|
29.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 191/116 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-pagamenti diretti lill-bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni”
COM(2011) 625 final — 2011/0280 (COD),
“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS Unika)”
COM(2011) 626 final — 2011/0281 (COD) (A-21),
“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)”
COM(2011) 627 final — 2011/0282 (COD),
“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, l-immaniġġjar u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni”
COM(2011) 628 final — 2011/0288 (COD),
“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 dwar l-applikazzjoni ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa fir-rigward tas-sena 2013”
COM(2011) 630 final — 2011/0286 (COD) u
“Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-reġim tal-iskema ta’ pagament uniku u ta’ appoġġ għal min ikabbar id-dwieli”
COM (2011) 631 final — 2011/0285 (COD)
2012/C 191/21
Relatur: is-Sinjura Dilyana SLAVOVA
Korelatur: is-Sur Franco CHIRIACO
Nhar l-14 ta’ Novembru u l-25 ta’ Ottubru 2011 rispettivament, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 43(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar
|
|
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-pagamenti diretti lill-bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni COM (2011) 625 final – 2011/0280 (COD) |
|
|
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS Unika) COM(2011) 626 final – 2011/0281 (COD) (A-21) |
|
|
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) COM (2011) 627 final – 2011/0282 (COD) |
|
|
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-finanzjament, l-immaniġġjar u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni COM (2011) 628 final – 2011/0288 (COD) |
|
|
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 dwar l-applikazzjoni ta’ pagamenti diretti lill-bdiewa fir-rigward tas-sena 2013 COM (2011) 630 final – 2011/0286 (COD) |
|
|
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-reġim tal-iskema ta’ pagament uniku u ta’ appoġġ għal min ikabbar id-dwieli COM(2011) 631 final – 2011/0285 (COD). |
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-10 ta’ April 2012.
Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 132 vot favur, 14-il vot kontra u 21 astensjoni.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
Bidla għall-mudell agrikolu tal-UE
1.1 Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ b’interess il-proposti leġislattivi tal-Kummissjoni u jinnota li xi rakkomandazzjonijiet – għalkemm żgur li mhux kollha – li għamel il-Kumitat f’opinjonijiet passati ġew ikkunsidrati. L-aktar importanti, il-Kumitat iddikjara b’mod repetut, fl-opinjonijiet tiegħu NAT/449 u NAT/481, li l-PAK futura trid tkun ispirata mid-determinazzjoni li tiddefendi l-mudell agrikolu Ewropew, li huwa bbażat fuq il-prinċipji tas-sovranità fuq l-ikel, is-sostenibbiltà u r-risposta għall-ħtiġijiet reali tal-bdiewa u tal-konsumaturi.
1.2 Il-KESE jinnota l-isforzi kbar li saru mill-Kummissjoni dwar il-futur tal-PAK biex tipproponi proġett profondament Ewropew abbażi tal-kunċett tad-diversità inklużiva. B’risposta għall-isforzi tal-Kummissjoni biex tibni sħubija ġdida bejn l-Ewropa u l-bdiewa tagħha, il-KESE jqis li minkejja li l-proposti huma ffukati sew, għad hemm bżonn ta’ aġġustamenti sinifikanti f’għadd ta’ oqsma.
1.3 Il-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali u t-tibdil estrem fil-klima jirrikjedu bidla fundamentali fil-mod kif jonqos id-divarju bejn il-wegħdiet u r-realtà ta’ kuljum fil-biedja. Il-bdiewa jinsabu taħt pressjoni li qed tiżdied mis-swieq li qed twassal biex reġjuni sħaħ qed jiġu abbandunati. Il-mudell Ewropew tal-biedja huwa indispensabbli iktar minn qatt qabel. Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-PAK 2014-2020 tikkontribwixxi biex jingħelbu l-ostakoli għall-iżvilupp f’dan is-settur. Madankollu, il-Kumitat jiddidspjaċih bin-nuqqas ta’ impenn aktar ċar min-naħa tal-Kummissjoni favur il-mudell agrikolu Ewropew.
1.4 Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb il-kompetittività tal-agrikoltura multifunzjonali fl-Ewropa, konformi mal-mudell agrikolu Ewropew permezz ta’ diversi attivitajiet bħar-riċerka, l-iżvilupp u l-konsultazzjoni kif ukoll il-ħlas għal servizzi provduti lis-soċjetà li s’issa għadhom mhux riflessi fil-prezzijiet tal-konsumaturi. Il-KESE jqis madanakollu li l-approċċ propost mhuwiex biżżejjed biex jiżgura tkabbir kontinwu fil-produzzjoni u l-impjieg u biex jagħti kontribut sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet globali dejjem jiżdiedu fil-qasam tal-provvista tal-ikel. Il-KESE jirrimarka li l-PAK tal-futur trid tqis il-fatt li wieħed minn kull sitt impjiegi fl-Ewropa huwa direttament jew indirettament relatat mal-produzzjoni agrikola, din iċ-ċifra hija ħafna ogħla f’xi Stati Membri. Il-PAK għandha taqdi rwol biex tiggarantixxi l-impjiegi fl-UE, speċjalment fiż-żoni rurali, għalkemm bħalissa qed tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-postijiet tax-xogħol minflok. Meta l-produzzjoni tal-agrikoltura u l-forestrija tisparixxi f’reġjun, l-impjiegi relatati fis-setturi li jinsabu qabel jew wara fil-proċess – inklużi l-industrija tal-ikel u tal-ipproċessar tal-injam – jogħsfru wkoll. Il-PAK futura għandha tiffoka fuq it-titjib tal-prestazzjoni ekonomika tal-familji fil-biedja u l-kooperattivi bil-għan li huma jingħataw l-għajnuna sabiex ikun jista’ jkollhom aċċess aħjar għas-suq u jippromovu l-prodotti tagħhom.
1.5 Il-PAK il-ġdida għandha tikkontribwixxi biex jitjiebu l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u s-sikurezza tal-ħaddiema fis-settur agrikolu billi fl-allokazzjoni tal-għajnuna tiġi żgurata konformità sħiħa mal-klawsoli soċjali, il-liġijiet u l-kuntratti tal-impjiegi. Dan għandu jseħħ f’kuntest li jqiegħed lill-intrapriżi agrikoli u agroalimentari fil-qalba tas-sistema, sabiex tiġi ppremjata l-ekonomija reali, jiġu promossi r-riċerka, l-innovazzjoni u t-tibdil tal-ġenerazzjonijiet, u titħeġġeġ il-produzzjoni alimentari, b’enfasi b’mod partikolari fuq il-valur miżjud tar-reġjuni.
1.6 Il-KESE jġedded it-talba tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinżamm baġit b’saħħtu għall-PAK li jammonta tal-anqas għal dak tal-perjodu baġitarju attwali. Bħalissa hemm problemi partikolari b’rabta mal-iżvilupp tat-tieni Pilastru peress li jidher li ħafna Stati Membri m’għadhomx iridu jew m’għadhomx jistgħu jipprovdu l-kofinanzjament korrispondenti meħtieġ. Dan ser iwassal biex tiddgħajjef b’mod inaċċettabbli l-politika dwar l-iżvilupp rurali, inklużi l-miżuri tal-politika ambjentali li huma ffinanzjati mit-tieni Pilastru.
1.7 Il-KESE jqis li waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin matul il-proċess kollu tar-riforma tal-PAK għandha tkun is-semplifikazzjoni tal-proċeduri u l-implimentazzjoni flessibbli li tirrifletti l-kundizzjonijiet varji għall-agrikoltura fl-Istati Membri u tonqos il-burokrazija għall-bdiewa u d-diffikultajiet għall-korpi li jamministraw il-pagamenti.
Pagamenti diretti
1.8 Il-KESE jappoġġja t-tbegħid mill-perjodi ta’ referenza storika bħala bażi biex jiġi deċiż l-ammont ta’ appoġġ għall-bdiewa f’kull pajjiż u reġjun. Madankollu, il-KESE jemmen li pagament fiss għal kull ettaru mhuwiex dejjem l-aktar għodda ta’ politika effiċjenti, speċjalment meta jitqies l-argument tal-appoġġ għad-dħul (ara punt 4.3.2). Għaldaqstant, il-konverġenza interna f’kull pajjiż jew reġjun għandha tippermetti l-flessibilità, perjodu tranżitorju itwal u tibdil progressiv tul il-perjodu kollu.
1.9 Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforz biex jiġu eliminati d-differenzi bejn il-livell ta’ appoġġ li l-bdiewa jirċievu mill-Istati Membri differenti. Il-karatteristiċi ewlenin għall-PAK futura f’termini ta’ redistribuzzjoni tar-riżorsi finanzjarji fost l-Istati Membri għandhom ikunu l-bilanċ, il-ġustizzja u l-pragmatiżmu, filwaqt li titqies id-diversità agrikola madwar l-UE. Għalhekk, għandha titqies l-istruttura tal-infiq u d-dħul tal-attivitajiet agrikoli fid-diversi Stati Membri. Huwa importanti li l-proċess ta’ distribuzzjoni mill-ġdid jirrifletti b’mod sensittiv il-problemi tal-bdiewa, kemm mill-Istati Membri l-qodma kif ukoll minn dawk ġodda. Huwa għalhekk li l-KESE jirrakkomanda d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-allokazzjonijiet nazzjonali tal-pagamenti diretti abbażi ta’ kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji u perjodu ta’ tranżizzjoni bbilanċjat u adegwat għal konverġenza ppjanata u ġusta li titbiegħed mill-prinċipji ta’ referenza storika. Dan l-għan għandu jassigura li l-pagamenti diretti tal-ebda pajjiż ma jkunu taħt id-90 % tal-medja tas-27 Stat Membru tal-UE fl-aħħar tal-qafas finanzjarju għall-perjodu bejn l-2014 u l-2020.
1.10 Il-KESE japprova d-deċiżjoni li tiġi introdotta skema semplifikata ta’ appoġġ għall-bdiewa ż-żgħar iżda jiddubita madanakollu kemm ir-rati ta’ għajnuna li qed tipproponi l-Kummissjoni huma għoljin biżżejjed għall-promozzjoni tal-iżvilupp tal-irziezet żgħar. Fl-istess waqt jitlob lill-Kummissjoni tiċċara r-rekwiżiti għall-identifikazzjoni tal-bdiewa ż-żgħar. L-iskema tista’ tkun volontarja, skont il-kondizzjonijiet tal-Istati Membri.
1.11 Il-KESE japprova l-prinċipju li fuqu huma msejsa l-proposti tal-Kummissjoni, li l-pagamenti tal-PAK fil-qafas tal-ewwel Pilastru għandhom ikunu mmirati lejn il-bdiewa attivi. Għandhom jiġu stabbiliti definizzjonijiet ċari ta’ x’inhuma attività agrikola, art eleġibbli u bidwi attiv, kif ukoll rabtiet aħjar bejn il-pagamenti u l-attività sabiex jiġi evitat li l-baġit limitat jintefaq fuq art mhux agrikola u attivitajiet mhux agrikoli (sakemm din l-art ma tkunx irreġistrata bħala art imwarrba). Għandu jiġi ċċarat mal-Istati Membri jekk tistax tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn il-prinċipji. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-bidwi attiv m’għandhiex teskludi l-benefiċjarji ta’ anqas minn EUR 5 000.
1.12 Il-KESE jappoġġja tnaqqis gradwali permezz ta’ limiti massimi għall-pagamenti diretti, u, kif stqarr f’opinjonijiet preċedenti, il-KESE jkompli jħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta metodu ta’ implimentazzjoni li jikkunsidra l-ispeċifiċitajiet tan-negozji ffurmati minn kooperattivi u assoċjazzjonijiet tal-produtturi agrikoli (1). Il-pagamenti diretti mhux użati jibqgħu għand l-Istat Membru u jintużaw biex jappoġġjaw setturi agrikoli aktar dgħajfa fil-livell nazzjonali permezz tal-ewwel Pilastru jew tat-tieni Pilastru, li jiġi deċiż mill-Istat Membru. Il-KESE jipproponi li l-fondi trasferiti b’dan il-mod m’għandhomx jiġu kofinanzjati.
1.13 Il-KESE jqis li għandu jinħoloq aċċess għall-iskema ta’ pagament bażiku b’żewġ filtri bbażat fuq attività agrikola eżistenti fl-2011 u l-okkupazzjoni ta’ art eleġibbli fid-data tal-bidu fl-2014. Fil-fehma tal-KESE, il-kriterju tal-għoti tad-dritt ta’ pagament wieħed taħt l-iskema għall-pagament uniku fl-2011 mhuwiex ġust.
1.14 Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-flessibilità bejn il-pilastri li ġiet proposta mill-Kummissjoni. Hija ta’ importanza ewlenija li l-Istati Membri li fihom il-livell ta’ appoġġ dirett għadu inqas minn 90 % tal-medja tal-UE jingħataw l-opportunità li jittrasferixxu fondi li jkunu allokaw għall-iżvilupp rurali lejn il-pakkett tal-ewwel Pilastru wkoll. Din il-possibbiltà għandha tkun disponibbli wkoll għall-Istati Membri bl-ewwel Pilastru żgħir b’mod sproporzjonat jew li jsofru minn żvantaġġi naturali. Il-KESE jipproponi li dawn l-għażliet ikunu suġġetti għal limitu ta’ 10 %.
1.15 Il-KESE ġibed l-attenzjoni b’mod konsistenti għar-rwol li l-bdiewa għandhom u jistgħu jaqdu fil-preservazzjoni tal-ħamrija, il-bijodiversità, il-pajsaġġi naturali u l-ambjent iżda minħabba ċ-ċirkostanzi attwali mhumiex f’pożizzjoni li jagħmlu dan b’mod sodisfaċenti. Għaldaqstant, appoġġja l-“pagamenti diretti mmirati” (ara NAT/449); l-aspetti ekoloġiċi huma eżattament pass f’din id-direzzjoni. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-konsegwenzi tal-miżuri l-ġodda bil-għan li jiġi żgurat li tiġi kkumpensata kwalunkwe ħsara li jagħmlu lill-bilanċ ekonomiku tal-irziezet. Meta jkun possibbli, il-miżuri ekoloġiċi għandhom ikunu bbażati fuq soluzzjonijiet li permezz tagħhom jirbħu kemm l-ambjent kif ukoll it-tkabbir. Il-KESE jirrifjuta li jaċċetta s-sitwazzjoni li l-UE żżid l-ispejjeż tal-konformità għall-bdiewa Ewropej minn naħa, filwaqt li min-naħa l-oħra taċċetta importazzjonijiet irħas permezz ta’ ftehimiet kummerċjali li m’għandhomx għalfejn jirrispettaw l-istess regoli.
1.16 Il-komponent ta’ titjib ekoloġiku tal-ewwel Pilastru huwa mod kif wieħed jista’ joħloq rabta aktar b’saħħitha u viżibbli bejn il-pagamenti diretti u l-beni pubbliċi ambjentali prodotti mill-biedja. Il-KESE jemmen li din is-sistema għandha tinżamm sempliċi u għandha tiżgura riżultati ambjentali mill-bdiewa kollha madwar l-UE. Għandu jkun possibbli li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi taż-Żoni Żvantaġġati meta jiġu determinati l-pagamenti. Il-miżura għal “żona ta’ attenzjoni ekoloġika” għandha tiġi implimentata b’mod li jevita li l-art agrikola titneħħa mill-produzzjoni. Il-miżuri agroambjentali li diġà ġew implimentati għandhom jiġu rikonoxxuti fl-obbligi ambjentali ġodda (l-ewwel Pilastru) kif previst b’mod ġenerali anke għall-biedja ekoloġika.
1.17 Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-opportunità offruta lill-Istati Membri li jużaw skema ta’ appoġġ akkoppjat u voluntarju bil-għan li jirrispondu għal sitwazzjonijiet speċifiċi. Madankollu, bil-għan li jkun hemm aktar flessibbiltà u sussidjarjetà, jipproponi li titħassar il-lista magħluqa ta’ setturi u produzzjonijiet li jistgħu jiġu allokati l-appoġġ akkoppjat u b’hekk l-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar liema setturi u produzzjonijiet huma eliġibbli.
Strumenti tas-suq
1.18 Il-KESE jqis li l-proposti tal-Kummissjoni mhumiex suffiċjenti biex tiġi indirizzata l-isfida taż-żieda fil-volatilità tas-suq u l-problemi li jirriżultaw minnha. L-objettiv tal-PAK li tistabbilizza s-swieq agrikoli, kif previst fit-Trattat ta’ Lisbona, mhuwiex indirizzat fil-proposti leġislattivi.
1.19 Il-KESE huwa konvint li anke l-għodod tal-ġestjoni tal-provvista jistgħu jkunu effikaċi f’xi setturi agrikoli. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda analiżi bir-reqqa tal-iżviluppi tas-suq meta tiġi eżaminata l-possibbiltà li tiġi posposta t-tneħħija tas-sistema tad-drittijiet tal-koltivazzjoni tad-dwieli, u l-possibbiltà li l-kwoti taz-zokkor jinżammu għal perjodu itwal.
1.20 Huwa kruċjali li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa u l-organizzazzjonijiet tagħhom fil-katina tal-provvista alimentari bil-għan li jiġi żgurat profit aħjar fis-swieq. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-estensjoni tal-kopertura tal-prodotti għar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-assoċjazzjonijiet tagħhom u tal-fergħat konnessi tal-organizzazzjonijiet. Fid-dawl tal-istrutturi u t-tradizzjonijiet differenti fl-Istati Membri, l-arranġamenti l-ġodda għandhom ikunu biss fakultattivi. Il-KESE jappoġġja wkoll il-proposti tal-Kummissjoni għas-settur tal-ħalib, iżda jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprovdi definizzjoni ċara tat-terminu “organizzazzjoni tal-produtturi”. Huwa importanti ferm li r-regoli tal-UE għall-kompetizzjoni jiġu aġġustati sabiex jippermettu lill-organizzazzjonijiet u l-kooperattivi tal-produtturi li jsaħħu l-pożizzjonijiet tagħhom fis-suq. Bil-għan li jissaħħaħ il-poter ta’ negozjar tal-bdiewa fi ħdan il-katina tal-produzzjoni, il-KESE jqis ukoll neċessarju li jinħolqu kundizzjonijiet għall-iżvilupp ta’ katini ta’ provvista qosra li huma direttament ġestiti mill-bdiewa.
