29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/129


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku”

COM(2011) 877 final — 2011/0430 (COD)

2012/C 191/22

Relatur: is-Sinjura CAÑO AGUILAR

Nhar is-17 ta’ Jannar 2012 u nhar it-18 ta’ Jannar 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku

COM(2011) 877 final – 2011/0430 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'133 vot favur, 2 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-KESE jilqa' r-reviżjoni tad-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (1) (Direttiva PSI), billi din issaħħaħ b'mod konsiderevoli l-possibbiltà li d-data pubblika tintuża b'mod aktar effiċjenti u hija waħda mill-bosta azzjonijiet maħsuba biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.2   Il-Kumitat jenfasizza li l-emenda tad-Direttiva PSI hija meħtieġa minħabba r-rivoluzzjoni diġitali, l-ammont dejjem jikber ta’ informazzjoni li jkollhom l-awtoritajiet u l-importanza ekonomika ta’ din il-kwistjoni, li globalment hija stmata għal EUR 140 biljun. Barra minn hekk, l-emenda tipprova ssolvi xi nuqqasijiet li ġew innotati fir-regolamentazzjoni attwali u tinkorpora l-prinċipji approvati mill-OECD fl-2008.

1.3   Ir-regolamentazzjoni l-ġdida, li tinkludi aspetti proposti mill-KESE f'opinjoni preċedenti, tagħmel parti minn pakkett ta’ miżuri tal-Aġenda Diġitali, li hija waħda mill-istrateġiji fundametnali tal-UE.

1.4   Filwaqt li d-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni pubblika jibqa' kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, ir-regolamentazzjoni l-ġdida tinkludi bidla importanti għaliex permezz tagħha l-użu mill-ġdid isir obbligu tal-Istati Membri.

1.5   Il-Kumitat jikkunsidra li l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni pubblika għandu jiġi rregolat permezz ta’ Regolament bil-għan li tinkiseb l-omoġeneità fil-leġislazzjoni tal-Istati Membri u jingħelbu d-disparitajiet osservati fit-traspożizzjoni tad-Direttiva PSI.

1.6   Ir-riforma testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-użu mill-ġdid billi tinkludi l-mużewijiet, il-libreriji u l-arkivji, minbarra li ttejjeb l-arranġamenti prattiċi li jiffaċilitaw it-tiftix tal-informazzjoni.

1.7   Fil-fehma tal-KESE, ir-riforma tad-Direttiva PSI hija ġġustifikata wkoll mill-potenzjal kbir, li mhux sfruttat biżżejjed, li l-informazzjoni pubblika għandha fi tliet oqsma fundamentali għaliex tikkontribwixxi:

għall-promozzjoni tas-suq intern, it-tisħiħ tal-intrapriżi Ewropej u l-ħolqien tal-impjiegi;

għall-koerenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni;

għall-promozzjoni tat-trasparenza, l-effikaċja u r-responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi.

1.8   Ir-regoli l-ġodda dwar it-tariffi jeskludu l-idea li l-aċċess għall-informazzjoni jkun b'mod obbligatorju mingħajr ħlas. Kull Stat Membru ser jiddeċiedi jekk japplikax tariffa jew le. Jekk jiddeċiedi li japplika tariffa, din trid tkun limitata għall-ispejjeż marġinali, għalkemm jeżistu każijiet eċċezzjonali meta tista' tiġi applikata tariffa ogħla. Il-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż attwalment fis-seħħ jinżamm b'mod residwu. Il-KESE jemmen li l-bidla f'dan ir-rigward hija waħda pożittiva.

