21.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 181/143


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi — aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa”

COM(2011) 567 finali

2012/C 181/25

Relatur: is-Sur VAN IERSEL

Korelatur: is-Sur STERN

Nhar l-20 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Insostnu t-tkabbir u l-impjiegi – aġenda għall-immodernizzar tas-sistemi ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa

COM(2011) 567 final

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar id-29 ta’ Frar 2012.

Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'100 vot favur, vot iweħed (1) kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Edukazzjoni għolja mfassla tajjeb hija kruċjali għall-futur ekonomiku u intellettwali tal-Ewropa, billi ssaħħaħ il-bażi tal-prestazzjoni soċjali u ekonomika, ittejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ġenerazzjoni(jiet) tal-futur, u hija indispensabbli għat-tfassil tal-valuri futuri fis-soċjetà Ewropea.

1.2   B'mod ġenerali, il-KESE jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni kif ukoll mal-proposti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u l-Kunsill (1) li għandhom jiġu implimentati fis-snin li ġejjin, li ħafna minnhom huma relatati mal-opinjoni tal-KESE dwar “l-Universitajiet għall-Ewropa” tal-2009 (2). Il-KESE jenfasizza li l-Aġenda tal-UE trid tiġi kompletata u jistenna passi aktar ambizzjużi mill-Kunsill.

1.3   Minkejja sensibilizzazzjoni u konverġenza ta’ fehmiet dejjem ikbar għad hemm ħafna xi jsir. Ħafna drabi, it-titjib fuq il-karta jiġi implimentat b'mod riluttanti. L-interessi individwali, il-protezzjoniżmu (dgħajjef) u d-diversità u l-frammentazzjoni tax-xena tal-edukazzjoni għolja, li għadhom mifruxin – minkejja l-proċess ta’ Bologna – iservu bħala ostaklu għall-aġġustamenti rapidi. Din mhijiex sempliċement ħaġa teknika peress li l-aġġustamenti ħafna drabi jfissru bidla sħiħa tal-istrutturi eżistenti kif ukoll definizzjonijiet ġodda tar-responsabbiltajiet, il-metodi, il-programmi u l-enfasi. Dawn l-elementi jirrikjedu attenzjoni kontinwa fil-proċess ta’ mmodernizzar b'mod aktar preċiż u dettaljat.

1.4   Naturalment hija mixtieqa diversità effettiva fl-edukazzjoni għolja fejn l-universitajiet klassiċi jgħaqqdu t-tagħlim u r-riċerka, u tipi oħra ta’ edukazzjoni għolja bħall-istituzzjonijiet għolja tal-vokazzjonijiet, l-edukazzjoni b'enfasi primarjment reġjonali – anke transkonfinali – u istituzzjonijiet b'għadd limitat ta’ korsijiet. B'mod aktar ġenerali, hemm bżonn ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u profili distinti. Il-KESE jisħaq fuq sinerġiji effettivi bejn id-diversi tipi ta’ tagħlim u fuq opportunitajiet flessibbli ta’ tagħlim fil-livelli kollha tal-edukazzjoni.

1.5   L-Ewropa 2020 għandha tiġi applikata bis-sħiħ, kemm fis-sustanza kif ukoll fl-organizzazzjoni. Il-Kummissjoni, il-Kunsill, l-Istati Membri u l-edukazzjoni għolja għandhom jaqsmu r-responsabbiltajiet u jikkoordinaw b'mod effettiv. L-Ewropa 2020 timplika interkonnessjonijiet bejn l-edukazzjoni għolja u l-inizjattivi ewlenin, bħall-Unjoni tal-Innovazzjoni, il-Politika Industrijali, l-Aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi u Żgħażagħ Attivi. Is-sistemi u l-politiki tal-edukazzjoni għolja għandhom jagħmlu parti mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fis-Semestru.

1.6   L-awtonomija (3), ir-responsabbiltà u t-trasparenza tal-istituzzjonijiet huma kruċjali biex tintlaħaq il-missjoni tagħhom u biex jinkiseb valur aħjar għall-flus. Dawn huma kruċjali wkoll biex l-edukazzjoni għolja titqiegħed fil-qalba tal-ħolqien tal-impjiegi, il-kapaċità għall-impjieg u l-innovazzjoni. L-aġendi (nazzjonali) għandhom jiżguraw il-professjonalizzazzjoni tal-ġestjoni, il-kurrikuli aġġornati, it-taħriġ, l-iżgurar tal-kwalità tat-tagħlim u r-riċerka, l-ispeċjalizzazzjoni, kif ukoll l-attrattiva internazzjonali. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-università intraprenditorjali.

1.7   Il-finanzjament huwa vitali. Li l-edukazzjoni għolja ma tirċevix biżżejjed finanzjament u li r-restrizzjonijiet baġitarji jitfgħu aktar pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi huwa ta’ tħassib u kontraproduttiv għall-Ewropa 2020 u l-pożizzjoni tal-Ewropa fid-dinja. Għandu jiġi żgurat finanzjament sodisfaċenti għall-edukazzjoni għolja, irrispettivament mis-sors tal-finanzjament. Il-prattiki tajba għandhom jinfirxu.

1.8   L-għadd ta’ studenti għadu qed jiżdied b'pass imgħaġġel. Għandhom jiġu garantiti opportunitajiet għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha u fil-livelli kollha. Id-dinamika tal-ekonomija u tas-soċjetà inġenerali teħtieġ kemm aċċess mingħajr xkiel kif ukoll kwalità sodisfaċenti. Fil-każ ta’ introduzzjoni (jew żieda) ta’ miżati nazzjonali tat-tagħlim, dawn għandhom ikunu akkumpanjati minn politiki ta’ appoġġ għall-boroż ta’ studju u s-self, u l-garanziji tal-aċċess.

1.9   Hemm bżonn aktar studenti, ħaddiema b'għarfien u riċerkaturi fil-qasam tekniku, filwaqt li l-edukazzjoni teknika għandha tiġi ppreżentata b'mod aktar attraenti. Il-kontribut tal-imsieħba soċjali u l-esperti tas-suq tax-xogħol għandu jkun strutturat tajjeb. Il-kumpaniji individwali – irrispettivament mid-daqs tagħhom – għandhom ikunu jistgħu jagħmlu kontributi sinifikanti għall-kurrikuli, għat-taħriġ u għal spirtu intraprenditorjali.

