21.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 181/160


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar theddid serju transkonfinali għas-saħħa”

COM(2011) 866 finali – 2011/0421 (COD)

2012/C 181/28

Relatur uniku: is-Sinjura OUIN

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012 u s-17 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, rispettivament, iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar theddid serju transkonfinali għas-saħħa

COM(2011) 866 final – 2011/0421 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ Frar 2012.

Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’ Marzu 2012), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’149 vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jappoġġja l-proposta għal Deċiżjoni dwar theddid serju transkonfinali għas-saħħa.

1.2   Huwa japprova l-approċċ li jibbaża fuq dak li diġà jaħdem għall-mard li jittieħed (1) u fuq l-analiżi tal-kriżijiet l-aktar riċenti sabiex jimtela ċertu vojt li jinsab fl-istrument attwali, hekk kif jippermetti t-Trattat ta’ Lisbona.

1.3   Tinħtieġ koordinazzjoni fil-livell tal-kontinent li tħassar il-fruntieri settorjali sabiex ikun hemm aktar effettività kontra r-riskji, li ma jiqfux mal-fruntieri.

1.4   Madankollu, il-Kumitat jinsisti biex l-elementi kollha tas-soċjetà ċivili jkunu involuti fl-ippjanar tat-tħejjija, u fil-komunikazzjoni fil-każ ta’ kriżi. Li l-koordinazzjoni tiġi limitata għall-professjonisti tas-saħħa u għall-ispeċjalisti tal-protezzjoni ċivili m’għadux jikkorrispondi għall-mod kif tiffunzjona attwalment is-soċjetà, fejn il-mezzi tax-xandir assumew rwol sinifikanti fit-tixrid tal-informazzjoni lill-pubbliku.

2.   Il-kuntest

2.1   L-epidemiji l-kbar tal-pesta, il-kolera jew l-influwenza tas-sekli li għaddew baqgħu fil-memorja kollettiva bħala pjagi li f’temp ta’ ftit ġimgħat setgħu jeqirdu r-razza umana.

2.2   L-Ewropej tas-seklu għoxrin ħasbu li permezz tal-mediċina moderna dawn ir-riskji saru xi ħaġa tal-passat. L-Istati stabbilixxew sistemi ta’ saħħa pubblika (tilqim obbligatorju, monitoraġġ tas-saħħa) għall-protezzjoni tal-popli, u l-Ewropa żviluppat leġislazzjoni u netwerk effikaċi għall-ġlieda kontra l-mard li jittieħed. Din is-sistema taħdem sakemm il-virus huwa wieħed magħruf, u li ilu li ġie identifikat. Ħadmet ħafna inqas meta kellha tiffaċċja mard ġdid bħalma huma l-AIDS jew is-SARS (2).

2.3   Tfaċċa theddid ieħor li wkoll seta’ jkun ta’ periklu għall-popolazzjoni ta’ reġjuni sħaħ. Il-mobbiltà mifruxa b’mod wiesa’ tal-persuni, l-ikel, il-prodotti, eċċ., qed toħloq dgħufijiet ġodda. Virusijiet li s’issa kienu magħrufa bħala lokali issa jistgħu jivvjaġġjaw malajr ħafna u jkunu ta’ periklu f’reġjuni fejn mhumiex magħrufa.

2.4   L-iskoperta u l-produzzjoni kbira ta’ prodotti kimiċi ġodda – li ħadmu kontra l-mard, tejbu l-prestazzjoni agrikola, iffaċilitaw il-bini u ċ-ċaqliq, żiedu l-kwantità tal-prodotti disponibbli u ħaffew u xerrdu l-komunikazzjoni fil-forom kollha – għandhom l-effetti negattivi tagħhom. Il-bnedmin qed jgħixu f’“soppa kimika” minħabba s-sustanzi niġġiesa ta’ kull tip li qed jinxterdu fl-arja, fl-ilma u fl-ikel.

2.5   Ix-xmajjar, ix-xita, ir-riħ u l-virusijiet ma jagħrfux fruntieri. Jekk hemm qasam li jidher li huwa essenzjali li jiġi organizzat fil-livell Ewropew, dan huwa l-protezzjoni tas-saħħa tal-popolazzjoni.

