-programmi Ewropej u nazzjonali biex l-isfidi soċjali jiġu indirizzati b’mod iktar effettiv (punt 3.1.3 u 3.3.3 tal-Komunikazzjoni) għandu jinkludi l-aġġustament tal-proċeduri amministrattivi nazzjonali, il-linji gwida għall-iżvilupp nazzjonali u l-kundizzjonijiet tal-finanzjament tal-Istati Membri.

1.7   Il-Kumitat jirrakkomanda wkoll li r-riżorsi eżistenti jinġabru iktar mill-qrib, li d-diversi opportunitajiet tal-(ko)finanzjament isiru iktar ċari, sempliċi u kategorizzati aħjar skont it-tema, li jinġabru skont l-għanijiet u li l-informazzjoni dwarhom tinħareġ b’mod ċentrali u sistematiku.

1.8   Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu kkunsidrati l-atturi u l-inizjattivi fil-livell nazzjonali kif ukoll Ewropew li jistgħu jikkontribwixxu għal miżuri ta’ monitoraġġ u l-fattibbiltà futura tas-sħubijiet kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-riżultati tagħhom.

1.9   Il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi fis-sħubijiet tal-innovazzjoni u r-riċerka għandha għandha tkompli tiġi appoġġjata sabiex tiżdied l-attraenza tal-Ewropa f’għajnejn l-atturi globali (global players).

1.10   Fuq il-bażi tal-esperjenzi s’issa tas-sħubijiet għandu jiġi ċċarat liema forma u liema livell ta’ impenn huma meħtieġa, sabiex minn naħa jiġu żgurati l-flessibbiltà, it-trasparenza u l-ħila għall-innovazzjoni, u min-naħa l-oħra jiġu żgurati sħubijiet stabbli u għat-tul, b’impatt sostenibbli.

1.11   Sabiex jinżammu r-riżorsi umani, ta’ ħin u dawk finanzjarji, fil-futur ser ikun hemm bżonn livell ta’ effikaċja ogħla. Għaldaqstant, il-miżuri jridu jkunu koordinati aħjar, valutati b’mod regolari u implimentati b’mod koerenti.

1.12   Għandu jkun hemm rabtiet mill-qrib mal-partijiet interessati fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u reġjonali. Fl-istess ħin, l-importanza tad-dimensjoni globali tal-isfidi attwali m’għandhiex tintesa.

2.   Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tema Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I) (1) tittratta l-kompitu li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi disponibbli għar-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex sal-2014, iż-żona Ewropea tar-Riċerka, l-Unjoni tal-Innovazzjoni, l-Aġenda Diġitali kif ukoll l-inizjattivi ewlenin l-oħra tal-Istrateġija Ewropa 2020 (2) jiġu implimentati biex tiġi indirizzata l-kriżi ekonomika u finanzjarja attwali.

2.2   Bil-Komunikazzjoni tagħha l-Kummissjoni qed terġa’ lura għall-kunċett tas-sħubija, bil-għan li tenfasizza r-rabta mas-setgħat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Unjoni tal-Innovazzjoni ta’ Ottubru 2010 (3). Is-sħubijiet għandhom jgħaqqdu lill-atturi Ewropej u nazzjonali tas-settur pubbliku fi sħubijiet pubbliċ-pubbliċi (P2P) u pubbliċi-privati (PPP) (4) sabiex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali u biex tissaħħaħ il-pożizzjoni kompetittiva Ewropea.

2.3   Sabiex ikun hemm approċċ komuni fir-rigward tal-kontribut potenzjali tas-sħubijiet biex jinkiseb żvilupp intelliġenti u sostenibbli fl-Ewropa, ġew żviluppati u ttestjati diversi mudelli fis-Seba’ Progamm Kwadru għar-Riċerka (FP7), fil-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), fiż-żona Ewropea tar-Riċerka u fl-oqfsa tal-Unjoni tal-Innovazzjoni.

2.4   Fil-valutazzjoni ġenerali tagħha, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-sħubija toffri ħafna vantaġġi u l-potenzjal tagħha jista’ jiġi użat iktar.

