21.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 181/179


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita”

COM(2011) 814 finali – 2011/392 (COD)

2012/C 181/32

Relatur: is-sur McDONOGH

Fil-15 ta’ Diċembru 2011 u fl-20 ta’ Jannar 2012, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita

COM(2011) 814 finali – 2011/392 (COD).

Is-Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tħajji l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Marzu 2012.

Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’167 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita. Is-suċċess tal-programmi Ewropej tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) huwa ta’ importanza vitali għall-prosperità u s-sigurtà futura tal-UE. Il-KESE jappoġġja l-Proposta tal-Kummissjoni li tissostwixxi r-Regolament (KE) Nru 683/2008 bir-Regolament il-ġdid sabiex tipprovdi l-mudell ta’ finanzjament u ta’ governanza għall-Programmi Galileo u EGNOS.

1.2   Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-għan tal-Programm Galileo li joħloq l-ewwel Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) taħt il-kontroll taċ-ċivil, b’mod għalkollox indipendenti minn sistemi oħra li jeżistu, sabiex din tkun tista’ tipprovdi servizzi kontinwi ta’ GNSS u vantaġġ strateġiku għall-Ewropa. In-navigazzjoni bis-satellita diġà hija utilità essenzjali għat-trasport, l-industrija u ċ-ċittadini Ewropej u mhuwiex aċċettabbli li bħalissa niddependu daqstant mill-GPS Amerikana u mill-GLONASS Russa għan-navigazzjoni, l-ippożizzjonar u l-ħin. Is-servizzi Ewropej ta’ GNSS għandhom jiġu pprovduti fuq infrastruttura Ewropea, li l-affidabbiltà tagħha ma għandhiex tiddependi mill-prijoritajiet militari la tal-Istati Uniti, la tar-Russja u lanqas taċ-Ċina.

1.3   Peress li bejn 6 u 7 % tal-PDG tal-UE-27, jiġifieri EUR 800 biljun, diġà jiddependu mis-sistema tal-GPS Amerikana (Sommarju Eżekuttiv tal-Valutazzjoni tal-Impatt ta’ Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni Globali bis-Satellita li jakkumpanja l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar implimentazzjoni addizzjonali tas-sistemi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita (2014-2020) – SEC(2011) 1447, 30.11.2011), il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi li jagħmel ir-Regolament fuq l-interoperabbiltà bejn Galileo u l-GPS. Madankollu, il-KESE jemmen li flimkien mal-interoperabbiltà, l-Ewropa jmissha ssegwi politika aggressiva biex tissostitwixxi l-GPS bit-teknoloġija Galileo u EGNOS bħala t-teknoloġiji ewlenin fil-qasam tal-GNSS fl-Ewropa.

1.4   Il-KESE jirrakkomanda li l-potenzjal għall-innovazzjoni tal-GNSS Ewropea jiġi promoss bil-qawwi fil-programm tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020 (Orizzont 2020 huwa l-programm ta’ EUR 80 biljun tal-UE għall-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni għall-perjodu 2014-2020). Is-sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita ser ikollhom valur konsiderevoli għall-innovazzjoni teknoloġika u jistgħu jiġġeneraw benefiċċji makroekonomiċi kbar għall-Unjoni.

1.5   Is-suċċess tal-provvista u tal-ġestjoni tal-programmi Ewropej ta’ GNSS, kemm Galileo kif ukoll EGNOS, huwa ta’ importanza kritika biex niksbu l-viżjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv li jinsabu fl-Istrateġija Ewropa 2020 (EWROPA 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv – COM(2010) 2020). Il-Kumitat jinnota li l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji mwettqa mill-Kummissjoni (Valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar implimentazzjoni addizzjonali tas-sistemi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita (2014-2020) – SEC(2011) 1446 final) tistma li l-programmi ta’ GNSS, kif proposti, ser jiġġeneraw EUR 68,63 biljun (EUR 116,88 biljun bi prezzijiet kostanti mroħħsa b’4 % fis-sena, b’konformità mal-Linji Gwida tal-UE dwar il-Valutazzjonijiet tal-Impatt) ta’ benefiċċji netti għall-Unjoni matul iċ-ċiklu ta’ ħajja tas-sistema 2014-2034.

1.6   Filwaqt li l-KESE jappoġġja l-għanijiet ta’ politika Ewropea dwar il-GNSS u r-Regolament propost dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi, jixtieq jisħaq fuq it-tħassib tiegħu dwar il-ġestjoni Ewropea tal-programmi sa llum, li wasslet għal dewmien konsiderevoli, żieda fl-ispejjeż u telfien ta’ benefiċċji. Il-KESE jittama li r-Regolament propost ser jipprovdi l-appoġġ politiku, l-istrutturi ta’ ġestjoni u l-qafas li hemm bżonn sabiex ikunu jistgħu jiġu pprovduti l-GNSS Ewropea kif ippjanata bħalissa kif ukoll il-benefiċċji li jirriżultaw minnha.

1.7   Il-Kumitat jinnota li 19,5 % tal-benefiċċji finanzjarji li ġejjin mill-programm Ewropew tal-GNSS ser jiġu ġġenerati mit-tkabbir fis-suq downstream tal-applikazzjonijiet Ewropej tal-GNSS (Valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar implimentazzjoni addizzjonali tas-sistemi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita (2014-2020) – SEC(2011) 1446 final). F’dan ir-rigward, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-opinjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) (1), b’mod partikolari, l-appell tal-Kumitat għal pjan kummerċjali dettaljat mill-Aġenzija Ewropea GNSS sabiex dan is-suq kruċjali jikber.

1.8   Il-Kumitat jemmen li hemm bżonn urġenti ta’ tmexxija soda fil-qasam tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-kummerċ għas-sistemi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita, bl-appoġġ ta’ investiment adegwat fil-programmi ta’ tqegħid fis-suq. L-iżvilupp kummerċjali ta’ EGNOS u Galileo huwa kritiku għal suċċess fit-tul u huwa essenzjali li l-valur tal-GNSS Ewropea tiġi komunikata lis-suq u li l-użu tagħha jiġi promoss. S’issa għadu sar ftit wisq xogħol dwar din l-isfida vitali u kumplessa.

1.9   Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi li għamlet il-Kummissjoni fuq ir-rekwiżit ta’ ġestjoni finanzjarja soda għall-programmi, li l-ispiża tagħha hija stmata fil-baġit għal EUR 7,89 biljun bil-prezzijiet attwali matul il-perjodu li jmiss għall-qafas finanzjarju, 2014-2020. Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li r-Regolament jispeċifika li l-Kummissjoni għandha tiġġestixxi l-fondi allokati lill-programmi u twettaq superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha tal-programmi, inklużi dawk delegati kemm lill-Aġenzija Ewropea GNSS kif ukoll lill-Aġenzija Spazjali Ewropea. Il-KESE jilqa’ wkoll il-pjani tal-Kummissjoni li tiżviluppa mekkaniżmu għall-ġestjoni tar-riskju u għodod ta’ ġestjoni biex timminimizza l-probabbiltà ta’ spejjeż żejda fil-programmi.

1.10   Madankollu, il-KESE jinnota wkoll it-twissija tal-Kummissjoni li l-investiment fit-teknoloġija tan-navigazzjoni bis-satellita huwa soġġett għal livell għoli ta’ inċertezza u riskju li jagħmluha diffiċli li ssir previżjoni preċiża tal-ispejjeż tal-programmi. Għalhekk, minkejja l-ftehimiet kollha ta’ delega (b’konformità mar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 54 tiegħu), il-Kumitat jirrakkomanda li l-Kummissjoni torganizza laqgħat ta’ tmexxija kull xahar kemm mal-GSA kif ukoll mal-ESA sabiex tissorvelja l-progress tal-programmi u tindirizza malajr kull problema li tista’ tinqala’. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea għandha tirċievi rapporti ta’ ġestjoni u kontijiet dettaljati kemm mill-GSA kif ukoll mill-ESA tal-anqas darba kull tliet xhur.

1.11   Il-Kumitat jirriferi l-Kummissjoni għall-opinjonijiet preċedenti tiegħu dwar Galileo, EGNOS u Ewropa 2020 (2).

2.   Sfond

2.1   It-teknoloġiji GNSS, bis-saħħa tal-kapaċità tagħhom li jkejlu l-pożizzjoni, il-veloċità u l-ħin bi preċiżjoni u affidabbiltà kbira, huma essenzjali għat-titjib fl-effikaċja ta’ ħafna setturi tal-ekonomija u ħafna oqsma tal-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini.

2.2   Sakemm Galileo jsir operattiv, l-Ewropa jkollha tuża s-servizzi ta’ navigazzjoni bis-satellita tal-GPS Amerikana jew il-GLONASS Russa għan-navigazzjoni, l-ippożizzjonar u l-ħin. Huwa stmat li d-dipendenza tal-Ewropa min-navigazzjoni bis-satellita GPS tirrappreżenta bejn 6 u 7 % tal-PDG tal-UE-27, jiġifieri EUR 800 biljun (SEC(2011) 1447 tat-30 ta’ Novembru 2011). Sadattant, l-operaturi militari ta’ dawn is-sistemi ma jistgħu jagħtu l-ebda garanzija li jipprovdu servizz bla waqfien.

2.3   Għalkemm l-indipendenza fin-navigazzjoni globali bis-satellita hija l-mutur ewlieni tal-Programm Galileo, l-interoperabbiltà ma’ sistemi eżistenti jew futuri ta’ navigazzjoni bis-satellita, b’mod partikolari l-GPS tal-Istati Uniti, għandha valur miżjud importanti.

2.4   Il-programm Galileo tnieda bil-għan li jistabbilixxi Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) Ewropea indipendenti.

2.5   EGNOS hija sistema reġjonali ta’ tisħiħ ibbażata fuq is-satelliti għall-Ewropa li ttejjeb is-sinjali li ġejjin minn sistemi ta’ navigazzjoni bis-satellita li jeżistu diġà, bħall-GPS.

2.6   Galileo, il-programm Ewropew tan-navigazzjoni bis-satellita, tnieda fl-2001. Għall-bidu, il-proġett kien imsejjes fuq sħubija pubblika-privata mal-Impriża Konġunta Galileo (GJU – Galileo Joint Undertaking) li kienet isservi ta’ pjattaforma komuni għall-ġestjoni u l-finanzjament. Fl-2006, il-GJU ġiet sostitwita bl-Aġenzija Ewropea GNSS (GSA) (qabel din kienet magħrufa bħala l-Awtorità ta’ Viġilanza tal-GNSS Ewropea – GSA), li ġiet inkarigata mill-ġestjoni tal-aspetti relatati mal-interess pubbliku involuti fil-programmi Ewropej ta’ GNSS. L-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) kienet responsabbli għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni teknika tal-programmi ta’ GNSS.

2.7   Ir-Regolament dwar il-GNSS (3), li ġie adottat fl-2008, għamel l-UE l-uniku korp politiku inkarigat mit-tmexxija u l-finanzjament sħiħ tal-politika Ewropea dwar il-GNSS. Ir-Regolament dwar il-GNSS stabbilixxa l-finanzjament tal-UE għall-programmi Galileo u EGNOS għall-perjodu 2007-2013. Il-baġit ta’ EUR 3,4 biljun inqasam bejn il-bqija tal-fażi ta’ żvilupp ta’ Galileo, il-fażi ta’ skjerament ta’ Galileo u l-operat ta’ EGNOS.

2.8   Il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għall-baġit tal-UE 2014-2020 (COM(2011) 500, tad-29 ta’ Ġunju 2011 – Baġit għall-Ewropa 2020) tipproponi li l-programmi tal-GNSS jiġu ffinanzjati kompletament mill-baġit tal-UE b’livell limitu massimu propost ta’ EUR 7 biljun bi prezzijiet kostanti tal-2011.

2.9   Il-progress fl-implimentazzjoni tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita jinsab imxekkel minn żewġ problemi ewlenin.

1)

Minħabba spejjeż żejda u dewmien fil-provvista tas-sistema, il-GNSS li għandha tiġi stabbilita fil-qafas tal-Programm Galileo mhux ser tkun operattiva għalkollox fl-2013 bħalma kien ippjanat.

2)

Billi r-Regolament tal-2008 dwar il-GNSS ma jistabbilixxix il-qafas ta’ finanzjament u ta’ governanza għall-programmi Galileo u EGNOS wara l-2013, hemm bżonn ta’ bażi legali ġdida sabiex is-sistemi jkunu operattivi, mantnuti u ġestiti fuq perjodu twil.

2.10   Il-proposta tal-Kummissjoni ser tindirizza dawn il-problemi billi toħloq Regolament ġdid li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 683/2008 sabiex jipprovdi l-istruttura ta’ finanzjament u ta’ governanza biex il-Programmi Galileo u EGNOS jiġu pprovduti u joperaw b’suċċess.

2.11   Rigward l-infrastruttura, l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji mehmuża ma’ din il-Proposta turi li l-aħjar soluzzjoni hi li tiġi skjerata l-kostellazzjoni ta’ tletin satellita kif kien ippjanat fil-bidu, iżda li tiġi implimentata infrastruttura tal-art aktar sempliċi. Din is-soluzzjoni tippermetti lill-GNSS tipprovdi s-servizzi u l-benefiċċji ppjanati kollha previsti oriġinarjament, ħlief li s-“Servizz għas-Sikurezza tal-Ħajja” (is-Servizz għas-Sikurezza tal-Ħajja ta’ EGNOS jippermetti approċċi ta’ preċiżjoni bl-inġenji tal-ajru, u b’hekk in-navigazzjoni bl-ajru tkun aktar sikura. Jgħin ukoll inaqqas il-każijiet ta’ dewmien, diverżjoni jew kanċellazzjoni tat-titjiriet, kif ukoll jippermetti lill-ajruporti jżidu l-kapaċità tagħhom u jnaqqsu l-ispejjeż ta’ operat. Fl-aħħar nett, jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2 fis-settur) ikun disponibbli biss b’interoperabbiltà mal-GPS tal-Istati Uniti.

2.12   L-aħjar għażla għall-provvista ta’ qafas ta’ governanza hija li l-kompiti ta’ ġestjoni tal-programmi involuti fil-fażi ta’ esplojtazzjoni jiżdiedu mar-responsabbiltajiet eżistenti ta’ sigurtà u dawk relatati mas-suq tal-Aġenzija Ewropea GNSS. Il-Kummissjoni ser tibqa’ responsabbli għall-ġestjoni tal-fondi allokati lill-programmi u tibqa’ twettaq is-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet kollha tal-programmi, inklużi dawk delegati kemm lill-Aġenzija Ewropea GNSS (GSA) kif ukoll lill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA).

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-programmi EGNOS u Galileo jeħtieġu tmexxija ċara u appoġġ sħiħ mingħajr ambigwità mill-UE biex titranġa l-ħsara li saret lill-fiduċja fis-suq minħabba l-waqgħa tas-sħubija pubblika-privata GJU. L-allokazjoni baġitarja 2014-2020 u r-Regolament propost mill-Kummissjoni huma bidu tajjeb, iżda jeħtieġ li minn issa ’l quddiem tingħata xhieda ta’ ġestjoni tajba u appoġġ politiku konsistenti għall-programmi sabiex tintrebaħ il-fiduċja fis-suq.

3.2   L-Ewropa għandha bżonn tħaffef il-pass tal-iskjerament tal-GNSS u l-iżvilupp tagħha fis-suq, speċjalment meta wieħed iqis l-ispiża relatata mad-dewmien ta’ Galileo u l-kompetizzjoni dejjem tikber mill-Istati Uniti, mir-Russja u miċ-Ċina. Iċ-Ċina qed tespandi s-sistema militari tagħha ta’ navigazzjoni bis-satellita Beidou fis-sistema globali COMPASS bil-għan li sal-2020 tipprovdi servizz ċivili kompetittiv fid-dinja kollha, inkluż fl-Ewropa. Galileo u EGNOS iridu jsiru l-istandard tal-GNSS fl-Ewropa malajr kemm jista’ jkun.

3.3   Is-sistemi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita għandhom jiffurmaw parti importanti mill-programm ta’ riċerka u innovazzjoni Orizzont 2020. Il-ħolqien ta’ prodotti u servizzi ġodda bbażati fuq il-GNSS Ewropea mhux biss ser jistimolaw it-tkabbir intelliġenti, iżda ser jappoġġjaw ukoll l-iżvilupp sostenibbli billi jgħinu sabiex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u billi jnaqqsu l-impatt ambjentali tal-iżvilupp ekonomiku.

3.4   Filwaqt li jiġu rrispettati l-liġijiet dwar il-kompetizzjoni globali, forsi għandhom jiġu identifikati miżuri tal-UE li jiffavorixxu l-għażla tat-teknoloġiji Galileo pjuttost mill-għażla ta’ teknoloġiji inferjuri, speċjalment għal applikazzjonijiet li jeħtieġu l-fiduċja fil-kontinwità tas-servizz jew livelli għoljin ta’ preċiżjoni u integrità, jew għas-sigurtà.

3.5   Meta wieħed iqis l-importanza taċ-chipsets tar-riċevituri (chipset huwa grupp ta’ ċirkuwiti jew chips integrati, li jkunu mfassla biex jaħdmu flimkien. Normalment jiġu kummerċjalizzati bħala prodott wieħed. Normalment chipset huwa ddisinjat biex jaħdem ma’ familja speċifika ta’ mikroproċessuri. Minħabba li jikkontrolla l-komunikazzjonijiet bejn il-proċessur u l-istrumenti esterni, iċ-chipset għandu rwol kruċjali biex jiddetermina l-prestazzjoni tas-sistema) għall-penetrazzjoni tas-suq u għall-istrateġija tal-iżvilupp tal-applikazzjonijiet, l-iżvilupp ta’ chipsets tar-riċevituri doppji li jkunu rħas (GPS + Galileo) huwa importanti immens. In-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp għandha tiġi mmirata b’mod speċjali lejn dan il-għan.

3.6   Hemm bżonn ta’ strateġija biex jintużaw l-effetti tal-kurva tat-tagħlim ikkawżati mill-produzzjoni f’volumi kbar għax dawn huma kruċjali għall-manifattura bl-irħis ta’ chipsets tar-riċevituri, sabiex il-prezzijiet taċ-chipsets doppji GPS + Galileo jkunu jistgħu jikkompetu maċ-chipsets li jirċievu s-sinjali tal-GPS biss.

3.7   Sabiex jikber is-suq downstream tal-prodotti u applikazzjonijiet Ewropej ta’ GNSS, il-GSA għandha bżonn ta’ strateġija aggressiva għall-iżvilupp tas-suq, li tkun immexxija minn tim b’ħiliet żviluppati ħafna.

3.8   Għandha tiġi żviluppata strateġija globali ta’ identità għal EGNOS/Galileo biex jiġu allinjati l-għanijiet, jiġi enfasizzat il-valur tad-“ditta”, jiġu ssemplifikati l-komunikazzjonijiet tas-suq u jiġu ċċarati l-prijoritajiet tas-suq.

3.9   Il-kwalità tat-teknoloġija u s-servizzi Galileo introdotti fis-suq dejjem għandha tkun tal-ogħla standard. Għandu jinżamm kontroll tal-kwalità strett fuq l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-implimentazzjoni fil-livell tal-utent finali.

3.10   B’xorti ħażina, uħud mill-prodotti EGNOS tal-bidu ma kinux teknikament tajbin biżżejjed biex jissodisfaw l-esiġenzi tal-konsumaturi. Bħala parti minn strateġija ta’ identità, għandha tiġi żviluppata tikketta ta’ kwalità għat-teknoloġiji kollha approvati ta’ EGNOS/Galileo sabiex l-isem ikun jista’ jitħares minn ħsara fir-reputazzjoni.

Brussell, 28 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  ĠU C 107, 6.4.2011, p. 44-48.

(2)  ĠU C 221, 8.9.2005, p. 28; ĠU C 317, 23.12.2009, p. 103-104 u ĠU C 107, 6.4.2011, p. 44-48.

(3)  ĠU L 196, 24.8.2008, p. 1.