15.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 351/65


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-Innovazzjoni għal Futur Sostenibbli — Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni (Eco-AP)”

COM(2011) 899 final

2012/C 351/14

Relatur: is-Sur RIBBE

Nhar il-15 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – L-Innovazzjoni għal Futur Sostenibbli – Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni (Eco-AP)

COM(2011) 899 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ Awwissu 2012.

Matul l-483 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-18 u d-19 ta’ Settembru 2012 (seduta tat-18 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’141 vot favur, 5 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Sommarju tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat

1.1

Il-KESE jilqa’ l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni, u jenfasizza b’mod partikolari l-approċċ adottat fil-Pjan ta’ Azzjoni li jikkonsisti mill-identifikazzjoni u l-eliminazzjoni tal-ostakli eżistenti filwaqt li jissaħħu l-ixpruni li wasslu għal żviluppi pożittivi.

1.2

Ma tistax tingħata definizzjoni universali waħda tal-kunċett “ekoinnovazzjoni” għaliex l-idea ta’ x’inhu “innovattiv” jew “progressiv” tvarja ħafna fis-soċjetà (u fi ħdan il-kulturi differenti). Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kriterji tal-għoti kwalitattivi jew, jekk ikun possibbli, anke kwantitattivi li jkunu ċari kemm jista’ jkun għall-oqsma differenti li fihom trid tieħu azzjoni.

1.3

L-intrapriżi li ser jibbenefikaw mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-ġejjieni għandhom jiġu obbligati jwettqu studju addizzjonali żgħir li jiddeskrivi fejn, fil-fehma tagħhom stess, jinsabu l-akbar ostakli għall-implimentazzjoni u/jew it-tqegħid fis-suq tat-teknoloġiji tagħhom.

1.4

L-ekoinnovazzjonijiet appoġġjati mill-UE għandhom iħarsu r-riżorsi u jkunu ġusti u sostenibbli matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom. L-appoġġ għall-ekoinnovazzjoni għandu jkun marbut mal-kriterji tal-istrateġija tal-UE dwar is-sostenibbiltà.

1.5

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-hekk imsejħa teknoloġiji ambjentali adattati żgħar. Il-Kumitat, fl-opinjoni tiegħu “Realtajiet u opportunitajiet għal teknoloġiji applikati kontra t-tniġġis fil-pajjiżi li ser jingħaqdu mal-Unjoni Ewropea” (1), kien diġà saħaq li jeżistu ħafna alternattivi minbarra s-soluzzjonijiet ċentrali l-kbar jew li jkun għaqli li jiġu żviluppati tali alternattivi. Bosta drabi ma jkunx fl-interess taċ-ċentri ta’ riċerka jew tal-investituri li jiżviluppaw soluzzjonijiet teknoloġiċi fuq skala żgħira, adattati u deċentralizzati, peress li bihom ftit li xejn jaqilgħu flus proprju għaliex huma rħas iżda effettivi. Il-KESE jirrakkomanda li fil-Pjan ta’ Azzjoni l-Kummissjoni tintegra r-rakkomandazzjonijiet li tressqu dak iż-żmien fl-opinjoni msemmija.

1.6

Id-diretttivi u r-regolamenti kif ukoll il-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-Fondi Strutturali u tal-politika agrikola għandhom jiġu riveduti b’mod regolari sabiex jiġi determinat jekk dawn iridux jiġu adattati għall-innovazzjonijiet teknoloġiċi ambjentali l-ġodda.

1.7

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha fl-aħħar tfassal il-lista ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, u wara teliminahom. Illum il-ġurnata m’għadux adegwat li jsir sforz kbir fl-appoġġ għall-ekoinnovazzjoni, u fl-istess ħin issir il-ħsara ambjentali minħabba politika żbaljata tas-sussidji.

2.   Kontenut tad-dokument tal-Kummissjoni

2.1

Sabiex tiġi implimentata u mwettqa l-Istrateġija Ewropa 2020 – l-istrument attwali tal-Kummissjoni għall-governanza u l-ippjanar politiku – tnedew seba’ inizjattivi ewlenin, li huma:

Unjoni tal-Innovazzjoni;

Żgħażagħ Attivi;

Aġenda Diġitali għall-Ewropa;

Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza;

Politika Industrijali għall-Era tal-Globalizzazzjoni;

Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi; u

Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar.

2.2

L-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni” għandha titwettaq, fost oħrajn, permezz tal-“Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni (Eco-AP)”, għalkemm dan jikkonċerna wkoll inizjattivi ewlenin oħra, bħall-“Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza” u l-“Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi”.