2.5   Is-sħubijiet Ewropej għall-innovazzjoni jistgħu jservu bħala qafas ġenerali għad-diversi mudelli ta’ sħubija, billi jiġbru flimkien l-atturi kollha importanti taċ-ċiklu tar-riċerka u l-innovazzjoni, li jkopru kemm l-offerta kif ukoll id-domanda u jippromovu l-impenn politiku favur il-miżuri miftiehma. Barra minn hekk, is-sħubijiet huma mezz effiċjenti biex l-SMEs jiġu involuti iktar fir-Riċerka u l-Innovazzjoni.

2.6   Madankollu, is-sħubijiet mhumiex “suċċess garantit”. Sabiex jiġi żgurat is-suċċess fit-tul u l-funzjonament sostenibbli, iridu jingħataw qafas adegwat b’tali mod li jingħelbu l-isfidi li jinħolqu mill-governanza, il-finanzjament u l-implimentazzjoni, li jkunu marbuta mas-sħubijiet.

2.7   Mir-riżultati tad-diversi sħubijiet diġà nsiltu konklużjonijiet importanti għall-iżvilupp tas-sħubijiet u ġew identifikati s-soluzzjonijiet potenzjali għall-isfidi msemmij hawn fuq (5).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   It-tibdil demografiku, it-tibdil fil-klima u l-bidliet industrijali, ekonomiċi u t-tibdil fis-suq tax-xogħol huma frott il-globalizzazzjoni u huma l-ikbar sfidi għall-iżvilupp futur tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi, hemm bżonn sforzi konġunti u l-parteċipazzjoni tal-partijiet kollha potenzjali u l-miżuri rilevanti għandhom jiġu koordinati b’mod ċentralizzat. Dawn għandhom jiġu indirizzati b’mod urġenti billi jibbażaw fuq sinerġija bejn ir-riċerka, l-innovazzjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza u t-teknoloġija u l-innovazzjonijiet soċjali.

3.2   Il-ġbir tar-riżorsi, il-ħolqien ta’ baġit adatt u t-tqassim tar-riżorsi jeħtieġu wkoll koordinazzjoni ċentralizzata sabiex l-opportunitajiet assoċjati wkoll mat-tibdil demografiku u l-isfidi globali jkunu jistgħu jintużaw b’mod effettiv għar-riċerka u l-innovazzjoni.

3.3   Il-Kumitat għalhekk jilqa’ b’mod partikolari din l-inizjattiva tal-Kummissjoni, li fil-qafas tal-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni tal-Innovazzjoni (6) tistabbilixxi u tippromovi s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni (EIP) intiża biex iċ-ċiklu Ewropew tar-Riċerka u l-Innovazzjoni jiġi organizzat b’mod iktar effiċjenti u biex jitqassar il-perjodu ta’ żmien sakemm l-innovazzjonijiet jitqiegħdu fis-suq (7).

3.4   Mill-analiżi ta’ mudelli ta’ sħubija testjati fi ħdan is-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka (FP7) (8), il-Programm għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP) (9), iż-żona Ewropea tar-Riċerka (10) u l-oqfsa tal-Unjoni tal-Innovazzjoni (11) u fis-sħubija Ewropea pilota għat-tixjiħ attiv u b’saħħtu, diġà jistgħu jinsiltu konklużjonijiet preliminari għat-tfassil tas-sħubijiet (12).

3.5   Mill-osservazzjonijiet li saru, is-sħubijiet għandhom ikunu sempliċi, flessibbli, inklużivi u miftuħa, il-gruppi ta’ pilotaġġ għandhom ikunu rappreżentattivi u bilanċjati u r-relazzjonijiet bejn l-inizjattivi eżistenti u l-istrumenti għandhom jiġu ċċarati mill-bidu nett. F’dan ir-rigward, is-sħubijiet jeħtieġu kundizzjonijiet ċari għall-istrutturi, il-finanzjament u l-proċessi, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp stabbli tagħhom fit-tul.

3.6   Il-KESE japprezza u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex issarraf dawn il-konklużjonijiet fi proposti u direttivi konkreti u tintegra l-aspetti rilevanti fil-Programm “Orizzont 2020”. Il-proposti deskritti fil-Komunikazzjoni huma essenzjali, iżda fil-fehma tal-Kumitat għadhom mhumiex kompluti.

4.   Kummenti speċifiċi dwar il-proposti tal-Kummissjoni

4.1   L-għanijiet tas-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni (EIP)

4.1.1   Il-Kumitat jagħraf u jappoġġja l-għan tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li permezz tal-EIP torbot l-għodod konsolidati tan-naħa tal-offerta (ir-riċerka u t-teknoloġija) mal-għodod tan-naħa tad-domanda (l-utenti, ir-regolaturi, l-istandardizzazzjoni, eċċ.) (punt 2.3.1). Huwa jaqbel mal-Kummissjoni li l-EIPs jistgħu jlaqqgħu l-atturi mil-livell nazzjonali u reġjonali, mis-settur pubbliku u mis-soċjetà ċivili u jixprunaw id-djalogu bejniethom u bis-saħħa t’hekk jottimizzaw l-istrumenti, iżidu s-sinerġiji u jgħaqqdu r-riżorsi u jippromovu kemm l-innovazzjonijiet – b’mod speċjali l-innovazzjonijiet soċjali bħalma huma l-mudelli l-ġodda intraprenditorjali (13) – u jsaħħu l-impenn politiku.

4.1.2   F’dan il-kuntest, il-Kumitat jenfasizza l-importanza tal-proposti tal-Kummissjoni, li huma bbażati fuq id-Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-pilota EIP AHA u sħubijiet oħra (14). Dawn juru li hemm bżonn kundizzjonijiet ċari għall-istrutturi tal-ġestjoni kif ukoll għall-implimentazzjoni u l-finanzjament sabiex is-sħubijiet fir-riċerka u l-innovazzjoni jkunu jistgħu jiżviluppaw b’mod effiċjenti u għat-tul.

4.2   Żvilupp addizzjonali tal-kunċett tas-sħubijiet

4.2.1   Sabiex jiġi żviluppat iktar l-approċċ tas-sħubija, il-Kumittat iqis li dawn il-punti li ġejjin huma ta’ importanza partikolari u li għandhom jiżdiedu l-aspetti li ġejjin:

4.2.2   Il-kjarifika tar-relazzjoni bejn l-EIP u inizjattivi oħra politiċi (punt 2.3.2 tal-Komunikazzjoni): din ir-relazzjoni għandha tiġi valutata u ċċarata kontinwament speċjalment fil-każ ta’ EIPs ġodda.

4.2.3   Il-parteċipazzjoni tal-atturi kollha, li jistgħu jiżguraw miżuri ta’ segwitu adatti regolari (punt 2.3.2). Għalhekk għandhom jiġu identifikati u kkunsidrati r-rwoli u l-ħtiġijiet attwali tad-diversi atturi fil-proċess tal-innovazzjoni. Huwa daqstant importanti li miżura tkun tista’ tiġi abbandunata jew meta tkun laħqet l-għan tagħha jew jekk mal-mogħdija taż-żmien jidher li ma tkunx effettiva.

4.2.4   L-iffaċilitar tal-implimentazzjoni u l-finanzjament koordinati tal-programmi Ewropej u nazzjonali biex l-isfidi soċjali jiġu indirizzati b’mod iktar effettiv (punt 3.1.3): fil-fehma tal-Kumitat, dan jinvolvi reviżjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet dwar l-iżvilupp u l-kundizzjonijiet tal-finanzjament. Il-bżonn li l-proċeduri amministrattivi nazzjonali jiġu sinkronizzati diġà jissemma fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (punt 3.3.3).

4.3   Is-sħubijiet attwali fir-riċerka u l-innovazzjoni

4.3.1   Il-mudelli ta’ sħubija ġew żviluppati u ttestjati fl-FP7, fis-CIP, fiż-żona Ewropea tar-Riċerka u fil-qafas tal-Unjoni tal-Innovazzjoni (15).

4.3.2   Fost l-inizjattivi konġunti attwali nsibu b’mod partikolari s-sħubija Ewropea għall-innovazzjoni għall-anzjani attivi u f’saħħithom (EIP AHA) (16), l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (17), il-Programm Konġunt, Snin itwal, ħajjiet aħjar (More Years, Better Lives – MYBL) (18), kif ukoll il-programm previst Orizzjont 2020  (19).

4.3.3   Sabiex jiġi evitat ix-xogħol doppju u l-frammentazzjoni tas-suq, għandhom jiġu involuti atturi u inizjattivi ewlenin oħra fil-livell nazzjonali u dak Ewropew. L-inizjattivi bħas-Sena Ewropea 2012 għat-tixjiħ attiv u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet (20), il-programm tad-WHO għall-ambjenti favur it-tixjiħ (21) (Age-friendly Environments Programme) u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (22) huma ferm adatti għas-sħubijiet tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, jew tal-inqas is-sinerġiji.