Żvilupp rurali
1.21 Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta dwar allinjament aktar mill-qrib tal-PAK mal-Istrateġija 2020 u mal-istrateġija dwar is-sostenibbiltà għall-iżvilupp rurali tal-UE, b’enfasi partikolari fuq ir-riċerka, l-innovazzjoni u t-taħriġ. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-taħriġ tal-gruppi l-aktar vulnerabbli (immigranti u ħaddiema fl-agrikoltura mingħajr kwalifiki), kif ukoll taż-żgħażagħ u tan-nisa, elementi prinċipali għall-professjonaliżmu u ż-żieda fil-kompetittività fis-settur agrikolu. Għalhekk, huwa importanti li jiżdiedu l-kwalità, l-aċċessibbiltà u l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni fiż-żoni rurali. Il-politiki tal-iżvilupp rurali għandhom primarjament ikunu mmirati lejn l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-intrapriżi agrikoli b’konformità mal-mudell agrikolu Ewropew, b’mod partikolari sabiex jiġu sostnuti l-investimenti tan-negozji, jiġi promoss it-tibdil tal-ġenerazzjonijiet, jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ miżuri li jintegraw il-katini u l-proġetti reġjonali integrati, jittejbu r-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi agrikoli u l-industrija tal-produzzjoni alimentari, jiġu appoġġjati miżuri u proċeduri li jirrispettaw l-ambjent u l-klima u jiġi kkonsolidat il-proċess billi jiġu promossi u aġġornati l-kwalifiki tal-impjiegi fl-agrikoltura.
1.22 Element pożittiv ħafna fil-proposta tal-Kummissjoni huwa l-introduzzjoni tas-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni sabiex ikunu ta’ għajnuna għat-titjib tar-rabtiet bejn ir-riċerkaturi, il-bdiewa, il-forestiera u l-konsulenti, bil-għan li tiġi garantita agrikoltura u forestrija bbażata fuq l-għarfien li tagħmel użu minn servizzi ta’ estensjoni professjonali. Tali riċerka għandha tinkludi wkoll it-titjib tal-attivitajiet ekonomiċi rurali, fosthom it-turiżmu, is-snajja’ u attivitajiet oħra li jistgħu joħolqu impjiegi fl-oqsma rurali.
1.23 Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon it-tranżizzjoni minn approċċ ta’ assi għal approċċ tematiku b’konformità mal-proposti għall-Politika ta’ Żvilupp Rurali. Naħsbu li dan ser jipprovdi flessibbiltà akbar għall-Istati Membri u r-reġjuni biex iqisu l-kundizzjonijiet speċifiċi tagħhom. Madankollu, jeħtieġ li jiġi żgurat li ma jiġux injorati kompletament aspetti importanti tat-tieni Pilastru. Għalhekk, il-prinċipju li 25 % tal-fondi jiġu allokati għal miżuri ta’ protezzjoni tal-klima u tal-ambjent huwa importanti. Għandu jiġi stabbilit ukoll ammont minimu tal-anqas għall-approċċ LEADER.
1.24 Il-KESE jqis li huwa essenzjali li l-Istati Membri jiggarantixxu l-konfinanzjament mitlub mit-tieni Pilastru fil-ħin. Il-Kumitat ma jaqbilx li l-miżuri tal-ġestjoni tar-riskju jidħlu fit-tieni Pilastru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw kofinanzjament nazzjonali suffiċjenti (2).
1.25 Il-KESE jqis li tinħtieġ miżura ġdida u separata li tgħolli l-profil tal-biedja organika, li għaliha r-rata ta’ kofinanzjament għandha tkun daqs dik proposta għaż-żoni inqas żviluppati (85 %). Il-KESE jħeġġeġ ukoll il-promozzjoni tal-produzzjoni integrata u l-agrikoltura tal-konservazzjoni, filwaqt li jenfasizza l-impatt ambjentali pożittiv tagħhom.
1.26 Filwaqt li jikkunsidra l-kundizzjonijiet serji li qed jiffaċċjaw l-attivitajiet agrikoli fir-reġjuni muntanjużi u fil-gżejjer, il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni testendi r-rata ta’ kofinanzjament ta’ 85 % mhux biss għaż-żoni inqas żviluppati, iżda wkoll għar-reġjuni muntanjużi u għall-gżejjer. Dan huwa impliċitu fil-filosofija tal-proposta, iżda mhux speċifikat b’mod dirett. Fir-rigward taż-żoni żvantaġġati, jeħtieġ li tiġi riveduta d-definizzjoni ġdida proposta ta’ “żoni oħra”.
1.27 Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill li l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfiet diġà huma problema serja f’ħafna reġjuni Ewropej u li s-sitwazzjoni hija mistennija li tmur għall-agħar bħala konsegwenza tat-tibdil fil-klima. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ippjanar integrat u l-iżvilupp sostenibbli biex jiġi trattat l-użu tal-ilma, l-iskarezza tiegħu u n-nixfa fuq il-bażi ta’ politiki settorjali integrati u l-importanza tal-ippjanar territorjali fl-oqsma tradizzjonalment milquta mill-iskarezza tal-ilma u min-nixfa. Fl-istess waqt jeħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll l-ispejjeż addizzjonali li jġarrbu l-Istati Membri fil-Punent tal-UE sabiex ineħħu l-ilma żejjed mill-art li tintuża għall-agrikoltura.
1.28 Il-KESE jappella għal PAK futur li tkun bilanċjata, prevedibbli, vijabbli, inqas burokratika u trasparenti biex tiġbed lill-ġenerazzjonijiet żgħażugħa lejn is-settur.
2. Daħla
2.1 Il-politika agrikola għandha rwol ċentrali fl-UE – mhux biss għax l-art tal-biedja u l-foresti tkopri aktar minn 90 % tal-użu tal-art u għandha rwol importanti fl-użu sostenibbli tar-riżorsi u l-konservazzjoni tal-ħabitats naturali, iżda b’mod partikolari għaliex l-agrikoltura permezz tal-PAK tista’ tgħin lill-Ewropa tilqa’ sfidi kbar bħall-kriżi ekonomika u finanzjarja, it-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-ambjent, iż-żamma ta’ żoni rurali vitali kif ukoll il-provvista ta’ ikel sikur bi prezz raġonevoli u ta’ kwalità għolja għall-konsumaturi.
2.2 Is-snin li ġejjin se jkunu kruċjali biex jitqiegħdu s-sisien għal settur agrikolu u tal-forestrija b’saħħtu li jkun f’pożizzjoni li jindirizza l-bidla fil-klima u l-kompetizzjoni internazzjonali filwaqt li jissodisfa l-aspettattivi tal-pubbliku. L-Ewropa teħtieġ lill-bdiewa u lill-forestiera tagħha, u l-bdiewa u l-forestiera tagħha jeħtieġu l-appoġġ mill-Ewropa. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ kriżi ekonomika, il-kwistjoni tal-impjiegi qed issir aktar kruċjali minn qabel. Din hija r-raġuni li għaliha l-Kummissjoni pproponiet sħubija ġdida bejn iċ-ċittadini tal-Ewropa u l-bdiewa u l-forestiera tagħha sabiex jintlaqgħu l-isfidi tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, it-tkabbir u l-impjiegi.
2.3 F’opinjonijiet preċedenti, il-KESE esprima l-fehmiet tiegħu dwar l-isfidi li probabbilment ser tiffaċċja l-agrikoltura Ewropea, dwar x’għandhom ikunu l-objettivi tal-PAK u għaldaqstant x’riformi għandhom isirulha. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, ippubblikata fl-2010, irriflettiet il-parti l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet li kienu saru fl-opinjonijiet preċedenti tal-KESE dwar is-suġġett – NAT/449 (3). Wara din il-Komunikazzjoni saru aktar proposti fl-opinjoni tal-KESE NAT/481 (4). B’żieda ma’ dan, il-KESE m’ilux indirizza xi kwistjonijiet speċifiċi fil-qafas tal-PAK, bħalma huma l-isfidi ffaċċjati mill-bdiewa żgħażagħ (5), u ż-żoni bi żvantaġġi naturali (6). Il-KESE jenfasizza l-fatt li hija u tħejji l-proposti tagħha, il-Kummissjoni għażlet approċċ kompletament differenti minn dak propost mill-KESE. Il-Kumitat kien talab li l-ewwel jiġu definiti b’mod ċar l-objettivi tal-PAK, imbagħad jiġu identifikati l-istrumenti għall-implimentazzjoni tal-objettivi u fl-aħħar jiġu stabbiliti l-bżonnijiet ta’ finanzjament. Fil-fehma tal-Kumitat mhijiex idea tajba li l-ewwel jiġi stabbilit qafas finanzjarju, u mbagħad b’xi mod jitqassmu l-fondi. Iżda l-Kummissjoni eżatt hekk għamlet, u issa dan qed joħloq id-diffikultajiet.
2.4 Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza tas-settur agrikolu għall-impjiegi. L-agrikoltura tal-UE u s-settur agroalimentari jimpjegaw madwar 40 miljun persuna fl-Ewropa rurali, li jiffurmaw is-sinsla ta’ dawn iż-żoni u jiżguraw ikel ta’ kwalità għolja għal 500 miljun konsumatur. Madankollu, id-dħul tal-bdiewa Ewropej ġeneralment jammonta biss għal madwar nofs id-dħul medju fl-UE. Skont id-data tal-Eurostat ta’ Settembru 2011, il-forza tax-xogħol totali fil-biedja fl-UE-27 hija ekwivalenti għal 11,7 miljun ħaddiem li jaħdem ġurnata sħiħa, li minnu 10,8 miljun (92 %) huma ħaddiema permanenti. L-agrikoltura għada attività orjentata ħafna lejn il-familja fil-part l-kbira tal-Istati Membri; erbgħa minn kull tmienja (80 %) tal-ħaddiema kollha fl-agrikoltura għandhom ir-razzett tagħhom jew huma membri tal-istess familja. Ftit aktar minn terz (34 %) tal-ħaddiema agrikoli permanenti fl-UE-27 huma nisa. Fost is-sidien agrikoli fl-UE-27, relattivament ftit (6 %) għandhom inqas minn 35 sena, filwaqt li proporzjon relattivament għoli (34 %) għandhom 65 % jew aktar. Barra minn hekk, parti kbira mit-30 miljun ħaddiem migrant fl-UE huma ħaddiema staġjonali fl-agrikoltura (7).
