21.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 181/40


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Taxxa doppja fis-Suq Uniku”

COM(2011) 712 finali

2012/C 181/08

Relatur: is-Sur FARRUGIA

Nhar il-11 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b'konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Taxxa doppja fis-Suq Uniku

COM(2011) 712 final.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Marzu 2012.

Matul l-479 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-28 u d-29 ta’ Marzu 2012 (seduta tat-28 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'135 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 10 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   It-taxxa doppja hija ostaklu serju għall-attività transkonfinali billi ma tippermettix il-funzjonament effikaċi tas-Suq Uniku b'implikazzjonijiet ekonomiċi negattivi fuq l-investiment u l-impjieg. It-taxxa doppja tiskoraġġixxi l-investiment u tipperikola l-kompetittività li b'hekk tinfluwenza negattivament it-tkabbir ekonomiku u l-kisba tal-miri tal-UE2020.

1.2   Permezz ta’ numru ta’ dokumenti ta’ opinjoni, il-KESE saħaq fuq l-importanza tat-tneħħija tat-taxxa doppja. Huwa appoġġa l-proposti mmirati biex jittieħdu iktar malajr il-miżuri sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja kif ukoll it-tisħiħ tas-simplifikazzjoni amministrattiva fis-sitwazzjonijiet transkonfinali, u sabiex jitħeġġeġ suq intern fejn hi prevalenti l-kompetizzjoni ġusta.

1.3   Meta jqis dan, il-KESE huwa favur l-inizjattivi li jridu jneħħu t-taxxa doppja kif stabbilit fil-komunikazzjoni mill-Kummissjoni (1) billi jiġi promoss “interfacing” effiċjenti tar-reġimi fiskali differenti.

1.4   Il-KESE huwa wkoll tal-opinjoni li t-tneħħija tat-taxxa doppja għandha ssir b'mod li hu proporzjonali mal-objettivi meħtieġa u tirrispetta s-sovranità fiskali tal-Istati Membri individwali.

1.5   Il-KESE barra minn hekk huwa wkoll tal-opinjoni li l-kwistjonijiet relatati mat-taxxa doppja għandhom impatt iktar sproporzjonat fuq l-individwi u kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju li normalment m'għandhomx ir-risorsi biex jindirizzaw tali problemi. B'riżultat ta’ dan, filwaqt li l-KESE huwa favur il-komunikazzjoni, jenfasizza li proposti mmirati biex jittrattaw it-taxxa doppja jeħtieġ li jkunu koerenti ma’ miżuri li jittrattaw it-taxxa doppja għaċ-ċittadini kif ukoll li jinkludu soluzzjonijiet għall-individwi u l-SMEs.

1.6   Il-KESE jaqbel li t-twaqqif ta’ Forum tal-UE dwar it-Taxxa Doppja huwa msejjes fuq l-istess prinċipji tal-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment, u li wera kemm huwa effikaċi. Madankollu jipproponi li l-forum jitqies bħala l-ewwel pass lejn it-twaqqif ta’ osservatorju tal-Kummissjoni tal-UE li l-KESE diġà ressaq bħala mezz biex jitneħħew l-ostakli transkonfinali għaċ-ċittadini (2). Lejn it-tmiem, il-funzjonijiet tal-osservatorju jistgħu jiġu estiżi iktar sabiex jinkludu rwol investigattiv dwar l-effikaċja attwali tal-isforzi biex titneħħa t-taxxa doppja għaċ-ċittadini, l-SMEs kif ukoll il-kumpaniji l-kbar.

1.7   Il-KESE jissuġġerixxi li l-Forum tal-UE dwar it-Taxxa Doppja tinkludi wkoll rappreżentazzjoni mis-soċjetà ċivili organizzata.

1.8   Il-KESE jappoġġja wkoll it-tfassil ta’ kodiċi tal-kondotta li jippermetti ftehim komuni u applikazzjoni ta’ kunċetti dwar it-taxxa bejn l-Istati Membri differenti, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ taxxa doppja u jitnaqqsu ċirkustanzi fejn id-DTCs mhumiex effikaċi. Dan iwassal biex jiġi evitat l-arbitraġġ.

1.9   Filwaqt li l-KESE huwa favur l-istudju tal-fattibbiltà ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim effiċjenti, jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-isforzi għandhom ikunu mmirati sabiex jiżguraw użu limitat tal-arbitraġġ.

