29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 191/84


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali”

COM(2011) 895 final — 2011/0439 (COD),

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku”

COM(2011) 896 final — 2011/0438 (COD),

“Il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni”

COM(2011) 897 final — 2011/0437 (COD)

2012/C 191/16

Relatur: is-Sur CABRA DE LUNA

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012 u nhar l-10 ta’ Frar 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 53(1), l-Artikolu 62 u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali

COM(2011) 895 final – 2011/0439 (COD).

Nhar is-17 ta’ Jannar 2012 u nhar l-10 ta’ Frar 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 53(1), l-Artikolu 62 u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku

COM(2011) 896 final – 2011/0438 (COD).

Nhar is-17 ta’ Jannar 2012 u nhar l-10 ta’ Frar 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 53(1), l-Artikolu 62 u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni

COM(2011) 897 final – 2011/0437 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġetti, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-17 ta’ April 2012.

Matul l-480 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-25 u s-26 ta’ April 2012 (seduta tas-26 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’179 vot favur, 33 vot kontra u 12-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Ir-reviżjoni tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku hija parti minn programm ġenerali li għandu l-għan li jimmodernizza b’mod estensiv is-sistema tal-akkwist fl-Unjoni Ewropea, kemm f’dak li jirrigwarda l-akkwist pubbliku b’mod ġenerali kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u dawk postali. Ġiet inkluża wkoll proposta ġdida għal Direttiva dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, li s’issa kienu regolati parzjalment biss fuq livell Ewropew.

1.2   L-appoġġ għall-adozzjoni tal-Opinjoni INT/570 dwar il-“Green Paper dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku – Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjenti” kien kważi assolut, kif jidher fir-riżultat tal-votazzjoni. Għalhekk, il-Kumitat irid iżomm l-istess prinċipji u fehmiet f’din l-Opinjoni. Dan ma żammx milli din l-Opinjoni tieħu dan il-kunsens wiesa’ bħala bażi sabiex dawn il-prinċipji u l-fehmiet ippreżentati jiġu żviluppati, billi issa għandna quddiemna proposti leġislattivi speċifiċi u konkreti.

1.3   Il-KESE jenfasizza l-importanza li jitqiesu l-aspetti innovattivi, ambjentali u soċjali tal-Istrateġija Ewropa 2020 għall-akkwist pubbliku.

1.4   B’mod speċifiku ġew proposti l-promozzjoni tal-kwalità u l-innovazzjoni fl-akkwist pubbliku, it-tnaqqis tal-burokrazija bla bżonn, l-inklużjoni ta’ aspetti ambjentali u soċjali (favur il-protezzjoni tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll favur il-persuni b’diżabbiltà u gruppi żvantaġġati oħra) u l-promozzjoni tal-użu tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża meta mqabbla mal-aktar prezz baxx, li għandu jkun l-eċċezzjoni u mhux ir-regola. Dan kollu sabiex, fost diversi għanijiet, tingħata preferenza lil akkwist pubbliku iktar intelliġenti u effiċjenti, tiġi enfasizzata l-ħtieġa għall-professjonaliżmu akbar, tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMEs, inklużi l-impriżi soċjali, jiġu miġġielda l-favoritiżmu, il-frodi u l-korruzzjoni, u jiġu promossi kuntratti pubbliċi transkonfinali Ewropej. Il-KESE huwa favur l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja, fid-dawl tal-bżonn li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli.

1.5   Il-KESE jemmen li l-użu ta’ proċeduri tal-akkwist komuni fuq livell Ewropew jiżgura aktar trasparenza u oġġettività. Fi kwalunkwe każ, il-proposti jippermettu lil kull Stat Membru flessibilità amministrattiva konsiderevoli biex jadatta l-proċeduri u l-għodod għas-sitwazzjonijiet speċifiċi tiegħu. Dawn il-fatturi kollha, flimkien mal-kwalità u l-professjonaliżmu, mingħajr dubju huma ta’ benefiċċju għall-istess ċittadini u għall-interess ġenerali tagħhom.

1.6   Minn diskussjonijiet fit-tul dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali (SIĠ) ħarġet il-konklużjoni li dawn mhumiex akkwisti per se, iżda servizzi pprovduti minn awtoritajiet jew f’isimhom. Il-KESE jikkonferma għal darb’oħra li l-awtoritajiet kontraenti huma ħielsa għalkollox li jwettqu l-funzjonijiet kollha tagħhom jew parti minnhom huma stess jew inkella li jesternalizzaw dawk il-kompiti li jqisu xierqa.

1.7   Il-KESE jerġa’ jikkonferma l-appoġġ tiegħu għall-għoti tal-kuntratti riżervati lill-workshops protetti għall-persuni b’diżabbiltà u lill-impriżi soċjali li jimpjegaw gruppi żvantaġġati oħra, bil-għan li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għall-ġid ta’ kulħadd u fl-interess tal-inklużjoni soċjali.

1.8   Ir-regoli dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tinsab fl-offerti tal-impriżi għandhom jiġu msaħħa.

1.9   L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fejn huwa meħtieġ, għandhom jitwessgħu sabiex jinkludu l-karatteristiċi ta’ produzzjoni u tal-proċess. Dan għandu jissemplifika u jagħmel iżjed trasparenti l-ambitu li għandhom l-awtoritajiet kontraenti sabiex ikunu jieħdu deċiżjonijiet importanti rigward il-promozzjoni ta’ objettivi sostenibbli, inklużi s-sostenibilità ambjentali, l-infurzar tal-ftehimiet kollettivi, l-istandards tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-prinċipju ta’ paga indaqs għall-istess xogħol.

1.10   Anke fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-KESE jqis pożittiv ħafna l-obbligu li dawn jitfasslu b’mod li jikkunsidraw, ħlief għal każijiet ġustifikati kif dovut, il-kriterji ta’ aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà kif ukoll id-disinn għall-utenti kollha.

1.11   Fir-rigward tar-raġunijiet għall-esklużjoni tal-Artikolu 55(3) tal-proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku, huwa pożittiv li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu mill-kuntratti lil dawk l-offerenti li ma jikkonformawx mal-obbligi skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-liġi soċjali, tax-xogħol jew ambjentali, jew mad-dispożizzjonijiet internazzjonali tal-liġi soċjali u ambjentali elenkati fl-Anness XI tagħha. Iżda huwa wkoll evidenti li għandu jiġi ddikjarat espliċitament li jistgħu jiġu esklużi wkoll meta dawn ma jikkonformawx mal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru, skont il-każ, fil-qasam soċjali, tax-xogħol jew ambjentali, u l-ftehimiet kollettivi fis-seħħ fil-post fejn jitwettaq ix-xogħol, jingħata s-servizz jew issir il-provvista. Fi kwalunkwe każ, il-KESE jemmen li dawn l-esklużjonijiet għal dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu obbligatorji.

1.12   Kif diġà ntqal fl-Opinjoni preċedenti INT/570 tal-KESE, huwa meħtieġ li l-Artikolu 57 tal-proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku jitlob b’mod espliċitu li l-offerenti jiddikjaraw li huma jissodisfaw “il-leġislazzjoni applikabbli f’kull Stat individwali fejn tidħol l-integrazzjoni fid-dinja tax-xogħol tal-persuni b’diżabbiltà, pereżempju fis-sens tal-obbligu li jiġi rreklutat għadd jew perċentwali speċifiku ta’ persuni b’diżabbiltà fil-pajjiżi fejn il-liġi tistabbilixxi tali obbligu”. Loġikament dan ma jkunx meħtieġ fil-pajjiżi fejn ma jkunx jeżisti dan l-obbligu.

1.13   Kif indikat ukoll fl-Opinjoni INT/570, il-Konvenzjoni tal-ILO C94 dwar il-Klawżoli tax-Xogħol (kuntratti konklużi mal-awtoritajiet pubbliċi) tal-1949 issa hija vinkolanti f’għaxar Stati Membri, għad li xi Stati Membri oħra, inkluża l-Irlanda japplikaw fuq bażi volontarja l-Konvenzjoni fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi. Il-KESE jieħu nota tal-prinċipji inklużi fil-Konvenzjoni u jissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jirratifikaw il-Konvenzjoni u japplikaw il-prinċipji tagħha.

1.14   Il-KESE jemmen li qed jibqgħu jinżammu l-prominenza u l-użu eċċessiv tal-kriterju tal-għoti ta’ kuntratt għall-“aktar prezz baxx” jew “l-aktar spiża baxxa”. L-użu eċċessiv ta’ dan il-kriterju jxekkel l-innovazzjoni u t-tfittxija ta’ kwalità ogħla u relazzjoni aħjar bejn il-kwalità u l-prezz, skont kif mitlub mill-Istrateġija Ewropa 2020, u mhux bilfors ifisser aktar valur. Għaldaqstant, l-użu tal-kriterju tal-iktar prezz baxx għandu dejjem ikun l-eċċezzjoni aktar milli r-regola.