1.9   Rigward l-awtorità indipendenti stabbilita biex issolvi r-rikorsi kontra r-rifjuti, il-KESE jemmen li dan mhux bilfors jimplika l-ħolqien ta’ korp ġdid għaliex tista' tinħatar awtorità li teżisti diġà, dejjem jekk jiġu garantiti l-imparzjalità u l-indipendenza tad-deċiżjonijiet

1.10   Ir-regolamentazzjoni l-ġdida ssemmi d-drittijiet ekonomiċi jew morali tal-impjegati tal-korpi pubbliċi sabiex jiġu kkunsidrati sitwazzjonijiet partikolari li jinħolqu f'ċerti Stati Membri tal-Unjoni.

1.11   Il-Kumitat jiddefendi l-ħtieġa li jissaħħaħ it-test tal-proposta fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali billi tintalab evalwazzjoni dettaljata, abbażi ta’ każ b'każ, li tippermetti li jinsab bilanċ bejn id-dritt tal-privatezza u d-dritt tal-aċċess pubbliku.

2.   Sfond

2.1   Id-Direttiva 2003/98/KE (Direttiva PSI) kienet pass importanti biex jiġi promoss l-użu mill-ġdid tal-kwantità enormi ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku, għaliex hi poġġiet is-sisien għal qafas legali Ewropew bil-għan li jarmonizza l-kundizzjonijiet bażiċi u li jelimina l-ostakli li jistgħu joħolqu xi diffikultajiet għall-użu mill-ġdid.

2.2   L-Artikolu 13 tad-Direttiva PSI jirrikjedi li l-Kummissjoni Ewropea twettaq reviżjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva qabel l-1 ta’ Lulju 2008 u fiha “b'mod partikolari tindirizza l-kamp tal-applikazzjoni u l-impatt ta’ din id-Direttiva, inkluż il-limitu taż-żieda fl-użu mill-ġdid ta’ dokumenti tas-settur pubbliku, l-effetti tal-prinċipji applikati għall-ħlas u l-użu mill-ġdid ta’ testi uffiċjali ta’ natura leġislattiva u amministrattiva, kif ukoll possibbiltajiet oħra għat-titjib tal-iffunzjonar kif imiss tas-suq intern u l-iżvilupp tal-industrija tal-kontenut Ewropew”. Din ir-reviżjoni hija riflessa fil-Komunikazzjoni COM(2009) 212 fejn jingħad li, minkejja l-progress li sar, għad baqa' ostakli kbar, fosthom it-tentattivi min-naħa tal-korpi tas-settur pubbliku li jżidu kemm jista' jkun l-irkupru tal-ispejjeż, minflok ma jagħtu preċedenza lill-benefiċċji għall-ekonomija b'mod ġenerali; il-kompetizzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat; kwistjonijiet prattiċi li jxekklu l-użu mill-ġdid, bħalma hu n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-PSI disponibbli; u l-attitudni ta’ ċerti korpi tas-settur pubbliku, li ftit li xejn huma konxji tal-potenzjal ekonomiku.

2.3   Xi fatturi oħra li skont il-Kummissjoni jiġġustifikaw ir-reviżjoni tad-Direttiva huma:

iż-żieda enormi fl-ammont ta’ data;

ir-rivoluzzjoni diġitali kontinwa, li żżid il-valur tal-patrimonju tas-settur pubbliku fil-qasam tal-informazzjoni u l-kontenut;

l-importanza ekonomika dejjem tikber tal-informazzjoni tas-settur pubbliku – huwa stmat li l-qligħ ekonomiku totali, dirett u indirett, mill-applikazzjonijiet u l-użu tal-informazzjoni tas-settur pubbliku fl-ekonomija tal-UE-27 huwa ta’ EUR 140 biljun fis-sena (2);

il-fatt li għadu jeżisti potenzjal kbir f'dak li hu użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku. Għalkemm uħud mill-Istati Membri wettqu progress kbir, għad baqa' ħafna xi jsir fid-dawl tal-iżvilupp tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku f'ċerti esperjenzi internazzjonali, fost affarijiet oħra.

