|
29.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 191/53 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward taċ-ċarezza, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-implimentazzjoni ta’ tali gruppi”
COM(2011) 610 final — 2011/0272 (COD)
2012/C 191/10
Relatur: is-Sur PARIZA CASTAÑOS
Nhar il-25 u s-27 ta’ Ottubru 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 175(3) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward taċ-ċarezza, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-implimentazzjoni ta’ tali gruppi
COM(2011) 610 final – 2011/0272 (COD).
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ April 2012
Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tal-25 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'172 vot favur u 4 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jaqbel mal-impenn tal-Kummissjoni Ewropea rigward ir-raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT), u jappoġġja l-approċċ tar-Regolament il-ġdid, li ser jgħin biex ir-REKT ikun strument aktar effettiv, sempliċi u flessibbli li jikkontribwixxi għat-titjib tal-kooperazzjoni territorjali, li ssaħħet permezz tat-Trattat ta’ Lisbona. Din l-opinjoni tikkomplementa l-opinjoni dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea (1).
1.2 Il-KESE jappoġġja l-fatt li, b'dan ir-Regolament, l-istrument legali tar-REKT ser jissaħħaħ permezz ta’ soluzzjonijiet komuni fil-livell Ewropew, u jemmen li fil-futur ir-REKT ser ikunu strumenti essenzjali għall-kooperazzjoni u l-koeżjoni territorjali.
1.3 Il-kontinwità tar-REKT ser tiġi ggarantita fil-futur, u permezz tal-bidliet fir-Regolament dan l-istrument legali ser jippermetti aktar flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-politiki territorjali u settorjali.
1.4 L-importanza politika tar-reġjuni fl-Ewropa qed tikber. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-fatt li bis-saħħa tal-politiki ta’ kooperazzjoni territorjali tal-UE, l-awtoritajiet reġjonali jistgħu jaqdu rwol ġdid. Fil-Kunsill jieħdu sehem l-Istati Membri, u l-KESE jittama li r-reġjuni Ewropej jipparteċipaw b'mod adegwat. Il-KtR u l-KESE għandhom rwol istituzzjonali importanti li l-Kunsill irid jirrispetta.
1.5 L-isfida futura ser tkun li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili jiġu involuti fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020. Dan jirrikjedi kollaborazzjoni kbira bejn il-livell differenti ta’ governanza.
1.6 Il-KESE dejjem ikkunsidra l-valur miżjud tas-sistemi ta’ governanza f'diversi livelli, u għalhekk huwa jappoġġja l-ħolqien ta’ REKT li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-atturi kompetenti ta’ territorju makroreġjonali, Ewroreġjonali jew transkonfinali.
1.7 Però l-governanza f'diversi livelli għandha tissaħħaħ permezz tal-parteċipazzjoni tal-atturi ekonomiċi u soċjali. Għaldaqstant, il-KESE jipproponi li l-emenda tar-Regolament tagħmilha aktar faċli biex l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili jipparteċipaw b'mod adegwat fir-raggruppamenti Ewropej ta’ kooperazzjoni territorjali. Ir-rabta bejn ir-REKT u l-Aġenda tal-UE 2020 u l-politiki settorjali ser titjieb bis-saħħa tal-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili.
1.8 It-taħriġ u l-iskambju tal-uffiċjali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali involuti fir-REKT huwa fundamentali, u għalhekk il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni tippromovi l-organizzazzjoni ta’ programmi ta’ taħriġ konġunt bil-għan li tittejjeb il-ġestjoni politika u amministrattiva.
1.9 Il-KESE jipproponi li dan ir-Regolament, li hu speċifiku ħafna, għandu jiġi approvat malajr mill-Kunsill u l-Parlament, mingħajr ma jistennew l-adozzjoni tal-pakkett kollu tal-politika ta’ koeżjoni. B'dan il-mod ikun jista' jidħol fis-seħħ qabel.
2. Ir-raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali (REKT)
2.1 Ir-raggruppament Ewropew ta’ kooperazzjoni territorjali huwa forma legali li tintuża għall-istabbiliment ta’ strutturi ta’ kooperazzjoni bejn il-korpi pubbliċi tal-Unjoni Ewropea. Hu nħoloq permezz tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 fil-qafas tad-dispożizzjonijiet tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013.