2.6   Waħda mill-konsegwenzi tal-produzzjoni industrijali bil-massa hija t-tisħin klimatiku bil-firxa ta’ konsegwenzi tiegħu. Iżda hemm ukoll l-inċidenti industrijali, virusijiet ġodda, eċċ.; il-protezzjoni tas-saħħa ma tistax tkun strettament limitata għall-qasam tal-mard li jittieħed, u lanqas għas-sorveljanza medika tal-popolazzjoni.

2.7   F’soċjetà interdipendenti, ir-riskju għas-saħħa jista’ jiġi minn kullimkien. Il-kriżijiet tas-saħħa jibdew minn tniġġis industrijali, epidemija veterinarja jew diżastri naturali. Barra minn hekk, irridu nwaqqgħu mhux biss il-fruntieri ġeografiċi iżda wkoll dawk settorjali.

2.8   Fir-rigward tal-mard li jittieħed, jeżisti strument dinji effikaċi mmexxi mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (3).

2.9   L-Ewropa mhix qiegħda tibda mill-bidu. Fir-rigward tal-mard li jittieħed, is-sistema miexja tajjeb u hija effikaċi; iżda fil-każ tal-pandemija tal-influwenza H1N1 uriet li hemm il-lakuni, għax dan kien każ ta’ xiri ta’ tilqim li ma jistax jitlesta minn qabel ħlief meta jitfaċċa virus ġdid. Il-produzzjoni industrijali tat-tilqim u n-negozjar tal-prezz wassal biex l-Istati Ewropej adottaw attitudnijiet differenti fir-rigward tat-tilqim li setgħu kellhom konsegwenzi gravi fuq il-propagazzjoni tal-virus kieku dan kien iktar feroċi.

2.10   Wara l-attentati tal-11 ta’ Settembru 2001, u wara li l-Istati Uniti rċevew ittri u pakketti li jinkludu l-ispori tal-anthrax, twaqqaf Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa (4) fil-livell Ewropew, li għandu kompetenza fir-rigward tar-riskji apparti l-mard li jittieħed iżda li mhuwiex istituzzjonalizzat u għaldaqstant ma jistax jieħu deċiżjonijiet politiċi meta jkun hemm il-bżonn.

3.   Intejbu dak li hemm

3.1   Il-proposta li qed tiġi eżaminata tippermetti wkoll li jimtela l-vojt eżistenti billi nibbażaw fuq it-Trattat ta’ Lisbona (5), li jagħti kompetenzi ġodda f’dan il-qasam, u fuq l-analiżi tad-diffikultajiet li ġew iffaċċjati waqt il-kriżijiet riċenti tas-saħħa.

3.2   Dawn kienu ħafna: il-kriżi tal-BSE, il-pandemija H1N1, il-batterju tal-E.coli/STEC O104, l-attentati tal-kloru fl-Iraq, il-kontaminazzjoni tal-melamina, it-tajn aħmar tossiku, it-tixrid taż-żejt fil-baħar u s-sħab ta’ rmied. Kull kriżi tgħin biex nintebħu bid-dgħufijiet tas-sistema attwali u nipproponu titjib. Il-proposta għal deċiżjoni li qed tiġi eżaminata tixtieq toħloq qafas koerenti li jibbaża fuq dak li diġà jeżisti, u kooperazzjonijiet nazzjonali u settorjali aħjar.

3.3   Il-proposta ma tindirizzax il-kwistjoni tar-riskji radjoloġiċi u nukleari li diġà ġew trattati minn leġislazzjoni Ewropea oħra.

3.4   Il-leġislazzjoni attwali tal-UE tiffoka biss fuq it-theddid marbut mal-mard li jittieħed (6). In-netwerk għas-sorveljanza epidemjoloġika u għall-kontroll ta’ mard li jittieħed li jibgħat twissija u jikkoordina r-reazzjoni fil-livell Ewropew mhuwiex adatt għar-regoli u l-ħtiġijiet attwali. Għaldaqstant huwa propost li jiġi sostitwit mid-dispożizzjonijiet inklużi f’din il-proposta.