1.10   L-universitajiet u l-kumpaniji, filwaqt li jżommu l-indipendenza u r-responsabbiltajiet tagħhom, b'mod konġunt għandhom jiżviluppaw aġendi ta’ innovazzjoni strateġiċi. Tali interazzjoni bejn l-edukazzjoni għolja u l-kumpaniji s-soltu jagħtu ħafna valur lir-riċerka, it-trasferiment tal-għarfien, l-iżvilupp tal-ħiliet trasferibbli kif ukoll l-iżvilupp tal-ideat. Il-prattiki tajba għandhom jinfirxu.

1.11   Il-bżonn ta’ sistema ta’ klassifikazzjoni u ta’ valutazzjoni tal-kwalità ma jistax jiġi stmat iżżejjed biex jinħoloq il-valur għall-flus u għal mobbiltà internazzjonali ta’ suċċess. Il-KESE jilqa' t-tnedija ta’ U-Multirank imfassal bir-reqqa. Minbarra dan l-elenkar (“mapping”), iridu jittejbu kundizzjonijiet oħra għall-mobbiltà tal-istudenti u r-riċerkaturi u l-internazzjonalizzazzjoni.

1.12   Il-konverġenza ta’ sistemi tal-edukazzjoni għolja tinfluwenza b'mod pożittiv il-kundizzjonijiet għall-mobbiltà transkonfinali tal-istudenti u r-riċerkaturi – dan huwa ta’ benefiċċju għall-prestazzjonijiet individwali kif ukoll għas-suq tax-xogħol Ewropew u l-integrazzjoni Ewropea. Il-programm Erasmus għandu jinkludi pilota għal “semestru tal-mobbiltà”.

1.13   Il-KESE jappoġġja bis-saħħa rabta bejn l-Aġenda għall-Immodernizzar u l-Orizzont 2020, l-Erasmus għal kulħadd u l-Fondi Strutturali.

2.   Daħla

2.1   L-edukazzjoni fil-livelli kollha hija tal-ikbar interess. Minħabba s-“sussidjarjetà”, l-edukazzjoni għolja fl-Ewropa żviluppat b'mod nazzjonali. It-Trattat ta’ Lisbona jsemmi biss it-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ mill-ġdid bħala oqsma għal miżuri tal-UE (4).

2.2   Il-Konferenza ta’ Bologna tal-1999 għamlet pass 'il quddiem deċiżiv, li wassal għal sistema ta’ lawrji fil-livelli ta’ Baċellerat, Masters u Dottorat madwar l-Ewropa kollha. Il-Ftehim ta’ Bologna kkontribwixxa għall-konverġenza tas-sistemi tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa.

2.3   Sadattant, l-UE nediet programmi internazzjonali ta’ suċċess għall-istudenti u r-riċerkaturi bħall-Erasmus, l-Erasmus Mundus, l-Azzjonijiet Marie Curie u oħrajn. Dan ħeġġeġ lill-proġetti ta’ riċerka transkonfinali b'mod sistematiku permezz ta’ Programmi Qafas suċċessivi.

2.4   Għaddej proċess kontinwu ta’ riformi u inizjattivi minn isfel għal fuq fl-universitajiet u bejniethom. Dawn l-inizjattivi jinkludu l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ universitajiet b'miri simili bħall-League of European Research Universities (Lega ta’ Universitajiet ta’ Riċerka Ewropej), il-Grupp Coimbra u oħrajn, li jippromovu l-ispeċjalizzazzjoni f'bosta direzzjonijiet, pereżempju fir-riċerka jew fix-xjenzi soċjali.

2.5   Fl-2009, il-KESE kkonkluda li “[f]is-sistema attwali, li mhix tal-aħjar livell, il-potenzjal kbir tal-universitajiet mhux żviluppat biżżejjed” (5). Il-Kummissjoni qablet ma’ din il-fehma fl-Aġenda għall-Immodernizzar (6). Il-Kunsill jikkonkludi li “l-kwalità tal-edukazzjoni u r-riċerka hija l-mutur ewlieni tal-immodernizzar” u “t-tisħiħ tat-trijangolu tal-għarfien bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni huwa kondizzjoni ewlenija […] għall-impjiegi u t-tkabbir” (7).

2.6   L-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja jrid isir f'xena ferm diversifikata fi ħdan kuntesti soċjoekonomiċi nazzjonali u reġjonali li huma differenti minn xulxin. L-universitajiet klassiċi u tipi oħra ta’ istituzzjonijiet għandhom missjonijiet speċifiċi. Il-kunċett ta’ università klassika jimplika kemm edukazzjoni u taħriġ kif ukoll riċerka.

2.7   Fid-dawl ta’ rkurpru soċjali u ekonomiku sostenibbli, il-passi kuraġġużi biex tittejjeb il-kwalità fl-edukazzjoni għolja huma kruċjali.

2.8   Apparti ħafna analiżijiet dwar ir-riformi mixtieqa, id-Dokument ta’ Ħidma mehmuż mal-Komunikazzjoni (8) jiġbor fil-qosor l-iżviluppi fl-Istati Membri fir-rigward tal-immodernizzar. Madankollu għad iridu jiġu indirizzati diverġenżi konsiderevoli f'oqsma ewlenin:

il-produttività ekonomika ta’ kull pajjiż – il-livell ta’ kisba fl-edukazzjoni għolja u l-produzzjoni ekonomika per capita,

il-kwalifiki fid-dawl tal-kapaċità għall-impjieg,

id-disparitajiet fir-rigward tal-livell ta’ kisba ta’ 40 % tal-UE miftiehem għall-edukazzjoni għolja, għalkemm il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għolja qed tiżdied b'mod konsiderevoli fl-Ewropa kollha,

il-livelli differenti ta’ investiment fl-edukazzjoni għolja, id-differenzi fil-finanzjament, id-disparitajiet fl-iżvilupp tal-edukazzjoni għolja finanzjata mis-settur pubbliku u mis-settur privat,

minkejja riforma mifruxa u estensiva tal-governanza tal-edukazzjoni għolja, għad hemm disparitajiet fl-awtonomija u r-responsabbiltà finanzjarja u istituzzjonali.