2.2 Matul dan il-perjodu ta’ programmazzjoni, l-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni li qabel kienu jiġu kofinanzjati mill-inizjattiva Komunitarja Interreg, kemm dawk ta’ natura transkonfinali kif ukoll dawk transnazzjonali u interreġjonali, saru l-objettiv tal-politika ta’ koeżjoni. Huma saru t-tielet objettiv bl-isem ta’ kooperazzjoni territorjali Ewropea.
2.3 Il-kooperazzjoni territorjali titqies bħala strument fundamentali għall-objettivi tal-koeżjoni, u għalhekk qed tirċievi impuls ġdid u qed jiżdidulha r-riżorsi finanzjarji. Iżda hemm bżonn ukoll li jiġu adottati miżuri paralleli bil-għan li jitneħħew l-ostakli li jxekklu l-iżvilupp tagħha.
2.4 Bħalissa, biex jiżviluppaw l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni tagħhom, il-korpi pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE, speċjalment dawk reġjonali u lokali, iridu jiffaċċjaw bosta diffikultajiet legali u prattiċi minħabba d-diversità tal-leġislazzjonijiet u l-proċeduri, u dan għandu impatt negattiv fuq il-ġestjoni tal-attivitajiet.
2.5 Ir-Regolament dwar il-ħolqien tar-REKT (2) ġie adottat bil-għan li l-atturi tal-kooperazzjoni territorjali jkollhom strumenti ġodda biex jegħlbu dawn id-diffikultajiet u jtejbu l-applikazzjoni tal-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni territorjali.
2.6 Din il-forma legali tippermetti lill-gruppi ta’ korpi raggruppati abbażi ta’ proġetti u azzjonijiet komuni b'rabta mal-kooperazzjoni territorjali, b'konfinanzjament Ewropew jew le, biex ikollhom personalità legali proprja u differenti minn dik tal-korpi li jsawru l-grupp, u biex jaġixxu f'isem il-korpi tal-grupp fit-tranżazzjonijiet legali tal-Unjoni Ewropea.
2.7 Wara ħames snin mill-adozzjoni u fid-dawl tal-esperjenzi li nkisbu, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta biex jiġi emendat ir-Regolament, u fiha tressaq bidliet bil-għan li tiġi ċċarata, simplifikata u mtejba l-implimentazzjoni tar-REKT.
3. Il-proposta għal Regolament biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) 1082/2006 dwar ir-REKT
3.1 B'konformità mal-impenn tagħha li tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament attwali u b'riżultat tal-konsultazzjonijiet li saru fil-livell istituzzjonali u mar-REKT eżistenti bil-kollaborazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li r-REKT jirrappreżentaw struttura adatta għall-kooperazzjoni territorjali fuq perjodu twil ta’ żmien (3).
3.2 Il-karatteristiċi legali tar-REKT jipprovdu lill-kooperazzjoni territorjali “qafas formali […] b'aktar ċertezza legali, b'bażi aktar uffiċjali u bi struttura istituzzjonali aktar solida”.
3.3 Il-feedback li taw ir-raggruppamenti eżistenti huwa pożittiv. S'issa nħolqu 26 REKT bil-parteċipazzjoni ta’ 15-il Stat Membru, u flimkien jirraggruppaw aktar minn 550 korp reġjonali u lokali.
3.4 Madankollu, ħarġu fid-dieher ukoll għadd ta’ nuqqasijiet u għalhekk intqal li r-REKT qed jintuża inqas milli kien mixtieq u li n-nuqqasijiet imsemmija ddisswadew il-ħolqien ta’ aktar REKT. L-emenda tar-Regolament tipprova ssolvi dawn il-problemi.
3.5 Jeżistu problemi relatati mal-ħolqien u l-operat tar-REKT kif ukoll mal-fatt li l-proċeduri tal-istabbiliment u l-modifikazzjoni tagħhom isiru bil-mod u huma kumplessi. Barra minn hekk, inħolqu sitwazzjonijiet mhux mixtieqa għaliex l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali interpretaw ir-regoli b'modi differenti u żviluppaw prattiki differenti.