1.15   Il-KESE jemmen li d-dispożizzjonijiet dwar is-sottokuntrattar iridu jissaħħu. Livelli multipli ta’ sottokuntrattar joħolqu diffikultajiet fl-infurzar tal-ftehimiet kollettivi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-proċeduri tas-saħħa u s-sigurtà. L-awtoritajiet pubbliċi jridu jingħataw iżjed flessibbiltà biex jużaw l-influwenza tagħhom sabiex il-kuntratt jilħaq l-objettivi soċjali, ambjentali u ta’ kwalità. Id-dettalji relatati mas-sottokuntratturi prinċipali għandhom jiġu ddikjarati qabel ma jingħata l-kuntratt, u l-awtorità pubblika għandha tkun ċara dwar ir-responsabbiltajiet u l-obbligi sabiex tkun tista’ tissorvelja u tikkontrolla b’mod effettiv il-kuntratt. Iridu jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi meħtieġa sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jevalwaw u jirrifjutaw sottokuntratturi speċifiċi meta jkollhom xi tħassib dwarhom.

1.16   Il-KESE huwa favur li tinżamm id-differenza bejn is-servizzi-A u s-servizzi-B sakemm ikun hemm ċertezza legali u l-possibbiltà li jiġu estiżi l-kuntratti transkonfinali tas-servizzi-B. Fl-Opinjoni INT/570 diġà kienet ġiet irrakkomandata valutazzjoni perjodika tal-lista tas-servizzi-B mill-Kummissjoni, sabiex jiġi stabbilit jekk xi servizzi-B jistgħux, b’mod vantaġġuż, jiġu mibdula f’servizzi-A. Fi kwalunkwe każ, il-KESE jinsab imħasseb fir-rigward tad-diversi kuntratti ta’ servizz pubbliku li qabel kienu inklużi fil-lista tas-servizzi-B u li issa tneħħew mill-Anness XVI u mill-Anness XVII, skont il-każ, tal-proposti. Dawn l-Annessi jelenkaw is-servizzi li tapplika għalihom il-proċedura regolata fl-Artikoli 74 sa 76 jew 84 sa 86 taż-żewġ proposti. Min-naħa l-oħra, il-KESE jħoss li għandha titneħħa r-referenza għas-servizzi reliġjużi u għal dawk ipprovduti minn trejdjunjins li bħalissa huma inklużi fl-Anness XVI u fl-Anness XVII tal-proposti.

1.17   Il-KESE josserva li għad hemm dubji konsiderevoli dwar il-bżonn ta’ Direttiva tal-UE dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni u jfakkar fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-modernizzazzjoni tal-akkwist pubbliku (2011/2048(INI)) fejn ġie meqjus li “kull proposta għall-att leġiżlattiv dwar konċessjonijiet tas-servizzi tkun ġustifikata biss f’każ li tintuża biex issewwi d-distorsjonijiet fil-funzjonament tas-suq intern; jindika li t-tali distorsjonijiet għadhom ma ġewx identifikati”. Il-KESE jappella biex titwettaq valutazzjoni tal-impatt sħiħa addizzjonali qabel ma dawn il-proposti jitħallew javvanzaw.

1.18   Il-KESE jqis li s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ta’ spiss ikunu soġġetti għal regolamenti speċifiċi, nazzjonali u tal-UE li għandhom l-għan li jassiguraw li dawn ikunu aċċessibbli, jintlaħqu mill-but ta’ kulħadd u ta’ kwalità, jassiguraw it-trattament indaqs u l-aċċess universali, is-sigurtà u d-drittijiet tal-utenti, regoli li għandhom jitfakkru u jiġu garantti mill-proposta. B’konformità mal-Protokoll dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali tat-Trattat ta’ Lisbona, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom iżommu d-diskrezzjoni wiesgħa tagħhom sabiex jiddeċiedu dwar il-mod kif għandhom jorganizzaw u jipprovdu dawn is-servizzi u jiddefinixxu l-karatteristiċi tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-objettivi tagħhom ta’ interess ġenerali.

1.19   L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu ġustament jagħżlu li jwettqu ċerti kuntratti pubbliċi in house (bil-mezzi proprji tagħhom) jew li jikkooperaw ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra kif jirrikonoxxu t-Trattati Ewropej u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u b’rispett tal-prinċipji tat-trasparenza.

1.20   Il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti mekkaniżmi nazzjonali ta’ superviżjoni fl-Istati Membri għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-akkwist pubbliku.

2.   Ħarsa ġenerali lejn il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea

2.1   L-awtoritajiet pubbliċi kull sena jonfqu madwar 18 % tal-PDG fuq prodotti, servizzi u xogħlijiet. F’dawn iż-żminijiet ta’ limitazzjonijiet baġitarji, il-politika tal-akkwist pubbliku għandha tiżgura l-użu ottimu ta’ dawn il-fondi sabiex jiġu appoġġjati t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u għalhekk tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020.

2.2   Il-ġenerazzjoni attwali ta’ Direttivi dwar l-akkwist pubbliku hija l-prodott ta’ evoluzzjoni twila li bdiet fl-1971 bl-adozzjoni tad-Direttiva 71/305/KEE (1). Evalwazzjoni ekonomika komprensiva wriet li d-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku laħqu l-għanijiet tagħhom b’mod konsiderevoli. Madankollu, għad hemm bżonn ta’ avvanzi konsiderevoli sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ sostenibbiltà soċjali u ambjentali. Huwa veru li dawn wasslu għal aktar trasparenza, livelli ogħla ta’ kompetizzjoni u prezzijiet aktar baxxi, iżda għandha tingħata attenzjoni wkoll lill-impjiegi u l-kundizzjonijiet tal-pagi u tax-xogħol, sabiex dan ma jikkompromettix l-għanijiet ta’ tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u r-rekwiżiti soċjali u ambjentali orizzontali stabbiliti fit-Trattat ta’ Lisbona.

2.3   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-possibbiltà li f’dan il-qasam tiġi analizzata l-virtwalità jew l-importanza li jista’ jkollhom il-persuni li jaħdmu għal rashom li huma ekonomikament dipendenti (2).

2.4   Il-partijiet interessati talbu li jiġu riveduti d-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku sabiex jiġu ssemplifikati r-regoli, tiżdied l-effiċjenza u l-effikaċja tagħhom u jsiru aktar adatti biex jindirizzaw il-kuntest politiku, soċjali u ekonomiku li qed jevolvi.

2.5   Ir-reviżjoni tad-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku hija parti minn programm ġenerali li għandu l-għan li jimmodernizza b’mod estensiv is-sistema tal-akkwist fl-Unjoni Ewropea, kemm f’dak li jirrigwarda l-akkwist pubbliku b’mod ġenerali kif ukoll f’dak li jirriggwarda l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u dawk postali. Ir-riforma tal-leġislazzjoni dwar l-akkwist pubbliku hija waħda mit-tnax-il azzjoni stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar L-Att dwar is-Suq Uniku: tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja, adottata f’April 2011.

2.6   Ġiet inkluża wkoll proposta ġdida għal Direttiva dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, li s’issa kienu regolati parzjalment biss mil-liġi sekondarja fuq livell Ewropew. Madankollu, diversi organizzazzjonijiet, kemm tan-negozju kif ukoll tat-trejdjunjins, u ta’ diversi partijiet politiċi bħall-awtoritajiet pubbliċi, diġà esprimew oppożizzjoni ċara għal din il-proposta, minħabba li għandhom dubju dwar kemm din il-proposta tista’ tagħti aktar ċertezza legali u tirrispetta kif xieraq ir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiddeċiedu skont il-prerogattivi tagħhom mogħtija mit-Trattati Ewropej.

2.7   Bħala regola ġenerali kemm għall-akkwist pubbliku kif ukoll għall-kuntratti ta’ konċessjoni, il-KESE huwa sodisfatt li l-Kummissjoni qieset in-natura speċifika tas-servizzi soċjali u qed tipproponi proċedura semplifikata. Madankollu jiddispjaċih li għad m’hemmx demarkazzjoni preċiża bejn “għoti ta’ kuntratti” u “konċessjoni”, minn naħa, u t-tipi l-oħra ta’ kif jiġu perċeputi l-kompiti pubbliċi u partikolarment dawk soċjali, min-naħa l-oħra. Il-KESE għaldaqstant jipproponi li fiż-żewġ Direttivi jiddaħħal il-kontenut li ġej: “Il-proċeduri tal-Istati Membri, li abbażi tagħhom il-fornituri tas-servizzi kollha li jissodisfaw kundizzjonijiet legali determinati minn qabel, irrispettivament mill-forma legali tagħhom u b’konformità mal-prinċipji tat-trasparenza u n-nondiskriminazzjoni, huma awtorizzati jipprovdu s-servizz tagħhom, m’għandhomx jitqiesu bħala konċessjonijiet ta’ servizzi jew għoti tal-akkwist pubbliku.”