2.9   Fl-analiżi ġenerali tagħha l-Kummissjoni tindika wkoll bidliet, l-aktar fl-iżvilupp tat-trijangolu tal-għarfien fl-Ewropa kollha, relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn l-universitajiet u n-netwerks tal-intrapriżi, enfasi fuq attivitajiet li jużaw ħafna għarfien tal-ogħla livell (“high-end”), bħar-riċerka u l-iżvilupp, it-tqegħid fis-suq u l-bejgħ, il-ġestjoni tal-katina tal-valur u s-servizzi finanzjarji, is-servizzi b'mod ġenerali, l-ICT, il-gruppi soċjetali sottorappreżentati, it-tibdil fil-bilanċ bejn in-nisa u l-irġiel – fejn in-nisa jirrappreżentaw aktar minn nofs l-istudenti fil-livell predottorali fl-Ewropa kollha, għalkemm fil-livell dottorali hemm tendenza opposta – u mobbiltà transkonfinali Ewropea u internazzjonali ta’ livell impressjonanti fil-qasam tat-tagħlim.

2.10   Il-KESE jaqbel li jissaħħu r-rapporti, analiżijiet u rakkomandazzjonijiet eżistenti tal-pajjiżi permezz ta’ metodu sistematiku speċifiku għal kull pajjiż, kif applikat fir-rapporti ta’ progress tal-Proċess ta’ Bologna u l-istudji rfinati tal-OECD dwar l-edukazzjoni għolja u l-kejl tal-kwalità. Approċċi speċifiċi għall-pajjiżi ser jipprovdu “prattiki tajba”.

2.11   Il-KESE jinnota li ċerti kwistjonijiet importanti tħallew barra mill-analiżi pjuttost ġenerali, bħall-interferenza politika nazzjonali u reġjonali fl-edukazzjoni għolja, il-mod kif il-bżonn li jitħeġġu l-parteċipazzjoni u l-kwalità qed jiżviluppa fl-Istati Membri, l-approċċ tal-awtoritajiet għall-ħtiġijiet speċifiċi għall-professuri, l-għalliema, ir-riċerkaturi u l-istudenti, ir-relazzjoni reċiproka bejn id-diversi livelli tal-edukazzjoni għolja fl-Istati Membri, l-iżvilupp ta’ bażi komuni għall-edukazzjoni u r-riċerka fi ħdan l-universitajiet, u tal-aħħar iżda mhux tal-inqas, evidenza statistika affidabbli.

2.12   Il-Kummissjoni u l-Kunsill jenfasizzaw ħafna r-relazzjoni bejn l-edukazzjoni għolja u l-ekonomija. Huma ma jindirizzawx b'mod speċifiku l-fakultajiet tas-saħħa, tax-xjenzi soċjali jew l-umanitajiet. Din hija ħaġa raġonevoli minħabba li hemm bżonn fokus, b'mod partikolari fi żmien ta’ kriżi. Min-naħa l-oħra, billi l-għan ta’ kwalunkwe sistema ta’ edukazzjoni hija relazzjoni ottima bejn l-edukazzjoni u x-xogħol, ikun ferm rakkomandabbli wkoll li jiġi diskuss kif il-fakultajiet jew iċ-ċrieki akkademiċi li mhumiex relatati mill-qrib mal-ekonomija, importanti kemm huma importanti, għandhom jindirizzaw l-immodernizzar.

2.13   Hemm bżonn kooperazjoni bejn l-industrija u l-fakultajiet tas-saħħa, billi t-teknoloġiji kosteffettivi l-ġodda tad-dijanjosi u t-terapija jeħtieġu taħriġ prattiku li jirrekjedi ħafna flus u kapital, edukazzjoni ta’ kwalità għolja u tagħlim tul il-ħajja. Dan ser jgħin biex jitnaqqsu r-rati ta’ mewt u diżabbiltà.

3.   L-Ewropa 2020 u l-edukazzjoni għolja

3.1   Fl-2009, il-KESE ddeskriva l-Istrateġija ta’ Lisbona u l-edukazzjoni għolja Ewropea bħala katalisti potenzjali ewlenin għall-proċess tal-immodernizzar. Il-Kummisjoni għandha raġun toħloq rabta bejn l-għanijiet u l-miri tal-Ewropa 2020 u l-universitajiet.

3.2   Waħda mill-innovazzjonijiet deċiżivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 tirrigwarda l-governanza: koordinazzjoni aktar mill-qrib fi ħdan il-Kummissjoni u bejn l-Istati Membri u l-UE anke fi kwistjonijiet li mhumiex koperti jew li huma parzjalment koperti mit-Trattat.

3.3   Fost l-affarijiet ta’ importanza kbira għall-edukazzjoni għolja nsibu l-inizjattivi ewlenin, b'mod partikolari l-Politika Industrijali, l-Unjoni ta’ Innovazzjoni, l-Aġenda għall-ħiliet u impjiegi ġodda u Żgħażagħ Attivi.

3.4   It-tisħiħ tar-rwol ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni, li jinkludi r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fis-Semestru, għandu jappoġġja r-riformi meħtieġa tal-universitajiet.

3.5   L-aġenda għall-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja għandha tiġi koperta bis-sħiħ mill-Ewropa 2020. Il-KESE jilqa' r-rwol ċentrali tal-edukazzjoni fil-qafas tal-Istrateġija Ewropa 2020 u r-referenza li saret għal din l-Istrateġija fl-aġenda strateġika tal-Kummissjoni.

3.6   Il-KESE jemmen li r-rabta bejn l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-edukazzjoni għolja fl-aħħar mill-aħħar tfisser li:

l-Ewropa 2020 torbot l-edukazzjoni għolja mal-innovazzjoni, il-politiki industrijali u l-mobbiltà;

toħloq bażi addizzjonali għal fehmiet komuni u għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri, u fost l-istituzzjonijiet edukattivi;

ser tiġġenera xpruni ġodda fil-livell nazzjonali għall-immodernizzar;

l-iżviluppi fl-edukazzjoni għolja għandhom isiru parti mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi fis-Semestru annwali;

l-Ewropa 2020 ser toħloq forums ġodda ta’ kooperazzjoni u żżid in-netwerks transkonfinali produttivi;

ir-rabta mal-politika industrijali u l-innovazzjoni teħtieġ konsultazzjonijiet intensifikati mas-settur privat. Il-konsultazzjonijiet mal-SMEs u l-mikrointrapriżi mhumiex valutati biżżejjed. Il-KESE jisħaq fuq l-impenn ġenwin tal-edukazzjoni għolja, il-gvernijiet u l-Kummissjoni biex jużaw l-esperjenza prattika ta’ dawn l-intrapriżi fit-tfassil ta’ programmi u kurrikuli.