3.6 Id-diversità legali u organizzattiva tal-korpi li jifformaw dawn ir-raggruppamenti u l-kompetenzi differenti li għandhom jagħmluha diffiċli biex tinsab konfigurazzjoni adatta għall-korpi kollha li jsawru r-REKT.
3.7 Jeżistu wkoll differenzi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament f'oqsma differenti. Dan jikkonċerna r-responsabbiltà limitata jew illimitata, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tar-REKT u s-sistema tal-akkwist tax-xogħlijiet u s-servizzi.
3.8 Hemm diffikultajiet ukoll għall-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi terzi, f'każ li jkun utli li jinħoloq raggruppament bejn il-korpi ta’ Stat Membru wieħed u dawk ta’ pajjiż terz.
3.9 Barra minn hekk, il-kontenut tar-Regolament ukoll ġie interpretat b'modi differenti, bħal fil-każ tal-parteċipazzjoni tal-korpi privati, li jridu jkunu korpi kontraenti għall-iskop tal-akkwist pubbliku.
4. Kummenti ġenerali
4.1 Kif diġà saħaq il-KESE fil-qafas tal-konsultazzjoni (4) dwar ir-Regolament (KE) 1082/2006, ir-REKT huwa strument utli u prezzjuż li jista' jikkontribwixxi għal kooperazzjoni territorjali aktar effettiva, aktar attiva u aktar viżibbli.
4.2 Minkejja d-differenzi nazzjonali, ir-reġjuni ser jaqdu rwol importanti ħafna fis-sistema futura ta’ governanza tal-Unjoni Ewropea, li l-istituzzjonijiet iridu jappoġġjaw.
4.3 Il-KESE jilqa' l-proposta l-ġdida għal Regolament li ser ittejjeb u tiffaċilita l-użu tar-REKT u ser tagħmel mir-REKT strument aktar siewi għar-reġjuni. Ir-raggruppamenti għandhom bżonn strument li jagħti lill-kooperazzjoni reġjonali Ewropea bażi stabbli, strutturata u legalment effettiva u affidabbli.
4.4 Ir-Regolament il-ġdid ser jiffaċilita l-ħolqien ta’ REKT ġodda li joperaw aħjar, billi jsaħħaħ qafas strutturat, b'kapaċità operattiva sħiħa, li bih ikunu jistgħu jingħelbu d-diffikultajiet legali u prattiċi marbutin mal-attivitajiet tal-kooperazzjoni transnazzjonali. Ser jistabbilixxi unitajiet organizzattivi ddedikati b'mod speċifiku għall-ippjanar, il-koordinazzjoni u l-ġestjoni.
4.5 Il-KESE jemmen li dan jirrappreżenta pass ġdid fl-inkoraġġiment tal-kooperazzjoni transkonfinali, transnazzjonali u interreġjonali.
4.6 B'hekk tiġi promossa kooperazzjoni aktar ambizzjuża. L-azzjonijiet kofinanzjati mill-fondi Ewropej fil-kuntest tal-kooperazzjoni territorjali ser jitqiegħdu f'qafas ta’ linji gwida aktar strateġiċi u ser jissejsu fuq il-valur miżjud tal-interess komuni Ewropew u fuq perspettiva fit-tul.
4.7 Huwa mixtieq li fil-ġejjieni l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni tiżviluppa fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020, u li jissaħħu l-objettivi tal-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-kompetittività, is-sostenibbiltà, il-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi, inklużi l-SMEs, l-universitajiet u ċ-ċentri tat-teknoloġija, eċċ.
4.8 Il-KESE jappoġġja wkoll li l-kooperazzjoni territorjali ssaħħaħ l-azzjonijiet tematiċi u settorjali bejn ir-reġjuni u l-bliet.
4.9 Il-KESE jenfasizza li r-REKT diġà jippermetti xi forom ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet reġjonali fi kwistjonijiet ekonomiċi u teknoloġiċi li huma rilevanti wkoll għall-Istrateġija Ewropa 2020. Din ix-xorta ta’ kooperazzjoni għandha ssir aktar viżibbli.
4.10 Il-KESE japprezza l-valur tal-proġetti differenti li l-istrumenti ta’ kooperazzjoni bħar-REKT jippromovu, mill-proġetti tal-INTERREG sal-istabbiliment ta’ servizzi pubbliċi transkonfinali jew ta’ pjani strateġiċi multisettorjali.