3.   Opinjoni INT/570 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjenti”

3.1   Nhar is-27 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku – Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjenti, COM(2011) 15 final.

3.2   Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ġunju 2011.

3.3   Matul is-sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 ta’ Lulju 2011, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta l-Opinjoni tiegħu INT/570 dwar il-Green Paper imsemmija b’164 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 4 astensjonijiet.

3.4   L-appoġġ għall-adozzjoni ta’ din l-Opinjoni kien kważi assolut, kif jidher fir-riżultati tal-votazzjoni.Għalhekk, fl-opinjoni l-ġdida l-Kumitat irid iżomm l-istess prinċipji u fehmiet, l-ewwel nett peress li ma kien hemm xejn ġdid li jwassal li dawn jinbidlu, u t-tieni nett, peress li għandhom jinżammu l-istess maġġoranza u spirtu ta’ kooperazzjoni lejn il-ġid komuni li wasslu biex il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kollu jaqbel mal-Opinjoni preċedenti. Dan ma jimpedixxix li, fuq il-bażi ta’ dan il-kunsens kbir, dawn il-prinċipji u fehmiet ippreżentati jiġu żviluppati, billi issa għandna quddiema proposti leġislattivi speċifiċi u konkreti.

3.5   F’din l-Opinjoni INT/570, il-KESE diġà wera li jilqa’ b’mod favorevoli d-dibattitu mibdi mill-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha bil-għan li tiġi modernizzata l-politika tal-akkwist pubbliku tal-UE, sabiex tkun aktar effiċjenti fil-kuntest ta’ suq uniku iktar operattiv, innovattiv, ekoloġiku u soċjali.

3.6   F’din l-Opinjoni, fost diversi għanijiet oħra, ġew proposti wkoll il-promozzjoni tal-kwalità u l-innovazzjoni fl-akkwist pubbliku, it-tnaqqis tal-burokrazija bla bżonn, l-inklużjoni ta’ aspetti ambjentali u soċjali (favur il-protezzjoni tal-impjiegi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll favur il-persuni b’diżabbiltà u gruppi żvantaġġati oħra), il-promozzjoni tal-użu tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża meta mqabbla mal-aktar prezz baxx, sabiex tingħata preferenza lil akkwist pubbliku iktar intelliġenti u effiċjenti, il-ħtieġa għall-professjonaliżmu akbar, iż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-SMEs, inklużi l-impriżi soċjali, il-ġlieda kontra l-favoritiżmu, il-frodi u l-korruzzjoni, jew il-promozzjoni ta’ kuntratti transkonfinali Ewropej fl-akkwist pubbliku.

4.   Proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku, COM(2011) 896 final u Proposta għal Direttiva dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali, COM(2011) 895 final

4.1   Ir-riforma proposta għandha l-għan li timmodernizza fil-fond l-għodod u l-istrumenti eżistenti sabiex dawn jiġu aktar adatti għall-evoluzzjoni tal-kuntest politiku, soċjali u ekonomiku. Għal din ir-raġuni ġie meqjus li huwa neċessarju, abbażi tal-istess Trattati tal-Unjoni Ewropea, li jkun hemm distinzjoni bejn Direttiva għall-akkwist pubbliku u oħra indipendenti għall-akkwist għall-entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali.

4.2   Ir-riforma tal-Kummissjoni Ewropea għandha żewġ għanijiet komplementari:

iżżid l-effiċjenza tan-nefqa pubblika sabiex ikunu żgurati l-aħjar riżultati possibbli tal-akkwist f’termini ta’ rabta bejn il-kwalità u l-prezz. Dan jimplika, b’mod partikolari, is-semplifikazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku eżistenti. Proċeduri semplifikati u aktar effiċjenti ser ikunu ta’ benefiċċju għall-operaturi ekonomiċi kollha u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-SMEs u l-offerenti transkonfinali;

tippermetti lix-xerrejja jagħmlu użu aħjar mill-akkwist pubbliku b’appoġġ għall-miri soċjali komuni bħall-protezzjoni tal-ambjent, effiċjenza ogħla fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-promozzjoni tal-innovazzjoni, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali u l-iżgurar tal-aħjar kundizzjonijiet possibbli għall-għoti ta’ servizzi soċjali ta’ kwalità għolja.

4.3   Il-KESE jemmen li l-użu ta’ proċeduri tal-akkwist komuni fuq livell Ewropew jiżgura aktar trasparenza u oġġettività, u jagħmilha diffiċli li jsiru favoritiżmi fl-għotjiet. Fi kwalunkwe każ, il-proposti jippermettu lil kull Stat Membru flessibilità amministrattiva konsiderevoli biex jadatta l-proċeduri u l-għodod għas-sitwazzjonijiet speċifiċi tiegħu. Dawn il-fatturi kollha, flimkien ma’ dawk tal-kwalità u l-professjonaliżmu, mingħajr dubju huma ta’ benefiċċju għall-istess ċittadini u għall-interess ġenerali tagħhom.

4.4   Il-kunċett ta’ korp regolat mil-liġi pubblika mhuwiex ċar. Għandu jiġi ċċarat iktar il-kunċett ta’ korp pubbliku li jinsab fl-Artikolu 2 taż-żewġ proposti għal Direttivi (akkwist pubbliku u akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali).

4.5   Il-KESE jikkunsidra li l-livelli limiti stabbiliti fl-Artikoli 4 u 12 tal-proposti għall-implimentazzjoni taż-żewġ Direttivi huma adatti.

4.6   Minn diskussjonijiet fit-tul dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali (SIĠ) ħarġet il-konklużjoni li dawn mhumiex kuntratti pubbliċi per se, iżda servizzi pprovduti minn awtoritajiet jew f’isimhom. Il-KESE jikkonferma għal darba oħra li l-awtoritajiet kontraenti huma ħielsa għalkollox li jwettqu l-funzjonijiet kollha tagħhom jew parti minnhom huma stess jew inkella li jesternalizzaw dawk il-kompiti li jqisu xierqa. Bl-istess mod jeħtieġ li jitqiesu s-sistemi tal-Istati Membri li jirrispettaw il-prinċipji tal-opportunitajiet indaqs, in-nondiskriminazzjoni u t-trasparenza stabbiliti fil-leġislazzjoni primarja tal-UE u li jinkludu dritt ġenerali ta’ aċċess għall-prestazzjoni tas-servizzi. Is-SIĠ (3) stess m’għandux jaqa’, għalhekk, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, iżda kwalunkwe esternalizzazzjoni jew kuntratt relatat magħha, mogħti minn awtorità kontraenti jew f’isimha, għandha tkun b’mod ċar soġġetta għad-Direttiva.

L-Artikolu 14 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 26 dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali jirrikonoxxu n-natura speċifika u l-importanza tas-servizzi pubbliċi u l-poter ta’ diskrezzjoni wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jiddeċiedu kif jiġu pprovduti, ikkummissjonati u organizzati dawn is-servizzi. Dan jinkludi l-provvista ta’ servizzi mill-awtorità stess jew permezz ta’ kooperazzjoni pubblika-pubblika. Huwa essenzjali li jiġu żgurati livell għoli ta’ kwalità, sigurtà u aċċessibbiltà ekonomika, it-trattament ugwali u l-promozzjoni tal-aċċess universali u d-drittijiet tal-utenti. Dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati fil-proposti għal Direttivi kollha relatati mal-akkwist pubbliku.

4.7   Id-Direttivi m’għandhomx jistipulaw dak li awtorità kontraenti għandha jew m’għandhiex takkwista jew testernalizza, iżda għandhom ikunu limitati li jistabbilixxu l-proċeduri applikabbli għal dan l-akkwist jew l-esternalizzazzjoni. Il-KESE jemmen li din il-libertà ta’ azzjoni m’għandhiex tiġi limitata. Fi kwalunkwe każ dan għandu jsir b’mod trasparenti u proporzjonat, mingħajr ma jsiru abbużi jew attivitajiet qarrieqa.

4.8   L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu ġustament jagħżlu li jwettqu ċerti kuntratti pubbliċi in house (bil-mezzi proprji tagħhom) jew li jikkooperaw ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra kif jirrikonoxxu t-Trattati Ewropej u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u b’rispett tal-prinċipji tat-trasparenza.

4.9   Ir-regoli ġenerali dwar l-operaturi ekonomiċi msemmija fl-Artikoli 16 u 30 taż-żewġ proposti għal Direttivi huma korretti għaliex jiffavorixxu l-parteċipazzjoni tal-SMEs, li dejjem għandhom jirrispettaw l-istandards soċjali u ambjentali.