3.7   Il-Kummissjoni tiddistingwi bejn, minn naħa, il-kwistjonijiet ewlenin riżervati biex jiġu indirizzati mill-Istati Membri (u l-istituzzjonijiet edukattivi) u, min-naħa l-oħra, il-kwistjonijiet speċifiċi tal-UE. Il-KESE jippreferi jirreferi għar-“responsabbiltajiet konġunti” tal-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-Ewropa 2020.

4.   Kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati mill-Istati Membri, il-Kunsill u l-edukazzjoni għolja

4.1   L-identifikazzjoni tal-kwistjonijiet ewlenin fl-Istati Membri għandha twassal għal azzjoni ffokata. Jeħtieġ li tingħata aktar spinta 'l quddiem. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-prijoritajiet fuq proposta tal-Kummissjoni li sussegwentement timmonitorja l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali.

4.2   Għandha ssir enfasi speċjali fuq “tmexxija u sistemi ta’ finanzjament aktar flessibbli li jibbilanċjaw l-awtonomija akbar għall-istituzzjonijiet edukattivi mar-responsabbiltà lejn il-partijiet kollha interessati”, li jwasslu għall-ispeċjalizzazzjoni, il-prestazzjoni fl-edukazzjoni u r-riċerka u d-diversifikazzjoni (9).

4.3   Kif kien saħaq il-KESE fl-2009, qafas adatt u awtonomija huma kruċjali (10). Għad li l-organizzazzjoni, inklużi l-awtonomija u l-finanzjament, hija responsabbiltà ewlenija tal-Istati Membri, il-Kumitat iqis li dibattitu dwar dawn l-aspetti fost l-Istati Membri u fil-Kunsill huwa indispensabbli għax jaffettwaw ħafna r-riżultat għall-għalliema u l-istudenti.

4.4   Il-KESE jaqbel mal-objettivi ta’ politika stabbiliti fil-kaxxa ta’ kwistjonijiet politiċi ewlenin fil-punt 2.5 tal-Aġenda għall-Immodernizzar. Dawn l-objettivi huma ħafna aktar minn aġġustamenti tekniċi. Huma relatati mill-qrib mal-ambjent politiku nazzjonali. L-ewwel u qabel kollox, huma l-gvernijiet li għandhom jiġu indirizzati pjuttost milli l-edukazzjoni għolja. Il-persistenza politika, il-leġislazzjoni u r-regolazzjoni, li lkoll għandhom jiġu diskussi mal-partijiet kollha interessati, huma essenzjali.

4.5   Il-gvernijiet u l-istituzzjonijiet għandhom jitħeġġu jagħmlu paraguni internazzjonali dwar il-benefiċċji ta’ awtonomija ikbar.

4.6   Għall-kuntrarju tal-prattika komuni, li inkludiet “massifikazzjoni” ta’ suċċess tal-edukazzjoni għolja (11), b'konformità mad-dibattitu attwali dwar l-edukazzjoni għolja, l-enfasi għandha tinbidel għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, diversità ta’ għażliet strateġiċi u l-iżvilupp ta’ ċentri ta’ eċċellenza. L-eżempji ta’ suċċess fl-Istati Membri jistgħu jwittu t-triq.

4.7   Il-KESE jagħraf li tali objettivi jistgħu jfissru bidliet kbar fil-filosofiji dwar l-edukazzjoni fl-Istati Membri. Din hija kwistjoni li għandha tiġi diskussa fil-Kunsill, inklużi l-pjani direzzjonali u l-iskedi.

4.8   Fil-kriżi attwali hemm rabta ċara bejn l-immodernizzar tal-edukazzjoni u l-ekonomija. Imma l-proċess għandu jkun usa'. Il-KESE jindika wkoll li hemm bżonn standards aġġornati f'termini ta’ professjonalizzazzjoni, kurrikuli, lawrji u mobbiltà fix-xjenzi soċjali u l-umanitajiet, li huma importanti għall-ħajja intellettwali, il-valuri u l-identità tal-Ewropa. Barra minn hekk, il-fakultajiet tas-saħħa, ix-xjenzi soċjali u l-umanitajiet li jitmexxew sew jikkontribwixxu wkoll għall-ekonomija.

4.9   Il-KESE jappoġġja relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn l-edukazzjoni għolja u l-intrapriżi. Huwa jaqbel mal-fehma li rabtiet mill-qrib u effettivi bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-intrapriża, abbinati mal-bidla lejn “innovazzjoni miftuħa”, ser ikunu kruċjali għat-trijangolu tal-għarfien.

4.10   Għalhekk, għall-istituzzjonijiet relatati b'mod dirett jew indirett mal-ekonomija, il-KESE japprova s-sħubijiet ma’ tipi differenti ta’ intrapriżi bħala “attività prinċipali tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja (12). Għandu jkun hemm enfasi fuq il-ħiliet intraprenditorjali, kreattivi u innovattivi tal-istudenti kif ukoll fuq l-ambjenti ta’ tagħlim interattiv u l-infrastrutturi tat-trasferiment tal-għarfien. Hemm bżonn ukoll moħħ miftuħ għall-“università interaprenditorjali”.

4.11   Għandhom jinħolqu kundizzjonijiet biex l-istudenti jkunu jistgħu jaqilbu faċilment minn tip ta’ istituzzjoni edukattiva għal oħra, inkluż minn edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali postsekondarju għall-edukazzjoni għolja, biex itejbu l-kwalifiki tagħhom (13). Dawn il-kundizzjonijiet huma mill-aktar utli wkoll fit-tagħlim tul il-ħajja.