2.4   L-aktar aspetti rilevanti li qed jiġi propost li jinbidlu b'dan l-abbozz ta’ Direttiva jikkonċernaw: il-kamp ta’ applikazzjoni, il-prinċipju ġenerali applikabbli għall-użu mill-ġdid, id-drittijiet morali jew ekonomiċi tal-impjegati tal-korpi pubbliċi, il-prinċipji applikati għall-ħlas u l-arranġamenti prattiċi li jiffaċilitaw it-tiftix.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   PSI u l-Aġenda Diġitali

3.1.1   Il-KESE jemmen li, b'mod ġenerali, ir-riforma proposta hija adatta peress li tipprova ssolvi xi nuqqasijiet magħrufin tad-Direttiva PSI. Minbarra li tirrispondi għad-domandi tal-partijiet interessati tal-UE li indikaw problemi serji fil-leġislazzjoni attwali, l-emenda tinkludi l-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni tal-OECD (Seoul, 17-18 ta’ Ġunju 2008 (3)) sabiex l-informazzjoni tas-settur pubbliku tintuża b'mod aħjar u aktar effettiv.

3.1.2   Il-KESE jenfasizza wkoll li r-reviżjoni tagħmel parti minn pakkett ta’ miżuri tal-Aġenda Diġitali, li tikkonsisti minn tliet linji ta’ azzjoni: l-adattament tal-qafas legali għall-użu mill-ġdid tad-data pubblika, il-mobilizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji u l-aħjar koordinazzjoni tal-Istati Membri (4).

3.2   Id-dritt tal-użu mill-ġdid

3.2.1   L-istabbiliment tal-użu mill-ġdid bħala dritt hija bidla kbira. Fis-sistema attwalment fis-seħħ, id-deċiżjoni dwar jekk jiġix awtorizzat jew le l-użu mill-ġdid hija f'idejn kull Stat Membru. Billi r-rabta bejn id-dritt tal-aċċess u d-dritt tal-użu mill-ġdid hija preżenti f'ċerti leġislazzjonijiet nazzjonali iżda mhix ċara biżżejjed f'oħrajn, teżisti sitwazzjoni ta’ inċertezza legali.

3.2.2   Għaldaqstant, il-KESE jenfasizza b'mod partikolari u jappoġġja t-tibdil propost f'dan ir-rigward, jiġifieri li:

id-dritt tal-aċċess għall-informazzjoni pubblika jibqa' l-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri u mhux inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva PSI (5);

meta l-informazzjoni tkun pubblika u aċċessibbli skont il-leġislazzjoni nazzjonali, l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni pubblika għal finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali jsir – bl-eċċezzjonijiet imsemmijin – obbligu tal-Istati Membri b'konformità mal-formolazzjoni l-ġdida tal-Artikolu 3 li tistabbilixxi li dawn “għandhom jiżguraw li d-dokumenti […] ikunu jistgħu jintużaw mill-ġdid”. Dan huwa pass 'il quddiem indispensabbli sabiex jinħoloq qafas Ewropew omoġenju.

3.2.3   Id-dritt tal-użu mill-ġdid huwa pass 'il quddiem fl-approċċ li esprima l-KESE fl-opinjoni (6) preċedenti tiegħu fis-sens li l-obbligu li d-data terġa' tintuża ma jfissirx sempliċement li titpoġġa għad-dispożizzjoni b'mod passiv, iżda d-dmir li tiġi promossa b'mod attiv.

3.2.4   Fid-dawl tad-disparitajiet li nħolqu bit-traspożizzjoni tad-Direttiva PSI, il-KESE jemmen li hemm bżonn ta’ armonizzazzjoni aktar stretta permezz ta’ proposta għal Regolament.

3.3   Estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni

3.3.1   Kif il-KESE kien diġà ppropona fl-opinjoni tiegħu dwar id-Direttiva PSI, ir-regolamentazzjoni l-ġdida ser tinkludi d-dokumenti li jeżistu fil-mużewijiet, il-libreriji u l-arkivji. Dan japplika wkoll għal-libreriji universitarji, għajr fil-każ ta’ dokumenti protetti minn drittijiet tal-proprjetà intellettwali (formolazzjoni ġdida tal-Artikolu (1)(2)(e)). B'hekk ser tiġi inkluża kwantità kbira ta’ informazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, u għalhekk tiżdied l-effettività tagħha.

3.4   Titjib tal-arranġamenti tat-tiftix

3.4.1   Il-KESE jemmen li r-regolamentazzjoni proposta tal-arranġamenti prattiċi li jiffaċilitaw it-tiftix tal-informazzjoni (Artikolu 9) hija adegwata, billi tinkludi l-metadata u l-provvista tal-informazzjoni “f'format li jinqara elettronikament” u “portali li jkollhom ħolqa għal listi deċentralizzati ta’ assi”.

3.5   Il-ħtieġa tar-riforma minħabba l-potenzjal tal-informazzjoni pubblika

3.5.1   Id-dokumenti li jkollhom il-korpi pubbliċi jistgħu jintużaw f'bosta oqsma relatati mal-għarfien, il-kundizzjonijiet soċjali, ix-xjenza, l-ekonomija u l-kultura, fost oħrajn. Bħala eżempju nistgħu nsemmu l-informazzjoni ġeografika, meteoroloġika, ambjentali u ekonomika, l-informazzjoni dwar it-traffiku u t-trasport, it-turiżmu, il-biedja, il-pubblikazzjonijiet legali u ġuridiċi, l-istatistika, il-kundizzjonijiet soċjali, eċċ (7). Għaldaqstant, l-użu tagħhom jikkontribwixxi għat-tkabbir tal-ekonomija, l-iżvilupp tas-suq intern, it-tisħiħ tal-intrapriżi u l-ħolqien tal-impjiegi.

3.5.2   Il-parti l-kbira tal-użu tal-informazzjoni pubblika hija koerenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni, kif inhu l-każ tal-politika tal-kompetizzjoni, il-politika marittima integrata, il-politika komuni tat-trasport, il-ħtieġa li jiġi promoss l-aċċess miftuħ għall-informazzjoni xjentifika u l-politika dwar id-diġitizzazzjoni u l-wirt kulturali.

3.5.3   Il-promozzjoni tal-użu mill-ġdid ser tikkontribwixxi wkoll biex jiġu promossi t-trasparenza, l-effikaċja u r-responsabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Tariffi  (8)

4.1.1   L-aktar aspett kontroversjali tar-regolamentazzjoni fis-seħħ bħalissa huwa l-prezz li jridu jħallsu dawk li jkunu jridu jaċċessaw l-informazzjoni. It-tariffi eċċessivi u n-nuqqas ta’ trasparenza fil-mod kif jiġu stabbiliti wasslu għal ilmenti min-naħa tal-utenti u joħolqu ostaklu serju għall-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni pubblika.

4.1.2   Il-proposta għal riforma teskludi l-idea li l-aċċess għall-informazzjoni jkun b'mod obbligatorju mingħajr ħlas (ħlas żero) li ressqu ċerti partijiet interessati. Minflok, il-proposta tagħżel prinċipji ġodda tal-ħlas, li huma:

kull Stat Membru ser jiddeċiedi jekk tiġix applikata tariffa jew le;

jekk jiddeċiedi li japplika tariffa, din trid tkun limitata għall-ispejjeż marġinali mġarrba bir-riproduzzjoni u t-tixrid;

il-prinċipju tal-ispiża marġinali jista' ma jiġix applikat u b'hekk jiġu imposti tariffi ogħla fil-każijiet eċċezzjonali previsti fl-Artikolu l-ġdid 6(2), b'mod partikolari fil-każ tal-korpi tas-settur pubbliku li jkopru parti sostanzjali mill-ispejjeż tal-operat tagħhom mill-użu tad-drittijiet tagħhom tal-proprjetà intellettwali. Din l-eċċezzjoni hija soġġetta għal esiġenzi stretti: it-tariffi jridu jiġu stabbiliti “skont l-għan, it-trasparenza u kriterji verifikabbli, sakemm dan ikun fl-interess pubbliku u soġġett għall-approvazzjoni tal-awtorità indipendenti” kif inhu previst fir-riforma tad-Direttiva;

jistgħu jiġu stabbiliti tariffi 'l fuq mill-ispejjeż marġinali wkoll għal-“libreriji (inklużi l-libreriji universitarji), il-mużewijiet u l-arkivji”;

il-piż biex tingħata prova li t-tariffi huma konformi mal-esiġenzi tad-Direttiva jintrefa' mill-korp tas-settur pubbliku li jipprovdi l-informazzjoni lill-utent.

4.1.3   B'dan il-mod, il-proposta ddaħħal il-prinċipju tal-ispiża marġinali bħala prinċipju ġenerali u l-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż tal-Artikolu 6 attwali jinżamm b'mod residwu, minkejja li “jitqies li mhux adegwat għat-tħeġġiġ tal-attivitajiet ibbażati fuq l-użu mill-ġdid tad-dejta pubblika” (3. L-elementi legali tal-proposta. 3.2. Is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, il-ħames paragrafu).

4.1.4   Il-KESE, li jilqa' bi pjaċir din il-bidla, jemmen li hemm bżonn tiġi ċċarata l-formolazzjoni tat-tibdil propost fil-prinċipji tal-ħlas tal-Artikolu 6, billi jingħad b'mod ċar li l-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż huwa ta’ natura eċċezzjonali.

4.1.5   Fil-fehma tal-KESE, il-prinċipju tal-aċċess għall-informazzjoni kompletament mingħajr ħlas jista' jiġi stabbilit, għall-inqas, f'ċerti każijiet ta’ użu mill-ġdid mingħajr skop ta’ qligħ.

4.2   Awtorità indipendenti

4.2.1   F'każ ta’ risposta negattiva għal talba ta’ użu mill-ġdid, ir-regolamentazzjoni l-ġdida tistabbilixxi li “l-miżuri ta’ rikors għandhom jinkludu l-possibbiltà ta’ reviżjoni minn awtorità indipendenti li tingħata setgħat regolatorji speċifiċi fir-rigward tal-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku, u li d-deċiżjonijiet tagħha jkunu vinkolanti għall-entità tas-settur pubbliku kkonċernata” (żieda fl-Artikolu 4(4)).

4.2.2   Il-proposta ma tispeċifikax il-karatteristiċi u l-kompożizzjoni ta’ din l-“awtorità indipendenti”, aspetti li ġustament jitħallew f'idejn kull Stat Membru individwali. Il-KESE jemmen li dan mhux bilfors jimplika l-ħolqien ta’ korp ġdid għaliex tista' tinħatar awtorità li teżisti diġà, dejjem jekk jiġu garantiti l-imparzjalità u l-indipendenza tad-deċiżjonijiet. Madankollu, abbażi tal-esperjenza mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva PSI 'l hawn – f'xi każijiet l-interpretazzjoni tas-sistema ta’ aċċess u tixrid tal-informazzjoni pubbliku kienet restrittiva – il-paragrafu l-ġdid għandu jżid dan li ġej wara “informazzjoni tas-settur pubbliku”: “, u li d-deċiżjonijiet tagħha”.

4.2.3   Fi kwalunkwe każ, il-KESE jenfasizza li għandu jiġi kkunsidrat dak li nnotat il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar il-kunċett tal-indipendenza, li jeskludi mhux biss kull influwenza li jista' jkollhom il-korpi soġġetti għall-kontroll iżda wkoll kull ordni jew influwenza esterna, diretta jew indiretta, li tista' tipperikola t-twettiq tal-kompitu li jkollhom l-awtoritajiet indipendenti (9).