4.10   Il-KESE jerġa’ jikkonferma l-appoġġ tiegħu indikat fl-Opinjoni tiegħu INT/570 għall-għoti tal-kuntratti riżervati lill-workshops protetti għall-persuni b’diżabbiltà u lill-impriżi soċjali li jimpjegaw gruppi żvantaġġati oħra, bil-għan li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs għall-ġid taċ-ċittadini kollha u fl-interess tal-inklużjoni soċjali. Il-KESE josserva li l-Artikoli 17 u 31 tal-proposti wessgħu l-iskop previst fil-Premessa 28 u fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2004/18/KE sabiex issa jkunu jinkludu l-persuni żvantaġġati. F’dan il-kuntest, il-KESE jissuġġerixxi li l-proposti jisseparaw iż-żewġ aspetti b’dan il-mod:

“L-Istati Membri jistgħu jirriżervaw id-dritt li jipparteċipaw fi proċeduri ta’ akkwist pubbliku għal:

a)

workshops protetti jew jipprovdu li l-kuntratti jitwettqu fil-kuntest ta’ programmi ta’ xogħol protett, sakemm il-maġġoranza tal-impjegati kkonċernati huma persuni b’diżabbiltà li, minħabba n-natura jew is-serjetà tad-diżabbiltajiet tagħhom, ma jistgħux iwettqu attività professjonali taħt kundizzjonijiet normali jew li mhux faċli għalihom li jsibu impjieg fis-suq normali;

b)

impriżi soċjali jew programmi li l-għan ewlieni tagħhom huwa l-integrazzjoni soċjali u professjonali tal-ħaddiema żvantaġġati, b’kundizzjoni li aktar minn 30 % tal-impjegati ta’ dawk l-atturi ekonomiċi jew programmi huma ħaddiema żvantaġġati. Is-sejħa għall-offerti għandha tagħmel referenza għal din id-dispożizzjoni.”

Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-proposti għandhom jipprovdu b’mod espliċitu għall-għoti obbligatorju ta’ numru jew perċentwali speċifiku ta’ dawn il-kuntratti f’dawk l-Istati Membri fejn dan ikun iġġustifikat, pereżempju jekk ikun hemm numru sostanzjali ta’ persuni b’diżabbiltà li huma kapaċi jaħdmu iżda li jibqgħu inattivi.

4.11   Fi kwalunkwe każ, il-KESE jikkunsidra li l-proposti għandhom jinkludu dispożizzjoni, fir-rigward tal-kuntratti riżervati, li tgħid li dawn il-workshops protetti u l-operaturi ekonomiċi li l-għan prinċipali tagħhom huwa l-integrazzjoni soċjali u professjonali tal-ħaddiema b’diżabbiltà jew żvantaġġati “għandhom ikunu promossi u kkontrollati primarjament minn entitajiet mhux għal profitt”, li jkompli jiġġustifika iktar dan l-aċċess preferenzjali u privileġġjat għall-appoġġi mill-gvern.

4.12   Ir-regoli tal-Artikoli 18 u 32 taż-żewġ proposti dwar il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tinsab fl-offerti tal-impriżi għandhom jiġu msaħħa, speċjalment fil-każijiet fejn tintuża l-proċedura ta’ djalogu kompetittiv. Il-KESE jikkunsidra li huwa essenzjali li l-awtoritajiet kontraenti ma jiżvelawx l-informazzjoni ddikjarata kunfidenzjali pprovduta mill-operaturi ekonomiċi, iżda lanqas ma għandhom jiżvelaw informazzjoni oħra pprovduta sakemm ma jkunx hemm raġuni tajba għal dan. Bl-istess mod, l-awtoritajiet kontraenti m’għandhomx jużaw din l-informazzjoni tal-operaturi ekonomiċi fi proċeduri kompetittivi differenti.

4.13   Ir-regoli dwar il-proċedura kompetittiva permezz tan-negozjar fl-Artikolu 27 tal-proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku mhumiex ċari; hemm ir-riskju li taħt il-kopertura ta’ dawn in-negozjati jistgħu jiġu invokati prattiki oħra mhux mixtieqa. Għalhekk jista’ jkun aħjar kieku din il-proċedura titneħħa mill-proposta għal Direttiva, jew jekk dan mhuwiex possibbli, għall-inqas għandhom jiġu stabbiliti kriterji ċari għall-użu ristrett ta’ din il-proċedura bil-għan li tiġi evitata kull forma ta’ abbuż f’dan it-tip ta’ użu.

4.14   Fl-offerti kollha, iżda speċjalment fil-proċedura ta’ djalogu kompetittiv, għandha tiġi protetta l-proprjetà intellettwali tal-offerenti taħt iċ-ċirkostanzi kollha.

4.15   Il-KESE jqis li minħabba l-kumplessità u t-tul li normalment huma assoċjati mal-proċedura ta’ djalogu kompetittiv koperta mill-Artikolu 28 tal-proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku, l-użu potenzjali tagħha għandu jiġi limitat aktar għall-każijiet fejn huwa verament xieraq. Kif jindika l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2004/18/KE attwali, dan huwa fil-każ ta’ kuntratti partikolarment kumplessi fejn l-awtorità kontraenti tqis li l-użu tal-proċeduri miftuħa jew ristretti ma jippermettix l-għoti tal-kuntratt; tista’ tiġi eżaminata wkoll il-possibbiltà li jiġi stabbilit żmien massimu għall-għoti ta’ kuntratt.

4.16   Il-KESE jaqbel mar-regolazzjoni tal-proċedura ta’ sħubija għall-innovazzjoni permezz tal-Artikoli 29 u 43 taż-żewġ proposti, peress li regolament strett wisq fil-prattika jipprojbixxi l-użu tiegħu. Għall-istess raġuni, din il-proċedura għandha tkun flessibbli fir-rigward tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

4.17   L-użu ta’ ftehimiet qafas (l-Artikoli 31 u 45 taż-żewġ proposti) m’għandux iwassal għal tnaqqis fil-prezz bla bżonn li jista’ jfixkel il-kwalità tax-xogħlijiet, prodotti u servizzi. Fi kwalunkwe każ, huwa rikonoxxut ukoll li regolamentazzjoni xierqa tal-ftehimiet qafas tista’ wkoll tippromovi l-kunsiderazzjoni tal-għanijiet ta’ sostenibbiltà u ta’ titjib tal-kwalità permezz ta’ dispożizzjonijiet li jiggarantixxu s-sigurtà tal-investiment.

4.18   Ir-regoli dwar l-irkantijiet elettroniċi tal-Artikoli 33 u 47 tal-proposti jiffavorixxu l-iktar prezz baxx b’mod esaġerat. L-użu ġeneralizzat tagħhom imur kontra l-proposti rilevanti f’dan ir-rigward magħmula mill-KESE kemm f’din l-Opinjoni kif ukoll fl-Opinjoni preċedenti INT/570. Dan jista’ wkoll jikkawża ħsara serja lill-impriżi Ewropej meta mqabbla ma’ oħrajn f’pajjiżi terzi bi spejjeż ferm irħas. Għalhekk l-użu tagħhom għandu jsir bil-kawtela li hemm bżonn.

4.19   Bħalma diġà huwa indikat fl-Opinjoni INT/570, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fejn huwa meħtieġ, għandhom jitwessgħu sabiex jinkludu l-karatteristiċi ta’ produzzjoni u dawk tal-proċess. Dan għandu jissemplifika u jagħmel iżjed trasparenti l-ambitu li għandhom l-awtoritajiet kontraenti sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet importanti rigward il-promozzjoni ta’ objettivi sostenibbli, inklużi s-sostenibilità ambjentali, l-infurzar tal-ftehimiet kollettivi, l-standards tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-prinċipju ta’ paga indaqs għall-istess xogħol. Il-każ tal-elettriku ekoloġiku huwa eżempju ċar ta’ kif u għalfejn il-karatteristiċi tal-produzzjoni għandhom jiġu inklużi bħala speċifikazzjonijiet tekniċi u mhux jiġu ddegradati għal kundizzjonijiet ta’ prestazzjoni biss (ara s-sentenza tal-4 ta’ Diċembru 2003, EVN u Wienstrom, C-448/01, Rec. P. I-14527).

4.20   Anke fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-KESE jqis pożittiv ħafna li, fl-Artikoli 40(1) u 54(1) taż-żewġ proposti, hemm l-obbligu li jitqiesu, għajr f’każijiet ġustifikati sew, il-kriterji ta’ aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabbiltà kif ukoll id-disinn għall-utenti kollha. L-espressjoni “għajr f’każijiet ġustifikati sew” tissostitwixxi t-terminu użat mid-Direttiva 2004/18/KE fejn tintuża l-espressjoni “fejn hu possibbli”, u b’dan il-KESE jqis li issa, b’mod ċar, qiegħda titpoġġa enfasi akbar fuq in-natura obbligatorja tal-bżonn li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jqisu l-kriterji ta’ aċċessibilità u ta’ disinn għal kulħadd. Minkejja dan, il-KESE jemmen li sabiex dan l-obbligu jissaħħaħ b’mod ċar, għandu jiġi indikat li anke dawn il-każijiet ġustifikati jridu jkunu eċċezzjonali, u għalhekk jipproponi li t-terminoloġija li għandha tintuża fl-Artikoli 40 u 54 tal-proposti tkun “għajr, eċċezzjonalment, f’każijiet ġustifikati sew”.