3.5   It-tisħiħ tas-sistema eżistenti billi titwessa’ biex tinkludi riskji oħrajn ser jippermetti effikaċja akbar mingħajr ma jiġġenera spejjeż addizzjonali kbar.

3.6   Il-Kumitat japprova l-objettivi tal-proposta:

fil-qasam tal-ippjanar tat-tħejjija, il-koordinazzjoni tal-isforzi tal-Istati Membri f’termini ta’ tħejjija mtejba u t-tisħiħ tal-kapaċità. “Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tiżgura koordinazzjoni bejn l-ippjanar nazzjonali u bejn setturi ewlenin bħat-trasport, l-enerġija u l-protezzjoni ċivili, u se tappoġġa l-Istati Membri fit-twaqqif ta’ mekkaniżmu konġunt ta’ prokurament għal kontromiżuri mediċi.”

sabiex jipprovdi l-informazzjoni u d-dejta rilevanti għall-valutazzjoni tar-riskju u l-monitoraġġ ta’ theddid emerġenti, ser jitwaqqaf netwerk ad hoc f’sitwazzjonijiet fejn Stat Membru jagħti l-allarm fuq theddida serja li mhix marda li tittieħed. Il-mard li jittieħed ser jibqa’ jiġi monitorjat kif inhu bħalissa.

ser jitwessa’ l-użu tas-Sistema ta’ Twissija u Reazzjoni Bikrija sabiex din tkun tkopri kull theddida serja għas-saħħa, u mhux biss il-mard li jittieħed.

żvilupp koordinat ta’ valutazzjonijiet tar-riskju għas-saħħa pubblika Ewropea u nazzjonali għal theddid ta’ oriġini bijoloġika, kimika, ambjentali jew mhux magħrufa f’sitwazzjoni ta’ kriżi.

fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni twaqqaf qafas koerenti għar-reazzjoni tal-UE għal kriżi tas-saħħa pubblika. F’termini konkreti, permezz tal-formalizzazzjoni tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa attwali, l-UE se tkun tinsab f’qagħda aħjar biex tikkoordina r-reazzjonijiet nazzjonali waqt emerġenza fis-saħħa pubblika.

3.7   L-għanijiet previsti għal din il-proposta huma: koordinazzjoni aħjar, effikaċja akbar, li jkun hemm possibbiltà ta’ akkwist Ewropew sabiex jiġu nnegozjati l-prezzijiet mal-laboratorji farmaċewtiċi sabiex jiġi pprovdut il-ħarsien tal-Ewropej kollha, li jkun hemm sistema ta’ twissija Ewropea u mhux biss fil-livell internazzjonali (WHO) u li jiġu estiżi l-istrumenti eżistenti għar-riskji kimiċi, batterjoloġiċi, ambjentali, eċċ. Naturalment, il-Kumitat huwa kompletament favorevoli.

3.8   Dawn il-miżuri ser jikkontribwixxu biex dak li jeżisti diġà, jaħdem aħjar mingħajr ma jintefa’ aktar piż fuq l-istrumenti jew jinħolqu ġodda: il-valutazzjoni tar-riskji permezz ta’ netwerk Ewropew ta’ speċjalisti, qbil dwar il-grad ta’ gravità sabiex tiġi prevista reazzjoni adatta u jiġu definiti messaġġi komuni, il-qsim ta’ data sensittiva fir-rispett tar-regoli (b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-data personali) kemm b’data komparabbli bejn l-Istati Membri kif ukoll mal-pajjiżi ġirien u t-tħejjija ta’ twissijiet komuni għall-vjaġġaturi.

4.   Jiġu kkunsidrati l-evoluzzjonijiet attwali

4.1   Madankollu l-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi kemm Ewropej kif ukoll dawk tal-Istati Membri dwar il-mod kif seħħew il-kriżijiet riċenti.