2.3

Il-Pjan ta’ Azzjoni jindika li t-teknoloġiji tal-protezzjoni ambjentali jistgħu, minn naħa, jiftħu swieq li qed jikbru b’pass mgħaġġel u, min-naħa l-oħra, joħolqu ħafna impjiegi ġodda.

2.4

Il-Pjan ta’ Azzjoni jkompli jibni fuq il-“Pjan ta’ Azzjoni għal Teknoloġiji Ambjentali” (ETAP, Environmental Technologies Action Plan) tal-2004, iżda l-enfasi tiegħu m’għadhiex biss fuq ir-riċerka tradizzjonali jew l-iżvilupp ta’ tekniki u tekonoloġiji “ekoloġiċi” ġodda. Il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid aktar għandu jitqies bħala pakkett ta’ miżuri abbażi ta’ kunċett komprensiv tal-ekoinnovazzjoni, fejn jiġi analizzat x’inhuma l-ostakli u l-ixpruni għall-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u kif l-ostakli jistgħu jiġu eliminati filwaqt li l-ixpruni jiġu promossi.

2.5

Id-dokument tal-Kummissjoni jippreżenta r-riżultati interessanti ta’ stħarriġ dwar dan is-suġġett, liema riżultati jiddeskrivu, u sa ċertu punt jikkwantifikaw, l-ostakli u l-ixpruni.

2.6

Id-domanda inċerta tas-suq u l-qligħ inċert fuq l-investiment jikkostitwixxu tnejn mill-akbar ostakli, filwaqt li l-prezzijiet għoljin tal-enerġija u tal-materjali, ir-regolamenti u l-istandards ġodda kif ukoll l-aċċess għall-għarfien huma meqjusa fost l-ixpruni prinċipali.

2.7

Jingħad li l-“penetrazzjoni tal-ekoinnovazzjoni fis-swieq s’issa kienet waħda relattivament bil-mod, bl-eċċezzjoni tal-enerġija rinnovabbli bir-riżultat tal-politiki dwar l-enerġija u l-klima. L-ostakli għall-ekoinnovazzjoni jinkludu n-nuqqas li l-prezzijiet tas-suq jirriflettu b’mod preċiż l-ispejjeż u l-benefiċċji ambjentali, strutturi ekonomiċi riġidi, xkiel fl-infrastruttura u ostakli inerenti fis-sistema, u inċentivi u sussidji ta’ ħsara.” Minn dan joħroġ li s-sussidji li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent għandhom jitneħħew sabiex tissaħħaħ l-ekoinnovazzjoni.

2.8

Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jaċċellera l-ekoinnovazzjoni b’mod globali, jiġifieri fis-setturi ekonomiċi kollha, permezz ta’ azzjonijiet immirati. Sabiex tinħoloq domanda tas-suq għall-ekoinnovazzjoni aktar qawwija u stabbli, fil-ġejjieni għandhom jiġu proposti miżuri b’rabta mal-inċentivi regolatorji, l-akkwist pubbliku u privat kif ukoll l-istandards. Barra minn hekk, l-SMEs għandhom jiġu appoġġjati biex ikunu aktar lesti li jinvestu u biex ikollhom aktar possibbiltajiet ta’ netwerking.

2.9

Għalhekk, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekoinnovazzjoni jinkludi d-domanda u l-provvista, ir-riċerka u l-industrija kif ukoll l-istrumenti ta’ politika u ta’ finanzjament. Il-Pjan jisħaq fuq l-importanza fundamentali tal-leġislazzjoni ambjentali bħala xprun tal-ekoinnovazzjoni, u jipprevedi r-reviżjoni tar-regolamentazzjoni u l-istandards rilevanti fil-każ li joħroġ fid-dieher li dawn huma ostakli.

2.10

Il-Pjan jenfasizza wkoll id-dimensjoni internazzjonali tal-ekoinnovazzjoni u l-koordinazzjoni politika aktar effiċjenti mal-imsieħba internazzjonali.

2.11

B’kollox, il-Pjan ta’ Azzjoni jinkludi seba’ oqsma ta’ azzjoni u kull wieħed minnhom għandu l-punt prinċipali tiegħu:

1.

l-użu tal-politika u tal-leġislazzjoni ambjentali bħala fattur li jippromovi l-ekoinnovazzjoni;

2.

l-appoġġ għal proġetti ta’ wiri u ta’ sħubijiet biex jiddaħħlu fis-suq teknoloġiji operattivi promettenti, intelliġenti u ambizzjużi;

3.

l-iżvilupp ta’ standards ġodda li jagħtu spinta lill-ekoinnovazzjoni;

4.

il-mobilizzazzjoni ta’ strumenti finanzjarji u ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-SMEs;

5.

il-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali;

6.

l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ ħiliet ġodda u l-ħolqien tal-impjiegi u għall-programmi ta’ taħriġ relatati biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

7.

il-promozzjoni tal-ekoinnovazzjoni bis-saħħa tal-inizjattiva ewlenija “Unjoni tal-Innovazzjoni”.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-KESE jappoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni, li jidher strutturat b’mod loġiku u maħsub sew.

3.2

L-ekoinnovazzjoni hija muftieħ, jekk mhux il-muftieħ ewlieni, sabiex nibqgħu kompetittivi fit-tul u nilħqu l-għanijiet tas-sostenibbiltà, kif ukoll biex ir-reġjuni li s’issa kienu inqas żviluppati jaraw kif jistgħu jtejbu l-ekonomija u l-benesseri tagħhom mingħajr ma jagħmlu l-ħsara lill-ambjent.

3.3

Madankollu, il-kwistjoni ta’ x’inhi “ekoinnovazzjoni” mhix waħda insinifikanti. Dak li persuna jew kultura tara bħala innovattiv u progressiv jista’ jiffaċċja r-reżistenza ta’ persuni jew kulturi oħra. Dan joħroġ b’mod ċar l-aktar fil-kwistjonijiet tal-inġinerija ġenetika jew l-użu tal-enerġija nukleari. B’hekk jidher ċarament li ma teżistix definizzjoni universali waħda tal-“ekoinnovazzjoni”.

3.4

Madankollu, fil-Pjan ta’ Azzjoni l-Kummissjoni ġustament tipprova ssib xi tip ta’ definizzjoni. Fil-fehma tagħha, “l-ekoinnovazzjoni hija kwalunkwe forma ta’ innovazzjoni li tirriżulta fi jew li timmira lejn progress sinifikanti u li jista’ jintwera għall-għan tal-iżvilupp sostenibbli, billi jitnaqqsu l-impatti fuq l-ambjent, tittejjeb ir-reżistenza għall-pressjonijiet ambjentali, jew billi jintlaħaq użu iktar effiċjenti u responsabbli tar-riżorsi naturali.” Però xorta waħda jibqa’ mhux ċar x’inhu l-“progress sinifikanti u li jista’ jintwera” fit-tnaqqis tal-ħsara fuq l-ambjent. Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex, fil-pjan ta’ implimentazzjoni li ser jitressaq ’il quddiem, tiddeskrivi aktar fid-dettall l-oqsma prijoritarji individwali u tiżgura li l-finanzjament tal-UE għall-ekoinnovazzjoni jmur għal proġetti li jikkontribwixxu bl-aktar mod effiċjenti biex jinkisbu l-miri ambjentali ta’ kull settur.

3.5

Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li fil-Pjan ta’ Azzjoni tiddefinixxi l-oqsma prijoritarji li għandhom jiġu promossi aktar mill-oħrajn. Dawn jistgħu jinkludu dawk is-setturi tal-politika ambjentali fejn a) għal bosta snin l-Ewropa wettqet progress żgħir ħafna, b) jidher li ser ikun diffiċli biex jinkisbu ċerti għanijiet ambjentali, u c) it-teknoloġiji għadhom għaljin.

3.6

Fil-fehma tal-KESE huwa importanti li tingħata attenzjoni speċjali wkoll lill-hekk imsejħa teknoloġiji ambjentali adattati żgħar. Il-Kumitat, fl-opinjoni tiegħu “Realtajiet u opportunitajiet għal teknoloġiji applikati kontra t-tniġġis fil-pajjiżi li ser jingħaqdu mal-Unjoni Ewropea” (NAT/203 tal-31 ta’ Marzu 2004), kien diġà saħaq li jeżistu ħafna alternattivi minbarra s-soluzzjonijiet ċentrali l-kbar jew li jkun għaqli li jiġu żviluppati tali alternattivi. Bosta drabi ma jkunx fl-interess taċ-ċentri ta’ riċerka jew tal-investituri li jiżviluppaw soluzzjonijiet teknoloġiċi fuq skala żgħira, adattati u deċentralizzati, peress li bihom ftit li xejn jaqilgħu flus proprju għaliex huma rħas iżda effettivi. Il-KESE jirrakkomanda li fil-Pjan ta’ Azzjoni l-Kummissjoni tintegra r-rakkomandazzjonijiet li tressqu dak iż-żmien fl-opinjoni msemmija.