4.21   F’dak li jirrigwarda t-tikketti msemmija fl-Artikoli 41 u 55 taż-żewġ proposti u l-Premessi 28 u 36 rispettivament, ir-regoli mhumiex kompletament konsistenti peress li fil-Premessi 28 u 36 hu speċifikat li “l-awtoritajiet kontraenti li jixtiequ jixtru xogħlijiet, provvisti jew servizzi b’karatteristiċi ambjentali, soċjali jew karatteristiċi oħrajn (…)” iżda mbagħad, fost il-partijiet interessati jiġu kkwotati biss l-organizzazzjonijiet ambjentali iżda mhux l-organizzazzjonijiet soċjali, u għalhekk għandha ssir korrezzjoni sabiex dawn jiġu inklużi. Din l-inklużjoni għandha ssir ukoll fit-test tal-Artikoli 41(1)(c) u 55(1)(c), fejn l-organizzazzjonijiet soċjali tħallew barra wkoll.

4.22   Jista’ jiġi inkluż ukoll paragrafu ġdid fl-Artikoli 41 u 55 tal-proposti, fejn minħabba l-karatteristiċi speċjali tat-tikketti u l-għan iddikjarat tagħhom, għandu jiġi nnotat li “l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jirrikjedu jew jevalwaw b’mod pożittiv it-tikketti li jiċċertifikaw il-konformità mal-kriterji trasversali tal-għoti ta’ natura soċjali u ambjentali, għalkemm mhux neċessarjament marbuta direttament mal-għan tal-kuntratt”.

4.23   Fir-rigward tal-varjanti koperti fl-Artikoli 43 u 58 taż-żewġ proposti, il-KESE jemmen li minflok ma jitħallew biss meta jkun ipprovdut espliċitament, ikun aktar xieraq li s-sottomissjoni ta’ dawn il-varjanti fl-offerti tkun dejjem awtorizzata ħlief meta tkun espressament ipprojbita, peress li dan iwassal għal aktar promozzjoni u titjib fl-innovazzjoni tal-offerti.

4.24   Kif ġie indikat fl-Opinjoni INT/570, il-KESE huwa favur akkwist pubbliku b’kundizzjonijiet indaqs, li jippermetti lill-SMEs li “jiżguraw ‘sehem ġust’ tal-kuntratti pubbliċi”, iżda mhuwiex favur li jiġu introdotti miżuri ta’ diskriminazzjoni pożittiva b’rabta mal-SMEs, peress li fost affarijiet oħra jistgħu jwasslu għal kostruzzjoni artifiċjali u, għalhekk, każijiet possibbli ta’ korruzzjoni. Madankollu, il-qsim possibbli tal-kuntratti f’lottijiet, dejjem jekk ikun prattiku, kif ipprovdut fl-Artikoli 44 u 59 taż-żewġ proposti huwa pożittiv, għaliex dan iwassal għal opportunitajiet aktar ċari u aċċessibbli għall-SMEs.

4.25   Madankollu, għandhom jiġu stabbiliti regoli ċari rigward id-diviżjoni tal-kuntratti f’lottijiet sabiex ikun garantit li l-offerenti kollha magħżula tad-diversi lottijiet jirrispettaw ir-regoli soċjali u ambjentali u tiġi evitata kompetizzjoni inġusta bejn l-impriżi. Min-naħa tiegħu, il-KESE jikkunsidra li r-rekwiżit li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jiġġustifikaw id-deċiżjoni tagħhom li ma jaqsmux il-kuntratti f’lottijiet mhuwiex prattiku u lanqas mhuwa konsistenti mas-semplifikazzjoni tal-proċeduri tal-akkwist. Bl-istess mod, il-KESE jemmen li r-regola li tillimita n-numru ta’ lottijiet li jistgħu jiġu offruti jew mogħtija hija kkumplikata mingħajr bżonn u li preferibbilment titneħħa mill-proposta.

4.26   Fir-rigward tar-raġunijiet għall-esklużjoni tal-Artikolu 55(3) tal-proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku, huwa pozittiv li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu mill-kuntratti lil dawk l-offerenti li ma jikkonformawx mal-obbligi skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-liġi soċjali, tax-xogħol jew ambjentali, jew mad-dispożizzjonijiet internazzjonali tal-liġi soċjali u ambjentali elenkati fl-Anness XI tagħha. Iżda huwa wkoll evidenti li għandu jiġi ddikjarat espliċitament li jistgħu jiġu esklużi wkoll meta dawn ma jikkonformawx mal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru, skont il-każ, fil-qasam soċjali, tax-xogħol jew ambjentali u l-ftehimiet kollettivi fis-seħħ fil-post fejn jitwettaq ix-xogħol, jingħata s-servizz jew issir il-provvista. Fi kwalunkwe każ, il-KESE jemmen li dawn l-esklużjonijiet għal dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu obbligatorji.

4.27   Inkella, dawn l-obbligi li l-ksur tagħhom jista’ jwassal għall-esklużjoni, ikunu limitati għal ċerti parametri ġeneriċi wisq u mhux konkreti ħafna, bħal dawk li jinsabu fid-dispożizzjonijiet tal-Anness XI tal-proposta jew fil-leġislazzjoni eżistenti tal-Unjoni.

4.28   Kif indikat ukoll mill-KESE fl-Opinjoni INT/570, il-Konvenzjoni tal-ILO C94 dwar il-Klawżoli tax-Xogħol (kuntratti konklużi mal-awtoritajiet pubbliċi) tal-1949 issa hija vinkolanti f’għaxar Stati Membri, għad li xi Stati Membri oħra, inkluża l-Irlanda, japplikaw fuq bażi volontarja l-Konvenzjoni fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi. Il-KESE jieħu nota tal-prinċipji inklużi fil-Konvenzjoni u jissuġġerixxi li l-Istati Membri għandhom jitħeġġu sabiex jirratifikaw il-Konvenzjoni u japplikaw il-prinċipji tagħha.

4.29   Sabiex tiġi vverifikata il-konformità tal-obbligi soċjali u ambjentali, ikun meħtieġ li fl-Artikolu 57(1) tal-proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku jkun hemm ir-rekwiżit għal dikjarazzjoni mill-partijiet interessati li dawn jissodisfaw dawn l-obbligi soċjali u ambjentali, bħala evidenza preliminari tal-konformità. L-għan ikun li jgħinu lill-impriżi (u b’mod aktar konkret lill-SMEs) jikkonformaw ma’ dawn ir-rekwiżiti mingħajr ma jżidu l-piż burokratiku tagħhom.

4.30   Għal dawn il-finijiet, u kif diġà ntqal fl-Opinjoni preċedenti INT/570 tal-KESE, huwa meħtieġ li l-Artikolu 57 tal-proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku jitlob b’mod espliċitu li l-offerenti jiddikjaraw li huma jissodisfaw “il-leġislazzjoni applikabbli f’kull Stat individwali fejn tidħol l-integrazzjoni fid-dinja tax-xogħol tal-persuni b’diżabbiltà, pereżempju fis-sens tal-obbligu li jiġi rreklutat għadd jew perċentwali speċifiku ta’ persuni b’diżabbiltà fil-pajjiżi fejn il-liġi tistabbilixxi tali obbligu”. Loġikament dan ma jkunx meħtieġ fil-pajjiżi fejn ma jkunx jeżisti dan l-obbligu.

4.31   Kif intqal ukoll f’din l-Opinjoni, ikun kuntrarju għal-leġislazzjoni Ewropea u nazzjonali li l-awtoritajiet pubbliċi jidħlu f’kuntratti ma’ entitajiet li ma jirrispettawx il-leġislazzjoni fis-seħħ. Barra minn hekk, jekk isir mod ieħor, ikunu qed jikkostitwixxu trattament diskriminatorju u inġust mal-impriżi li jissodisfaw dan l-obbligu legali filwaqt li jkun qed jingħata vantaġġ arbitrarju lil dawk li ma jagħmlux dan, u jista’ saħansitra joħloq kompetizzjoni inġusta mill-kumpaniji li ma jissodisfawx dan fir-rigward ta’ dawk li jikkonformaw.

4.32   Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-kriterji għall-għażla tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża jibqgħu marbuta mal-għan tal-kuntratt, għalkemm din ir-rabta għandha tkun aktar flessibbli sabiex ikunu jistgħu jiġu inklużi kriterji soċjali u ambjentali aktar effettivi promossi mill-Istrateġija Ewropa 2020 kif ukoll l-impenji ta’ tkabbir aktar sostenibbli.