4.11 Il-KESE jappoġġja r-rwol istituzzjonali tal-Kumitat tar-Reġjuni fil-monitoraġġ tar-REKT u fl-iskambju tal-prattiki tajbin. Il-pjattaforma tar-REKT tal-KtR għandha tissokta bl-attivitajiet tagħha wara li jiġi approvat ir-Regolament il-ġdid.
4.12 Il-KESE jixtieq jikkollabora mal-KtR sabiex is-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali jagħmlu parti mill-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tar-REKT. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tħejji rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament il-ġdid u dwar il-parteċipazzjoni tal-atturi ekonomiċi u soċjali u tas-soċjetà ċivili fir-REKT (5).
4.13 Il-KESE jappoġġja wkoll li fil-futur tiġi simplifikata l-proċedura tal-ħolqien tar-REKT u li l-konvenzjonijiet jiġu approvati fi żmien sitt xhur, għalkemm il-gvernijiet ma tawx l-approvazzjoni espressa tagħhom.
4.14 Il-KESE japprezza l-fatt li r-REKT għandhom versatilità kbira biex jimmaniġġjaw l-infrastrutturi u s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali għall-benefiċċju taċ-ċittadini li jgħixu fit-territorji ta’ Stati Membri differenti.
4.15 Il-KESE jenfasizza li l-kooperazzjoni territorjali, li l-għan ewlieni tagħha huwa li ttejjeb il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, titwettaq ukoll fil-qafas ta’ inizjattivi ambizzjużi ta’ kooperazzjoni ta’ livell għoli li huma politikament kumplessi, bħall-makroreġjuni, l-Ewroreġjuni u l-istrateġiji tal-baċiri fil-politika marittima integrata.
4.16 Il-KESE jenfasizza li l-kooperazzjoni makroreġjonali u interreġjonali, bil-funzjonament adegwat tar-REKT, tista' taqdi rwol ukoll biex jintlaħqu l-objettivi settorjali tal-UE. L-Istrateġija Ewropa 2020 ser tirċievi, mingħajr dubju, impuls addizzjonali. Ir-Regolament għandu jgħin biex ir-REKT jintrabtu aħjar mal-istrumenti politiċi u finanzjarji tal-UE għall-politiki settorjali.
4.17 Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-użu tar-REKT mir-reġjuni ultraperiferiċi u t-territorji extra-Ewropej, inkluż ma’ pajjiżi terzi ġirien.
4.18 Il-KESE, filwaqt li jirrispetta l-prinċipju li r-REKT għandhom jintużaw fuq bażi volontarja, iħeġġeġ lill-Kummissjoni taqdi rwol aktar proattiv biex tiffaċilita, tissimplifika u tipperfezzjona r-REKT, li jridu jkunu marbutin mal-objettivi strateġiċi tal-Unjoni Ewropea.
5. Kummenti speċifiċi
5.1 Il-KESE jemmen li l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea fil-proposta tagħha biex jiġi emendat ir-Regolament fis-seħħ huwa adegwat. Il-KESE jixtieq jenfasizza li r-REKT għandhom ikunu strumenti sempliċi biex jintużaw, b'tali mod li kull grupp ta’ msieħba jfassal ir-raggruppament u l-funzjonijiet tiegħu bl-aktar mod adegwat għall-karatteristiċi tiegħu, għaliex kull raggruppament ta’ msieħba jinsab f'sitwazzjoni u ċirkustanzi speċifiċi, u r-REKT għandu jkun strument kapaċi jkopri l-objettivi tagħhom b'rabta mal-kooperazzjoni.
5.2 Bħalissa, ħafna reġjuni Ewropej ma jużawx l-opportunitajiet li toffri l-liġi tal-Unjoni Ewropea, permezz tal-forma legali tar-REKT, għall-kooperazzjoni bejniethom fil-qafas tal-politika reġjonali tal-UE. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tagħmel sforz akbar biex tippopolarizza u tippromovi dan l-istrument fost l-awtoritajiet reġjonali u s-soċjetà ċivili.
