21.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 181/52


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-futur tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea”

COM(2011) 613 finali

2012/C 181/10

Relatur: is-Sur VAN IERSEL

Nhar is-6 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-futur tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

COM(2011) 613 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Marzu 2012.

Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’139 vot favur, 2 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet

1.1   Il-KESE jaqbel li l-kriżi attwali qed iġġieġħel lill-Istati Membri u lill-UE jkunu attenti ħafna għall-infiq żejjed. F’dan il-kuntest, jifhem perfettament li l-Kunsill ma jixtieqx joħloq iżjed opportunitajiet fil-qafas tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE).

1.2   Madankollu, il-KESE jixtieq ifakkar fid-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-TFUE, b’mod speċjali fl-Artikoli 4, 174 u 222, li jenfasizzaw ir-responsabbiltà konġunta tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jindirizzaw id-diżastri naturali u l-attakki terroristiċi fit-territorju kollu tal-Unjoni. Dawn id-dispożizzjonijiet juru li f’ċirkustanzi speċjali ħafna, l-UE ma titqiesx biss bħala komunità ta’ interessi soċjoekonomiċi iżda wkoll bħala komunità b’destin komuni. Din kienet ukoll il-motivazzjoni li wasslet għall-ħolqien tal-FSUE fl-2002, sena li rat diversi każijiet ta’ għargħar enormi tax-xmajjar f’bosta Stati Membri.

1.3   Il-KESE jemmen bis-sħiħ li meta nħarsu lejn iż-żoni ta’ koeżjoni b’mod integrali, naraw li jeżisti destin komuni għaċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, li jassumu r-responsabbiltà tagħhom għalih. Fid-dawl tar-riżultat tad-diskussjonijiet twal fil-Kunsill, il-KESE huwa diżappuntat li dan l-ispirtu bħalissa qiegħed ibatti. L-enfasi qawwija li l-Kunsill għamel fuq is-“sussidjarjetà” matul dawn id-diskussjonijiet tirrifletti dan in-nuqqas.

1.4   Il-KESE jaqbel mal-aġġustamenti prattiċi kollha li l-Kummissjoni tipproponi għar-Regolament tal-FSUE bil-għan li l-Fond jitħaddem b’mod aktar professjonali u biex ikun inqas burokratiku u jieħu inqas ħin għal dawk li jibbenefikaw minnu.

1.5   Il-KESE jinsisti b’mod partikolari fuq ix-xewqa li tittejjeb il-viżibbiltà tal-impenn konġunt tal-Unjoni meta din tagħti l-appoġġ finanzjarju f’każ ta’ diżastru. Bħalissa l-proċeduri huma purament amministrattivi. Il-pagamenti tal-UE ħafna drabi jsiru xhur wara li jseħħ id-diżastru, u dan jindika n-natura teknika u saħansitra anonima tal-proċedura. Bħalissa r-riżultat huwa pjuttost l-oppost tal-espressjoni ta’ empatija komuni, li l-KESE jixtieq li tkun enfasizzata aktar.

1.6   Il-KESE jipproponi li tiġi kkunsidrata l-inklużjoni tal-finanzjament tal-FSUE direttament fil-baġit tal-Unjoni Ewropea bħala mod prattiku biex jitħaffu l-pagamenti u biex jiġi żgurat livell ħafna ogħla ta’ viżibbiltà għall-attivitajiet tiegħu.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ġie stabbilit fl-2002, u b’hekk inħoloq strument tal-UE biex jirrispondi għad-diżastri naturali kbar. Dak iż-żmien il-KESE qabel bis-sħiħ mal-ħolqien tal-Fond (1).

2.2   Ir-Regolament oriġinali tal-2002 jistabbilixxi li sa tmiem l-2006 kellha ssir reviżjoni tal-Fond. Għal dan il-għan, fl-2005 l-Kummissjoni wettqet l-ewwel reviżjoni tal-FSUE. Fl-istess sena l-KESE kkummenta dwar il-proposta tal-Kummissjoni li rriżultat minn dan (2). Il-KESE ressaq diversi proposti, b’mod partikolari biex il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond jiġi estiż għan-nuqqas ta’ xita, biex jitbaxxew il-livelli limitu tal-interventi, u biex il-Kummissjoni tingħata setgħa diskrezzjonali akbar.