4.33   Il-KESE jqis li ż-żewġ proposti għal Direttiva (l-Artikoli 66 u 76) ikomplu jagħmlu użu eċċessiv mill-kriterji tal-għoti ta’ kuntratt għall-“aktar prezz baxx” jew “l-aktar spiża baxxa”. Fl-Opinjoni preċedenti tiegħu, il-KESE diġà ddikjara li dan l-użu eċċessiv jimpedixxi l-innovazzjoni u l-insegwiment ta’ kwalità ogħla u relazzjoni aħjar bejn il-kwalità u l-prezz, skont kif mitlub mill-Istrateġija Ewropa 2020, u mhux bilfors ifisser aktar valur. Għalhekk, l-użu tal-kriterju tal-aktar prezz baxx għandu dejjem ikun l-eċċezzjoni u mhux ir-regola.

4.34   F’dan il-kuntest għandu jiżdied l-użu tal-kriterju tal-“aktar offerta ekonomikament vantaġġuża”, sabiex tiġi evalwata s-sostenibbiltà tal-aktar offerta vantaġġuża kemm mil-lat ekonomiku kif ukoll f’termini ambjentali u soċjali. B’hekk il-kriterji tal-għoti jkunu jistgħu jikkunsidraw ukoll dawn l-aspetti b’mod wiesa’, immaġinattiv u mhux restrittiv permezz ta’ aċċettazzjoni usa’ tar-rabta tagħhom mal-għan tal-kuntratt u b’valutazzjoni bbilanċjata b’rabta mal-kriterji l-oħra.

4.35   B’mod konkret, fost il-kriterji relatati mal-għan tal-kuntratt li jistgħu jintużaw biex jiddeterminaw l-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża għandhom jiġu inklużi espliċitament (l-Artikoli 66(2) u 76(2) taż-żewġ proposti) “karatteristiċi relatati mal-kundizzjonijiet ta’ impjieg li għandhom l-għan li jipproteġu s-saħħa tal-ħaddiema jew li jippromovu l-integrazzjoni soċjali tal-persuni żvantaġġati jew b’diżabbiltà fost il-persuni assenjati biex iwettqu l-kuntratt”, peress li dan jinsab fil-Premessi (41 u 47 rispettivament) tal-proposti għal Direttivi tal-akkwist, iżda li mhux miżjud fit-test tagħhom.

4.36   Huwa xieraq ukoll il-kunċett tal-ispiża taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott, servizz jew xogħol stabbilit fid-Direttiva. Fi kwalunkwe każ, f’dawn l-ispejjeż tul iċ-ċiklu tal-ħajja definiti fl-Artikoli 67 u 77 tal-proposti għandhom jiġu inklużi wkoll l-ispejjeż soċjali relatati. Il-metodu għall-kalkolu tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja jrid jingħata mill-awtorità kontraenti u jrid ikun kumpatibbli mal-SMEs.

4.37   L-awtoritajiet kontraenti għandhom jagħtu attenzjoni speċjali lill-offerti li jkunu baxxi wisq fir-rigward tax-xogħlijiet, il-provvisti jew is-servizzi, u għandhom jiġu investigati kif xieraq. Il-KESE diġà wissa li meta l-prezzijiet ta’ offerta jkunu ferm inqas minn dawk mitluba minn offerenti oħra, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jitolbu spjegazzjoni dwar il-prezzijiet mitluba. Jekk l-offerent ma jkunx jista’ jagħti spjegazzjoni suffiċjenti, l-awtorità kontraenti għandha tkun tista’ tirrifjuta l-offerta. Il-KESE jqis li huwa pożittiv li skont l-Artikoli 69(4) u 79(4) tal-proposti, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jirrifjutaw l-offerta meta din ma tissodisfax l-obbligi stabbiliti mil-leġislazzjoni fil-qasam soċjali, tax-xogħol jew ambjentali, iżda jqis li din il-leġislazzjoni m’għandhiex tkun limitata għal dik tal-Unjoni jew il-lista fl-Annessi XI u XIV, skont kull proposta, iżda għandhom jinkludu l-leġislazzjoni nazzjonali f’dawn l-oqsma.

4.38   Il-KESE jemmen li d-dispożizzjonijiet dwar is-sottokuntrattar iridu jissaħħu. Livelli multipli ta’ sottokuntrattar joħolqu diffikultajiet fl-infurzar tal-ftehimiet kollettivi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-proċeduri ta’ saħħa u sikurezza. L-awtoritajiet pubbliċi jridu jingħataw iżjed flessibbiltà biex jużaw l-influwenza tagħhom sabiex il-kuntratt jilħaq l-objettivi soċjali, ambjentali u ta’ kwalità. Id-dettalji relatati mas-sottokuntratturi prinċipali għandhom jiġu ddikjarati qabel ma jingħata l-kuntratt, u l-awtorità pubblika għandha tkun ċara dwar ir-responsabbiltajiet u l-obbligi sabiex tkun tista’ tissorvelja u tikkontrolla b’mod effettiv il-kuntratt. Iridu jiġu stabbiliti l-mekkaniżmi meħtieġa sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jevalwaw u jirrifjutaw sottokuntratturi speċifiċi meta jkollhom xi tħassib dwarhom. Min-naħa l-oħra, għandha tingħata attenzjoni lir-regoli dwar is-sottokuntrattar peress li l-possibbiltà li l-awtorità kontraenti tittrasferixxi direttament l-ammonti dovuti lis-sottokuntratturi tista’ twassal għal aktar problemi bejn l-impriżi u bejn l-awtoritajiet kontraenti stess.

4.39   Il-KESE huwa favur li tinżamm id-differenza bejn is-servizzi-A u s-servizzi-B sakemm ikun hemm ċertezza legali u l-possibbiltà li jiġu estiżi l-kuntratti transkonfinali tas-servizzi-B. Fl-Opinjoni INT/570 diġà kienet ġiet irrakkomandata valutazzjoni perjodika tal-lista tas-servizzi-B mill-Kummissjoni, sabiex jiġi stabbilit jekk xi servizzi-B jistgħux, b’mod vantaġġuż, jiġu mibdula f’servizzi A. Fi kwalunkwe każ, il-KESE jinsab imħasseb fir-rigward tad-diversi kuntratti ta’ servizz pubbliku li qabel kienu inklużi fil-lista tas-servizzi-B u li issa tneħħew mill-Anness XVI u mill-Anness XVII, skont il-każ, tal-proposti. Dawn l-Annessi jelenkaw is-servizzi li tapplika għalihom il-proċedura regolata fl-Artikoli 74 sa 76 jew 84 sa 86 taż-żewġ proposti.

4.40   Għandha titneħħa r-referenza għas-servizzi reliġjużi u għal dawk ipprovduti minn trejdjunjins li bħalissa huma inklużi fl-Anness XVI u fl-Anness XVII tal-proposti.

4.41   Indipendentement minn dan, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-applikazzjoni ta’ proċedura semplifikata għas-servizzi soċjali u servizzi speċjali oħra, iż-żieda fil-limiti u d-diskrezzjoni wiesgħa li ngħatat lill-Istati Membri għall-introduzzjoni tal-proċeduri rilevanti, peress li huwa primarjament fil-qasam tas-servizzi personali li l-liġi proċedurali applikabbli għandha tipprova tikseb bilanċ bejn il-prinċipji tal-kompetizzjoni mnaqqxa fil-liġi primarja u r-rekwiżiti tal-liġi soċjali.

4.42   Fir-rigward tar-regoli dwar il-governanza stabbiliti fid-Direttiva, il-KESE jemmen li huma previsti wisq miżuri li diffiċli jiġu applikati fil-prattika, li jistgħu jwasslu biex l-intenzjonijiet tajba li jinsabu fiha fl-aħħar mill-aħħar ma jiġux applikati.

4.43   Fi kwalunkwe każ, f’dak li jirrigwarda s-sorveljanza pubblika msemmija fl-Artikoli 84 u 93 taż-żewġ proposti u fir-rigward tar-rapport annwali relatat, huwa meqjus importanti li dan ir-rapport annwali jinkludi wkoll paragun annwali bejn il-prezzijiet offruti u l-ispiża reali tal-kuntratti li diġà twettqu, kif ukoll indikazzjoni dwar id-dħul tal-fornituri barranin fiż-żona Ewropea fil-qasam tal-kuntratti tal-akkwist annwali li jingħataw kull sena mill-awtoritajiet kontraenti.

4.44   Il-KESE juri t-tħassib tiegħu li l-Kummissjoni Ewropea neħħiet l-Artikolu 27 mid-Direttiva attwali dwar id-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tal-impjieg, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ambjent. Fl-Artikoli 87 u 96 taż-żewġ proposti hemm dispożizzjoni ħafna iktar dgħajfa dwar dan il-punt importanti. It-test tal-Artikolu 27 attwali għandu jerġa’ jiġi inkluż totalment. Għandu japplika wkoll għas-sottokuntratturi u l-katina tal-provvista kollha.