4.12   L-iżvilupp reġjonali jistħoqqlu attenzjoni speċjali. F'ħafna reġjuni, b'mod partikolari fiż-żoni metropolitani, ir-rabta bejn l-edukazzjoni għolja, is-suq tax-xogħol, ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-intrapriża hija tal-ikbar importanza. Kulma jmur, dawn ir-reġjuni dejjem qed jiżviluppaw aktar speċjalitajiet transnazzjonali u anke globali. L-involviment sistematiku tal-edukazzjoni għolja normalment huwa katalist fl-iżvilupp lokali u reġjonali u jippromovi r-reżistenza ekonomika. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jitħeġġu jistimulaw tali proċessi reġjonali (14).

4.13   Il-KESE jenfasizza l-kooperazzjoni reġjonali transkonfinali fl-edukazzjoni għolja. Ir-REKT jistgħu jipprovdu appoġġ għar-reġjuni fil-viċinat kif ukoll għar-reġjuni b'tendenzi ekonomiċi komparabbli (15).

4.14   Il-finanzjament huwa kwistjoni vitali. Il-kriżi qed taffettwa wkoll il-finanzjament pubbliku tal-edukazzjoni għolja. Fuq il-medja, hemm riskju li l-edukazzjoni għolja ma tirċevix biżżejjed finanzjament. In-nefqa totali hija 1,2 % tal-PDG meta mqabbel ma’ 2,9 % tal-PDG fl-Istati Uniti u 1,5 % tal-PDG fil-Ġappun. Barra minn hekk, l-infiq privat huwa baxx ħafna meta mqabbel mal-Istati Uniti u l-Ġappun. Sadattant, il-pajjiżi BRIC ukoll għamlu progress sostanzjali. Il-KESE jinnota li l-objettiv bikri tal-UE ta’ 2 % tal-PDG għall-edukazzjoni għolja ma ġiex inkluż fl-Istrateġija Ewropa 2020.

4.15   Il-finanzjament meħtieġ u miri bħall-provvista ta’ gradwati ta’ kwalità għolja, il-professjonalizzazzjoni tal-ġestjoni u l-valur għall-flus għandhom jappoġġjaw l-Istrateġija Ewropa 2020.

4.16   Hemm varjetà kbira ta’ finanzjament fost l-Istati Membri. Xi pajjiżi għandhom aktar flus mill-oħrajn. Il-korrelazzjoni bejn ir-riżultat mill-edukazzjoni għolja u l-impjieg tfisser li huwa kruċjali li jinżamm finanzjament adegwat billi titħeġġeġ varjetà ikbar ta’ sorsi ta’ finanzjament, pereżempju l-użu ta’ fondi pubbliċi bħala lieva għall-investiment privat u pubbliku (match-funding).

4.17   Relazzjoni strutturata sew bejn l-istituzzjonijiet edukattivi kwalifikati u l-komunità tal-kummerċ żgur li jistgħu jrażżnu żvilupp negattiv. L-edukazzjoni għolja għandha tibbenefika mill-proċessi innovattivi fil-kummerċ. Madankollu, il-finanzjament kummerċjali jew privat qatt m'għandu jiġġenera influwenza mhux ġustifikata fuq il-kurrikuli jew fuq ir-riċerka fundamentali.

4.18   L-universitajiet u l-intrapriżi, filwaqt li jżommu l-indipendenza u r-responsabbiltajiet tagħhom, b'mod konġunt għandhom jiżviluppaw aġendi ta’ innovazzjoni strateġiċi. L-interazzjoni bejn l-universitajiet u l-intrapriżi tista' tissaħħaħ bl-alleanzi ta’ għarfien. Il-Pjattaforma Ewropea tal-Innovazzjoni, billi tqis ukoll it-teknoloġiji ewlenin ta’ appoġġ identifikati mill-UE, tista' tkun ta’ appoġġ kbir.

4.19   L-interazzjoni u l-iskambji bejn l-edukazzjoni għolja u l-kumpaniji s-soltu jikkontribwixxu bil-kbir għar-riċerka, it-trasferiment tal-għarfien, l-iżvilupp tal-ħiliet trasferibbli kif ukoll l-iżvilupp tal-ideat. Il-prattiki tajba għandhom jinfirxu.

4.20   L-Aġenda għall-Immodernizzar ma ssemmix l-miżati tat-tagħlim, billi din il-kwistjoni hija responsabbiltà esklużivament nazzjonali. Jeżistu diversi sistemi fl-Ewropa u ż-żieda gradwali fil-miżati annwali hija tendenza ġenerali. Il-miżati tat-tagħlim huma kontroversjali.

4.21   Il-KESE josserva żieda dejjem ikbar fid-dilemmi: l-għadd ta’ studenti qed jiżdied, il-kwalità trid tittejjeb, u l-kapaċità għall-impjieg teħtieġ standards tat-tagħlim ogħla, iżda l-finanzjament pubbliku fl-Istati Membri għadu l-istess jew saħansitra għandu tendenza jonqos. Din hija sfida kbira. F'każ ta’ introduzzjoni (jew żieda) fil-miżati nazzjonali tat-tagħlim, il-KESE jenfasizza li dawn għandhom dejjem ikunu akkumpanjati minn politiki ta’ sostenn għall-boroż tal-istudju u s-self, u garanziji ċari tal-aċċess.

4.22   Il-persentaġġ ta’ studenti li jitilqu qabel il-waqt mill-edukazzjoni għolja huwa għoli wisq, filwaqt li għad irid jinġibed saff tas-soċjetà aktar varjat lejn l-edukazzjoni għolja. B'mod partikolari, is-sitwazzjoni soċjali u kulturali fil-pajjiżi li għadhom lura għad trid tittejjeb.

4.23   Madankollu, għadd ikbar ta’ studenti waħdu mhuwiex kriterju sodisfaċenti. Il-kwalità mkejla b'mod oġġettiv għandha tirbaħ fuq l-għadd ta’ kwalifiki.