3.7

Għalhekk, l-ekoinnovazzjoni tinkludi kemm it-teknoloġiji ġodda li jidħlu fis-suq kif ukoll ideat u kunċetti li jistgħu jiġu implimentati mingħajr investimenti kbar imma li ftit jiġu żviluppati fl-intrapriżi li jridu jżommu s-sehem tagħhom fis-suq jew li jridu jiftħu swieq ġodda.

3.8

Għaldaqstant, l-iżvilupp ta’ dawn is-soluzzjonijiet adattati, pereżempju għaż-żoni rurali jew għar-reġjuni/pajjiżi inqas żviluppati, għandu jitħeġġeġ mill-inqas bl-istess intensità li tintuża għall-proġetti ta’ riċerka u żvilupp tal-intrapriżi.

3.9

Il-KESE jappoġġja l-Pjan ta’ Azzjoni b’mod globali, u jilqa’ b’mod partikolari l-fatt li l-Pjan iħabbar li l-ostakli ser jiġu eżaminati fil-fond.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Madankollu, għadu mhux ċar kif ser jitneħħew dawn l-ostakli, għaliex l-ewwel u qabel kollox dawn l-ostakli għall-innovazzjoni (teknika u mhux teknika) iridu jiġu identifikati. Din hija biċċa xogħol importanti.

4.2

Eżempju konkret ta’ dan huwa li fis-Seba’ Programm ta’ Riċerka l-UE ppromoviet il-proġett “2nd generation vegetable oil”. Dan il-proġett kellu jsib jekk iż-żjut veġetali mhux raffinati u li jiġu prodotti b’mod deċentralizzat jistgħux jintużaw biex iħaddmu t-tratturi agrikoli, li fl-istess ħin jirrispettaw l-istandards Ewropej relatati mal-protezzjoni tal-ambjent u l-klima. Ir-riżultat hu li l-magni high-tech tal-lum jistgħu jagħmlu dan, filwaqt li l-gassijiet b’effett ta’ serra tnaqqsu b’persentaġġ li jitla’ sa 60 %, livell li huwa aħjar mill-minimu stabbilit fid-Direttiva dwar l-enerġiji rinnovabbli!

4.3

Però din it-teknoloġija, li bla dubju ta’ xejn tista’ tissejjaħ ekoinnovazzjoni, mhux ser tkun tista’ tintuża fl-UE sakemm id-diżil jibqa’ jingħata trattament fiskali vantaġġuż, sakemm il-komponent tas-CO2 fil-miżuri previsti għat-tassazzjoni tal-enerġija jibqa’ baxx daqskemm hu ppjanat, jew sakemm l-użu taż-żejt veġetali jkun kompletament projbit fil-leġislazzjoni.

4.4

Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra li timponi studju addizzjonali żgħir għall-proġetti kollha ta’ finanzjament li fih jiġu identifikati l-ostakli possibbli jew reali rilevanti. Dan m’għandux ikun rapport xjentifiku ħafna, iżda sempliċement indikazzjonijiet li juru lill-atturi politiċi fejn hemm bżonn ta’ aktar implimentazzjoni.

4.5

Fl-istess ħin, jeħtieġ li l-Kummissjoni tirrevedi b’mod regolari d-direttivi u r-regolamenti tagħha kollha kif ukoll il-kriterji ta’ eliġibbiltà fi ħdan il-Fondi Strutturali u l-Politika Agrikola Komuni, sabiex tara jekk dawn iridux jiġu adattati għall-innovazzjonijiet teknoloġiċi ambjentali l-ġodda.

4.6

Fl-aħħar nett, il-KESE jixtieq jenfasizza li, kif isir f’ħafna dokumenti oħrajn, dan il-Pjan ta’ Azzjoni ġustament jisħaq li s-sussidji li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent għandhom jitneħħew. Il-KESE huwa aktar u aktar irritat li l-Kummissjoni, minkejja t-talbiet ripetuti tiegħu, għadha ma ppreżentatx lista ta’ sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, għalkemm ilha ħames snin twiegħed li ser tagħmel dan. Meta bejn il-kliem u l-fatti jkun hemm diskrepanzi bħal dawn, wieħed jibda jiddubita minn kemm hu sinċier l-impenn tal-Kummissjoni biex tagħmel dan.

Brussell, 18 ta’ Settembru 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 112, 30.4.2004, p. 83 (ma ġietx ippubblikata bil-Malti fil-ĠU).