2.3   Fl-aħħar mill-aħħar, il-Kunsill ma laqax il-bidliet proposti mill-Kummissjoni li kienu ntlaqgħu tajjeb ħafna fil-Parlament Ewropew (PE). Dawn kienu msejsa fuq l-esperjenza prattika bir-Regolament u jikkonċernaw l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Fond lil hinn mid-diżastri naturali, il-ħidma biex il-kriterji tal-applikazzjoni jkunu aktar iffokati u trasparenti, u l-aġġustament tal-proċeduri burokratiċi li jieħdu l-ħin u li huma ta’ ħsara għar-reazzjoni f’waqtha u l-viżibbiltà.

2.4   Fl-2011 il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta Komunikazzjoni dwar il-futur tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea bil-għan li terġa’ tiftaħ id-diskussjoni ġenerali dwar il-Fond. L-opinjoni preżenti tal-KESE qed tikkumenta fuq din il-Komunikazzjoni.

2.5   Fir-rigward tal-ħin twil li jittieħed minħabba l-burokrazija b’rabta mal-proċeduri tal-FSUE, ta’ min isemmi li l-Kummissjoni ma taġixxix minn rajha iżda biss abbażi tal-applikazzjonijiet formali min-naħa tal-Istati Membri, u dan jieħu ż-żmien. Wara kull applikazzjoni jsiru proċeduri estensivi bejn il-Kummissjoni, il-PE u l-Kunsill biex jiġi approvat baġit, u l-Istat Membru applikant iressaq ukoll il-kontribut finali tiegħu biex jiġġustifika t-talba għall-appoġġ finanzjarju.

2.6   Il-Kummissjoni tikkonkludi li dan “iwassal għal effett kumulattiv li f’ħafna drabi biex ikunu jistgħu jitħallsu l-għotjiet jilħqu jgħaddu bejn 9 u 12-il xahar minn meta jseħħ id-diżastru u xi drabi anki aktar” (3).

2.7   Il-biża’ mill-implikazzjonijiet baġitarji wasslu għal xettiċiżmu u oppożizzjoni kontinwi. Is-“sussidjarjetà” tibqa’ wieħed mill-prinċipji ewlenin f’każ ta’ “diżastru”. Fl-2010 reġgħet ġiet ikkonfermata l-oppożizzjoni min-naħa ta’ maġġoranza kbira ta’ Stati Membri għal kull bidla maġġuri fil-bażi legali u l-operat tal-Fond ta’ Solidarjetà.

2.8   Wieħed għandu jfaħħar lill-Kummissjoni għall-isforzi tagħha biex testendi l-operat tal-FSUE għaliex l-evalwazzjoni tat prova li dan huwa ta’ suċċess kbir fil-każijiet fejn intuża. Mill-banda l-oħra, l-applikazzjonijiet miċħuda wasslu għall-frustrazzjoni u għalhekk huma ta’ ħsara għall-immaġni tal-UE.

2.9   X’aktarx l-istat attwali tad-dibattitu politiku mhux ser jagħti wisq spazju lil dawk li jippruvaw jestendu l-appoġġ tal-FSUE għal kategoriji ġodda ta’ “diżastri”, u lanqas lil dawk li jixtiequ jimmodifikaw il-livelli limitu jew itaffu l-kriterji għad-diżastri reġjonali.

3.   Kummenti tal-KESE dwar il-proposti tal-Kummissjoni

3.1   Il-KESE huwa tal-fehma li, fiċ-ċirkustanzi attwali, kull bidla fil-FSUE għandha tkun limitata għal kjarifiki u għal titjib fl-operat tar-Regolament tal-2002. Il-kjarifiki dwar l-operat tal-Fond għandhom bla dubju ta’ xejn jippruvaw itejbu l-viżibbiltà tiegħu.

3.2   Kif targument l-Kummissjoni, il-fatt li jkun hemm definizzjoni aktar preċiża li l-assistenza mill-Fond tista’ tingħata biss f’każ ta’ diżastru naturali tista’ tgħin biex jiġu esklużi d-diffikultajiet legali mhux mixtieqa. Dan ikun iwieġeb ukoll għall-kritika ta’ bosta Stati Membri, u jnaqqas id-diżappunt tal-Istati Membri milquta.

3.3   Il-KESE jemmen li l-limitazzjoni tal-Fond għad-diżastri naturali mhux ser teskludi l-“effetti ulterjuri” ta’ dawn id-diżastri, pereżempju fuq l-impjanti industrijali jew il-faċilitajiet tas-saħħa u l-isptarijiet. Għalkemm, b’mod ġenerali, f’dawn il-każijiet ma jintlaqtux biss is-servizzi pubbliċi iżda wkoll l-attivitajiet privati, jeżisti argument qawwi biex dawn jiġu inklużi meta jkunu jagħmlu parti minn qafas soċjetali reġjonali, pereżempju f’termini ta’ impjieg.