4.24   Fir-rigward tal-kwalifiki, ċerti prinċipji huma kruċjali:

il-konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali u l-esperti tas-suq tax-xogħol, fil-kuntest tal-kapaċità għall-impjieg,

il-konsultazzjonijiet mal-intrapriżi huma vitali: apparti l-konsultazzjonijiet mal-kumpaniji l-kbar, għandhom jinkludu wkoll impenn kontinwu fir-rigward tal-SMEs – mikro u żgħar – li huma aktar u aktar importanti peress li l-proċessi industrijali għandhom tendenza dejjem ikbar li jiġu frammentati jew esternalizzati,

il-kwalifiki li huma relatati mad-dinamika tal-ħolqien tal-impjiegi għandhom jiġu żviluppati permezz ta’ skemi tat-taħriġ u t-tagħlim li jitolbu wkoll l-impenn tal-kumpaniji u sħubijiet magħhom,

għandhom jiġu żviluppati kompetenzi interdixxiplinarji u transversali,

il-kwalifiki għandhom ikunu utli għall-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti li ttejjeb l-attrattiva (internazzjonali) jew l-ispeċjalitajiet reġjonali,

minkejja d-diversità fl-edukazzjoni għolja, il-mod kif jiġu definiti l-kwalifiki għandu jiffaċilita l-iskambji u l-karrieri Ewropej (u internazzjonali).

4.25   Il-KESE bi pjaċir kbir jilqa' l-proposti fil-Komunikazzjoni rigward il-kwalifiki, l-iżgurar tal-kwalità u r-rabta bejn l-edukazzjoni għolja u r-riċerkaturi ta’ kwalità ogħla. Huwa jaqbel ukoll mal-fehma li l-immodernizzar tal-edukazzjoni jiddependi mill-kompetenza u l-kreattività tal-għalliema u r-riċerkaturi (16), fatt li ħafna drabi jintesa. F'dan il-kuntest, kull ostaklu amministrattiv projbittiv għall-karrieri fis-settur akkademiku – bħal-livelli akkademiċi addizzjonali li jeżistu f'ċerti pajjiżi (fosthom il-Polonja) – għandu jiġi eliminat.

4.26   Fid-dawl taż-żieda qawwija fl-għadd ta’ studenti, hemm nuqqas preokkupanti ta’ għalliema kompetenti. Il-kwalità fit-tagħlim u r-riċerka tfisser li jinħtieġu kundizzjonijiet tax-xogħol sodisfaċenti, karrieri attraenti fl-edukazzjoni, u l-iżvilupp professjonali kif ukoll faċilitajiet għat-taħriġ u l-premji għall-eċċellenza. Dan jidher li huwa ovvju, iżda fil-maġġoranza tal-Istati Membri s-sitwazzjoni attwali hija bil-maqlub. Għalhekk, il-Kunsill għandu jiddefinixxi l-linji ta’ politika.

4.27   Il-Kummissjoni għandha raġun tenfasizza l-bżonn ta’ varjetà ta’ modi ta’ studju. L-edukazzjoni teknika trid issir aktar attraenti. L-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali u reġjonali jistgħu jaqdu rwol ferm pożittiv biex jappoġġjaw ir-reputazzjoni tal-istudji tekniċi. Il-kumpaniji individwali jistgħu jagħmlu kontribut konsiderevoli. Il-KESE jenfasizza l-impenn tal-SMEs – b'mod partikolari dawk mikro u żgħar – b'mod speċjali fil-livell reġjonali.

4.28   Id-dibattitu Ewropew għandu jiffoka fuq it-tqegħid tal-edukazzjoni għolja fil-qalba tal-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kapaċità għall-impjieg (17). Dan għandu jkun għan ċentrali għall-partijiet kollha interessati u responsabbiltà konġunta tal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri, u b'mod partikolari, l-edukazzjoni għolja nnifisha.

4.29   Fid-dawl tal-isfidi kbar, l-aġenda tal-edukazzjoni għolja tal-Kummissjoni u l-Kunsill għadha 'l bogħod milli tkun lesta u ma tantx hija b'saħħitha. Il-KESE jenfasizza li l-kriżi attwali teħtieġ aktar passi ffokati u konvinċenti mill-Kunsill, mill-Istati Membri u mill-edukazzjoni għolja. Jista' jagħti l-każ li qed iseħħu bidliet, imma dawn iridu jitħaffu.

4.30   L-atturi kollha għandhom jieħdu responsabbiltà indaqs għall-professjonalizzazzjoni, il-kurrikuli, l-iżgurar tal-kwalità, l-ispeċjalizzazzjoni eċċ. Hemm bżonn ta’ pjan direzzjonali u skedi mill-Kunsill dwar ir-rabta bejn l-edukazzjoni għolja, l-innovazzjoni u l-kapaċità għall-impjieg. L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja għandhom jappoġġjaw dan il-proċess billi jfasslu huma stess ir-rwol tagħhom fil-promozzjoni tal-kwalità u l-innovazzjonijiet soċjali u tal-prodotti.

4.31   Il-fehmiet tal-ERAC dwar l-għanijiet ferm rilevanti relatati mal-governanza u r-riforma istituzzjonali tal-universitajiet, u r-rabta bejn l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-edukazzjoni, għandhom isiru parti integrali mill-aġenda. B'hekk, għandha titwitta t-triq għall-bidliet f'bosta universitajiet Ewropej (18).

5.   Kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati mill-Kummissjoni

5.1   Il-KESE jilqa' l-għanijiet li l-Kummissjoni stabbilixxiet għaliha nnifisha fil-proċess tal-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja, fejn għaqdet approċċi reċenti kif ġie enfasizzat fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Novembru li għadda.

5.2   Il-KESE japprova r-rwol li tista' u għandha taqdi l-Kummissjoni fl-enfasi fuq il-bażi ta’ provi għat-tfassil ta’ politika, fost oħrajn fir-rigward tal-prestazzjoni u t-trasparenza. F'dinja ta’ analiżijiet u għanijiet nazzjonali, li ħafna drabi jkunu ispirati mill-politika, rwol proattiv għall-Kummissjoni, b'valutazzjonijiet oġġettivi, huwa essenzjali, inklużi t-termini ta’ referenza li qed jiġu diskussi fil-Kunsill.

5.3   Tali valutazzjonijiet Ewropej aktarx jipprovdu sforzi korrispondenti fl-Istati Membri, l-universitajiet u ċ-ċentri ta’ riċerka, filwaqt li jsaħħu l-qafas komuni, u huwa ttamat li jwasslu għal għanijiet komuni.