5.3 Il-prinċipju tas-simplifikazzjoni li l-Kummissjoni tixtieq tinkorpora fil-politika futura ta’ koeżjoni u, b'riżultat ta’ dan, fil-kooperazzjoni territorjali Ewropea, għandu jispira l-istrumenti differenti, speċjalment ir-REKT.
5.4 Il-KESE jinnota li l-kumplessitajiet legali, amministrattivi u proċedurali għandhom effett dissważiv fuq l-atturi tal-kooperazzjoni territorjali, b'mod partikolari dawk l-awtoritajiet reġjonali u lokali b'inqas strumenti amministrattivi u b'inqas riżorsi.
5.5 Il-fatt li l-proċeduri amministrattivi għall-ħolqien ta’ REKT isiru bil-mod u l-ħtieġa li l-proċedura tiġi ripetuta f'kull każ ta’ addizzjoni ġdida huma inkompatibbli mad-dinamiżmu meħtieġ għall-attivitajiet ta’ kooperazzjoni u jirrappreżentaw ostaklu ta’ veru għall-użu tar-REKT. Il-KESE huwa kuntent li dawn il-problemi għandhom jiġu solvuti permezz tar-Regolament il-ġdid.
5.6 Il-flessibbiltà hija karatteristika mixtieqa oħra li jfittxu l-atturi li jkunu jridu joħolqu struttura ta’ kooperazzjoni, għaliex hi tippermetti li l-organizzazzjoni u l-funzjonament jiġu adattati għall-ħtiġijiet u l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom.
5.7 Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea, sabiex tiffaċilita l-ħidma tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, toħloq sistema ta’ konsulenza, taħriġ u skambju tal-esperjenzi li jiffaċilitaw it-tfassil tal-konvenzjonijiet u l-istatuti.
5.8 Il-KESE jemmen li l-miżuri adottati biex jevitaw il-frammentazzjoni diġitali bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi tar-REKT mhumiex suffiċjenti. Huwa importanti li tiġi ggarantita sistema ta’ amministrazzjonijiet pubbliċi territorjali interkonnessi, interattivi u aċċessibbli permezz tal-programm Komunitarju ISA (6). B'dan il-mod jiġu appoġġjati l-valur miżjud tas-sistemi ta’ governanza f'diversi livelli u l-parteċipazzjoni tal-atturi involuti kollha f'territorju makroreġjonali, Ewroreġjonali jew transkonfinali.
5.9 Il-KESE jappoġġja l-fatt li l-konvenzjoni tindika r-regoli tax-xogħol u tas-sigurtà soċjali li japplikaw għall-persunal tar-REKT kif ukoll ir-regoli dwar ir-reklutaġġ u l-ġestjoni tal-persunal.
5.10 Il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni għall-eżempju ta’ governanza f'diversi livelli li jirrappreżenta r-REKT, fejn l-imsieħba involuti, li jkunu ġejjin minn sfond reġjonali, lokali, nazzjonali u istituzzjonali differenti, isawru l-korpi ta’ gvern u ta’ ġestjoni tar-relazzjoni ta’ kooperazzjoni. Però l-Kumitat jipproponi li jipparteċipaw ukoll l-imsieħba soċjali u atturi oħra tas-soċjetà ċivili.
Brussell, 25 ta’ April 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) Ara paġna 49 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(2) B'konformità mal-Artikolu 159 tat-TKE, attwalment l-Artikolu 175 tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi, barra l-Fondi, sabiex jinkiseb l-objettiv tal-koeżjoni ekonomika u soċjali.
(3) Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar Raggruppament Ewropew ta’ Koperazzjoni Territorjali (REKT). COM(2011) 462 final.
(4) Opinjoni dwar il-“Proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward it-twaqqif ta’ Grupp Ewropew ta’ Kooperazzjoni bejn il-fruntieri (GECT)”, ĠU C 255/15, 14.10.2005, p. 76 (din l-opinjoni mhix disponibbli bil-Malti).
(5) Opinjoni tal-KESE dwar “Kif jistgħu jitħeġġu sħubijiet effikaċi fil-ġestjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni, fuq il-bażi ta’ prattiki tajbin miċ-ċiklu 2007-2013”, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 1
(6) Interoperability Solutions for European public administrations (Soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fl-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej).