|
21.6.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 181/183 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura”
COM(2011) 416 finali,
“Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd”
COM(2011) 417 finali,
“Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd”
COM(2011) 424 finali
u “L-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd”
COM(2011) 425 finali
2012/C 181/33
Relatur: is-Sur SARRÓ
Korelatur: is-Sur CHIRIACO
Nhar l-1 ta’ Settembru 2011, it-13 ta’ Settembru 2011 u l-5 ta’ Ottubru 2011, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament għall-proposti COM(2011) 416 final u COM(2011) 425 final u b’konformità mal-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni għall-proposti COM(2011) 417 final u COM(424) final u b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, iddeċidew li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura
COM(2011) 416 final,
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd
COM(2011) 417 final,
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd
COM(2011) 424 final, u
l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd
COM(2011) 425 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-14 ta’ Marzu 2012.
Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’152 vot favur, 5 voti kontra u 14-il astensjoni.
1. Konklużjonijiet
1.1 Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa li tiġi proposta reviżjoni simultanja tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq (OKS), biex b’hekk jissaħħu l-integrazzjoni, il-koerenza u l-koordinazzjoni neċessarji tal-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tas-sajd, l-akkwakultura u s-sajd tal-frott tal-baħar.
1.2 B’mod globali, il-KESE jaqbel mal-għanijiet ġenerali u speċifiċi kif ukoll mal-prinċipji tal-governanza tajba tal-proposta. Il-PKS għandha tiggarantixxi li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura joħolqu kundizzjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali sostenibbli fit-tul, u li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-ikel, bl-applikazzjoni tal-kriterju ta’ prekawzjoni u b’approċċ iffokat fuq l-ekosistema.
1.3 Madankollu, il-KESE jqis li l-proposta għal Regolament ma tistabbilixxix il-miżuri tal-ġestjoni tas-sajd li huma meħtieġa biex l-istokkijiet tal-ħut jiġu rkuprati kompletament u jinżammu ’l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli, biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkollhom prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura tajbin għas-saħħa u ta’ kwalità tajba, biex jingħata kontribut għall-prosperità tal-komunitajiet tas-sajd u għall-profittabbiltà tal-intrapriżi tal-produzzjoni u tal-ipproċessar, u biex jiġu offruti postijiet tax-xogħol attraenti u aktar siguri.
1.4 Il-Kumitat japprova d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-aċċess għall-ilmijiet tal-Unjoni, li diġà kienu fis-seħħ u li huma ta’ benefiċċju akbar għall-komunitajiet lokali tas-sajd.
1.5 Il-Kumitat japprova wkoll it-tipi ta’ miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ miżuri tekniċi proposti, li għandhom jiġu adattati għat-tipi differenti ta’ sajd.
1.6 Il-KESE jappoġġja l-proposta li jiġu stabbiliti pjani multiannwali bil-għan li, fejn possibbli, l-istokkijiet kollha tal-ħut jiġu rkuprati u jinżammu ’l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli minn issa sal-2015. Minkejja li huwa ta’ min ifaħħru, dan il-għan diffiċli jiġi applikat fil-każ tas-sajd imħallat, u għaldaqstant il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi soluzzjonijiet prattiċi biex jissolvew il-problemi li jistgħu jinqalgħu f’dan it-tip ta’ sajd.
1.7 Il-KESE jqis prijoritarju li l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, jipprovdu lill-istituti xjentifiċi r-riżorsi neċessarji biex jirrispondu b’mod adegwat għall-ħtiġijiet ta’ riċerka applikata u biex ikunu jistgħu jkopru l-ispeċijiet kollha ta’ ħut mistada kummerċjalment u l-ispeċijiet assoċjati u dipendenti u l-ambjent tagħhom.
1.8 Fir-rigward tal-politika ta’ projbizzjoni tal-iskartar tal-ħut, il-KESE jilqa’ dan l-objettiv, iżda jemmen li għandu jkun hemm approċċ aktar gradwali u proporzjonat li jkun ibbażat fuq it-tnaqqis progressiv tal-iskartar u li jippromovi u jinkoraġġixxi l-użu ta’ rkaptu aktar selettiv għas-sajd, miżuri mmirati għall-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd b’mod li jinħoloq valur miżjud u t-tiftix ta’ opportunitajiet kummerċjali, filwaqt li jiġu adattati l-infrastrutturi tal-bastimenti u tal-portijiet tas-sajd.
1.9 Il-KESE jqis li l-proposta ma tapprofondixxix biżżejjed ir-reġjonalizzazzjoni u ma tinkludi l-ebda miżura ta’ deċentralizzazzjoni.
1.10 Fir-rigward tal-istabbiltà relattiva u l-applikazzjoni tagħha fl-allokazzjoni tal-possibbiltajiet tas-sajd lill-Istati Membri, il-Kumitat jinsisti fuq il-ħtieġa li dan il-kriterju jiġi aġġornat peress li huwa wieħed qadim u ma jirriflettix ir-realtà attwali tal-flotot tas-sajd u taż-żoni li jiddependu ħafna mis-sajd. Barra minn hekk, il-Kumitat jissuġġerixxi li l-allokazzjoni tal-opportunitajiet għas-sajd, ġaladarba tiġi aġġornata l-istabbiltà relattiva, għandha tkun ibbażata l-iżjed fuq sensiela ta’ kriterji ambjentali, ekonomiċi u soċjali trasparenti.
1.11 Il-Kumitat iqis li l-proposta marbuta mal-konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli hija konfuża u li l-Kummissjoni għandha tiċċara l-interpretazzjoni tal-artikoli rilevanti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-“kriterji trasparenti u oġġettivi” għall-allokazzjoni tal-konċessjonijiet. Barra minn hekk, il-Kumitat jappella li jitqies l-impatt ta’ din il-miżura fuq l-impjieg, u li jiġu previsti miżuri speċifiċi għas-sajjieda impjegati.
1.12 Fir-rigward tal-ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd, il-KESE jqis li l-Kummissjoni għandha twettaq, sa mhux aktar tard mill-2014, evalwazzjoni dettaljata tal-kapaċità tas-sajd fejn tinkludi l-qawwa u t-tunnellaġġ tagħha kif ukoll it-tip ta’ rkaptu u karatteristiċi oħrajn tal-bastimenti, u li abbażi ta’ din l-evalwazzjoni l-Istati Membri għandhom jiġu obbligati jadattaw il-kapaċità tas-sajd għar-riżorsi disponibbli.
1.13 Il-Kumitat jemmen li, għall-ġestjoni tas-sajd abbażi tal-ekosistema, huwa fundamentali li fil-ġbir tad-data jiġi inkluż l-ikbar ammont possibbli ta’ data ambjentali b’konformità mad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u l-kriterji tal-“istatus ambjentali tajjeb”.
1.14 B’mod ġenerali, il-KESE jaqbel mal-proposti tal-Kummissjoni dwar il-politika esterna. Minkejja dan, huwa mħasseb dwar ċerti kwistjonijiet imsemmijin fil-punt 3.7.8 ta’ din l-opinjoni.
1.15 Il-KESE jfaħħar lill-Kummissjoni talli rrikonoxxiet id-dimensjoni komuni Ewropea tal-politika tal-akkwakultura. Il-KESE jappella li jissaħħaħ il-kontroll ambjentali u jitlob li jinħoloq qafas amministrattiv flessibbli u żona legali unika għall-iżvilupp ta’ settur tal-akkwakultura sostenibbli li jista’ jgħin biex jinżammu l-istokkijiet tal-ħut u biex jinħoloq il-ġid fiż-żoni periferiċi mhux urbani, filwaqt li jkun hemm rispett, kompatibbiltà u integrazzjoni ambjentali sħaħ.
1.16 Fir-rigward tal-istrument finanzjarju l-ġdid, il-KESE jemmen li r-rwol tas-sajjieda u tal-komunitajiet tas-sajd fl-iżvilupp sostenibbli taż-żoni kostali għandu jiġi vvalorizzat, anke permezz ta’ miżuri soċjali, speċjalment dawk ta’ appoġġ f’każijiet ta’ telf tal-impjiegi, u għajnuna għat-taħriġ u għar-rikonverżjoni tal-ħaddiema, b’enfasi fuq iż-żgħażagħ u n-nisa.
1.17 Il-KESE jilmenta dwar il-fatt li d-dimensjoni soċjali, ikkunsidrata fil-fażijiet kollha tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (produzzjoni, proċessar u kummerċjalizzazzjoni), mhijiex preżenti fil-proposta b’miżuri konkreti għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, u jemmen li għandha tiġi inkoraġġuta l-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-livell adegwat.
1.18 Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra d-diversi esiġenzi li esprimew l-atturi differenti tas-suq. Ir-riforma tal-PKS għandha tindirizza kemm il-ħtiġijiet ta’ sidien il-bastimenti kif ukoll dawk tal-ekwipaġġi.
1.19 Il-KESE jemmen li definizzjoni tas-sajd fuq skala żgħira bbażata fuq il-kriterju tat-tul tal-bastiment biss hija simplistika wisq u tassimila parti enormi mill-flotta fuq skala żgħira mas-sajd industrijali.
1.20 Il-KESE jappoġġja l-objettivi u l-prinċipji li ser jirregolaw ir-Regolament il-ġdid dwar l-OKS u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra l-kummenti tal-Kumitat imressqa f’din l-opinjoni.
1.21 Sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta fis-suq tal-UE, il-KESE jitlob li l-prodotti importati jkunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet iġjeniċi, tas-saħħa u tal-kontroll li huma applikati għall-prodotti Komunitarji, inkluża t-traċċabilità sħiħa “mill-ilma sal-mejda”, u jitlob li l-kontrolli – kemm fil-fruntiera kif ukoll fl-oriġini – ikunu komprensivi b’tali mod li jiggarantixxu r-rispett adegwat ta’ dawn ir-regoli li jikkontribwixxu għas-sikurezza tal-ikel. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jaħseb li d-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għandhom jistabbilixxu approċċ koerenti.
1.22 Il-KESE jenfasizza li dawn il-proposti kollha japplikaw ukoll għas-sajd u l-akkwakultura fl-ilma ħelu u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tqis b’mod ibbilanċjat il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn l-attivitajiet.
2. Sfond
2.1 Kuntest tar-Regolament dwar il-PKS (“Regolament bażiku”)
2.1.1 Il-PKS inħolqot fl-1983 u baqgħet fis-seħħ, b’modifiki żgħar, għal għoxrin sena, sakemm ġiet riformata fil-fond permezz tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002. Fl-2009, il-Kummissjoni analizzat il-mod kif kienet qed taħdem il-PKS riformata u kkonkludiet li, minkejja l-progress li kien sar, ma kinux intlaħqu l-għanijiet ta’ sajd sostenibbli fid-dimensjonijiet (ambjentali, ekonomiċi u soċjali) kollha tiegħu u li ħafna stokkijiet tal-ħut kienu sfruttati żżejjed.
2.1.2 Din il-konklużjoni tressqet fil-Green Paper dwar ir-Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd (1). L-opinjoni tal-Kumitat dwar dan, adottata b’maġġoranza kbira, irrakkomandat li “l-miżuri adottati jissalvagwardjaw l-impjieg u l-koeżjoni territorjali u li permezz tal-objettivi strateġiċi jinżamm bilanċ bejn il-pilastri ekonomiċi, soċjali u ambjentali billi tiġi garantita u mħeġġa mġiba responsabbli u sostenibbli fl-istadji kollha tal-katina tas-sajd”. Ir-riforma futura għandha tindirizza aktar fil-fond il-kwistjonijiet li ġejjin:
|
— |
“it-twaqqif ta’ reġim distint għall-flotot kostali fuq skala żgħira; |
|
— |
l-introduzzjoni ta’ sezzjoni dwar il-kwistjonijiet soċjali bil-għan li jiġu armonizzati l-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-sajjieda; |
|
— |
it-titjib tal-kundizzjonijiet tas-suq u tal-prattiki kummerċjali; |
|
— |
tiġi żgurata komplementarjetà mal-politika ambjentali marittima li, fost affarijiet oħra, twassal għal riċerka aktar sinifikanti u aktar effikaċi li tapplika għall-politika tas-sajd; |
|
— |
l-integrazzjoni totali tal-PKS fi ħdan korpi internazzjonali (l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, il-FAO) (2).” |
2.1.3 L-opinjoni tal-Kumitat dwar “L-iżvilupp ta’ żoni reġjonali għall-ġestjoni ta’ stokkijiet tal-ħut u għall-kontroll tas-sajd” (3) tgħid li l-“Kumitat bi pjaċir jilqa’ l-intenzjoni tar-riforma radikali tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u b’mod partikolari l-għan li tiġi stabbilita politika deċentralizzata, li tiddependi inqas mid-deċiżjonijiet dettaljati li jittieħdu Brussell u li tagħti opportunità ikbar għall-parteċipazzjoni lokali u reġjonali fil-ġestjoni tal-ħut. Madankollu, id-dettall, iċ-ċarezza u s-sistema ta’ sanzjonijiet essenzjali meħtieġa biex politika bħal din taħdem b’mod effettiv għadhom nieqsa u għandhom jiġu inklużi” u li “mingħajr stokkijiet tal-ħut li jiffjorixxu ma jista’ jkun hemm l-ebda industrija tal-ħut sostenibbli”, filwaqt li tirrakkomanda li “s-sostenibbiltà ambjentali tingħata prijorità bħala bażi għas-sostenibbiltà ekonomika u soċjali.”
2.1.4 L-opinjoni msemmija hawn fuq targumenta li “biex ikun effettiv it-tisħiħ tal-pjani ta’ ġestjoni bbażati fuq il-kwoti li huma bbażati fuq ir-rendiment massimu possibbli, hemm bżonn li jiġu stabbiliti livelli ogħla li verament iwasslu biex jiffjorixxu l-ispeċi kollha regolati u dan għandu jsir sal-2015.”
2.2 Kuntest tar-Regolament dwar l-OKS fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura
2.2.1 L-OKS fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura ilha teżisti sa mill-1970. Il-qafas legali tagħha huwa pprovdut fir-Regolament (KE) Nru 104/2000. Sa mill-2008, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjonijiet u konsultazzjonijiet wisgħin bil-għan li tqis in-nuqqasijiet osservati fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li huma fis-seħħ bħalissa, l-iżviluppi reċenti fis-swieq Ewropej u dinjija u l-evoluzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura.
2.2.2 Il-proposta l-ġdida għal Regolament tistabbilixxi OKS fis-settur tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura li ser ikollha l-istrumenti li ġejjin:
|
a) |
organizzazzjonijiet professjonali (organizzazzjonijiet tal-produtturi u organizzazzjonijiet interprofessjonali), |
|
b) |
standards tal-kummerċjalizzazzjoni, |
|
c) |
informazzjoni għall-konsumatur, |
|
d) |
regoli dwar il-kompetizzjoni, |
|
e) |
tagħrif dwar is-swieq. |
2.2.3 Il-KESE jqis li mal-punti ta’ hawn fuq għandu jiżdied ieħor li jirregola r-relazzjonijiet kummerċjali mal-pajjiżi terzi b’mod li l-prodotti importati kollha jirrispettaw l-istandards tal-Unjoni Ewropea u jkunu soġġetti għal kontrolli effiċjenti.
3. Analiżi tal-proposta għal riforma tal-PKS u l-kummenti tal-Kumitat
3.1 Kamp ta’ applikazzjoni u objettivi
3.1.1 Il-PKS ser tkopri l-konservazzjoni, il-ġestjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marittimi u tal-ilma ħelu u l-akkwakultura, kif ukoll l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, sakemm dawn l-attivitajiet jitwettqu fit-territorju tal-Istati Membri jew fl-ilmijiet tal-Unjoni, inkluż permezz ta’ bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi jew bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ’l barra mill-ilmijiet tal-Unjoni, jew minn ċittadini tal-Istati Membri.
3.1.2 Il-PKS għandha tiggarantixxi li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura joħolqu kundizzjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali sostenibbli fit-tul, filwaqt li jikkontribwixxu għad-disponibbiltà tal-ikel u japplikaw il-kriterji ta’ prekawzjoni u approċċ ekosistemiku għall-ġestjoni tas-sajd, bil-għan li minn issa sal-2015 ir-riżorsi bijoloġiċi marittimi ħajjin jintużaw b’mod li l-istokkijiet tal-ħut jiġu rkuprati u jinżammu ’l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli, u fl-istess ħin jiġu integrati r-rekwiżiti tal-leġislazzjoni ambjentali tal-UE.
3.1.3 Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, il-PKS, b’mod partikolari, għandha telimina l-qbid mhux mixtieq ta’ stokkijiet kummerċjali, u gradwalment tiżgura li l-qbid kollu ta’ dawn l-istokkijiet jinħatt l-art. Barra minn hekk, għandha toħloq il-kundizzjonijiet għal attivitajiet tas-sajd effiċjenti, tippromovi l-iżvilupp tal-attivitajiet tal-akkwakultura fl-Unjoni u tikkontribwixxi għal livell ta’ għajxien adegwat għal dawk li jiddependu mill-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li tqis l-interessi tal-konsumaturi u tiggarantixxi ġbir u ġestjoni sistematiċi u armonizzati tad-data.
3.1.4 B’mod globali, il-KESE jappoġġja l-kamp ta’ applikazzjoni u l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-PKS, kif ukoll il-prinċipji ta’ governanza tajba tagħha. Madankollu, jiddispjaċih li ma tagħtix attenzjoni biżżejjed lill-ħarsien, il-ġestjoni u l-użu tar-riżorsi bioloġiċi tal-ilma ħelu. Il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni Ewropea sabiex fil-proposti li qed tippreżenta tintegra l-ispeċifiċitajiet tas-sajd u l-akwakultura fl-ilma ħelu, fosthom l-allinjament tagħhom mal-PAK. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għal fatt li għad hemm il-ħtieġa li jinħolqu kontropartijiet adatti għall-gruppi ta’ ħidma marini biex jinġabru l-esperjenzi miksuba fl-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd fl-ilma ħelu u biex isiru l-proposti ħalli din tiġi aġġornata.
3.1.5 Madankollu, il-KESE jqis li l-proposta għal Regolament ma tistabbilixxix il-miżuri tal-ġestjoni tas-sajd li huma meħtieġa biex is-sajd jiġi ġestit bil-għan li jiġu rkuprati u kkonservati l-istokkijiet tal-ħut u b’hekk ikunu jistgħu jintlaħqu dawn l-objettivi u jitpoġġew is-sisien għal sajd sostenibbli li jirrispetta l-ekosistema, li jiżgura li ċ-ċittadini jkollhom prodotti tas-sajd tajbin għas-saħħa u ta’ kwalità għolja, li jikkontribwixxi għall-prosperità tal-komunitajiet tas-sajd u għall-profittabbiltà tal-industriji tal-produzzjoni u l-ipproċessar tal-ħut, u li joffri postijiet tax-xogħol attraenti u aktar siguri, filwaqt li tingħata l-akbar importanza lill-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-livelli kollha (4).
3.2 Aċċess għall-ilmijiet
3.2.1 Mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2022, l-Istati Membri ser ikunu awtorizzati jirrestrinġu s-sajd f’ilmijiet sa 12-il mil nawtiku mil-linji ta’ bażi taħt is-sovranità u l-ġurisdizzjoni tagħhom għall-bastimenti tas-sajd li tradizzjonalment kienu jistadu f’dawn l-ilmijiet minn portijiet tal-istess kosta u għall-bastimenti tas-sajd tal-UE ta’ Stati Membri oħra li jistadu fil-qafas ta’ relazzjonijiet ta’ viċinat bejn dawn l-Istati Membri li jippermettu din l-attività.
3.2.2 Barra minn hekk, bejn dawn l-istess dati l-Istati Membri inkwistjoni ser ikunu awtorizzati jirrestrinġu s-sajd f’ilmijiet sa 100 mil nawtiku mil-linji ta’ bażi tal-Azores, Madeira u l-Gżejjer Kanarji għall-bastimenti reġistrati fil-portijiet ta’ dawn il-gżejjer. Dawn ir-restrizzjonijiet mhux ser japplikaw għall-bastimenti tal-UE li tradizzjonalment kienu jistadu f’dawn l-ilmijiet, sakemm ma jaqbżux l-isforz tas-sajd li kienu jwettqu tradizzjonalment.
3.2.3 Il-Kumitat japprova dawn il-miżuri ta’ aċċess għall-ilmijiet li diġà kienu fis-seħħ u li għandhom jiġu kkomplementati b’miżuri li jiggarantixxu aċċess preferenzjali għal dawk li jistadu b’mod li huwa soċjalment u ambjentalment sostenibbli u li l-attività tagħhom hi ta’ benefiċċju akbar għall-komunitajiet tas-sajd lokali.
3.3 Miżuri għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marittimi
3.3.1 Il-KESE jemmen li f’ċerti każijiet il-pjani multiannwali introdotti fil-PKS attwali kellhom impatt pożittiv sinifikanti, u għalhekk għandhom jibqgħu jiġu applikati kif previst fil-proposta l-ġdida, filwaqt li l-problemi tal-każijiet li ma ħadmux tajjeb jiġu analizzati abbażi tal-istudji xjentifiċi sodi li jsiru mill-korpi xjentifiċi Komunitarji. Barra minn dan, il-Kumitat jemmen li għandhom jiġu previsti mekkaniżmi adegwati ta’ korrezzjoni li jkunu adattabbli u flessibbli.
3.3.2 Fir-rigward tal-objettiv tal-pjani multiannwali li l-istokkijiet tal-ħut jiġu rkuprati u jinżammu ’l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli minn issa sal-2015, il-KESE jqis li, filwaqt li dan hu objettiv ta’ min ifaħħru, li huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (UNCLOS) li ilhom vinkolanti legalment għall-UE sa mill-1998, u dan ġie mtenni fir-rapport tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2002, li fuq il-bażi tiegħu l-Kummissjoni qed tipproponi din il-miżura, li jgħid li biex jinkiseb sajd sostenibbli, għandhom jiġu adottati l-miżuri li ġejjin fil-livelli kollha: li l-istokkijiet tal-ħut jiġu rkuprati u jinżammu f’livelli li jkunu jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli, u li l-objettivi marbutin mal-istokkijiet eżawriti jintlaħqu b’mod urġenti u, jekk ikun possibbli, mhux aktar tard mill-2015.
3.3.3 Il-Kumitat jemmen li l-objettiv tar-rendiment massimu sostenibbli jħalli ċertu marġni għal interpretazzjoni rigward il-metodi ta’ implimentazzjoni, u li se jkun diffiċli jinkiseb f’ċertu sajd imħallat peress li l-ispeċijiet differenti ta’ ħut jitħalltu flimkien u r-rati tal-qbid li jiddeterminaw il-livell tal-isforz tas-sajd ma jikkorrispondux mar-rendiment massimu sostenibbli ta’ kull speċi individwali. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni ssib soluzzjonijiet prattiċi biex issolvi l-problemi li jistgħu jinqalgħu fis-sajd imħallat.
3.3.4 Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis il-fatt li l-miżuri għat-titjib fl-istat tal-istokkijiet fiż-żoni tas-sajd tal-UE m’għandux ikollhom impatt negattiv fuq is-sostenibbiltà tal-istokkijiet f’żoni oħra, b’riżultat taż-żieda fil-kummerċ internazzjonali tal-prodotti tas-sajd u l-ispostamenti tal-kapaċità tas-sajd fl-UE.
3.3.5 Sabiex jiġi żgurat li l-pjani multiannwali jkunu bbażati fuq l-aħjar evalwazzjoni xjentifika tal-istokkijiet tal-ħut, il-KESE jqis li huwa prijoritarju li l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni permezz tal-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS), jagħtu lill-istituti xjentifiċi r-riżorsi kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jirrispondu b’mod adegwat għall-ħtiġijiet ta’ riċerka u biex ikunu jistgħu jkopru l-ispeċijiet mistada kollha. F’każ li ma tkunx teżisti evalwazzjoni xjentifika adegwata, għandu jiġi applikat il-prinċipju ta’ prekawzjoni definit fil-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut tal-1995. Mill-banda l-oħra, il-Kumitat jemmen li l-promozzjoni tad-djalogu bejn ix-xjenzjati u s-sajjieda huwa indispensabbli.
3.3.6 Barra minn hekk, il-Kumitat iqis li l-applikazzjoni tal-miżuri biex l-istokkijiet tal-ħut jiġu rkuprati u jinżammu ’l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli sal-2015 ser taffettwa l-kapaċità tas-sajd tal-flotot tal-Istati Membri, u għandha tiżgura li tingħata prijorità lit-tneħħija tal-elementi tal-flotta li l-iktar jagħmlu ħsara lill-ambjent u li huma żvantaġġużi mil-lat soċjali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tipprevedi miżuri ta’ aġġustament billi toffri alternattivi soċjoprofessjonali għas-settur tas-sajd li jevitaw it-telf attwali tal-impjiegi minħabba l-istat ħażin tal-istokkijiet tal-ħut. F’dan ir-rigward, il-KESE jitlob li jiġi evalwat fid-dettall l-impatt soċjoekonomiku tal-pjani multiannwali fuq perjodu ta’ żmien qasir, medju u twil.
3.3.7 Il-kontenut tal-pjani multiannwali u l-qafas tal-miżuri tekniċi għandhom jindikaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, f’termini ta’ stokkijiet, sajd u ekosistemi marittimi, u l-objettivi tagħhom għandhom ikunu koerenti mal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-PKS imsemmijin fil-punt 3.1.1. Il-qafas tal-miżuri tekniċi għal kull pjan multiannwali għandu jikkontribwixxi biex l-istokkijiet tal-ħut jiġu rkuprati u jinżammu ’l fuq mil-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli, biex jonqos il-qbid ta’ ħut ta’ daqs iżgħar minn dak regolamentat jew ta’ organiżmi marittimi mhux mixtieqa, u biex jittaffa l-impatt tal-irkaptu tas-sajd fuq l-ekosistema.
3.3.8 Il-KESE jemmen li kemm il-kontenut kif ukoll il-qafas tal-miżuri tekniċi previsti fl-Artikolu 14 huma adatti għall-objettivi tar-riforma tal-PKS, u għalhekk jaqbel magħhom. Dawn il-miżuri tekniċi għandhom jiġu applikati fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tat-tipi differenti ta’ sajd.
3.3.9 Fir-rigward tal-obbligu propost mill-Kummissjoni li l-qabda kollha tinħatt l-art (projbizzjoni tal-iskartar), il-proposta għal riforma tal-PKS tistabbilixxi skeda bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-1 ta’ Jannar 2016 li fiha sensiela ta’ stokkijiet tal-ħut soġġetti għal limiti ta’ qbid għandhom jinġabu u jinżammu abbord il-bastimenti tas-sajd mill-1 ta’ Jannar ta’ kull sena msemmija. Ser jiġu stabbiliti daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni ta’ dawn l-istokkijiet tal-ħut kollha, li l-bejgħ tagħhom ser ikun ristrett għall-produzzjoni ta’ ikel tal-ħut jew ikel tal-annimali. L-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-qabdiet ta’ ħut fi kwantitajiet akbar mill-possibbiltajiet tas-sajd ser jiġu stabbiliti b’konformità mal-organizzazzjoni komuni tas-swieq.
3.3.10 Il-KESE jqis li l-proposta li jiġi pprojbit l-iskartar ta’ ċerti speċijiet skont skeda ta’ żmien stabbilita hija objettiv mixtieq, iżda li bħalissa diffiċli ħafna jintlaħaq f’ċertu sajd speċifiku, b’mod partikolari fis-sajd imħallat. Fil-fatt, il-konsegwenzi soċjoekonomiċi jkunu tant gravi li ħafna bastimenti jkollhom jiġu abbandunati. Għaldaqstant, il-KESE jqis li għandhom jiġu stabbiliti miżuri biex jittaffew dawn il-konsegwenzi. Il-KESE jħeġġeġ approċċ aktar gradwali u proporzjonat, ibbażat fuq l-użu ta’ rkaptu aktar selettiv għas-sajd u t-tnaqqis progressiv tal-iskartar, u li jippromovi u jinkoraġġixxi miżuri mmirati għall-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd b’mod li jinħoloq valur miżjud, filwaqt li jiġu adattati l-infrastrutturi tal-bastimenti u tal-portijiet tas-sajd.
3.3.11 Il-Kumitat jemmen li jkun għaqli u siewi li jiġi analizzat l-oriġini tal-iskartar tal-ħut f’kull tip ta’ sajd bil-għan li jintużaw l-iżjed għodod adegwati f’kull tip ta’ sajd sabiex jitnaqqas dan l-iskartar.
3.3.12 Il-Kumitat jaħseb li l-projbizzjoni tal-iskartar ma tistax tiġi applikata b’mod effettiv jekk il-ħaddiema ma jingħatawx it-taħriġ adegwat. Il-FEMS għandu jipprovdi appoġġ għall-azzjonijiet rilevanti ta’ taħriġ.
3.3.13 Rigward ir-reġjonalizzazzjoni, il-Kummissjoni ser tkun tista’ tawtorizza lill-Istati Membri biex, fil-qafas ta’ pjan multiannwali, jispeċifikaw il-miżuri ta’ konservazzjoni u l-miżuri tekniċi applikabbli għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom b’rabta mal-istokkijiet fl-ilmijiet tal-Unjoni li għalihom ikunu ġew allokati possibbiltajiet ta’ sajd, dejjem jekk dawn ikunu kompatibbli mal-objettivi tal-PKS u mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan multiannwali u ma jkunux inqas stretti minn dawk previsti fil-leġislazzjoni tal-UE. Dawn il-miżuri ser ikunu notifikati lill-Kummissjoni, li tista’ tevalwahom f’kull ħin, u fejn ikun hemm bżonn, lil Stati Membri interessati oħra u lill-kunsilli konsultattivi rilevanti.
3.3.14 L-Istati Membri ser ikunu jistgħu jadottaw miżuri nazzjonali għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut fl-ilmijiet tal-Unjoni bil-kundizzjoni li dawn japplikaw biss għall-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom jew għall-attivitajiet tas-sajd ta’ persuni stabbiliti fit-territorju tal-Istat Membru, u sakemm ikunu kompatibbli mal-objettivi tal-PKS u ma jkunux inqas stretti minn dawk previsti fil-leġislazzjoni tal-UE.
3.3.15 Stat Membru jista’ jadotta miżuri mhux diskriminatorji għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-istokkijiet tal-ħut u biex inaqqas kemm jista’ jkun l-effetti tas-sajd fit-12-il mil nawtiku mil-linja ta’ bażi tiegħu, bil-kundizzjoni li l-Unjoni ma tkunx adottat miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni speċifiċi għal din iż-żona. Jekk dawn il-miżuri jistgħu jaffettwaw bastimenti tas-sajd ta’ Stati Membri oħra, huma jistgħu jiġu adottati biss wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, l-Istati Membri affettwati u l-kunsilli konsultattivi interessati dwar l-abbozz tal-miżuri akkumpanjati minn spjegazzjoni tar-raġunijiet.
3.3.16 Il-KESE jemmen li, minkejja li l-miżuri jistgħu jkunu adegwati, il-proposta għal Regolament ma tinkludix mekkaniżmi ċari għad-deċentralizzazzjoni tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, u jemmen li għandhom jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet li ressaq fl-opinjoni reċenti tiegħu dwar “L-iżvilupp ta’ żoni reġjonali għall-ġestjoni ta’ stokkijiet tal-ħut u għall-kontroll tas-sajd”.
3.4 Aċċess għar-riżorsi
3.4.1 Għal darb’oħra, il-possibbiltajiet tas-sajd allokati lill-Istati Membri fil-proposta huma garantiti abbażi tas-sistema tal-qabdiet totali permissibbli (total allowable catches – TAC) u tas-sistema tal-kwoti, bl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-istabbiltà relattiva bejn l-Istati Membri.
3.4.2 Rigward l-istabbiltà relattiva, il-KESE jtenni dak li kien qal fl-opinjoni tiegħu dwar il-Green Paper u jinsisti fuq il-bżonn li dan il-kriterju jiġi aġġornat bil-għan li jqis it-tibdil li sar minn mindu nħoloq fl-1976. Il-bżonn li jiġi aġġornat huwa muri mill-fatt li l-Kummissjoni qed terġa’ tipproponi li l-Istati Membri jkunu awtorizzati jiskambjaw uħud mill-possibiltajiet jew il-possibbiltajiet kollha allokati lilhom; dan hu sinjal ċar li l-istabbiltà relattiva stabbilita aktar minn 35 sena ilu m’għadhiex tgħodd u ma tirriflettix ir-realtà attwali tal-flotot tas-sajd u taż-żoni li jiddependu ħafna mis-sajd. Il-KESE jqis ukoll li l-allokazzjoni ta’ kwoti ġaladarba tiġi aġġornata l-istabbiltà relattiva m’għandhiex tkun ibbażata biss fuq il-qabdiet tal-passat iżda għandha tinkludi wkoll sensiela trasparenti ta’ kriterji ambjentali, ekonomiċi u soċjali.
3.4.3 Il-proposta tipprevedi li qabel il-31 ta’ Diċembru 2013, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema ta’ konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli għall-bastimenti tas-sajd kollha b’tul ta’ 12-il metru jew aktar u għall-bastimenti tas-sajd kollha b’tul ta’ inqas minn 12-il metru li jistadu b’irkaptu rmunkat. L-Istati Membri ser ikunu jistgħu jestendu s-sistema ta’ konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli għall-bastimenti tas-sajd b’tul globali ta’ inqas minn 12-il metru li jużaw irkaptu differenti mill-irkaptu rmunkat, u għandhom jinformaw b’dan lill-Kummissjoni.
3.4.4 Il-Kumitat jemmen li t-test tal-proposta huwa konfuż u li l-Kummissjoni għandha tiċċara l-interpretazzjoni tiegħu, b’mod partikolari d-definizzjoni ta’ “kriterji trasparenti u oġġettivi” għall-allokazzjoni tal-konċessjonijiet. Pereżempju, il-KESE jqis li dawk l-operaturi li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-ħaddiema m’għandhomx ikunu eliġibbli. L-istabbiliment tal-konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli jista’ jirrappreżenta opportunità biex fis-settur tiġi ġeneralizzata konformità mal-istandards soċjali li jiggarantixxu xogħol ta’ kwalità u sigur fil-qasam tas-sajd Ewropew u jiskoraġġixxu kwalunkwe kompetizzjoni mhux leali abbażi ta’ spejjeż operattivi inferjuri.
3.4.5 Il-KESE huwa kontra l-privatizzazzjoni tar-riżorsi marittimi. Għal din ir-raġuni, iqis li mhux aċċettabbli li l-Kummissjoni tipproponi suq għat-trasferiment tad-drittijiet tas-sajd bejn l-intrapriżi privati għaliex, jekk jiġi ffaċilitat il-ħruġ ta’ dawn l-intrapriżi mis-settur, tiżdied il-prekarjetà tal-ħaddiema. Id-drittijiet tas-sajd għandhom jiġu ġestiti biss mill-Istati Membri.
3.4.6 Il-konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli jistgħu jwasslu għal tnaqqis kwantitattiv tal-kapaċità iżda mhux għal tnaqqis kwalitattiv jew għat-tneħħija ta’ dawk l-elementi tal-flotta li huma l-iktar ta’ ħsara għall-ambjent, li huma l-inqas effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li huma żvantaġġużi mil-lat soċjali. Barra minn hekk, xi kultant id-drittijiet tas-sajd ġew ikkonċentrati f’idejn għadd żgħir ta’ operaturi, xi wħud minn barra s-settur, li mbagħad jissottokuntrattaw is-sajd lil oħrajn, sikwit lill-istess nies li qabel kienu jistadu f’dawk l-ilmijiet.
3.4.7 Il-Kumitat jappoġġja l-proposta li jiġu stabbiliti sistemi ta’ konċessjonijiet tas-sajd trasferibbli jekk is-sistemi ma jkunux obbligatorji u jitħallew f’idejn l-Istati Membri biex japplikawhom fit-territorji individwali tagħhom, jekk ma jiġux applikati barra mill-ilmijiet tal-Unjoni u jekk l-għan ewlieni tagħhom ikun il-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut abbażi ta’ kriterji ambjentali, ekonomiċi u soċjali sostenibbli fit-tul.
3.4.8 Il-KESE għandu ċerti riżervi dwar l-applikazzjoni tas-sistema għall-flotta tas-sajd li topera fil-Mediterran, peress li fil-proposta tagħha l-Kummissjoni ma tispeċifikax kif se twettaqha.
3.4.9 Il-KESE jqis li għandu jiġi żgurat li t-trasferimenti tal-konċessjonijiet tas-sajd bejn l-Istati Membri jkollhom l-istess kundizzjonijiet bħal dawk previsti għaċ-ċittadini fl-istess Stat Membru. L-analiżi tal-effetti ta’ din is-sistema fuq il-kompetittività u l-profittabbiltà tal-flotot tal-Istati Membri differenti għandha tagħti attenzjoni speċjali lil dawk li għandhom rata għolja ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti tas-sajd.
3.5 Ġestjoni tal-kapaċità tas-sajd
3.5.1 Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta jintqal li waħda mill-problemi ewlenin tal-PKS hija l-kapaċità eċċessiva tal-flotot. Ir-rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-obbligi tar-rappurtar skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2371/2002 jgħid li “l-Istati Membri kollha rrispettaw il-limiti legali tal-kapaċità tas-sajd” u li “ħafna Stati Membri għandhom flotot b’kapaċità taħt il-limiti massimi li huma intitolati għalihom. Il-medja ta’ dan il-marġni huwa ta’ 10 % f’tunnellaġġ u 8 % f’qawwa.”
3.5.2 Il-Kummissjoni żammet dawn il-limitazzjonijiet fil-proposta l-ġdida, li l-Artikolu 35 tagħha jistabbilixxi limiti massimi ta’ kapaċità tas-sajd għall-flotot tal-Istati Membri mill-1 ta’ Jannar 2013.
3.5.3 Il-Kumitat jemmen li, minkejja li l-Istati Membri jikkonformaw ma’ dawn il-limiti massimi tal-kapaċità tas-sajd, il-Kummissjoni għandha tadattahom abbażi ta’ kejl aktar preċiż tal-kapaċità tas-sajd li tinkludi l-qawwa u t-tunnellaġġ kif ukoll it-tip ta’ rkaptu u karatteristiċi oħrajn tal-bastimenti, bil-għan li jiġu aġġustati għar-riżorsi disponibbli.
3.5.4 Barra minn hekk, il-KESE jqis li jkun interessanti ħafna li l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 36 dwar ir-“Reġistri tal-flotot tas-sajd” tinkludi s-sitwazzjoni tal-kapaċità tas-sajd meta mqabbla mar-riżorsi disponibbli.
3.6 Bażi xjentifika għall-ġestjoni tas-sajd
3.6.1 Il-bażi xjentifika għall-ġestjoni tas-sajd hija r-responsabbiltà sħiħa tal-Istati Membri, li jridu jiġbru d-data bijoloġika, teknika, ambjentali u soċjoekonomika għall-ġestjoni tas-sajd tagħhom abbażi tal-ekosistema.
3.6.2 Fir-rigward tal-ġestjoni tas-sajd abbażi tal-ekosistema, il-Kumitat jemmen li hu fundamentali li l-ġbir tad-data jinkludi l-akbar ammont possibbli ta’ data ambjentali u li l-provvista ta’ data affidabbli f’waqtha għandha titqies fis-sistema tal-allokazzjoni tal-kwoti, u jekk dan ma jsirx, għandu jkun hemm is-sanzjonijiet.
3.6.3 Il-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data ser isiru fil-qafas ta’ programm multiannwali li jibda fl-2014. Sadanittant ser ikompli japplika r-Regolament (KE) Nru 199/2008 dwar il-programmi tal-ġbir, il-ġestjoni u l-użu tad-data.
3.6.4 L-Istati Membri ser jadottaw programmi nazzjonali ta’ ġbir tad-data xjentifika, ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni fil-qasam tas-sajd. Ser jinħatar korrispondent nazzjonali biex jikkoordina l-ġbir u l-ġestjoni tad-data xjentifika maħsuba għall-ġestjoni tas-sajd.
3.6.5 Il-KESE jappoġġja dan l-inkoraġġiment xjentifiku, u jemmen li l-programmi ta’ riċerka għandhom jipprovaw isibu informazzjoni fuq dawk l-ispeċijiet li bħalissa għad m’hemmx data xjentifika dwarhom, u jaħseb li din l-attività għandha tinvolvi lill-kunsilli konsultattivi jew lil partijiet interessati oħra deċentralizzati.
3.7 Politika esterna
3.7.1 L-UE hi waħda mill-ftit potenzi kbar tas-sajd bi preżenza qawwija fl-ibħra u l-oċeani kollha tad-dinja minħabba l-attivitajiet tal-flotot tagħha, l-investimenti, il-ftehimiet bilaterali ma’ pajjiżi terzi u l-parteċipazzjoni tagħha fl-organizzazzjonijiet reġjonali prinċipali tal-ġestjoni tas-sajd. Barra minn hekk, l-UE għandha settur tal-ipproċessar u tal-kummerċjalizzazzjoni internazzjonalizzat ħafna.
3.7.2 L-UE hi wkoll wieħed mis-swieq il-kbar f’dak li hu konsum u importazzjoni ta’ prodotti tas-sajd, u b’hekk għandha responsabbiltà kbira meta tiġi biex tidħol għall-impenn li tiggarantixxi l-ġestjoni sostenibbli tal-attivitajiet tas-sajd u l-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fid-dinja.
3.7.3 Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li, fl-aġenda dinjija u multilaterali, l-UE għandha tippromovi s-sajd sostenibbli fid-dinja kollha filwaqt li żżomm il-prinċipju tas-sajd responsabbli, speċjalment f’termini ambjentali, iżda tinkludi wkoll l-aspetti soċjali u ekonomiċi. L-UE għandha tippromovi wkoll miżuri kummerċjali trasparenti u ġusti, għaliex il-politika kummerċjali tagħha għandha tkun koerenti mal-prinċipji tas-sajd responsabbli u sostenibbli.
3.7.4 Il-KESE jaqbel mal-prinċipji ġenerali mħabbra fil-proposta fir-rigward tal-organizzazzjonijiet internazzjonali tas-sajd u l-ftehimiet dwar is-sajd sostenibbli. F’dan ir-rigward għandhom jiġu inklużi wkoll l-intrapriżi Komunitarji tas-sajd li jinvestu fis-suq barrani li għandhom ikunu speċifikament koperti mil-liġi tal-UE. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jintalbu jinformaw lill-Kummissjoni b’kull arranġament bejn iċ-ċittadini tagħhom u pajjiż terz li jippermetti li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom jistadu f’ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni jew is-sovranità ta’ pajjiż terz. Billi r-riforma tad-dimensjoni esterna tal-PKS qed issir f’kuntest kumpless għas-settur tas-sajd kemm fl-UE kif ukoll f’ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, minħabba t-tnaqqis fir-riżorsi tas-sajd, il-preżenza dejjem tikber ta’ flotot oħra li joperaw fuq distanzi twal u minħabba l-impatt tat-tibdil fil-klima, l-UE għandha toħloq ambjent favorevoli għall-investiment privat Ewropew f’attivitajiet tas-sajd sostenibbli fil-pajjiżi tal-AKP u b’hekk tiġġenera valur miżjud għoli u impjiegi deċenti f’dawn il-pajjiżi billi tiżgura l-użu ta’ standards esiġenti ta’ ġestjoni.
3.7.5 Fil-fehma tal-KESE, il-preżenza tal-UE fil-korpi internazzjonali, speċjalment fl-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, għandha tipprova ttejjeb il-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u tiggarantixxi livell għoli ta’ rispett tal-miżuri tal-ġestjoni tas-sajd mill-partijiet ikkonċernati kollha.
3.7.6 L-għan tal-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd attwalment fis-seħħ hu li l-bastimenti tal-UE jkunu jistgħu jistadu, f’ambjent regolat u legalment ċert, biex jaqbdu r-riżorsi żejda fiż-żoni ekonomiċi esklużivi ta’ għadd ta’ pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni temmen li l-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd fis-seħħ għandhom isiru Ftehimiet dwar is-Sajd Sostenibbli (FSS) iffokati fuq il-konservazzjoni tar-riżorsi u s-sostenibbiltà ambjentali kif ukoll fuq it-titjib tal-governanza u l-effikaċja tal-appoġġ settorjali.
3.7.7 Il-KESE jqis li din l-orjentazzjoni ġdida hi neċessarja. Għalhekk, l-UE għandha tiżviluppa Ftehimiet dwar is-Sajd Sostenibbli maħsubin biex joħolqu ambjent adatt fit-tielet pajjiż fil-fażi tal-iżvilupp ikkonċernat għal attivitajiet sostenibbli mil-lat ambjentali, soċjali u ekonomiku, li jkunu bbażati fuq mekkaniżmu ta’ djalogu parteċipattiv u trasparenti mal-partijiet interessati kollha biex iwettqu l-prijoritajiet ta’ dan il-pajjiż għal żvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd tiegħu. Il-Ftehimiet dwar is-Sajd Sostenibbli għandhom ikunu msejsa fuq pariri xjentifiċi validi u trasparenti, fuq evalwazzjonijiet tal-konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali ta’ kull ftehima, fuq kontribut akbar min-naħa ta’ sidien il-bastimenti rigward l-ispiża tad-drittijiet tal-aċċess u fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Il-KESE jemmen ukoll li r-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema għandu jiżdied mal-kriterji li jridu jiġu sodisfatti mill-intrapriżi li joperaw abbażi tal-FSS. Barra minn hekk, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jiġu appoġġjati sabiex itejbu l-kapaċità tagħhom li jwettqu riċerka u evalwazzjonijiet b’rabta mar-riżorsi marittimi li jinsabu fl-ilmijiet tagħhom. Il-Ftehimiet dwar is-Sajd Sostenibbli ma’ pajjiżi terzi, barra li jagħtu lill-flotta tal-UE aċċess għall-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi, għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp tas-sajd fil-pajjiż terz stess billi joħolqu industriji ġodda fis-settur tas-sajd tiegħu li għandhom jippromovu s-sigurtà tal-provvista tal-ikel u aktar ekwità, billi jżidu l-attività fil-portijiet tal-istess pajjiż u, b’mod globali, billi jtejbu l-livell soċjali bis-saħħa tal-promozzjoni ta’ impjiegi sostenibbli ġodda għaċ-ċittadini tiegħu. Il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-governanza billi tapplika kriterji soċjali u ambjentali, u tistabbilixxi l-istrumenti meħtieġa kollha biex ikun hemm segwitu permanenti tal-applikazzjoni u r-rispett tal-Ftehimiet dwar is-Sajd Sostenibbli. L-evalwazzjonijiet tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali fuq l-iżvilupp tas-sajd fil-pajjiż terz ikkonċernat mill-ftehim dwar is-sajd għandhom jitwettqu u jsiru disponibbli pubblikament għall-partijiet interessati kollha sabiex il-partijiet interessati fl-UE u fil-pajjiżi tal-AKP affettwati jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod informat u fi djalogu.
3.7.8 Il-KESE jilqa’ l-proposta li tiddaħħal klawżola ta’ trasparenza fil-ftehimiet futuri dwar is-sajd sabiex jiġi żgurat li jkun magħruf l-isforz tas-sajd akkumulat (mill-flotot lokali u barranin kollha attivi fiż-żona ekonomika esklużiva rispettiva). It-tali klawżola, flimkien ma’ ġbir ta’ data u riċerka mtejba, ser tgħin fl-evalwazzjoni tal-livell ta’ stokk żejjed disponibbli. Il-KESE jqis li hemm bżonn trasparenza ikbar fit-tħaddim tal-FSS fir-rigward tal-pubblikazzjoni tal-evalwazzjonijiet ex ante u ex post, li jinkludu data importanti, bħal pereżempju l-valur tal-qabdiet li jkunu saru mill-flotot tal-UE fl-ilmijiet tal-AKP.
3.7.9 Madankollu, il-KESE hu inkwetat dwar uħud mill-proposti ppreżentati fil-Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-PKS. B’mod partikolari, rigward il-Ftehimiet dwar is-Sajd Sostenibbli, il-Kumitat jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ssemmix li dawn għandhom ikunu strumenti li jħarsu l-attività u l-impjieg tal-flotot tal-UE li joperaw fil-qafas ta’ dawn il-ftehimiet, minħabba l-karatteristiċi speċifiċi u r-rilevanza tagħhom fir-reġjuni li jiddependu ħafna mis-sajd. B’mod simili, ma jifhimx għaliex il-klawżola tal-esklużività ħraxet. Il-KESE jemmen li, għall-kuntrarju ta’ dan, din il-klawżola għandha ssir aktar flessibbli bil-għan li f’każijiet eċċezzjonali tiffaċilita l-aċċess tal-flotta tal-UE għall-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi. Rigward il-ħlas marbut mal-aċċess għall-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi, il-KESE jemmen li s-sidien tal-bastimenti tal-UE għandhom iħallsu ammont raġonevoli u proporzjonat li ma jkunx ta’ ħsara għall-kompetittività tal-intrapriżi, u s-sitwazzjoni għandha tiġi analizzata fuq il-bażi ta’ każ b’każ peress li l-kundizzjonijiet tas-sajd mhumiex l-istess fil-pajjiżi terzi kollha. Fl-aħħar, il-Kummissjoni ma ssemmix il-ħtieġa li jiġu negozjati kundizzjonijiet tekniċi adegwati li jippermettu użu massimu tal-possibbiltajiet tas-sajd.
3.7.10 Il-KESE jikkonferma li mingħajr dubju ta’ xejn hemm bżonn li tiġi promossa l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u li jingħaqdu l-isforzi li qed isiru f’livell dinji sabiex jieqaf għalkollox is-sajd illegali (is-sajd illegali, mhux rapportat u mhux regolat) fl-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha.
3.7.11 Il-Kumitat jemmen li l-flotot ta’ pajjiżi terzi li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn l-UE għandhom jintalbu jikkonformaw mal-istess kundizzjonijiet soċjali u ambjentali li jintalbu mill-flotta tal-UE.
3.7.12 Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-proposta tinkludi paragrafu dwar il-konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE, u dan għandu jkopri l-qasam ambjentali, kummerċjali, iġjeniku u tas-saħħa, soċjali, tax-xogħol, tal-iżvilupp u tar-relazzjonijiet esterni.
3.8 L-akkwakultura
3.8.1 Il-KESE jfaħħar lill-Kummissjoni talli rrikonoxxiet id-dimensjoni komuni Ewropea tal-politika tal-akkwakultura u li ġew stabbiliti linji gwida strateġiċi mhux vinkolanti tal-UE dwar il-prijoritajiet u l-objettivi komuni għall-iżvilupp tal-attivitajiet tal-akkwakultura. B’mod partikolari, ifaħħar il-proposta li l-Istati Membri jintalbu jħejju pjani strateġiċi nazzjonali multiannwali għat-territorju tagħhom minn issa sal-2014.
3.8.2 Il-KESE jqis li l-għan li jiġu definiti b’mod ċar l-indikaturi tas-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali huwa importanti, speċjalment peress li l-akkwakultura għandha l-potenzjal li tikber fl-Unjoni Ewropea u qed tagħti kontribut kbir biex tiġi żgurata l-provvista.
3.8.3 Il-KESE jemmen li hu essenzjali li l-PKS riformata tintegra l-konklużjonijiet tal-Komunikazzjoni “Spinta Ġdida għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Akkwakultura Ewropea” (5), b’mod speċifiku rigward il-promozzjoni tal-kompetittività tal-intrapriżi, il-bini tas-sisien għat-tkabbir sostenibbli u t-titjib tal-immaġni u tal-governanza tas-settur.
3.8.4 F’dan ir-rigward, il-Kumitat jitlob li jinħoloq qafas amministrattiv flessibbli u żona legali unika għall-iżvilupp ta’ settur tal-akkwakultura sostenibbli li jista’ jgħin biex jinżammu l-istokkijiet tal-ħut u biex jinħoloq il-ġid fiż-żoni periferiċi mhux urbani, u fl-istess waqt jinsisti fuq il-bżonn li jiġi rispettat, ikkonservat u integrat l-ambjent lokali.
3.8.5 Il-KESE jissuġġerixxi li r-Regolament futur jingħata t-titolu inklużiv ta’ “Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd u tal-Akkwakultura”.
3.9 Kontroll u infurzar
3.9.1 Il-konformità mar-regoli tal-PKS għandha tiġi żgurata permezz ta’ sistema effikaċi għall-kontroll tas-sajd tal-Unjoni, li tinkludi l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).
3.9.2 Il-KESE jaqbel mal-proposti tal-Kummissjoni rigward il-kontroll u l-infurzar tar-regoli tal-PKS, għalkemm jemmen li għandha titwaqqaf bażi legali suffiċjenti sabiex min jiksirhom ma jkunx jista’ jevita s-sanzjonijiet.
3.9.3 Fir-rigward tal-proposta li l-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-bastimenti tas-sajd jagħtu kontribut proporzjonat għall-ispejjeż ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ kontroll, il-Kumitat jemmen li taxxa ta’ dan it-tip tkun ta’ ħsara kbira għall-bastimenti, li diġà għandhom spejjeż kbar, f’termini materjali u umani, biex jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha relatati mal-kontroll stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
3.10 Strumenti finanzjarji
3.10.1 L-Unjoni tista’ tagħti għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri u lill-operaturi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS.
3.10.2 L-għajnuna finanzjarja li tingħata lill-Istati Membri tista’ titwaqqaf (sospensjoni tal-ħlasijiet) jew titnaqqas permezz ta’ korrezzjoni finanzjarja, jekk huma ma jirrispettawx l-għanijiet tal-PKS. Dawn il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati man-natura, il-firxa, id-dewmien u r-ripetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità.
3.10.3 L-għajnuna finanzjarja li tingħata lill-operaturi tista’ tiġi projbita b’mod temporanju jew permanenti u/jew titnaqqas f’każ li jinkisru b’mod serju r-regoli tal-PKS. Dawn il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati man-natura, il-firxa, id-dewmien u r-ripetizzjoni tal-ksur serju. Il-Kumitat jilqa’ din id-dispożizzjoni u jqis li għandha tiġi estiża għall-Istati Membri li ma japplikawx ir-regoli tal-PKS.
3.10.4 Il-KESE jemmen li l-istrument finanzjarju l-ġdid għandu jivvalorizza r-rwol tas-sajjieda fl-iżvilupp sostenibbli taż-żoni kostali, anke permezz ta’ miżuri għall-protezzjoni kontra t-telf ta’ impjiegi u għajnuna għat-taħriġ u għar-rikonverżjoni lejn attivitajiet oħra bħall-akkwakultura, l-industrija tal-ipproċessar, l-attivitajiet ta’ konservazzjoni jew it-trasport marittimu.
3.10.5 Il-KESE, billi nnota li l-Kummissjoni ma inkludietx il-proposti finanzjarji tagħha fil-pakkett tar-riforma, jistedinha tagħmel dan mill-aktar fis sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni globali tal-PKS futura. Għalkemm fil-proposta dwar il-qafas finanzjarju multiannwali l-allokazzjoni ta’ EUR 6 700 miljun tibqa’ sostanzjalment l-istess (6), mhux ċar kif dawn il-fondi ser jitqassmu bejn il-kapitolu tas-sajd u dak tal-affarijiet marittimi.
3.11 Kunsilli konsultattivi
3.11.1 Il-Komunikazzjoni tipproponi li jinħolqu kunsilli konsultattivi għal kull żona ta’ kompetenza tas-sajd stabbilita fir-Regolament u wieħed għall-akkwakultura, bil-għan li tiġi promossa r-rappreżentanza bilanċjata tal-partijiet interessati kollha u bħala kontribut biex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS.
3.11.2 Dawn il-kunsilli jieħdu post il-kunsilli konsultattivi reġjonali tar-riforma tal-2003, u l-funzjonijiet tagħhom huma li jippreżentaw rakkomandazzjonijiet, suġġerimenti u problemi lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru kkonċernat dwar kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tas-sajd u l-akkwakultura, li jikkontribwixxu, b’kooperazzjoni mill-qrib max-xjenzjati (li fil-fehma tal-KESE għandhom jipparteċipaw fil-formazzjoni u l-operat tal-kunsilli) għall-ġbir, il-provvista u l-analiżi tad-data meħtieġa biex jitfasslu miżuri ta’ konservazzjoni, u li jippubblikaw rapporti u opinjonijiet dwar il-proposti għal miżuri ta’ ġestjoni jew ta’ organizzazzjoni li għalihom il-konsultazzjoni tagħhom tkun obbligatorja.
3.11.3 Il-Kumitat jemmen li l-proposta għal Regolament għandha tgħid b’mod aktar konkret x’inhi r-“rappreżentanza bilanċjata tal-partijiet interessati kollha” u tindika l-parteċipazzjoni tal-atturi soċjali fil-livelli adegwati u skont id-drawwiet ta’ kull Stat Membru.
3.11.4 L-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni u l-azzjoni tal-Istati Membri għandhom jappoġġjaw aktar lill-partijiet interessati tal-kunsilli konsultattivi, b’mod partikolari s-sajd fuq skala żgħira.
3.11.5 Il-KESE huwa sorpriż li fil-proposta l-Kummissjoni ma ssemmix ir-rwol tal-Kumitat Konsultattiv għas-Sajd u l-Akkwakultura tal-UE u huwa preokkupat dwar il-possibbiltà li jitneħħew il-gruppi ta’ ħidma transversali li jindirizzaw il-kwistjonijiet relatati mas-suq, il-politika kummerċjali u temi ġenerali. Il-kunsilli konsultattivi, fosthom dak tal-akkwakultura, mhumiex forums intersettorjali li jindirizzaw b’mod konġunt il-kwistjonijiet komuni tas-sajd, tal-akkwakultura u tal-ipproċessar.
3.12 Id-dimensjoni soċjali u s-sajd fuq skala żgħira
3.12.1 Il-KESE jemmen li jeżistu xi nuqqasijiet fil-proposta tal-Kummissjoni li għandhom jiġu indirizzati, b’mod partikolari n-nuqqas tad-dimensjoni soċjali u n-nuqqas ta’ definizzjoni adegwata tas-sajd kostali fuq skala żgħira u s-sajd tal-frott tal-baħar.
3.12.2 Skont il-Eurostat, bejn l-2001 u l-2010 n-numru ta’ sajjieda naqas b’20 % u niżel għal 203 200 sajjied, li minnhom 40 % biss jaħdmu għal rashom. Is-settur kollu kien jimpjega ħames miljun persuna fl-2005. Fil-fehma tal-KESE, id-dimensjoni soċjoekonomika tas-sostenibbiltà għandha tingħata attenzjoni daqs id-dimensjoni ambjentali.
3.12.3 Hekk kif jingħad fl-opinjoni dwar il-Green Paper, il-KESE jemmen li l-Kummissjoni ma tikkunsidrax biżżejjed l-aspetti soċjali tal-PKS. Għaldaqstant, itenni dak li diġà qal f’din l-opinjoni, b’mod partikolari rigward in-nuqqas ta’ rikonoxximent sistematiku tal-kwalifiki professjonali bejn l-Istati Membri, il-ħtieġa li tinġabar data statistika armonizzata dwar l-inċidenti u l-kawżi tagħhom – li bħalissa ma teżistix fil-livell tal-UE – u l-bżonn urġenti li jerġa’ jiġi vvalorizzat is-settur filwaqt li jiġu garantiti livelli deċenti ta’ remunerazzjoni.
3.12.4 Il-KESE ma jemminx li r-riforma li qed issir bħalissa ser issolvi l-problemi tal-impjieg li jaffettwaw lill-ħaddiema tas-settur u, għalhekk, jipproponi li jiddaħħlu miżuri ta’ akkumpanjament ta’ natura soċjoekonomika (diversifikazzjoni tal-attivitajiet, rikonverżjoni professjonali, taħriġ u sikurezza għall-ħaddiema tas-settur) biex itaffu l-impatt tal-proċess ta’ riforma, bil-parteċipazzjoni massima tal-atturi istituzzjonali, ekonomiċi u soċjali.
3.12.5 L-aspetti soċjali għandhom jitqiesu fil-fażijiet kollha tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (produzzjoni, proċessar u kummerċjalizzazzjoni), bi proposti konkreti sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol.
3.12.6 Rigward il-flotta kostali fuq skala żgħira, il-Kummissjoni żżomm id-definizzjoni attwali ta’ bastimenti b’tul ta’ inqas minn 12-il metru, minbarra l-bastimenti li jużaw irkaptu rmunkat. Il-Kumitat jemmen li din id-definizzjoni ma tqisx ir-realtà tal-flotta fuq skala żgħira fl-Istati Membri differenti u tistabbilixxi kriterju arbitrarju wieħed li jista’ joħloq sitwazzjonijiet diskriminatorji. Għaldaqstant, il-KESE jitlob li minbarra d-daqs ikun hemm kriterji oħrajn li jkunu jistgħu jintużaw biex jillimitaw dan it-tip ta’ sajd diversifikat ħafna, bħal pereżempju ż-żmien li l-bastimenti jqattgħu fl-ibħra miftuħa, id-distanza mill-kosta u r-rabtiet mal-komunitajiet lokali. Skont il-Kumitat, definizzjoni ta’ dan il-kunċett fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali hi aktar adatta mill-kriterju uniformi impost fil-livell Komunitarju li jassimila parti enormi mill-flotta fuq skala żgħira mas-sajd industrijali.
3.12.7 Barra minn hekk, il-KESE jemmen li d-definizzjoni tas-sajd fuq skala żgħira għandha tinkludi lill-operaturi tan-nases tat-tonn u tagħtihom l-istess drittijiet u obbligi li għandhom il-bqija tal-flotot fuq skala żgħira.
3.13 Il-KESE jinnota li l-proposta għal Regolament tagħti lill-Kummissjoni setgħat wisgħin biex tadotta l-atti delegati. Madankollu, billi l-adozzjoni ta’ dawn is-setgħat min-naħa tal-Kummissjoni għandha tiġi notifikata fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u tista’ titħassar minn wieħed minnhom, il-KESE jemmen li jeżistu salvagwardji għall-applikazzjoni tagħha.
4. Analiżi tal-proposta għal riforma tal-OKS u l-kummenti tal-Kumitat
4.1 Introduzzjoni
4.1.1 L-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, li ser tiġi applikata għall-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura mniżżlin fl-anness tar-Regolament li jiġu kkummerċjalizzati fl-UE, ser tikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet tal-PKS u ser tkun irregolata mill-prinċipji ta’ governanza tajba stabbiliti fl-istess politika.
4.1.2 Kif jingħad fil-punt 2.2.2, hi ser ikollha l-istrumenti li ġejjin: organizzazzjonijiet professjonali, standards tal-kummerċjalizzazzjoni, informazzjoni għall-konsumatur, regoli dwar il-kompetizzjoni u tagħrif dwar is-swieq.
4.1.3 Il-KESE jappoġġja l-objettivi u l-prinċipji li ser jirregolaw ir-Regolament il-ġdid dwar l-OKS.
4.2 Organizzazzjonijiet professjonali
4.2.1 L-organizzazzjonijiet tal-produtturi tas-sajd ser jiġu stabbiliti bħala gruppi mwaqqfa fuq l-inizjattiva proprja tal-produtturi ta’ prodotti tas-sajd fi Stat Membru wieħed jew aktar u ser jiġu rikonoxxuti b’konformità mal-proposta għal Regolament.
4.2.2 Minkejja r-rwol ewlieni tagħhom fl-implimentazzjoni tal-PKS, l-iżvilupp tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi kien limitat kemm minħabba l-kumplessità tal-OKS stess kif ukoll, u fuq kollox, minħabba d-diffikultajiet tal-kummerċjalizzazzjoni f’kuntest fejn ir-regoli dwar il-kompetizzjoni jimpedixxu lill-produtturi li jlaħħqu mad-distributuri l-kbar u fejn hija permessa l-importazzjoni rħisa ta’ ħut u frott tal-baħar li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti bażiċi tas-sikurezza tal-ikel, bħat-traċċabilità sħiħa “mill-ilma sal-mejda”.
4.2.3 Il-KESE jitlob li jiġu ssemplifikati r-regoli burokratiċi u amministrattivi, b’mod partikolari jekk l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jridu jindirizzaw il-kwistjoni tal-qabdiet mhux mixtieqa li ser toħloq il-projbizzjoni tal-iskartar tal-ħut. Barra minn hekk, jitlob li tiġi riveduta l-politika tal-kompetizzjoni b’tali mod li tippermetti lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li jiffokaw il-provvista tagħhom, li bħalissa hi frammentata wisq, b’mod effikaċi mil-lat operattiv u sigur mil-lat legali. B’mod speċjali, għandha tissaħħaħ l-integrazzjoni tas-sajjieda fuq skala żgħira.
4.2.4 Ser ikunu jistgħu jiġu stabbiliti organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tal-akkwakultura bħala gruppi mwaqqfa fuq l-inizjattiva proprja tal-produtturi fis-settur tal-akkwakultura fi Stat Membru wieħed jew aktar u ser ikunu rikonoxxuti b’konformità mal-proposta għal Regolament.
4.2.5 Minkejja d-diffikultajiet imsemmijin, il-Kumitat jappoġġja l-ħolqien ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tas-sajd u f’dak tal-akkwakultura għaliex dawn s’issa taw impuls kbir lill-PKS.
4.2.6 Ser ikunu jistgħu jiġu stabbiliti wkoll organizzazzjonijiet interprofessjonali bħala gruppi mwaqqfa fuq l-inizjattiva proprja tal-operaturi fis-settur tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura fi Stat Membru wieħed jew aktar u ser ikunu rikonoxxuti b’konformità mal-proposta għal Regolament.
4.2.7 Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-possibbiltà li jinħolqu organizzazzjonijiet interprofessjonali li jirrappreżentaw parti sinifikanti ta’ mill-inqas tnejn mill-attivitajiet li ġejjin: produzzjoni, proċessar jew kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura. Għalkemm huma projbiti milli jwettqu b’mod dirett attivitajiet ta’ produzzjoni, proċessar jew kummerċjalizzazzjoni, l-organizzazzjonijiet interprofessjonali jistgħu, minbarra l-miżuri mfassla fil-proposta, jgħinu biex jiddiversifikaw il-prodotti tas-sajd fi swieq differenti u jtejbu l-profittabbiltà f’kull fażi tal-katina tas-sajd u l-akkwakultura.
4.2.8 Il-KESE jappoġġja l-objettivi tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali u l-miżuri li jistgħu jadottaw, għalkemm jonqos artikolu dwar il-finanzjament ta’ dan it-tip ta’ organizzazzjonijiet.
4.3 Estensjoni tar-regoli
4.3.1 L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li r-regoli stabbiliti fi ħdan organizzazzjoni tal-produtturi jew fi ħdan organizzazzjoni interprofessjonali jkunu vinkolanti, taħt ċerti kundizzjonijiet, għall-produtturi u l-operaturi li ma jkunux membri tal-organizzazzjoni inkwistjoni, u li dawn l-istess produtturi u operaturi jridu jħallsu lill-organizzazzjoni tal-produtturi jew lill-organizzazzjoni interprofessjonali l-ammont kollu, jew parti minnu, li jħallsu l-membri tal-organizzazzjoni.
4.3.2 Il-KESE jemmen li din il-proposta tista’ ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura u tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq.
4.4 Stabbilizzazzjoni tas-swieq
4.4.1 L-organizzazzjonijiet tal-produtturi jistgħu jiffinanzjaw il-ħżin ta’ ċerti prodotti tas-sajd sabiex iżommu l-istabbiltà tas-swieq, dejjem jekk jirrispettaw għadd ta’ kundizzjonijiet.
4.4.2 Il-KESE jqis li dan il-mekkaniżmu hu adegwat. Però jemmen li l-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandu jkollhom ukoll l-awtonomija li jiddeċiedu liema speċijiet jistgħu jagħmlu parti minn dan il-mekkaniżmu. Mill-banda l-oħra, jemmen li l-prodotti tal-akkwakultura għandu jkollhom prezzijiet ta’ referenza kif qed jiġi propost li jsir għall-prodotti tas-sajd. Flimkien ma’ dawn il-prezzijiet ta’ referenza għandu jkun hemm mekkaniżmi ta’ intervent li jkunu effettivi u adattati għall-karatteristiċi tas-swieq tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.
4.4.3 Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lis-settur biex ifittxu mekkaniżmi aktar flessibbli u effikaċi sabiex jibbilanċjaw il-provvista u d-domanda tal-prodotti tal-baħar. Il-miżuri ta’ koordinazzjoni u ftehim fi ħdan l-organizzazzjonijiet interprofessjonali jistgħu jkunu punt tat-tluq tajjeb f’dan ir-rigward.
4.5 Informazzjoni għall-konsumatur
4.5.1 Il-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura li jiġu kkummerċjalizzati fl-UE, inklużi l-importazzjonijiet, imniżżlin f’anness tal-proposta għal Regolament, jistgħu jiġu offruti għall-bejgħ lill-konsumatur finali biss meta jiġu mmarkati jew ittikkettati b’informazzjoni obbligatorja minima: l-indikazzjoni kummerċjali, il-metodu ta’ produzzjoni, iż-żona fejn il-prodott inqabad jew trabba, id-data meta nqabad jew inħasad u jekk il-prodott hux frisk jew kienx iddifrostjat. Il-ħut preparat jew preservat, il-kavjar u s-sostituti tiegħu, il-krustaċi, il-molluski u l-invertebrati akkwatiċi l-oħra, preparati jew preservati, biss jistgħu jinbiegħu jekk jiġu mmarkati jew ittikkettati bl-informazzjoni mitluba fl-ewwel tliet kundizzjonijiet li huma obbligati jissodisfaw il-bqija tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, jiġifieri l-indikazzjoni kummerċjali, il-metodu ta’ produzzjoni u ż-żona fejn il-prodott inqabad jew trabba.
4.5.2 Il-proposta dwar l-informazzjoni għall-konsumatur tintroduċi, minn naħa, rekwiżiti ġodda (sew għall-prodotti tal-Kapitolu 3 u sew għal dawk tal-Kapitolu 16 imniżżlin fl-Anness II dwar id-deskrizzjoni tal-prodotti) li ma jinsabux fil-leġislazzjoni attwali dwar l-OKS u, minn naħa oħra, testendi dawn il-miżuri għall-importazzjonijiet.
4.5.3 Il-KESE jemmen li l-esiġenza ta’ dispożizzjonijiet ġodda dwar l-informazzjoni għall-konsumatur hija pożittiva, però tirrikjedi analiżi dettaljata ħafna li tqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-forom differenti ta’ preżentazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.
4.5.4 Dawn ir-rekwiżiti l-ġodda għandhom verament jikkorrispondu ma’ elementi pożittivi li huma ta’ valur reali għall-konsumatur, m’għandhomx joħolqu konfużjoni bejn it-tikketta u t-traċċabilità, m’għandhomx joħolqu ostakli tekniċi għall-produtturi u għandhom ikunu konformi mar-riformi reċenti tar-Regolament (UE) 1169/2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (7) u tar-Regolament (KE) 1224/ 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (8).
4.5.5 Għaldaqstant, il-KESE jemmen li qabel ma jiġu inkorporati rekwiżiti ġodda dwar it-tikketti, il-Kummissjoni għandha twettaq studju tal-impatt li janalizza l-vijabilità, l-applikabilità u s-siwi tagħhom għall-konsumatur.
4.5.6 B’risposta għad-domandi biex tiżdied it-trasparenza, il-proposta tikkunsidra l-possibbiltà li tingħata wkoll, b’mod volontarju u mingħajr ma jonqos l-ispazju tal-informazzjoni obbligatorja, informazzjoni ambjentali, etika jew soċjali, dwar it-tekniki ta’ produzzjoni u dwar il-kontenut nutrittiv tal-prodott. Il-KESE jikkunsidra li kwalunkwe proposta ta’ informazzjoni volontarja għandha tkun ibbażata fuq standards minimi regolati li jevitaw li din l-informazzjoni twassal għall-konfużjoni tal-konsumatur jew għad-distorsjoni tas-suq.
4.5.7 Il-Kumitat jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-kontroll tar-regoli dwar it-traċċabilità tal-prodotti tal-baħar bħala mod biex tissaħħaħ l-identifikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti maqbuda jew imrobbija u biex tiżdied il-garanzija li jiġu rispettati r-rekwiżiti tas-sikurezza tal-ikel matul l-istadji kollha tal-katina tas-sajd u l-akkwakultura fil-fażijiet differenti tagħha: produzzjoni, proċessar u kummerċjalizzazzjoni.
4.5.8 Sabiex tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta fis-suq tal-UE, il-KESE jitlob li l-prodotti importati jkunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet iġjeniċi, tas-saħħa u tal-kontroll li huma applikati għall-prodotti Komunitarji, inkluża t-traċċabilità sħiħa “mill-ilma sal-mejda”, u jitlob li l-kontrolli – kemm fil-fruntiera kif ukoll fl-oriġini – ikunu komprensivi b’tali mod li jiggarantixxu r-rispett adegwat ta’ dawn ir-regoli li jikkontribwixxu għas-sikurezza tal-ikel. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jaħseb li d-direttorati ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għandhom jistabbilixxu approċċ koerenti.
4.5.9 Fil-fehma tal-Kumitat għandha tiġi studjata l-possibbiltà li l-armonizzazzjoni tal-kriterji produttivi tiġi estiża għall-qasam soċjoprofessjonali u r-rispett tas-sostenibbiltà ambjentali. F’dan ir-rigward, jipproponi li qabel jiġu konklużi ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u pajjiżi terżi, jiġu analizzati l-kamp ta’ applikazzjoni u l-konsegwenzi soċjali u ambjentali tal-istess ftehimiet u li kull tant żmien isir segwitu fil-fond tar-riżultati tagħhom, bil-għan li ma ssirx ħsara lill-kompetittività tas-settur Ewropew tas-sajd, tal-frott tal-baħar u tal-akkwakultura u l-katina tal-kummerċjalizzazzjoni u tal-ipproċessar tiegħu.
4.6 Tagħrif dwar is-swieq
4.6.1 Il-proposta tipprevedi li l-Kummissjoni twettaq sensiela ta’ azzjonijiet bil-għan li tinforma lid-diversi atturi involuti fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura dwar is-sitwazzjoni u l-evoluzzjoni tiegħu, filwaqt li tqis il-kuntest internazzjonali, tissorvelja l-katina tal-provvista, tanalizza t-tendenzi tas-suq u twettaq studji ad hoc dwar il-formazzjoni tal-prezzijiet. Il-KESE jilqa’ din il-proposta.
4.7 Eżerċizzju tad-delega
4.7.1 Il-KESE jaqbel mad-delega tas-setgħat li jingħataw lill-Kummissjoni, billi dawn kollha jirreferu għall-kontroll u r-rispett effikaċi tal-proposta għal Regolament dwar l-OKS.
Brussell, 28 ta’ Marzu 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) COM(2009) 163 final.
(2) CESE, ĠU C 18, 19.1.2011, p. 53-58.
(3) CESE, ĠU C 24, 28.1.2012 p. 48.
(4) COM(2011) 417.
(5) COM(2009) 162, opinjoni CESE 646/2010 tat-28 ta’ April 2010 (ĠU C 18, 19.1.2011, p. 59-63.)
(6) COM(2011) 500, 29.6.2011, Baġit għall-Ewropa 2020, Parti II, p. 88.
(7) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18-63.
(8) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.