5.4   F'dan il-kuntest, il-KESE jilqa' t-tnedija tal-U-Multirank – għodda ta’ informazzjoni u klassifikazzjoni multidimensjonali bbażata fuq il-prestazzjoni. Dan għandu jtejjeb it-trasparenza tal-missjonijiet tad-diversi tipi ta’ istituzzjonijiet u jikkontribwixxi għal tqabbil ġust tal-prestazzjoni tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa. Barra minn hekk, huwa utli biex tiġi żviluppata klassifikazzjoni Ewropea, minbarra l-klassifika monodimensjonali ta’ Shanghai u klassifikazzjonijiet oħrajn.

5.5   Kif kien saħaq il-KESE fl-2009 (19), il-bżonn ta’ sistema kritika għall-klassifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-kwalità li tkopri firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet ta’ varjetà kbira ta’ istituzzjonijiet ma tistax tiġi valutata biżżejjed. It-trasparenza, provduta minn korp terz indipendenti mhux partiġjan li jista' jiġi verifikat ser tappoġġja lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-edukazzjoni għolja biex jenfasizzaw il-kwalità, id-divrenzjar u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti. Kif tinnota l-Kummissjoni, “din l-għodda mmexxija b'mod indipendenti se tiċċara l-għażliet u t-teħid ta’ deċiżjonijiet mill-partijiet interessati kollha fil-qasam tal-edukazzjoni għolja (20).

5.6   Barra minn hekk, l-elenkar (“mapping”) fil-fatt jista' jrawwem il-mobbiltà transkonfinali fost l-istudenti, il-lekċerers, ir-riċerkaturi u l-professuri u, b'mod iżjed partikolari, jgħin biex tittejjeb ir-riċerka permezz tal-ħolqien ta’ netwerks ġodda kif ukoll sħubijiet u kompetizzjoni bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja fl-Ewropa kollha.

5.7   Il-Kunsill jenfasizza l-mobbiltà tal-istudenti u r-riċerkaturi – il-moviment liberu tal-għarfien – bħala l-ħames libertà. Il-programmi tal-UE li jrawmu l-mobbiltà transkonfinali għall-istudenti u r-riċerkaturi diġà kellhom suċċess. Madankollu, in-nuqqasijiet sistemiċi eżistenti għad iridu jiġu rettifikati. Huwa rakkomandat li jkun hemm “tabella tal-mobbiltà” biex jiġu miġġielda l-ostakli għall-mobbiltà tat-tagħlim.

5.8   Il-programm Erasmus għandu jirrikjedi impenn ikbar mill-istudenti. Il-KESE jirrakkomanda pilota għal “semestru tal-mobbiltà” – il-ħames semestru fil-Baċellerat. Il-programm għandu jkun jista' jintlaħaq mill-but ta’ kull applikant. Il-KESE jappoġġja l-analiżi tal-flussi potenzjali ta’ mobbiltà tal-istudenti u l-proposti tal-Kummissjoni dwar is-Sistema Ewropea tat-Trasferiment u l-Akkumulazzjoni ta’ Krediti kif ukoll il-proposti dwar Skema ta’ Mobilità tal-Erasmus fil-Livell ta’ Masters.

5.9   L-Artikolu 179(1) tat-TFUE huwa ċar ħafna fir-rigward tar-riċerka fl-UE (21). Il-mobbiltà internazzjonali tar-riċerkaturi hija kruċjali. Qed jiġri ta’ spiss wisq li l-protezzjoniżmu moħbi joħloq ostakli persistenti għar-riċerkaturi. Dan huwa ta’ ħsara għax-xjenza u l-kompetittività Ewropea. Dan iżomm ukoll lill-istituzzjonijiet nazzjonali milli jaħsdu l-benefiċċju sħiħ tad-diversità intellettwali tal-Ewropa. Il-KESE jappoġġja bil-qawwa l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Qafas Ewropew għall-Karrieri fir-Riċerka biex titrawwem il-mobbiltà tar-riċerkaturi.

5.10   Il-KESE jilqa' wkoll il-qafas Ewropew għal erba' profili ta’ karriera għar-riċekaturi, żviluppat mill-Kummissjoni u minn esperti fl-edukazzjoni u l-intrapriża. Dan għandu jiġi żviluppat bħala sistema miftuħa sabiex jinħolqu kemm jista' jkun opportunitajiet.

5.11   Il-KESE jenfasizza l-bżonn li l-kundizzjonijiet finanzjarji u soċjali nazzjonali għar-riċerkaturi jiġu inkorporati f'qafas komuni Ewropew sabiex jitneħħew l-ostakli li fadal għall-moviment liberu. Għandhom jiġu żviluppati profili professjonali pan-Ewropej u l-istituzzjonijiet għandhom jitħeġġu jipprofessjonalizzaw il-ġestjoni tagħhom tar-riżorsi umani.

5.12   Estensjoni tal-attivitajiet tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija hija mixtieqa, mhux tal-inqas biex jinħolqu inċentivi biex jiżdiedu l-alleanzi ta’ għarfien bejn l-intrapriżi u l-universitajiet konċernati. L-istess japplika għat-tisħiħ fl-inizjattivi Marie Curie u qafas ta’ kwalità għall-apprendistati.

5.13   Fuq skala globali, l-UE trid tiżviluppa bħala kompetitur u msieħba kwalifikata sew. F'dan il-proċess, l-edukazzjoni għolja għandha rwol importanti. Għalhekk, il-KESE jappoġġja għalkollox id-deċiżjoni tal-Kunsill li jistieden lill-Kummissjoni “biex titfassal strateġija speċifika għall-internazzjonalizzazzjoni tal-edukazzjoni għolja (22).

5.14   Il-KESE jappoġġja l-kundizzjonijiet qafas previsti għal estensjoni tar-relazzjonijiet mal-imsieħba lil hinn mill-UE, is-sħubijiet ta’ mobbiltà u t-titjib tal-faċilitajiet għall-istudenti u r-riċerkaturi minn barra l-Ewropa permezz tad-direttivi tal-UE u tabella tal-prestazzjoni (23). Ir-restrizzjonijiet fuq l-istudenti u r-riċerkaturi mhux Ewropej iridu jsiru inqas stretti biex jinġibdu t-talent u l-kreattività minn bnadi oħra.