5.   Proposta għal Direttiva dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, COM(2011) 897 final

5.1   Il-proposta għal Direttiva dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni tirregola l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni bejn entità li normalment tkun pubblika u impriża li ta’ spiss tkun privata, fejn din tal-aħħar tassumi r-riskju ta’ funzjonament fir-rigward tal-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-infrastruttura (portijiet, distribuzzjoni tal-ilma, parkeġġi, toroq bil-pedaġġ, eċċ.) jew il-provvista ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (enerġija, saħħa, distribuzzjoni u trattament tal-ilma, rimi ta’ skart, eċċ.). Il-proposta tkopri l-kuntratti ta’ konċessjoni kollha, kemm għax-xogħlijiet kif ukoll għas-servizzi, iżda tonqos milli tiddistingwixxi biżżejjed il-karatteristiċi tagħhom; tindirizza biss il-konċessjonijiet ta’ xogħlijiet u servizzi pubbliċi inġenerali, iżda ma tirriflettix in-natura speċifika tal-konċessjonijiet ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li la huma “swieq” u lanqas “akkwisti” iżda mod kif il-ġestjoni tas-servizzi ta’ interess ġenerali tiġi delegata u, frekwentement, mezz addizzjonali biex jiġu ffinanzjati attivitajiet ġodda tas-servizzi ta’ interess ġenerali deċiżi mill-awtoritajiet pubbliċi.

5.2   Il-KESE josserva li għad hemm dubji konsiderevoli dwar il-bżonn ta’ Direttiva tal-UE dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni u jfakkar fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar il-modernizzazzjoni tal-akkwist pubbliku (2011/2048(INI)) fejn ġie meqjus li “kull proposta għall-att leġiżlattiv dwar konċessjonijiet tas-servizzi tkun ġustifikata biss f’każ li tintuża biex issewwi d-distorsjonijiet fil-funzjonament tas-suq intern; jindika li t-tali distorsjonijiet għadhom ma ġewx identifikati”. Il-KESE jappella li titwettaq valutazzjoni tal-impatt sħiħa addizzjonali qabel ma dawn il-proposti jitħallew javvanzaw. Il-KESE huwa tal-fehma li, fil-maġġorparti, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ċċarat l-applikazzjoni tal-prinċipji tat-Trattat relatati mat-trattament ugwali, in-nondiskriminazzjoni u t-trasparenza fl-għoti tal-kuntratti ta’ konċessjoni. Kif ġie ċċarat mill-Qorti, dawn il-prinċipji japplikaw għall-għoti ta’ konċessjoni għat-tipi kollha ta’ servizzi b’interess transkonfinali inklużi s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

5.3   Minkejja li l-konċessjonijiet huma definiti fid-Direttiva 2004/18/KE bħala kuntratt bl-istess karatteristiċi ta’ kuntratt pubbliku, ħlief għall-fatt li l-kunsiderazzjoni għax-xogħlijiet jew is-servizzi li għandhom jitwettqu tikkonsisti jew fid-dritt li jiġi sfruttat ix-xogħol jew is-servizz biss jew f’dan id-dritt flimkien mal-pagament, il-KESE jinnota li l-konċessjonijiet huma sostanzjalment differenti mill-kuntratti pubbliċi peress li l-konċessjonarju huwa meqjus bħala dak li jassumi riskju konsiderevoli ta’ operat tas-servizz li għandu jiġi pprovdut u li jkun espost għall-inċertezzi tas-suq. Dan huwa wkoll il-każ għal ċerti konċessjonijiet li japplikaw soluzzjonijiet imsejħa “peaġġi fittizji” (shadow tolls) fejn il-konċessjonarju huwa mħallas mill-awtorità kontraenti abbażi tal-użu tas-servizzi mill-konsumaturi. Għalhekk, regoli mfassla speċifikament għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi mhumiex adatti għall-għoti tal-konċessjonijiet u jistgħu wkoll jiddiswadu lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-operaturi ekonomiċi milli jipparteċipaw f’dawn l-arranġamenti.

5.4   Il-KESE jfakkar fl-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jistabbilixxi li “Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 93, 106 u 107 ta’ dan it-Trattat, u meta tikkonsidra l-post okkupat mis-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fil-valuri komuni tal-Unjoni kif ukoll tar-rwol tagħhom li jippromwovu l-koeżjoni soċjali u territorjali, l-Unjoni u l-Istati Membri, skond il-poteri rispettivi tagħhom u fl-ambitu tal-applikazzjoni tat-Trattati, għandhom jieħdu ħsieb li dawk is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kondizzjonijiet, b’mod partikolari ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom”.

5.5   Il-KESE jqis li s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali normalment ikunu soġġetti għal regolamenti speċifiċi, nazzjonali u tal-UE li għandhom l-għan li jassiguraw li dawn ikunu aċċessibbli, jintlaħqu mill-but ta’ kulħadd u ta’ kwalità, jassiguraw it-trattament indaqs u l-aċċess universali, is-sigurtà u d-drittijiet tal-utenti, regoli li għandhom jitfakkru u jiġu garantti minn din il-proposta. B’konformità mal-Protokoll dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, introdott mit-Trattat ta’ Lisbona, l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom iżommu d-diskrezzjoni wiesgħa tagħhom sabiex jiddeċiedu dwar il-mod kif għandhom jorganizzaw u jipprovdu dawn is-servizzi u jiddefinixxu l-karatteristiċi tagħhom, inklużi l-kundizzjonijiet relatati mal-kwalità jew il-prezz tas-servizzi, sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-objettivi tagħhom ta’ interess ġenerali. Dawn l-awtoritajiet għandhom ikunu jistgħu jistabbilixxu b’mod ħieles il-kriterji ta’ għoti – soċjali, ambjentali u ta’ kwalità – li skonthom huma l-aktar adegwati fir-rigward tal-għan tal-kuntratt. Fl-ebda każ m’għandhom l-awtoritajiet pubbliċi jkunu obbligati li jilliberalizzaw jew jesternalizzaw il-provvista tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali kontra r-rieda tagħhom jew l-aħjar ġudizzju. Il-KESE jappella li jitfakkar b’mod ċar li r-regoli ta’ kompetizzjoni u s-suq intern jiġu applikati għall-impriżi responsabbli mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ġenerali, b’konformità mal-Artikolu 106 tat-TFUE, jiġifieri fil-limitu li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma timpedixxix, bil-fatt jew bil-liġi, l-infurzar tal-kompiti speċifiċi assenjati lilhom.

5.6   L-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu kapaċi jikkooperaw sabiex iwettqu l-kompiti ta’ interess pubbliku li jingħatawlhom billi jużaw ir-riżorsi amministrattivi, tekniċi jew oħrajn, mingħajr ma jkunu obbligati li jirrikorru għall-entitajiet esterni li ma jiffurmawx parti mill-istruttura tagħhom. Arranġamenti bħal dawn ma jikkwalifikawx bħala konċessjonijiet u għalhekk, il-proposta għal Direttiva dwar il-konċessjonijiet għandha teskludihom b’mod ċar mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti. Bl-istess mod, ċerti konċessjonijiet mogħtija lill-intrapriżi affiljati mal-entitajiet kontraenti u li l-attività prinċipali tagħhom hija l-provvista tas-servizzi lill-grupp li huma parti minnu jew il-konċessjonijiet li jingħataw mill-entità kontraenti lil intrapriża komuni magħmula minn numru ta’ entitajiet kontraenti bil-għan li jwettqu l-attivitajiet koperti minn din id-Direttiva (bħas-servizzi relatati mal-baħar u mal-port) u li tagħha hija parti dik l-entità, m’għandhomx ikunu koperti mir-regoli proposti.

5.7   L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu ġustament jagħżlu li jwettqu ċerti kuntratti pubbliċi in house (bil-mezzi proprji tagħhom) jew li jikkooperaw ma’ awtoritajiet pubbliċi oħra kif jirrikonoxxu t-Trattati Ewropej u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u b’rispett tal-prinċipji tat-trasparenza.

5.8   Għal dan kollu, f’dak li jirrigwarda l-konċessjonijiet mogħtija lil impriża assoċjata, għandu jkun hemm regoli stretti sabiex din is-sistema ma tiġix abbużata u sabiex il-proċedura tal-għoti tkun trasparenti.