4.3   Proprjetà intellettwali u drittijiet ekonomiċi jew morali tal-impjegati

4.3.1   B'konformità mar-regoli nazzjonali u internazzjonali li jirregolaw il-proprjetà intellettwali, il-proposta għal reviżjoni żżomm id-“drittijiet ekonomiċi jew morali li jgawdu l-impjegati tal-entitajiet tas-settur pubbliku skont ir-regoli nazzjonali” (paragrafu miżjud fl-Artikolu 1(5)). Dan l-aspett mhux indirizzat fid-Direttiva PSI u ġie inkluż bħala risposta għal sitwazzjonijiet partikolari li jinħolqu f'ċerti Stati Membri b'rabta mas-sjieda tad-drittijiet rigward id-data li jkollu s-settur pubbliku.

4.3.2   Il-kumplessità tal-kwistjonijiet relatati mal-proprjetà intellettwali u l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-intervent minimu jissuġġerixxu li l-kunflitti li jistgħu jinqalgħu għandhom jiġu solvuti mis-sistemi legali u ġudizzjarji ta’ kull pajjiż, kif inhu ġustament propost fit-test indirizzat f'din l-opinjoni.

4.4   Protezzjoni tad-data personali

4.4.1   Id-Direttiva PSI tinkludi l-ipproċessar tad-data personali (Artikolu 1(4)) u tgħid li din “tħalli intatt u bl-ebda mod ma taffettwa l-livell ta’ protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali taħt id-dispożizzjonijiet tal-Komunità u l-liġi nazzjonali, u b'mod partikolari ma tibdilx l-obbligi u d-drittijiet stipulati fid-Direttiva 95/46/KE” (10).

4.4.2   Din hi dispożizzjoni tajba, però l-importanza tal-kwistjoni u l-innovazzjoni teknoloġika kostanti jirrikjedu enfasi akbar peress li jitqajmu diversi kwistjonijiet bħal-leġittimità tat-tixrid pubbliku, il-protezzjoni speċjali ta’ data sensittiva, it-trasferiment lejn pajjiżi terzi u l-prinċipju tal-iskop. Il-KESE jemmen li, kif jindika l-Grupp ta’ Ħidma għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar ta’ Data Personali, it-test għandu jinkludi l-esiġenza li l-korpi pubbliċi jwettqu evalwazzjoni fil-fond u każ b'każ sabiex jinsab bilanċ bejn id-dritt tal-privatezza u d-dritt tal-aċċess pubbliku (11).

Brussell, 25 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Volum 32, p. 701).

(2)  Ir-“Rapport Vickery” fih analiżi fil-fond dwar dan is-suġġett. Ara: Vickery, Graham (2010) Review of Recent Studies on PSI Re-Use and Related Market Developments – Final Version. http://ec.europa.eu/information_society/policy/psi/docs/pdfs/report/final_version_study_psi.docx.

(3)  Adottata f'Seoul, 17-18 ta’ Ġunju 2008.

(4)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni, Dejta miftuħa – Mezz għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-governanza trasparenti, COM(2011) 882 final, Brussell, 12.12.2011.

(5)  Artikolu 1(3).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar L-isfruttament kummerċjali tad-dokumenti tas-settur pubbliku, ĠU C 85, 8.4.2003, p. 25 (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  Ir-Rapport Vickery jidentifika 13-il qasam li kull wieħed minnhom fih diversi oqsma oħra.

(8)  Ara: Deloitte Pricing of PSI Study, Lussemburgu, 2011. http://ec.europa.eu/information_society/policy/psi/docs/pdfs/minutes_psi_group_meetings/presentations/15th/03_01_study_economic_deloitte.pdf.

(9)  Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010 (C-518/07).

(10)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data. ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Volum 015, p. 355).

(11)  http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/docs/wpdocs/2003/wp83_en.pdf.