3. Sfond
3.1 Il-proposti leġislattivi huma bbażati fuq il-qafas baġitarju għall-PAK kif ippreżentat fil-proposta tal-Kummissjoni għal Qafas Finanzjarju Multiannwali għall-perjodu 2014-2020. Din il-proposta żammet il-baġit globali disponibbli għall-PAK fl-istess livell bħal fl-2013 bil-prezzijiet attwali, li f’termini reali tfisser tnaqqis fil-baġit tal-PAK.
3.2 Il-proposta għal Qafas Finanzjarju Multiannwali tissuġġerixxi li parti sinifikati mill-baġit tal-UE tibqa’ tiġi ddedikata għall-agrikoltura, li tikkostitwixxi politika komuni ta’ importanza strateġika. B’hekk, bil-prezzijiet attwali, qed jiġi propost li l-PAK tiffoka fuq l-attivitajiet ewlenin tagħha, b’EUR 317,2 biljun allokat għall-ewwel Pilastru (76 %) u EUR 101,2 biljun għat-tieni Pilastru (24 %), jiġifieri total ta’ EUR 418,4 biljun tul il-perjodu 2014-2020.
3.3 Il-KESE jinnota li l-qbil fi ħdan il-Kummissjoni dwar din l-allokazzjoni baġitarja għall-agrikoltura kien possibbli biss billi jiġu inklużi referenzi għall-bżonn li l-agrikoltura ssir aktar ekoloġika. Dan issa għandu jiġi rifless fil-politika attwali.
3.4 Il-proposti leġislattivi jipprevedu li l-fondi għall-ewwel Pilastru u t-tieni Pilastru jiġu kkumplimentati b’fondi addizzjonali ta’ EUR 17,1 biljun li minnhom EUR 5,1 biljun huma għar-riċerka u l-innovazzjoni, EUR 2,5 biljuni għas-sigurtà tal-provvista tal-ikel u EUR 2,8 biljuni għall-appoġġ f’ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn f’intestaturi oħra tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali, kif ukoll ta’ EUR 3,9 biljuni f’riżerva ġdida għall-kriżijiet fis-settur agrikolu, biex b’hekk it-total tal-baġit jinġieb għal EUR 432,8 biljuni tul il-perjodu 2014-2020.
4. Kummenti ġenerali
4.1 Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jilqa’ b’sodisfazzjon l-għanijiet tar-riforma tal-Kummissjoni li tissaħħaħ il-kompetitività, tittejjeb is-sostenibilità, u tiżdied l-effikaċja.
4.2 Il-baġit tal-UE u r-riżorsi finanzjarji għall-PAK
4.2.1 Il-KESE jġedded it-talba tiegħu lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinżamm il-baġit tal-UE allokat lill-PAK (8). Dan huwa meħtieġ biex jiġi appoġġjat il-mudell agrikolu Ewropew u s-servizzi differenti mwassla lis-soċjetà permezz tal-attivitajiet tal-biedja u tal-forestrija, bħas-salvagwardja ta’ komunitajiet rurali vijabbli u l-infrastruttura, żvilupp reġjonali bbilanċjat u impjiegi rurali, iż-żamma ta’ pajsaġġ tradizzjonali, il-patrimonju nazzjonali u t-tradizzjonijiet, il-bijodiversità, il-ħarsien tal-ambjent, u livelli għoljin fil-benesseri tal-annimali u s-sigurtà tal-ikel. Dawn is-servizzi jirriflettu l-preokkupazzjonijiet tal-konsumaturi Ewropej u dawk li jħallsu t-taxxa. Peress li l-bdiewa u l-forestiera Ewropej jipprovdu dawn is-servizzi multifunzjonali għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha, spiss bi spejjeż addizzjonali mingħajr ma jkun hemm ritorn mis-suq li jikkumpensahom, huwa meħtieġ u ġustifikat li dawn jiġu ppremjati permezz ta’ intervent pubbliku. L-għan tal-komponent ekoloġiku huwa li jiġu definiti dawn is-servizzi biex jiġu ġġustifikati u leġittimizzati d-drittijiet il-ġodda għall-pagamenti li l-agrikoltura tista’ titlob lis-soċjetà.
4.2.2 L-implikazzjonijiet u l-impatti futuri tal-kriżi finanzjarja u ekonomika li qed issawwar l-ekonomija Ewropea u dik dinjija u d-deċiżjonijiet dwar patt ta’ stabbiltà ġdid qed iwasslu biex l-aspetti kollha tal-baġits pubbliċi jiġu skrutinizzati. Il-KESE jtenni li l-mudell agrikolu Ewropew ma jistax jaħdem bil-prezzijiet u l-kundizzjonijiet tas-suq dinji, u mhuwiex mingħajr ħlas lanqas. Għaldaqstant, kwalunkwe politika li tippromovi dan il-mudell agrikolu teħtieġ biżżejjed riżorsi finanzjarji u għalhekk huwa partikolarment importanti li kull strument li jiswa l-flus (bħal pereżempju l-pagamenti diretti) jiġi ġġustifikat b’mod ċar. Madankollu, fil-proposti attwali dwar il-baġit tal-Unjoni għall-perjodu 2014-2020 (9), ir-riżorsi allokati għall-PAK ikunu mnaqqsa b’mod ovvju f’termini ta’ prezzijiet kostanti. Minkejja li l-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni fid-dawl tal-għan ta’ tkabbir sostenibbli tal-Istrateġija Ewropa 2020, l-infiq għall-PAK f’termini ta’ proporzjon mill-baġit tal-Unjoni ser jitnaqqas minn 39,2 % fl-2014 għal 33,3 % fl-2020. Din l-għażla mil-lat tal-Kummissjoni tinjora t-talba tal-KESE biex mill-inqas tkun iggarantita l-konferma tal-kwota tal-baġit allokata mill-UE għall-PAK s’issa.
4.3 Pagamenti diretti
4.3.1 Il-KESE kien diġà qabel mal-Kummissjoni li f’kull Stat Membru jkollna nabbandunaw ir-referenza storika bħala bażi biex niddeterminaw l-ammont ta’ għajnuna għal kull bidwi peress li d-differenzi individwali sinifikanti fil-livell tal-appoġġ ma jistgħux jiġu ġġustifikati iżjed (10) anke għaliex dawn iwasslu għal distorjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.
4.3.2 Madankollu, il-KESE jemmen li hemm tliet argumenti tajbin favur l-għoti ta’ pagamenti diretti fil-futur: il-provvista ta’ servizzi biex jiġi stabbilit il-mudell agrikolu Ewropew (pereżempju permezz tal-komponent ekoloġiku), il-possibbiltà li jsiru trasferimenti parzjali tal-pagamenti u l-kumpens għal standards Ewropej ogħla. Il-pagamenti b’rata fissa għal kull ettaru mhumiex dejjem l-aktar għodda ta’ politika effiċjenti għal dan il-għan: pereżempju, għalfejn razzett ta’ 1 000 ettaru għandu jirċievi trasferiment ta’ pagament għal 1 000 darba filwaqt li razzett ta’ 25 ettaru jirċivih biss għal 25 darba? It-trasferimenti ta’ pagamenti għandhom ikunu relatati mal-impjiegi jew mal-individwi u mhux mal-erja tal-art. L-iżvantaġġi li jiffaċċjaw il-bdiewa Ewropej li jrabbu l-bhejjem ma jistgħux jiġu kkumpensati permezz ta’ primjum għal kull ettaru li jirċevuh ukoll dawk il-bdiewa li ma jrabbux bhejjem. Għaldaqstant fil-livell nazzjonali jistgħu jiġu studjati u permessi metodi li permezz tagħhom il-pagamenti jiġu differenzjati fuq il-bażi ta’ kriterji addizzjonali. Barra minn hekk, f’xi Stati Membri, fejn għadhom qed jintużaw pagamenti storiċi, il-konverġenza bejn il-pakketti nazzjonali b’żieda mal-konverġenza interna se toħloq diffikultajiet. F’dawn il-każijiet, il-konverġenza interna ser titlob flessibilità, perjodu tranżitorju itwal u tibdil progressiv tul il-perjodu kollu (11).
4.3.3 Wieħed mill-kompiti importanti ta’ din ir-riforma huwa li tipproponi tranżizzjoni lejn tqassim aktar ġust tal-pakketti bejn l-Istati Membri. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi biex jiġu eliminati d-differenzi bejn il-livell ta’ appoġġ li l-bdiewa jirċievu fl-Istati Membri differenti. rigward il-pakketti nazzjonali għall-pagamenti diretti. Jixtieq jara reviżjoni tal-pakketti tal-iżvilupp rurali abbażi ta’ kriterji iktar objettivi lejn l-immirar aħjar tal-għanijiet tal-politika u jilqa’ b’sodisfazzjon il-flessibbiltà tat-trasferiment tal-fondi bejn il-Pilastri.
4.3.4 Il-KESE jirrikonoxxi s-sitwazzjoni inugwali li teżisti f’termini ta’ distribuzzjoni tal-pagamenti diretti bejn l-Istati membri l-qodma u dawk ġodda. Fil-fehma tal-KESE, fil-fatt hemm bżonn li l-kompetittività tas-settur agroalimentari tiġi appoġġjata bl-istess mod fl-Istati Membri kollha sabiex tippreżerva l-koerenza tal-mudell agrikolu Ewropew. Fil-każ li jsir tqassim mill-ġdid tal-pagamenti diretti, għandha tiġi kkunsidrata l-istruttura tal-infiq u d-dħul tal-agrikoltura fl-Istati Membri.