4.2   Kemm fil-każ tal-pandemija tal-influwenza H1N1 kif ukoll dak tal-batterju E.coli/STEC O104, wieħed seta’ jinnota li l-informazzjoni mxerrda mill-awtoritajiet pubbliċi ma kinitx l-unika waħda u li parti mill-popolazzjoni tagħti iktar widen għal informazzjoni mhux verifikata li tiċċirkola fuq l-Internet. Dan it-tixrid ta’ informazzjoni jista’ jikkomplika l-ġestjoni ta’ kriżi u jkollu effetti gravi fuq is-saħħa tal-popolazzjoni kif ukoll fuq is-setturi ekonomiċi kollha, pereżempju bħal meta ċerti tobba jikkritikaw it-tilqim, jew meta l-informazzjoni mxerrda dwar l-oriġini tal-batterju tkun żbaljata.

4.3   Tista’ tirriżulta kwantità kbira ta’ ħela minn tixrid ħażin tal-informazzjoni u jsir ħsara lill-effikaċja tal-istrumenti. L-aspett pedagoġiku għandu jkun importanti daqs il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi.

4.4   Dan iwassal biex il-Kumitat jirrakkomanda li kull element tas-soċjetà ċivili għandu jkun involut fl-istrumenti tal-kriżi, bħalma huwa t-tixrid tal-informazzjoni, u li barra mill-perjodi ta’ kriżi jkun hemm sensibilizzazzjoni, fl-iskejjel u fuq il-postijiet tax-xogħol, sabiex iċ-ċittadini Ewropej ikollhom spjegazzjoni ta’ kif inhuma protetti mir-riskji, kif jaħdmu s-sistemi ta’ monitoraġġ u ta’ twissija u, fil-każ ta’ kriżi, lil min għandhom jemmnu li huwa kompetenti biex ixerred informazzjoni ta’ min joqgħod fuqha.

4.5   Il-komunikazzjoni saret kwistjoni importanti fil-każ ta’ kriżi tas-saħħa pubblika, u hija importanti daqs li jkun hemm tilqimiet disponibbli, peress li ma jservi għal xejn li jkun hemm tilqimiet tajbin jekk il-poplu mhuwiex konvint li għandu joħodhom.

4.6   Inutli nappellaw għar-responsabbiltà taċ-ċittadini jekk dawn m’għandhomx il-mezzi biex jeżerċitawha realment. Għal dan jeħtieġ ukoll li jkunu informati u mħarrġa minn qabel dwar l-istrumenti eżistenti u dwar ir-rwol li għandu kull wieħed minnhom. Iċ-ċittadini jistgħu jipparteċipaw, jistgħu jkunu atturi tal-protezzjoni komuni, bħalma jistgħu jiggravaw l-affarijiet jekk dawn ma jiġux responsabbilizzati minn qabel u informati korrettament. Fl-interess ġenerali, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom jinvolvu lill-organizzazzjonijiet kollha li għandhom interess fil-ħarsien tal-benessri komuni għall-protezzjoni ta’ kulħadd, filwaqt li jħeġġu informazzjoni reċiproka adegwata.

Brussell, 28 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Id-Deċiżjoni Nru 2119/1998/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 1998 illi tistabbilixxi xibka ta’ sorveljanza epidemjoloġika u kontroll ta’ mard li jittieħed fil-Komunità (ĠU L 268, tat-3.10.1998, p. 1).

(2)  Sindromu Respiratorju Akut Gravi.

(3)  Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa: http://www.who.int/ihr/en/index.html

(4)  Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-15 ta’ Novembru 2001 dwar il-bijoterroriżmu (13826/01) u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta’ Frar 2007 dwar il-prolongazzjoni u l-estensjoni tranżitorja tal-mandat tal-HSC (6226/07)

(5)  Artikolu 6(a) u Artikolu 168(1) tat-TFUE.

(6)  Id-Deċiżjoni Nru 2119/1998/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Settembru 1998 illi tistabbilixxi xibka ta’ sorveljanza epidemjoloġika u kontroll ta’ mard li jittieħed fil-Komunità (ĠU L 268, tat-3.10.1998, p. 1).