5.9   B’konformità mal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, ir-rekwiżiti mandatorji relatati mal-interess ġenerali fis-settur tal-attivitajiet tal-logħob tal-azzard, li jwasslu għall-implimentazzjoni ta’ miżuri għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku u l-konsumaturi min-naħa tal-Istati Membri, jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet għall-prinċipji tat-Trattat li jirregolaw l-għoti ta’ konċessjonijiet. Għalhekk huwa xieraq li mill-ambitu ta’ din id-Direttiva jiġu esklużi l-konċessjonijiet ta’ attivitajiet ta’ logħob tal-azzard li jingħataw lil operatur fuq il-bażi ta’ dritt esklużiv li jgawdi dan l-operatur skont il-liġi nazzjonali fis-seħħ jew att amministrattiv li ngħata skont it-Trattat u l-verdetti tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, peress li dritt esklużiv bħal dan jagħmilha impossibbli li jiġi segwit proċess kompetittiv għal konċessjoni bħal din. Għal din ir-raġuni, il-KESE jqis li jkun tajjeb li l-Artikolu 8(5) tal-proposta, li jirreferi għall-eklużjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għal ċerti konċessjonijiet ta’ servizzi, ikun jinkludi “attivitajiet ta’ logħob tal-azzard li jimplikaw ammont ta’ riskju permezz ta’ sehem ta’ valur monetarju fil-logħob tal-azzard, inklużi l-lotteriji u l-imħatri”.

5.10   Fil-proposta għal Direttiva, aspetti bħad-definizzjoni tal-konċessjonijiet, it-trasferiment tar-riskji għall-operatur privat jew il-modifika tal-konċessjonijiet matul il-perjodu tagħhom u t-tmiem tagħhom, iridu jiġu definiti b’tali mod li ma jinbidlux f’ostakli għall-finanzjament jew l-iżvilupp ta’ dawn it-tipi ta’ kuntratti, minħabba li, fid-dawl tal-pjani attwali ta’ aġġustament u r-restrizzjoni tal-investiment pubbliku li hemm fl-ekonomiji tal-Istati Membri, għandhom jaqdu rwol kbir bħala mod kif iqajmu l-attività u joħolqu l-impjiegi.

5.11   Il-metodi stabbiliti għall-kalkolu tal-valur tal-kuntratti ta’ konċessjoni għandhom ikunu ssemplifikati u razzjonalizzati aktar sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali. Minkejja l-fatt li l-metodu għall-kalkolu tal-valur tax-xogħlijiet huwa wieħed stabbilit sew u familjari, il-KESE jqis li għandu jiġi applikat biss metodu wieħed sabiex jiġi stmat il-valur tat-tipi kollha ta’ konċessjonijiet. F’dan il-kuntest, il-KESE jappella għal metodu bbażat fuq l-introjtu stmat tal-konċessjonarju (ħieles mit-taxxi) għall-perjodu kollu ta’ dik il-konċessjoni speċifika waqt li jitqies kemm l-ammont tax-xogħlijiet kif ukoll il-valur stmat tal-provvista meħtieġa sabiex jitwettaq ix-xogħol fil-ħin tal-offerta.

5.12   Huwa propost li, sabiex tissaħħaħ il-kunfidenzjalità tal-impriżi offerenti, id-Direttiva għandha tipprevedi li l-awtoritajiet kontraenti jkunu responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità ma’ dawn l-obbligi.

Brussell, 26 ta’ April 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU L 185, 16.8.1971, p. 5, Opinjoni tal-KESE: ĠU 63, 13.4.1965, p. 929 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  ĠU C 18, 19.1.2011, p. 44-52.

(3)  Ara l-Artikoli 14 u 106 tat-TFUE u l-Protokoll Nru 26.


APPENDIĊI

għall-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

I.   L-emendi li ġejjin inċaħdu waqt id-diskussjoni iżda rċevew aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 39(2) tar-Regoli ta’ Proċedura):

a)   Punt 4.21

Ħassar il-punt u ibdel bit-test li ġej:

“4.21

Raġuni

Evidenti.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

77

Kontra

99

Astensjonijiet

20

b)   Punt 4.26

Ibdel it-test kif ġej:

“4.26

Fir-rigward tar-raġunijiet għall-esklużjoni tal-Artikolu 55(3) tal-proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku, huwa pozittiv li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu mill-kuntratti lil dawk l-offerenti li ma jikkonformawx mal-obbligi skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-liġi soċjali, tax-xogħol jew ambjentali, jew mad-dispożizzjonijiet internazzjonali tal-liġi soċjali u ambjentali elenkati fl-Anness XI tagħha. Iżda huwa wkoll evidenti li għandu jiġi ddikjarat espliċitament li jistgħu jiġu esklużi wkoll meta dawn ma jikkonformawx mal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru, skont il-każ, fil-qasam soċjali, tax-xogħol jew ambjentali . Fi kwalunkwe każ, il-KESE jemmen li dawn l-esklużjonijiet għal dawn ir-raġunijiet għandhom ikunu obbligatorji.”

Raġuni

Il-konformità mal-leġislazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti fl-oqsma soċjali, ambjentali u tal-impjieg hija biżżejjed sabiex tiggarantixxi proċedura korretta, peress li tinkludi l-ftehimiet kollettivi ġenerali li jkunu validi. Il-frażi “(i)l-ftehimiet kollettivi fis-seħħ fil-post fejn jitwettaq ix-xogħol, jingħata s-servizz jew issir il-provvista” hija ambigwa u tista’ tiġi interpretata f’sens estensiv ħafna. Il-ftehimiet kollettivi konklużi bejn dawk li jħaddmu u l-impjegati f’intrapriża partikolari jikkonċernaw lil dawn iż-żewġ partijiet u mhumiex applikabbli għal terzi persuni.

Barra minn hekk, l-opinjoni mhix konsistenti f’dan il-punt. Fis-Sezzjoni Speċjalizzata INT, ġie propost li jiġi inkluż il-kunċett tal-ftehmiet kollettivi f’diversi emendi, però dan inċaħad għall-punt 4.38 filwaqt li ġie aċċettat għall-punt 4.26 u, konsegwentement, għall-punt 1.11.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

78

Kontra

110

Astensjonijiet

16

c)   Punt 4.32

Ibdel it-test kif ġej:

“4.32

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-kriterji għall-għażla tal-aktar offerta ekonomikament vantaġġuża jibqgħu marbuta mal-għan tal-kuntratt. ”

Raġuni

Huwa essenzjali li tinżamm ir-rabta diretta bejn il-kriterji tal-għażla tal-offerta u s-suġġett tal-kuntratt, sabiex tiġi assigurata t-trasparenza u jiġu evitati deċiżjonijiet arbitrarji.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

78

Kontra

116

Astensjonijiet

13

d)   Punt 4.35

Ħassar it-test kif ġej:

Raġuni

Peress li l-leġislazzjoni attwali dwar is-saħħa u s-sigurtà u l-integrazzjoni soċjali tal-persuni b’diżabbiltà hija applikabbli b’mod vinkolanti għall-kumpaniji, m’hemm l-ebda bżonn li dawn il-fatturi jiġu inklużi bħala kriterji għall-għoti tal-kuntratt.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

81

Kontra

119

Astensjonijiet

7

e)   Punt 4.38

Ibdel it-test kif ġej:

“4.38

Raġuni

Il-leġislazzjoni tal-UE fil-qasam tal-akkwist pubbliku m’għandhiex tintuża għar-regolazzjoni ta’ kwistjonijiet marbutin mat-twettiq tal-kuntratti, peress li dawn għandhom jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, mhuwiex xieraq li d-dispożizzjonijiet dwar is-sottokuntrattar jiġu stabbiliti abbażi tal-leġislazzjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

80

Kontra

114

Astensjonijiet

21

f)   Punt 1.15

Ibdel it-test kif ġej:

“1.15

Raġuni

Il-leġislazzjoni tal-UE fil-qasam tal-akkwist pubbliku m’għandhiex tintuża għar-regolazzjoni ta’ kwistjonijiet marbutin mat-twettiq tal-kuntratti, peress li dawn għandhom jiġu indirizzati fil-livell nazzjonali. Barra minn hekk, mhuwiex xieraq li d-dispożizzjonijiet dwar is-sottokuntrattar jiġu stabbiliti abbażi tal-leġislazzjoni fil-qasam tal-akkwist pubbliku.

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

80

Kontra

114

Astensjonijiet

21

II.   Dan il-punt tal-opinjoni tas-Sezzjoni Speċjalizzata ġie mmodifikat biex jirrifletti l-emenda adottata mill-Assemblea, iżda rċieva aktar minn kwart tal-voti (Artikolu 54(4) tar-Regoli ta’ Proċedura):

a)   Punt 5.8

“5.8

Għal dan kollu, f’dak li jirrigwarda l-konċessjonijiet mogħtija lil impriża assoċjata, għandu jkun hemm regoli stretti sabiex din is-sistema ma tiġix abbużata, u b’hekk jiġu esklużi mis-suq il-kuntratti ta’ konċessjoni li għandhom jingħataw taħt kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni totali.”

Riżultat tal-votazzjoni:

Favur

126

Kontra

71

Astensjonijiet

22