4.3.5 Il-KESE jixtieq jevita aktar distorsjoni fil-kompetizzjoni li għandha implikazzjonijiet soċjali għal għadd ta’ Stati Membri, speċjalment l-Istati Baltiċi, filwaqt li wieħed iqis mhux biss l-interessi tal-bdiewa, iżda wkoll il-ħtiġijiet tal-konsumaturi u tal-pubbliku ġenerali. Il-KESE jirrakkomanda d-distribuzzjoni mill-ġdid tal-pagamenti diretti tal-ewwel Pilastru fost l-Istati Membri b’mod li jiġi żgurat li l-ebda pajjiż ma’ jiġi taħt id-90 % tal-medja tal-UE fl-aħħar tal-perjodu baġitarju.
4.3.6 Il-komponent ta’ titjib ekoloġiku tal-ewwel Pilastru huwa mod kif wieħed jista’ joħloq rabta ikbar u aktar viżibbli bejn il-pagamenti diretti u l-beni pubbliċi ambjentali pprovduti mill-bdiewa. Huwa wkoll pass importanti għas-soluzzjoni tal-problemi fil-qasam tal-bijodiversità li jirriżultaw mill-biedja. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon dan l-approċċ, iżda jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:
|
— |
Sar sforz mill-Kummissjoni biex din is-sistema tinżamm sempliċi: tliet miżuri biss, li faċli jiġu ssorveljati permezz ta’ satellita. Madankollu, ir-regoli ta’ implimentazzjoni għandhom jassiguraw li dawn il-miżuri ma’ jżidux piżijiet amministrattivi oħra fuq il-bdiewa. |
|
— |
Huwa importanti li l-miżuri għat-titjib ekoloġiku jkunu applikabbli għall-bdiewa kollha madwar l-UE b’mod simili, biex jiġi assigurat impatt ambjentali wiesa’ u biex jiġu evitati d-distorsjonijiet bejn il-bdiewa ta’ reġjuni differenti. Madankollu tista’ tkun meħtieġa xi flessibbiltà fl-applikazzjoni fil-livell nazzjonali jew reġjonali. B’mod ġenerali, għandhom jiġu kkunsidrati miżuri agroambjentali li jikkorrispondu mal-komponent ta’ titjib ekoloġiku. |
|
— |
Hemm tħassib dwar ir-riskju ta’ repetizzjoni bejn il-miżuri ta’ titjib ekoloġiku u l-miżuri agroambjentali tat-tieni Pilastru (12). Trid issir distinzjoni ċara biex jiġi assigurat li l-bdiewa li diġà huma impenjati fi programmi agroambjentali jkunu jistgħu jkomplu jgawdu b’mod effiċjenti minn din l-għodda ta’ politika, mingħajr ma jġarrbu telf ta’ introjtu. Il-bdiewa li jimplimentaw miżuri tal-programm agroambjentali, li jsegwu l-għanijiet ewlenin tal-komponent ta’ titjib ekoloġiku, jistgħu jitqiesu li qed jikkontribwixxu għall-komponent ta’ titjib ekoloġiku. Il-miżuri agroambjentali li ġew implimentati s’issa (it-tieni Pilastru) għandhom jiġu rikonoxxuti fl-obbligi ambjentali ġodda (l-ewwel Pilastru) kif previst b’mod ġenerali anke għall-biedja ekoloġika. |
4.3.7 Il-miżuri ta’ titjib ekoloġiku għandhom jiġu adattati u implimentati kif ġej:
|
— |
Il-proposta dwar l-użu ta’ 7 % tal-art għaż-“żoni b’fokus ekoloġiku” ma tkunx aċċettabbli jekk ammonti kbar ta’ wċuħ jitneħħew mill-produzzjoni. Dan ikun ukoll kontraproduttiv fid-dawl tad-domanda għall-ikel li globalment qiegħda dejjem tikber. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz ta’ lista ta’ karatteristiċi li huma rikonoxxuti bħala “art bi prijorità ekoloġika” kemm jista’ jkun malajr. B’hekk, għandha tiċċara li prinċipalment tkopri karatteristiċi li huma importanti għaż-żamma u t-titjib tal-bijodiversità li b’mod ċar tinkludi siġar eżistenti, terrazzi, żoni max-xtut, mergħat iffjuriti eċċ. Dawn l-elementi għandhom jitqiesu bħala żoni eliġibbli, anke f’pajjiżi fejn ir-regolamenti nazzjonali eskludewhom mid-definizzjoni ta’ art agrikola. Lista adatta tiċċara malajr ukoll li m’għandhomx bażi l-biżgħat li spiss jissemmew li l-Kummissjoni tixtieq twarrab għal kollox 7 % tal-art. Fl-aħħar, għandha wkoll tiġi introdotta l-possibilità ta’ kalkolu effettiv tal-uċuħ permanenti ewlenin bħala “żoni b’fokus ekoloġiku” bil-għan li jitmexxa ’l quddiem il-valur ambjentali u ekoloġiku konsiderevoli tagħhom. |
|
— |
Il-Kummissjoni trid tiċċara li l-miżura tad-diversifikazzjoni tal-uċuħ mhux ser tippenalizza b’mod partikolari l-bdiewa bi ftit uċuħ, l-irziezet għat-trobbija tal-annimali mingħajr mergħat, u bdiewa b’kundizzjonijiet agroklimatiċi u tal-ħamrija li ma jippermettu l-ebda tkabbir ieħor tal-uċuħ. F’dawn il-każijiet il-KESE jirrakkomanda element ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni, li għandha tiġi proposta mill-Istati Membri u aċċettata mill-Kummissjoni. |
4.3.8 Il-KESE jinnota li s-sitwazzjoni fir-rigward tal-bijodiversità tidher li qed tvarja ħafna mhux biss bejn l-Istati Membri iżda wkoll minn reġjun għal reġjun. Għalhekk, fil-bidu, perċentwali fiss ta’ art prijoritarja ta’ 7 % fir-reġjuni kollha tal-UE tidher pjuttost burokratika u mhux adatta. Iżda jekk il-miżuri jintgħażlu b’mod li l-istrutturi kollha fl-intrapriżi agrikoli li jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-iżvilupp tal-ispeċi jistgħu jitqiesu, il-bdiewa fir-reġjuni fejn hemm diversi strutturi (b’livell għoli ta’ bijodiversità) jkollhom ħafna anqas diffikultà biex jadattaw u jimplimentawhom minn bdiewa f’reġjuni għera (baxxi fil-bijodiversità). Hija eżattament għal din ir-raġuni li l-approċċ it-tajjeb għall-Kummissjoni fil-promozzjoni tal-mudell agrikolu Ewropew għandu jikkonsisti fl-introduzzjoni ta’ tali miżuri fil-livell tar-razzett biss (ħlief għall-irziezet iż-żgħar).
4.3.9 Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li tisseddaq l-għażla tal-Istati Membri li jagħtu pagamenti lill-bdiewa fiż-żoni muntanjużi jew żoni oħra li qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet speċifiċi jew naturali oħra koperti mill-miżuri tat-tieni Pilastru. B’mod simili, il-KESE jilqa’ l-possibilità li għandha tingħata wkoll lill-Istati Membri li jagħtu pagamenti addizzjonali lil żoni li qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali fil-qafas tal-arranġamenti tal-pagamenti diretti tal-ewwel Pilastru. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura proċeduri semplifikati li jippermettu lill-benefiċjarji potenzjali kollha jagħmlu użu minn dawn l-opportunitajiet il-ġodda kollha. Il-proposti sabiex iż-żoni żvantaġġati (l-hekk imsejħa “żoni oħra”) jerġgħu jiġu definiti għadhom mhux lesti u jeħtieġu reviżjoni. Madankollu, il-KESE jikkritika l-proposti ppreżentati mill-Kummissjoni dwar il-klassifikazzjoni mill-ġdid taż-“żoni żvantaġġati l-oħra” permezz ta’ tmien kriterji bijofiżiċi u ta’ minimu previst ta’ 66 % tal-uċuħ agrikoli. Fil-forma attwali tagħhom, dawn ir-regolamenti ser iwasslu għal trattament sfavorevoli mhux ġustifikat ta’ ċerti reġjuni li l-iżvantaġġ tagħhom jirriżulta mill-effett ta’ diversi fatturi flimkien. Il-qafas regolatorju l-ġdid għandu jitfassal b’tali mod li jikkunsidra b’mod adegwat l-effett ta’ dawn il-fatturi flimkien.
4.3.10 Il-KESE jaqbel li jiġi adottat limitu massimu tal-pagamenti li għandu jiġi applikat filwaqt li tiġi kkunsidrata l-istruttura agrikola tal-pajjiż jew tar-reġjun speċifiku. Il-KESE jaqbel li l-limitu massimu għall-pagamenti għandu jiġi applikat b’mod flessibbli filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-iskema proposta ta’ limiti massimi progressivi tintlaqa’ b’sodisfazzjon bil-kundizzjoni li l-ammont imnaqqas ikun indirizzat direttament lejn l-aktar setturi agrikoli dgħajfa f’kull pajjiż. L-ammont li għalih tirreferi l-proposta għandu jiġi kkalkolat bi tnaqqis sa massimu ta’ 50 % tas-salarji li fil-fatt jitħallsu u ddikjarati mill-bidwi fis-sena ta’ qabel, inkluż it-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali mħallsa relatati mal-impjieg. Barra minn hekk, għandu jitqies ukoll ix-xogħol li jsir mill-membri tal-familja.