5.15   Il-KESE jirrakkomanda li ssir diskussjoni fil-Kunsill dwar il-pożizzjoni tal-edukazzjoni għolja Ewropea f'kuntest globali, li tiddefinixxi wkoll il-kwalitajiet meħtieġa għal kompetitur u msieħeb ta’ suċċess. Dan jista' jgħin lill-istituzzjonijiet edukattivi joħolqu l-kundizzjonijiet it-tajba.

5.16   F'għadd ta’ opinjonijiet, il-KESE esprima l-qbil tiegħu li ssir enfasi fuq l-innovazzjoni u kull aspett ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fit-tfassil tal-Perspettivi Finanzjarji 2014-2020. Il-KESE jisħaq li hemm bżonn ta’ żieda fil-valur miżjud mill-fondi Ewropej.

5.17   F'dan il-kuntest, il-KESE jilqa' l-proposta speċifika tal-Kummissjoni dwar żieda ta’ 73 % fil-fondi għall-programm Erasmus fil-baġit 2014-2020 kif ukoll referenzi diretti għall-edukazzjoni (għolja) fil-Fondi Strutturali.

5.18   Mingħajr ma jidħol fid-dettalji taċ-ċifri finanzjarji eżatti, il-KESE jaqbel mal-fehma ġenerali li n-nefqa fl-edukazzjoni, fir-riċerka u l-innovazzjoni u fil-politika ta’ koeżjoni sservi kollha kemm hi biex toħloq ambjent Ewropew li jħares 'il quddiem. Kulfejn huwa adatt, il-fondi taħt “ir-ristrutturar tas-siti industrijali” jistgħu jintużaw ukoll għal dan il-għan.

5.19   Il-KESE jilqa' bi pjaċir l-intenzjoni tal-Kummissjoni li fl-2012 tistabbilixxi grupp ta’ livell għoli b'mandat kontinwu li janalizza s-suġġetti ewlenin għall-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja. Dan il-grupp b'mod ġenerali għandu jkun magħmul minn rappreżentanti minn istituti edukattivi, persuni mid-dinja akkademika, persuni mill-intrapriża u l-imsieħba soċjali.

6.   Suġġerimenti addizzjonali

6.1   Inċentivi ffokati għall-iżvilupp professjonali fl-edukazzjoni għolja bħal korsijiet madwar l-Ewropa kollha għall-ġestjoni u t-tmexxija tal-università huma mixtieqa.

6.2   Ir-rabtiet speċjali bejn l-universitajiet individwali – il-ġemellaġġi fl-Ewropa – huma rakkomandabbli sabiex jitgħallmu mill-esperjenzi prattiċi professjonali u maniġerjali ta’ xulxin. L-iskambji ta’ esperjenzi fi ħdan gruppi ta’ universitajiet transkonfinali u konferenzi u seminars speċjalizzati ser ikunu utli wkoll.

6.3   F'perjodi regolari, il-prestazzjoni xjentifika u edukattiva tal-fakultajiet jew l-istabbilimenti universitarji tiġi valutata minn kummissjonijiet esterni. Il-KESE jirrakkomanda li l-prattika eżistenti ta’ kompożizzjoni internazzjonali kwalifikata sew tiġi estiża għal dawn il-kummissjonijiet.

6.4   Fid-dawl tar-relazzjoni bejn in-nefqa u r-riżultat tal-edukazzjoni għolja, il-KESE jirrakkomanda li ssir analiżi Ewropea tas-sistemi eżistenti tal-piżijiet amministrattivi. Il-proposti għat-titjib għandhom jitfasslu fuq il-bażi tal-prattiki tajbin.

Brussell, 28 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28-29 ta’ Novembru 2011 dwar “L-Aġenda għall-Immodernizzar”.

(2)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 48-55.

(3)  Għall-aħħar analiżi ara “University Autonomy in Europe II - the Scoreboard”, European University Association, 2011, There is still a world to win.

(4)  Titolu XII, Edukazzjoni, formazzjoni vokazzjonali, żgħażagħ u sport, Artikoli 165 u 166.

(5)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 48-55, punt 1.1.

(6)  COM(2011) 567 final, p.2.

(7)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja, 28 u 29 ta’ Novembru 2011.

(8)  SEC(2011) 1063 final, p. 48.

(9)  COM(2011) 567 final, p. 9, ĠU C 128, 18.5.2010, p. 48-55, punt 1.4.

(10)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 48-55, punti 1.4, 3.5.1 u 3.5.2.

(11)  Bejn l-2000 u l-2009 l-għadd ta’ studenti fl-edukazzjoni għolja fl-UE żdied minn 22,3 % għal aktar minn 19,4 miljuni – Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Iżviluppi fis-sistemi Ewropej tal-edukazzjoni għolja, SEC(2011) 1063 final, p. 16. (mhux disponibbli bil-Malti). Madankollu, din mhija l-ebda indikazzjoni tal-kwalità tal-kwalifiki.

(12)  COM(2011) 567 final, p.8. Ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28-29 ta’ Novembru 2011 li jenfasizzaw is-sħubijiet u l-kooperazzjoni mal-intrapriżi, u atturi pubbliċi u privati oħra.

(13)  ĠU C 68, 6.3.2012, p. 1, li tħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tgħaqqad lill-proċessi ta’ Bologna u ta’ Kopenħagem flimkien f'approċċ integrat, u ĠU C 68, 6.3.2012, p. 11.

(14)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 7.

(15)  Ibid., punti 5.7 u 5.8.

(16)  COM(2011) 567 final, p.5.

(17)  COM(2011) 567 final, p.12, punt 3.3.

(18)  Ara l-Konklużjonijiet tal-Kumitat taż-Żona Ewropea ta’ Riċerka, 24 ta’ Ġunju 2011.

(19)  ĠU C 128, 18.5.2010, p. 48-55, punti 1.5 u 5.2.4, 5.2.5 u 5.2.6.

(20)  COM(2011) 567 final, Kaxxa dwar il-kwistjonijiet ewlenin, p.11.

(21)  Ara l-proposta konvinċenti “Lejn qafas Ewropew għall-karrieri fir-riċerka”, Kummissjoni Ewropea, 21 ta’ Lulju 2011.

(22)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-internazzjonalizzazzjonia tal-edukazzjoni għolja, 11 ta’ Mejju 2010.

(23)  COM(2011) 567 final, kaxxa ta’ kwistjonijiet ewlenin, p. 14.