4.3.4   Bl-istess mod, għandha tingħata iktar kunsiderazzjoni lill-ħidma ta’ tħejjija rilevanti tal-partijiet interessati oħra fil-livell nazzjonali u Ewropew. Fosthom insibu pereżempju d-diversi programmi u inizjattivi tad-DĠ SANCO, l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) (23) u l-Istitut għall-Istudji Teknoloġiċi Prospettivi (IPTS) (24).

4.3.5   Barra minn hekk, il-KESE jisħaq fuq l-importanza tas-sħubija sabiex tiżdied l-attraenza tal-Ewropa bħala msieħba globali fir-riċerka u l-innovazzjoni. Billi tgħin fit-tisħiħ tal-kobor u l-ambitu, is-sħubija żżid l-effiċjenza u l-effikaċja tal-investiment fir-riċerka fl-Ewropa għall-atturi globali (25). Il-KESE jħeġġeġ l-iżvilupp addizzjonali tas-sħubija f’din id-direzzjoni.

4.3.6   Minbarra l-kundizzjonijiet qafas strutturali, huwa kruċjali għas-sostenibbiltà futura tas-Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni li jkun hemm viżjoni komuni fattibbli. Il-KESE huwa tal-fehma wkoll li, flimkien mal-atturi kollha potenzjali, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-anzjani, b’mod partikolari l-imsieħba soċjali u ż-żgħażagħ jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jiġu involuti fis-sħubijiet sabiex jiġi żgurat l-appoġġ attiv tagħhom għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni futuri sostenibbli.

4.3.7   L-innovazzjonijiet mhumiex bilfors frott proċess lineari iżda iktar tan-netwerking u l-integrazzjoni tas-setturi, tas-sistemi u tal-kunċetti. Fost il-fatturi ewlenin għall-ħolqien tal-innovazzjoni fil-qasam tas-servizzi nsibu l-bidliet strutturali soċjali relatati, ir-rekwiżiti l-ġodda tal-utenti u r-reazzjoni tal-intrapriża għal dawn il-bidliet. Dawn il-fatturi għandhom jiġu kkunsidrati b’mod speċjali fil-kuntest tal-innovazzjoni soċjali.

4.4   Proposti oħra għat-tibdil

4.4.1   Finanzjament u implimentazzjoni – Artikolu 3.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

4.4.1.1   Sabiex is-sħubijiet ikollhom ħajja twila għandhom bżonn qafas finanzjarju affidabbli. Il-proposti tal-Kummissjoni għas-semplifikazzjoni u l-koordinazzjoni tad-diversi possibbiltajiet ta’ (ko)finanzjament fil-livell Ewropew u nazzjonali għalhekk huma ferm utli u żgur għandhom jiġu segwiti.

4.4.1.2   Barra minn hekk, tkun ħaġa tajba li d-diversi possibbiltajiet ta’ (ko)finanzjament jiġu kategorizzati b’mod iktar ċar u tematiku, sabiex l-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-inizjattivi jkunu jistgħu jitwettqu fuq bażi soda. Il-Kumitat għalhekk jirrakkomanda li d-diversi riżorsi jinġabru iktar qrib xulxin, li l-użu tagħhom ikun iktar immirat u li l-informazzjoni dwarhom tiġi provduta b’mod iktar ċentralizzat u sistematiku.

4.4.2   Kjarifika tal-livell ta’ impenn meħtieġ mis-sħubijiet futuri

F’termini tal-livell ta’ impenn meħtieġ, is-sħubijiet attwali jvarjaw minn kooperazzjoni mingħajr ħafna rbit dwar kwistjonijiet partikolari, għal impenn vinkolanti minn imsieħba individwali, li madankollu huma limitati f’termini ta’ fondi u ħin, għal impenn għat-tul mill-partijiet kollha interessati fi sħubija. Fid-dawl tal-programm Orizzont 2020 u fuq il-bażi tal-esperjenza preċedenti tas-sħubijiet għandu jiġi ċċarat liema forma u liema livell ta’ rbit huma meħtieġa, sabiex minn naħa jiġu żgurati l-flessibbiltà, it-trasparenza u l-ħila għall-innovazzjoni, u min-naħa l-oħra jiġu żgurati sħubijiet stabbli u fit-tul, b’impatt sostenibbli.

4.4.3   Implimentazzjoni

Is-sħubijiet għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għandhom ikunu mmirati lejn implimentazzjoni rapida u koerenti tal-miżuri meqjusa adatti. Għalhekk, għandhom jissaħħu l-kooperazzjoni bejn ix-xjenza u l-prattika kif ukoll il-bażi tal-ħtiġijiet tal-utenti u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-sħubijiet għall-innovazzjoni. Sabiex jiġi evitat li l-ħin u l-valuri umani u finanzjarji prezzjużi ma jintużawx għal xejn, fil-futur għandu jitqies il-ksib ta’ livell ogħla ta’ effikaċja u l-miżuri għandhom jiġu koordinati aħjar, il-kriterji stabbiliti għandhom jiġu valutati kontinwament u implimentati b’mod koerenti.

4.4.4   Prodotti tal-proprjetà intellettwali

Meta jkun hemm ħafna partijiet interessati involuti fi proġett jew sħubija, il-kwistjoni tal-proprjetà intellettwali ssir iktar importanti. Għandhom jiġu żgurati soluzzjonijiet ġusti sa mill-bidu nett anki għas-sħubijiet futuri tal-innovazzjoni sabiex l-atturi kollha, inklużi l-utenti finanzjarji assoċjati mal-proġett, jiksbu parti adegwata tal-appoġġ finanzjarju u tal-profitti addizzjonali li jistgħu jinkisbu.

4.4.5   Identifikazzjoni reġjonali

Is-sħubijiet għandhom dejjem jitwettqu u juru l-valur tagħhom f’kuntesti konkreti. Għalhekk ir-rabtiet stretti mal-atturi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u l-kunsiderazzjoni ta’ speċifiċitajiet nazzjonali u reġjonali għandhom jiġu rakkomandati bħala prijorità, billi s-sitwazzjoni tvarja ħafna kemm fi ħdan l-Istati Membri kif ukoll bejniethom. Din il-kunsiderazzjoni kuntestwali għandha tqis ukoll id-dimensjoni globali tal-isfidi attwali.

4.4.6   Eżempji ta’ prattika tajba

4.4.6.1   Għandhom jinġabru u jixxandru l-mudelli ta’ sħubijiet eżistenti li kellhom suċċess. Il-KESE jipproponi li dawn jinfirxu iktar, pereżempju permezz tas-sit tal-internet ta’ CORDIS, billi jinħoloq Web Portal dedikat jew billi darba fis-sena tiġi organizzata attività li tippremja l-iktar sħubijiet li rnexxew l-aħjar.

4.4.6.2   Madankollu, jista’ jkun daqstant utli li jiġu investigati r-raġunijiet għalfejn ċerti sħubijiet ma rnexxewx u jinsiltu t-tagħlimiet minnhom. Għalhekk, il-Kumitat jirrakkomanda li tali mudelli ta’ prattika tajba, kif ukoll dawk li ma rnexxewx, flimkien maċ-ċirkostanzi li wasslu għat-tnejn, jiġu ppubblikati u l-informazzjoni dwarhom tinxtered b’mod attiv.

4.4.7   Kjarifika tal-kunċetti

4.4.7.1   Il-kunċetti tal-Innovazzjoni, ir-Riċerka u s-Sħubija mhumiex spjegati. Għad li l-kundizzjonijiet importanti għas-sħubijiet diġà ġew definiti (26) fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u t-terminu “innovazzjoni” huwa ċċarat (27) f’diversi komunikazzjonijiet u opinjonijiet, xi ftit jew wisq għadu mhux ċar fejn għandha tiffoka r-riċerka futura għax jingħataw biss eżempji. Madankollu, fid-dawl tat-tibdil demografiku u l-isfidi kummerċjali globali r-riċerka fundamentali ta’ livell eċċellenti hija kruċjali.

4.4.7.2   Kwalunkwe spjegazzjoni dwar din il-kwistjoni tmur lil hinn mill-iskop ta’ din l-opinjoni. Il-Kumitat qed ifassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar “It-tmien programm qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp: pjani direzzjonali għat-tixjiħ” (28).

4.4.8   Nisfruttaw aħjar il-potenzjal

It-tixjiħ tal-popolazzjoni huwa preċiżament eżempju ta’ riżultat tas-suċċess tal-kooperazzjoni bejn ir-riċerka u l-iżvilupp fil-mediċina u t-teknoloġija minn naħa u l-progress soċjali min-naħa l-oħra. Il-ġbir tar-riżorsi intellettwali, finanzjarji u prattiċi disponibbli jista’ jkompli jwassal biex tiġi żviluppata saħħa enormi kapaċi tegħleb l-isfidi attwali.

Brussell, 23 ta’ Mejju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 572 final, 21.9.2011.

(2)  COM (2010) 546 final. Ara wkoll IP/10/225. Il-programm ta’ segwitu ta’ 10 snin għall-Istrateġija ta’ Lisbona ġie addotat mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2010. L-għan huwa t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv b’koordinazzjoni aħjar bejn l-ekonomiji nazzjonali u Ewropej.

(3)  COM(2010) 546 final; ara wkoll l-opinjoni tal-KESE ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39.

(4)  Bħala eżempju ta’ sħubija P2P fost oħrajn ERA-NET u ERA-NET Plus, Artikolu 185- Inizjattivi u Ppjanar Konġunt (Joint Programming – JP). PPP fir-R&I għal Inizjattivi Teknoloġiċi (JTI) u l-Internet tal-Futur.

(5)  Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2011) 1028 final, 1.9.2011.

(6)  COM(2010) 546 final, 06.10.2010.

(7)  COM(2011) 572 final, 21.9.2011.

(8)  ĠU. L 412, 30.12.2006, p. 1 u ĠU C 65, 17.3.2006, p. 9.

(9)  ĠU L 310 30.12.2006, p. 15 u ĠU C 65 17.3.2006, p. 22.

(10)  COM(2000) 6 final; ara wkoll l-opinjoni tal-KESE ĠU C 204, 3.5.2011, p. 70.

(11)  Ara nota 6 f’qiegħ il-paġna.

(12)  Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2011) 1028 final, 1.9.2011.

(13)  ĠU C 132, 3.5.2011, p. 22-25.

(14)  SEC(2011)1028 finali.

(15)  Ara n-nota 4 f’qiegħ il-paġna. Għal eżempju rilevanti ta’ Sħubija P2P ara l-AALJP b’volum ta’ iktar minn EUR 600 miljun. Wieħed mill-eżempji konkreti ta’ PPP huwa l-inizjattiva tat-teknoloġija ARTEMIS (Sistemi integrati tal-kompjuter).

(16)  Ara IP/10/1288.

(17)  Ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200.

(18)  Ara http://www.jp-demographic.eu.

(19)  Programm qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 2014-2020; MEMO-11-435. Ara wkoll l-Abbozz ta’ Opinjoni Preliminari INT/614-615-616-631 dwar “Orizzont 2020”, relatur: Gerd Wolf.

(20)  Ara http://europa.eu/ey2012/.

(21)  Ara http://www.who.int/ageing/age_friendly_cities/.

(22)  Ara http://www.un.org/disabilities/default.asp?id=150.

(23)  Ara http://eit.europa.eu.

(24)  Ara http://ipts.jrc.ec.europa.eu.

(25)  Bħala żewġ eżempji biss insibu dawn: b’riżultat tal-Inizjattiva Konġunta tal-Ipprogrammar dwar il-Mard Newrodeġenerattiv (Joint Programming Initiative on Neurodegenerative Diseases), il-Kanada bidlet l-orjentazzjoni tal-aġenda tar-riċerka f’dan il-qasam lejn il-koordinazzjoni mal-Ewropa u issa hija msieħba f’azzjoni pilota dwar iċ-ċentri tal-eċċellenza; l-Indja hija interessata b’mod attiv li tieħu sehem fl-Inizjattiva Konġunta tal-Ipprogrammar dwar l-“Ilma” (Joint Programming Initiative on “Water”).

(26)  Ara wkoll IP/11/1059 u MEMO/11/623 tal-21 ta’ Settembru 2011.

(27)  COM(2010) 546 final. Ara wkoll ĠU C 132, 3.5.2011, p. 39.

(28)  Orizzont 2020: Pjani direzzjonali dwar it-tixjiħ (opinjoni fuq inizjattiva proprja) Ara paġna 13 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali, (CESE 1290/2012).