4.3.11 Il-KESE, konxju sew tad-diffikultajiet li tinvolvi d-definizzjoni tal-kunċett ta’ bidwi attiv, jipproponi li definizzjoni bħal din għandha tinkludi, fost ir-rekwiżiti tagħha, il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti agrikoli, inkluż permezz tal-bejgħ dirett fis-swieq lokali, u l-ħolqien ta’ beni pubbliċi u servizzi ta’ interess soċjali (13). Din għandha tqis ukoll l-istat żvantaġġat tar-reġjun u l-ħtieġa ta’ biedja part-time sabiex jinżamm dħul medju tal- familja. Il-KESE jqis li tinħtieġ aktar flessibilità biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet dwar id-definizzjoni ta’ bidwi attiv bil-għan li jiddeterminaw min għandu jirċievi pagamenti diretti. Hawnhekk għandhom jiġu kkunsidrati wkoll l-artijiet eliġibbli. Barra minn hekk, id-definizzjoni tal-bidwi attiv m’għandhiex teskludi l-benefiċjarji ta’ anqas minn EUR 5 000.
4.3.12 Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tqis l-istabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ bħala waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali, parzjalment permezz tal-implimentazzjoni ta’ sottoprogrammi tematiċi fil-qafas ta’ programmi tal-żvilupp rurali. Il-KESE jilqa’ b’mod pożittiv il-proposta li jiġi introdott appoġġ għad-dħul għall-bdiewa ż-żgħażagħ li jibdew attività agrikola fil-qafas tal-ewwel Pilastru. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura proċeduri semplifikati li jippermettu lill-benefiċjarji potenzjali kollha jagħmlu użu minn dawn l-opportunitajiet il-ġodda.
4.3.13 Bil-għan li tissaħħaħ il-politika tagħhom dwar l-iżvilupp rurali, l-Istati Membri jingħataw il-possibilità li jittrasferixxu fondi mill-pakkett tagħhom tal-pagamenti diretti għal dak tal-iżvilupp rurali. Fl-istess ħin, l-Istati Membri li fihom il-livell ta’ appoġġ dirett għadu aktar baxx minn 90 % tal-medja Ewropea jingħataw il-possibilità li jittrasferixxu fondi mill-pakkett tagħhom tal-iżvilupp rurali għal dak tal-pagamenti diretti. B’ċerti limitazzjonijiet, dawn l-għażliet għandhom isiru darba u għall-perjodu ta’ applikazzjoni kollu ta’ dan ir-Regolament. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni żżid il-flessibilità mit-tieni Pilastru għall-ewwel Pilastru I minn 5 % għal 10 %.
4.3.14 Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-estensjoni prevista tal-ekokundizzjonalità. Jekk fl-ekokundizzjonalità jiġu inklużi l-obbligi u r-restrizzjonijiet kollha marbutin maż-żoni Natura 2000 u mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, ikun hemm riskju li jinħolqu inugwaljanzi flagranti u mhux ġustifikabbli fost il-bdiewa. Jekk fl-ekokundizzjonalità jistgħu jiġu inklużi ċerti obbligi bażiċi, dan ma jgħoddx għall-obbligi fuq il-bdiewa fiż-żoni ta’ protezzjoni tal-ilma jew żoni oħra speċifiċi ta’ protezzjoni. Dawn l-obbligi għandhom ikunu koperti minn pagament speċifiku taħt it-tieni Pilastru.
4.4 Strumenti tas-suq
4.4.1 Il-proposta ewlenija dwar il-politika tas-suq hija waħda baġitarja (il-ħolqien tar-riżerva għall-kriżijiet) kif ukoll relatata mal-governanza (il-Kummissjoni ser ikollha aktar poter). Ma tantx hemm innovazzjoni fejn jidħlu l-istrumenti nnifishom. L-UE għandha tiffoka r-riċerka ekonomika tagħha fuq dan is-suġġett bil-għan li ssib strumenti moderni għall-ġlieda kontra l-volatilità tal-prezzijiet. Dawn l-istrumenti għandhom jiġu applikati fis-suq tal-UE, kif ukoll għar-regolamentazzjoni tas-swieq interni, li hija sfida ewlenija, kif ġie enfasizzat fil-konklużjonijiet ta’ Ġunju 2011 tal-G20.
4.4.2 Il-KESE jfakkar lill-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill li l-instabbiltà estrema fil-prezzijiet li kien hemm fi snin reċenti tindika l-ħtieġa għal strumenti ta’ ġestjoni tas-suq aktar effettivi. Il-KESE jqis li l-istrumenti tas-suq proposti mhumiex biżżejjed u jappella għal koordinazzjoni aħjar bejn il-provvista u d-domanda u bilanċ mill-ġdid tas-saħħa tas-suq tul il-katina tal-provvista tal-ikel. Skont it-Trattati, wieħed mill-għanijiet tal-PAK huwa l-istabbilizzar tas-suq. Is-swieq stabbli huma importanti. Għal din ir-raġuni, il-KESE jemmen li l-pakkett ta’ għodod tal-istrumenti tas-suq għandu jkun ħafna aktar ambizzjuż sabiex jevita ċaqliq kbir fil-prezzijiet.
4.4.3 Il-Kummissjoni qed tipproponi li tkompli bil-proċess tat-tneħħija progressiva tal-għodod tal-ġestjoni tal-offerta, li nbeda fl-2009. Madankollu, il-KESE jqis li jkun żball li dawn l-għodod ma’ jinżammux. Filfatt, dawn l-istrumenti jfittxu li jassiguraw l-akbar stabbiltà fil-prezzijiet u fid-dħul mill-biedja, b’mod li l-offerta tadatta għad-domanda bl-aħjar mod. Dawn urew l-effikaċja tagħhom f’għadd kbir ta’ każijiet. Teżisti varjetà kbira ta’ għodod għall-ġestjoni tal-offerta: kontroll ex-ante (eż.: l-għoti tad-drittijiet tal-produzzjoni), kontrolli ex-post (eż.: il-qerda tal-ħsad), kontrolli fuq il-fatturi tal-produzzjoni (eż.: id-drittijiet għaż-żrigħ), l-oqsfa tad-drittijiet għall-premiums (eż.: limiti massimi nazzjonali), eċċ.
4.4.4 Il-KESE jirrakkomanda li ssir analiżi xierqa tal-implikazzjonijiet tal-posponiment tat-tneħħija tal-kwoti taz-zokkor skedat għall-2015. Rigward id-drittijiet ta’ kultivazzjoni tad-dwieli li jiskadu mhux aktar tard mill-2018, il-KESE, filwaqt li huwa favur iż-żamma tad-drittijiet tal-kultivazzjoni, japprezza d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li waqqfet grupp ta’ livell għoli (HLG) bil-għan li jiddiskuti l-miżuri meħtieġa fis-settur tal-inbid u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu mħarsa d-drittijiet ta’ kultivazzjoni mill-2018 ’il quddiem biex is-suq ikun jista’ jiġi ġestit aħjar. Ir-rakkomandazzjonijiet minn dan il-HLG huma mistennija qabel l-aħħar tal-2012.
4.4.5 Billi 77 % tas-suq tal-ikel fl-UE-27 diġà huwa kkontrollat minn ħmistax-il katina kummerċjali biss, il-KESE jħoss li hemm bżonn ta’ sforzi sabiex il-provvista kummerċjali tiġi bbilanċjata kontra s-saħħa tas-suq tad-distribuzzjoni u li għandu jiġi kkunsidrat jekk il-liġi tal-kompetizzjoni hix biżżejjed biex tevita d-dominanza fuq is-suq u l-prattiki kuntrattwali dubjużi. Huwa importanti li l-gruppi tal-partijiet ikkonċernati kollha jkunu involuti f’dan l-eżerċizzju (14). Dan għandu jwassal għal bidliet fil-liġijiet tal-kompetizzjoni tal-UE għas-settur agroalimentari b’tali mod li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, u jadattawhom għal-liġijiet tal-kompetizzjoni fil-pajjiżi li jikkompetu mal-UE fis-swieq dinjija, bħalma kkonkluda l-Grupp ta’ Livell Għoli tal-Ħalib.
4.4.6 L-instabbiltà kbira fil-prezzijiet f’dawn l-aħħar snin waslet għal mistoqsijiet dwar il-futur tal-PAK rigward il-benefiċċji ta’ aktar għodod ta’ ġestjoni tar-riskju u aproċċ aktar globali għat-tħaddim tal-katina kollha tal-ikel.
4.4.7 Biex tagħti aktar setgħa lill-produtturi fil-katina alimentari, il-Kummissjoni għandha tipprovdi wkoll l-għodda u l-finanzjament għal għarfien aħjar, aktar trasparenti u aġġornat tas-swieq u l-marġni fis-setturi kollha. Fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu, il-KESE enfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi l-kuntratti bil-miktub, adattati r-regoli tal-kompetizzjoni, projbiti l-prattiki żlejali u li jmorru kontra l-kompetizzjoni u li titjieb il-kapaċità tal-kummerċjalizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u dawk interprofessjonali (15). Għandu jsir sforz ħafna akbar minn qatt qabel biex jiġu promossi l-inizjattivi lokali u reġjonali, is-swieq tal-bdiewa, katini tal-kummerċjalizzazzjoni iqsar (inkluż fir-rigward tal-kantini, il-catering għall-massa, eċċ.) u l-bejgħ dirett.
4.4.8 Bil-għan li tiżgura l-flessibilità neċessarja biex wieħed jirrispondi għal emerġenzi mhux mistennija, il-Kumissjoni tipproponi l-ħolqien ta’ riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu b’baġit ta’ madwar EUR 500 miljun. Ikun xieraq li l-Kummissjoni tintegra dan l-istrument fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali u tikkjarifika aħjar kif taħdem din l-għodda l-ġdida filwaqt li tispeċifika l-proċeduri ħalli jiġu attivati miżuri kontra t-tfixkil tas-suq. Huwa neċessarju li din l-għodda hi flessibbli biżżejjed li twieġeb b’mod rapidu u f’waqtu.
4.4.9 Il-Kummissjoni tippromovi r-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, tal-operaturi u tal-kummerċ billi testendi l-operat tagħhom għall-prodotti kollha koperti mill-OKS. Il-KESE – li jżomm f’moħħu wkoll il-kummenti tal-passat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (16) – iqis neċessarju li wieħed jikkjarifika fid-dettall il-gwida tal-Kummissjoni rigward ir-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta’ dawn il-korpi kif ukoll il-miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tagħhom. Għaldaqstant, għandu jiġi analizzat kemm il-proposta biex jiġu awtorizzati ftehimiet kollettivi ġenerali iddgħajjef il-libertà tal-bdiewa individwali li jieħdu deċiżjonijiet għalihom innifishom.
4.4.10 Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li jsir użu minn kuntratti bil-miktub bejn il-partijiet. Madankollu, kooperattivi u strutturi simili jistgħu jiġu eżentati. Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan il-pass huwa neċessarju biss għall-produtturi tal-prodotti tal-ħalib filwaqt li għal tipi oħra ta’ prodotti jista’ jiġi attivat fuq bażi volontarja. Il-KESE huwa tal-fehma li jkun xieraq li l-Kummissjoni testendi dan ir-rekwiżit għall-prodotti agrikoli l-oħra koperti mill-OKS, b’mod partikolari l-prodotti li jiskadu.
4.4.11 Il-KESE għandu riżervi dwar il-possibilità li jintuża l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni (FEG) biex jingħata appoġġ lill-bdiewa li qed ibatu mill-effetti tal-ftehimiet kummerċjali internazzjonali. Il-KESE jfakkar li l-FEG għandu jintuża primarjament biex jingħataw appoġġ il-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom b’riżultat ta’ tibdiliet strutturali ewlenin fil-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, meta dawn is-sensji jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija reġjonali jew lokali (17). Sabiex ikun żgurat li l-azzjoni tal-FEG tħalli l-ikbar impatt possibbli, il-KESE huwa tal-fehma li l-fond m’għandux jintuża biex jappoġġja l-agrikoltura Ewropea.
4.4.12 Skont l-aktar estimi reċenti, madwar 16,3 % taċ-ċittadini tal-UE jgħixu fil-limitu tal-faqar jew taħtu. Il-KESE jfakkar il-kontribut tal-programm Ewropew għad-distribuzzjoni tal-ikel lil dawk fil-bżonn, li fil-qafas tiegħu għexieren ta’ miljuni ta’ ikliet jitqassmu kull sena lill-aktar persuni fil-bżonn (fl-2009, aktar minn 18-il miljun persuna bbenefikaw minn dan il-programm). Il-KESE bi pjaċir jinnota li fil-proposti baġitarji 2014-2020, il-programm Ewropew tal-għajnuna għall-persuni l-iktar fil-bżonn ġie identifikat b’mod ċar barra l-ewwel u t-tieni Pilastri. Madankollu, għandhom jittejbu l-mekkaniżmi għat-tħaddim tiegħu fid-dawl tal-kummenti li saru mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (18). Għall-Kumitat, is-solidarjetà mal-gruppi żvantaġġati hija valur li l-UE dejjem żamm miegħu, fil-politiki varji tiegħu u għandu jkompli jagħmel hekk.
4.5 Żvilupp rurali
4.5.1 Il-KESE jqis it-tieni Pilastru bħala l-għodda prinċipali għaż-żamma tal-mudell agrikolu Ewropew. Is-sitwazzjoni finanzjarja drammatika ta’ ħafna Stati Membri ser twassal biex ħafna miżuri ma jkunux jistgħu jibqgħu jiġu kofinanzjati jew inkella ma jkunux jistgħu jibqgħu jiġu kofinanzjati b’mod suffiċjenti, sitwazzjoni li twassal għal dgħufijiet serji. Din hija problema fundamentali li għandha tiġi indirizzata fin-negozjati dwar l-ipprogrammar finanzjarju 2014-2020.
4.5.2 It-tranżizzjoni mill-prinċipju li s’issa applika t-tieni Pilastru, dak li jkun hemm 3 assijiet (flimkien mal-LEADER) appoġġjati b’sehem minimu ta’ finanzjament, lejn 6 oqsma ta’ prijorità, essenzjalment tfisser (aktar) libertà tal-għażla għall-Istati Membri. Madankollu, il-KESE jilqa’ l-fatt li l-miżuri favur l-ambjent u l-protezzjoni tal-klima fil-ġejjieni ser ikomplu jirrappreżentaw tal-anqas 25 % tal-pakkett finanzjarju u jipproponi li jkun hemm sehem minimu għal-LEADER. Għandu jiġi evitat li l-Istati Membri, pereżempju, jieħdu biss miżuri li jippromovu l-investiment u b’hekk ma jappoġġjawx pereżempju miżuri agroambjentali, il-biedja ekoloġika jew inizjattivi li jittieħdu permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq bħal-LEADER.
4.5.3 Sabiex il-biedja ssir aktar kompetittiva, il-Kummissjoni tipproponi l-irbit tal-PAK mal-Istrateġija tal-UE għall-impjiegi u t-tkabbir, b’attenzjoni fuq it-taħriġ, l-innovazzjoni u r-riċerka. Il-KESE jinkoraġġixxi dan l-approċċ.
4.5.4 Il-KESE jaqbel mal-introduzzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni fil-kuntest tal-politiki dwar l-iżvilupp rurali. Il-KESE huwa tal-fehma li din l-għodda se tippromovi u tappoġġja fuq kollox attivitajiet imfassla biex isaħħu l-produttività u s-sostenibilità tal-agrikoltura u l-forestrija, jiżguraw l-użu effiċjenti tar-riżorsi ambjentali, iżidu l-kontribut tal-agrikoltura u l-forestrija lejn il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, itejbu l-kwalità u s-sikurezza tax-xogħol fl-agrikoltura u fil-forestrija, jiżguraw is-sikurezza u s-saħħa tal-konsumaturi, jinkoraġġixxu l-prova ta’ tekniki tal-biedja u tal-forestrija innovattivi, itejbu t-trasport u l-loġistika tal-prodotti tal-ikel u jagħżlu prodotti u imballaġġ li ma jkunux ta’ ħsara mil-lat ekoloġiku. Fil-fehma tal-KESE, is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni fl-agrikoltura u l-forestrija ser tiżgura s-sinerġija transkonfinali u l-kooperazzjoni fl-Ewropa bejn id-diversi entitajiet pubbliċi u privati impenjati għaliha, bit-titjib tal-effiċjenza fir-riċerka u l-innovazzjoni.
4.5.5 Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir il-proposti rigward miżuri ta’ żvilupp rurali u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti lill-Istati Membri l-opportunità u l-libertà li joħolqu miżuri speċjali għas-setturi li jkunu ta’ importanza primarja għalihom billi joffru alternattiva lil dawn ir-reġjuni. Dan huwa indispensabbli għaż-żamma u l-konservazzjoni tan-natura tagħna u t-tiswir tal-pajsaġġi kulturali tagħna. Il-KESE ħa nota li l-Kummissjoni għandha tendenza li tapplika kriterji ta’ għażla aktar stretti fir-rigward tal-aċċess għal ċerti miżuri. Jixtieq jenfasizza li dawn il-kriterji ta’ għażla m’għandhomx ixekklu l-iżvilupp tal-irziezet li jkunu diġà laħqu ċertu livell ta’ kompetittività.
4.5.6 Il-KESE jaqbel li jissaħħu l-istrumenti għall-ġestjoni tar-riskji implimentati fil-qafas tal-PAK. Il-Kumitat jemmen li dawn l-għodod għandhom jikkontribwixxu biex tonqos il-varjazzjoni fid-dħul u l-istabbiltà tas-suq. It-tisħiħ tal-prodotti tal-assigurazzjoni u l-ħolqien ta’ fondi mutwi għandu jgħin lill-bdiewa li jiffaċċjaw volatilità ogħla fis-suq, dawk li huma aktar esposti għal mard ġdid tal-annimali u tal-pjanti kif ukoll għal kundizzjonijiet aktar ħżiena tat-temp. Il-KESE jaqbel mal-inklużjoni tal-ġestjoni tar-riskju fit-tieni Pilastru, iżda huwa tal-fehma li l-Istati Membri l-ewwel għandhom jirregolarizzaw il-kofinanzjament nazzjonali.
4.5.7 Il-KESE jilqa’ d-deċiżjoni li tinżamm il-politika mmirata lejn iż-żoni bi żvantaġġi naturali. Madankollu, jiddispjaċih li r-rakkomandazzjonijiet li għamel dwar id-delimitazzjoni ta’ dawn iż-żoni fl-Opinjoni tiegħuí (19) dwar il-Komunikazzjoni COM(2009) 161 “Lejn mira aħjar tal-għajnuna lill-bdiewa f’żoni bi żvantaġġi naturali” ma ntlaqgħux. It-tmien kriterji bijofiżiċi proposti mill-Kummissjoni m’humiex biżżejjed fid-dawl tad-definizzjoni mill-ġdid pertinenti, leġittima u aċċettabbli fl-UE kollha.
4.5.8 Il-KESE diġà ddikjara li ż-żamma tal-bijodiversità hija ħidma essenzjali u ewlenija li mhux biss tirrappreżenta obbligu etiku u morali iżda wkoll għandha importanza strateġika fit-tul. Jeżistu biżżejjed raġunijiet ekonomiċi biex tittieħed azzjoni aktar malajr u b’mod aktar effettiv.
4.5.9 Il-KESE jenfasizza l-fatt li r-reviżjonijiet tal-2012 jiffurmaw opportunità unika biex l-iskarsezza tal-ilma u l-avvenimenti estremi bħan-nixfa jiġu integrati flimkien f’qafas ta’ politika komuni għall-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma.
4.5.10 Il-KESE jqis li t-tieni Pilastru għandu jirrifletti l-problemi enormi tan-nuqqas ta’ ilma, l-erożjoni tal-ħamrija u d-deżertifikazzjoni fir-reġjuni tan-Nofsinhar u tal-Mediterran tal-UE u jirrakkomanda li titfassal miżura speċjali għall-indirizzar ta’ din il-kwistjoni. Fl-istess waqt jeħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll l-ispejjeż addizzjonali li jġarrbu l-Istati Membri fil-Puntent tal-UE sabiex ineħħu l-ilma żejjed mill-art li tintuża għall-agrikoltura.
4.5.11 Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni, il-Parlament u lill-Kunsill jikkunsidraw li jfasslu strateġija integrata tal-UE dwar il-proteini biex tiġi ssalvagwardjata l-provvista tal-ġwież tal-annimali u titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-proteini.
4.5.12 Il-ħela tal-ikel qed issir kwistjoni dejjem aktar importanti għas-sigurtà tal-ikel u l-effiċjenza tar-riżorsi. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tirrevedi l-aħjar prattiki ta’ tnaqqis tal-ħela tal-ikel fil-pajjiżi bħall-Ġermanja u tappoġġjahom b’miżuri leġislattivi fil-livell tal-UE.
4.5.13 Ir-rilokazzjoni tal-ekonomija hija kwistjoni ewlenija fis-sena li ġejja, u fl-agrikoltura l-valur miżjud għandu jinżamm fit-territorji sa fejn ikun possibbli. Barra minn hekk, skont il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, gruppi ta’ azzjoni lokali taħt il-programmi LEADER mhumiex iffukati biżżejjed biex jilħqu l-miri tal-istrateġiji lokali tagħhom stess (20). Għalhekk ikun utli li l-PAK għall-2014-2020 tadotta miżuri korrettivi permezz ta’ għodda ta’ politika ġdida li tippermetti l-akkumpanjament tal-bidu ta’ proġetti fit-territorji fi skala akbar minn dawk possibbli bl-approċċ Leader.
4.5.14 Il-KESE jemmen li l-PAK għandha tkun strument ewlieni li jiġġenera sħubijiet mal-konsumaturi, waqt li tiġi promossa l-informazzjoni rilevanti fir-rigward ta’ kif l-ikel ġie prodott tul il-katina ta’ valur jew iċ-ċiklu ta’ ħajja tiegħu. Il-prodotti għandhom ikunu jistgħu jiġu traċċati b’mod trasparenti mill-konsumatur, li jista’ jkun l-aħjar alleat sabiex tinkiseb produzzjoni agrikola Ewropea aktar sostenibbli, li tirrispetta l-ambjent u li tiġġenera impjiegi aħjar.
Brussell, 25 ta’ April 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) CESE, ĠU C 132, 3.5.2011.
(2) CESE, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63, punt 4.2.
(3) CESE, ĠU C 354, 28.12.2010.
(4) CESE, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63.
(5) CESE, ĠU C 376, 22.12.2011 p. 19-24.
(6) CESE, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 87.
(7) Eurostat – Farm Structure Survey.
(8) CESE, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63, punt 1.10.
(9) COM(2011) 500 finali dwar il-Baġit għall-Ewropa 2020.
(10) CESE, ĠU C 354, 28.12.2010, p. 35, punt 5.6.11.
(11) CESE, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63, punt 1.4.
(12) CESE, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63, punt 3.4.3.
(13) CESE, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63, punt 1.5.
(14) CESE, ĠU C 354, 28.12.2010, p. 35.
(15) CESE, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 145.
(16) Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Suċċess jiżdied? L-effettività tas-sostenn tal-Unjoni Ewropea għall-programmi operattivi tal-produtturi tal-frott u tal-ħaxix, Rapport Speċjali Nru 8.
(17) Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi Fond Ewropew ta’ aġġustament għall-globalizzazzjoni.
(18) Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, L-għajnuna alimentari tal-Unjoni Ewropea għal persuni fil-bżonn: evalwazzjoni tal-objettivi, il-mezzi u l-metodi użati, Rapport Speċjali Nru 6, 2009.
(19) CESE, ĠU C 255, 22.9.2010, p. 87-91.
(20) Qorti Ewropea tal-Awdituri, Rapport Speċjali Nru 5/2011.
APPENDIĊI I
għall-Opinjoni tal-Kumitat
L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti.
Punt 1.25
Ibdel it-test kif ġej:
“Il-KESE jqis li tinħtieġ miżura ġdida u separata li tgħolli l-profil tal-biedja organika, li għaliha r-rata ta’ kofinanzjament għandha tkun daqs dik proposta għaż-żoni inqas żviluppati (85 %). ”
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur |
75 |
|
Kontra |
81 |
|
Astensjonijiet |
8 |
Punt 4.3.6
Ibdel it-test kif ġej:
“Il-komponent ta’ titjib ekoloġiku tal-ewwel Pilastru huwa mod kif wieħed jista' joħloq rabta ikbar u aktar viżibbli bejn il-pagamenti diretti u l-beni pubbliċi ambjentali pprovduti mill-bdiewa. Huwa wkoll pass importanti għas-soluzzjoni tal-problemi fil-qasam tal-bijodiversità li jirriżultaw mill-biedja. Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon dan l-approċċ, iżda jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:
|
— |
Sar sforz mill-Kummissjoni biex din is-sistema tinżamm sempliċi: tliet miżuri biss, li faċli jiġu ssorveljati permezz ta’ satellita. Madankollu, ir-regoli ta’ implimentazzjoni għandhom jassiguraw li dawn il-miżuri ma’ jżidux piżijiet amministrattivi oħra fuq il-bdiewa. |
|
— |
Huwa importanti li l-miżuri għat-titjib ekoloġiku jkunu applikabbli għall-bdiewa kollha madwar l-UE b'mod simili, biex jiġi assigurat impatt ambjentali wiesa' u biex jiġu evitati d-distorsjonijiet bejn il-bdiewa ta’ reġjuni differenti. Madankollu tista' tkun meħtieġa xi flessibbiltà fl-applikazzjoni fil-livell nazzjonali jew reġjonali. miżuri agroambjentali li . |
|
— |
Hemm tħassib dwar ir-riskju ta’ repetizzjoni bejn il-miżuri ta’ titjib ekoloġiku u l-miżuri agroambjentali tat-tieni Pilastru (1) . Trid issir distinzjoni ċara biex jiġi assigurat li l-bdiewa li diġà huma impenjati fi programmi agroambjentali jkunu jistgħu jkomplu jgawdu b'mod effiċjenti minn din l-għodda ta’ politika, mingħajr ma jġarrbu telf ta’ introjtu. ” |
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur |
71 |
|
Kontra |
90 |
|
Astensjonijiet |
11 |
Punt 4.3.7
Ibdel it-test kif ġej:
“Il-miżuri ta’ titjib ekoloġiku għandhom jiġu adattati u implimentati kif ġej:
|
— |
Il-proposta dwar l-użu ta’ 7 % tal-art għaż-‘żoni b'fokus ekoloġiku’ ma tkunx aċċettabbli jekk ammonti kbar ta’ wċuħ jitneħħew mill-produzzjoni. Dan ikun ukoll kontraproduttiv fid-dawl tad-domanda għall-ikel li globalment qiegħda dejjem tikber. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz ta’ lista ta’ karatteristiċi li huma rikonoxxuti bħala ‘art bi prijorità ekoloġika’ kemm jista' jkun malajr. B'hekk, għandha tiċċara li prinċipalment tkopri karatteristiċi li huma importanti għaż-żamma u t-titjib tal-bijodiversità li b'mod ċar tinkludi siġar eżistenti, terrazzi, żoni max-xtut, mergħat iffjuriti eċċ. Dawn l-elementi għandhom jitqiesu bħala żoni eliġibbli, anke f'pajjiżi fejn ir-regolamenti nazzjonali eskludewhom mid-definizzjoni ta’ art agrikola. Lista adatta tiċċara malajr ukoll li m'għandhomx bażi l-biżgħat li spiss jissemmew li l-Kummissjoni tixtieq twarrab għal kollox 7 % tal-art. Fl-aħħar, għandha wkoll tiġi introdotta l-possibilità tal-uċuħ permanenti bħala ‘żoni b'fokus ekoloġiku’. |
|
— |
Il-Kummissjoni trid tiċċara li l-miżura tad-diversifikazzjoni tal-uċuħ mhux ser tippenalizza b'mod partikolari l-bdiewa bi ftit uċuħ, l-irziezet għat-trobbija tal-annimali mingħajr mergħat, u bdiewa b'kundizzjonijiet agroklimatiċi u tal-ħamrija li ma jippermettu l-ebda tkabbir ieħor tal-uċuħ. F'dawn il-każijiet il-KESE jirrakkomanda element ta’ flessibbiltà fl-implimentazzjoni, li għandha tiġi proposta mill-Istati Membri u aċċettata mill-Kummissjoni.” |
Riżultat tal-votazzjoni:
|
Favur |
64 |
|
Kontra |
88 |
|
Astensjonijiet |
14 |
(1) Opinjoni tal-KESE dwar Il-Futur tal-PAK (ĠU C 132, 3.5.2011, p. 63, punt 3.4.3).