3.4   L-esperjenza turi li jeżistu problemi sostanzjali bl-interpretazzjoni ta’ ċerti riperkussjonijiet li jirriżultaw minn “diżastru reġjonali straordinarju”. Il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li l-kriterji għad-diżastri reġjonali jitpoġġew fuq bażi sempliċi u oġġettiva, li tkun komparabbli ma’ dik użata għad-definizzjoni ta’ “diżastri maġġuri”. Bħalma turi s-simulazzjoni li għamlet il-Kummissjoni, ir-riżultat finali jkun bejn wieħed u ieħor bħall-effett tad-definizzjoni attwali. Madankollu, għadd ta’ applikazzjonijiet ma kinux jiġu ppreżentati għaliex huwa ċar li ma kinux eliġibbli għall-appoġġ mill-FSUE.

3.5   Il-Kummissjoni bir-raġun tikkritika d-dewmien biex tipprovdi l-għotjiet. Il-KESE jaqbel perfettament ma’ dan (ara wkoll il-punt 2.6 aktar ’il fuq). Il-Kumitat huwa tal-fehma li għandu jsir kull sforz sabiex jingħaġġlu l-proċeduri u b’hekk jittejbu r-reazzjoni u l-viżibbiltà tal-FSUE.

3.6   F’dan ir-rigward, il-KESE jaqbel mal-proposta tal-Kummissjoni li fir-Regolament tiġi introdotta l-possibbiltà li jsiru pagamenti bil-quddiem, liema pagamenti jkollhom jitħallsu lura f’każ li applikazzjoni ma tiġix aċċettata abbażi tar-regoli.

3.7   Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-Kummissjoni li l-proċeduri jistgħu u għandhom jitqassru u jiġu ssemplifikati kull fejn hu possibbli. Jeżistu diversi possibbiltajiet biex jiġu amalgamati d-deċiżjonijiet fi ħdan il-Kummissjoni (fis-sistema attwali hemm erbgħa) kif ukoll fi ħdan l-Istati Membri (bħalissa jeżistu tnejn). Kif ġustament targument l-Kummissjoni, jista’ jiġi ffrankat ħafna żmien jekk isiru xi aġġustamenti proċedurali pjuttost sempliċi.

3.8   Hija pjuttost rivelattriċi u mixtieqa ħafna l-proposta tal-Kummissjoni li fir-Regolament tiġi msaħħa u speċifikata d-dispożizzjoni li l-Istat Membru benefiċjarju jintalab jiċċara fid-detall kif ser jipprevjeni diżastri oħra fil-futur billi jimplimenta l-leġislazzjoni tal-UE dwar il-valutazzjoni, il-ġestjoni u l-prevenzjoni tad-diżastri abbażi tal-lezzjonijiet misluta u l-impenn li jieħu miżuri b’rabta mat-tibdil fil-klima.

3.9   Il-Kummissjoni ssemmi b’mod espliċitu l-Artikolu 222 tat-TFUE, jiġifieri d-dispożizzjoni li l-UE u l-Istati Membri għandhom jaġixxu flimkien fi spirtu ta’ solidarjetà f’każ ta’ attakk terroristiku jew ta’ diżastru naturali jew ikkaġunat mill-bniedem. Jista’ jingħad ukoll li t-TFUE jintroduċi għall-ewwel darba fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 174 il-“koeżjoni territorjali” bħala “responsabbiltà konġunta” bejn l-UE u l-Istati Membri; l-Unjoni għandha tippromovi aktar il-“koeżjoni territorjali” fir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali permanenti.

3.10   Dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriflettux biss ir-responsabbiltajiet konġunti fost l-atturi kollha fl-Unjoni, iżda joħorġu fid-dieher ukoll is-sens ta’ destin komuni. Fid-dawl tar-reazzjonijiet tal-Kunsill għall-proposti suċċessivi tal-Kummissjoni u l-kummenti mill-partijiet l-oħra kkonsultati, huwa ċar li l-Istati Membri huma inqas lesti li jaġixxu bi spirtu ta’ destin komuni. Dan jispjega għaliex huma qed jagħmlu enfasi dejjem akbar fuq is-“sussidjarjetà”.

Brussell, 28 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 61/30, 14.3.2003, p. 187 (mhux disponibbli bil-Malti).

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar “il-Proposta ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 28/14, 3.2.2006, p. 69 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  COM(2011) 613 final – Punt 2.3: l-aħħar paragrafu.