1.10   Il-KESE huwa favur l-istudju tal-iskala sħiħa tal-fenomenu tal-ebda taxxa doppja u l-implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali tiegħu, kif ukoll dawk li potenzjalment jistgħu jseħħu permezz ta’ miżuri mmirati għat-tneħħija tiegħu.

1.11   Fl-aħħar nett, il-KESE jenfasizza li l-proposti kollha għandhom jiġu vvalutati permezz ta’ valutazzjonijiet ekonomiċi u soċjali bir-reqqa u li dawn għandhom jippreżentaw l-impatti fuq kull Stat Membru.

2.   Kontenut u sfond tal-proposta

2.1   It-taxxa doppja toħloq inċertezza legali li xxekkel l-attività ekonomika taċ-ċittadini u l-kumpaniji. Twassal għal piż ikbar tat-taxxa globali u telf tas-sigurtà soċjali li ma trendix, piż amministrattiv ikbar għalxejn u li jkollu impatt negattiv fuq l-investiment u t-tħaddim tas-Suq Uniku li min-naħa tagħhom jinfluwenzaw b'mod negattiv il-kompetittività u l-impjiegi. Konsultazzjoni mill-Kummissjoni turi s-sinifikat tal-problema tat-taxxa doppja, hekk kif iktar minn 20 % tal-każi rappurtati jiswew 'l fuq minn EUR 1 miljun għall-kontribwenti fiskali korporattivi u iktar minn 35 % tal-każi jiswew 'l fuq minn EUR 100 000 għall-individwi.

2.2   Il-komunikazzjoni (3) mressqa mill-Kummissjoni tenfasizza l-importanza li tiġi affrontata l-problema tat-taxxa doppja (4) sabiex jiġi żgurat li s-Suq Uniku jkun effettiv u li jintlaħqu l-objettivi mniżżla fl-istrateġija Ewropa 2020.

2.3   Il-komunikazzjoni tappella sabiex ikun hemm iktar koordinazzjoni fejn tidħol it-taxxa bħala mezz sabiex jiġi żgurat qafas għall-politika ekonomika iktar b'saħħtu fiż-żona tal-euro. Dan jiġi spjegat fl-Att dwar is-Suq Uniku (5) li jenfasizza l-importanza tat-tneħħija tal-ostakli transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll il-piż tat-taxxa amministrattiva għall-kumpaniji. Dan tal-aħħar attwalment qiegħed jiġi indirizzat permezz tal-proposta tal-Kummissjoni għal bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK) (6). Il-Komunikazzjoni tirreferi wkoll għall-bżonn ta’ netwerk effikaċi għall-Konvenzjonijiet dwar it-Taxxa Doppja bejn l-Istati Membri u l-importanza li jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mat-taxxa doppja fuq il-wirt.

2.4   Il-komunikazzjoni tiffoka fuq li jiġu indirizzati l-ostakoli relatati mat-taxxa doppja u turi li din il-kwistjoni hija saħansitra iktar importanti waqt perjodu ta’ kriżi ekonomika. Il-komunikazzjoni turi li, minn perspettiva dinamika, it-tneħħija tat-taxxa doppja u l-indirizzar tal-ebda taxxa doppja jistgħu jkunu sors ta’ dħul mit-taxxa għall-gvernijiet.

2.5   Il-komunikazzjoni tirrikonoxxi li filwaqt li numru ta’ Stati Membri (MS) diġà qed jindirizzaw il-kwistjoni ta’ taxxa doppja permezz ta’ ftehimiet unilaterali, bilaterali u multilaterali, it-Trattat UE ma jobbligax lill-Istati Membri biex ineħħu t-taxxa doppja.

2.6   Il-komunikazzjoni telenka numru ta’ żoni li ġew esplorati mill-Kummissjoni bħala mezz sabiex tiġi trattata t-taxxa doppja inklużi d-Direttiva dwar Kumpaniji Prinċipali, id-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties, il-Konvenzjoni dwar l-Arbitraġġ (AC), il-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment (JTPF), ir-rakkomandazzjonijiet dwar proċeduri għall-ħelsien mit-taxxa minn ras il-għajn u l-proposta għal Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK).

2.7   Il-komunikazzjoni tirrimarka wkoll li filwaqt li dawn l-isforzi kienu rilevanti, ma joperawx b'mod effikaċi biżżejjed. B'riżultat ta’ dan, il-komunikazzjoni tirreferi għal dawn is-solouzzjonijiet possibbli li ġejjin, iżda mingħajr ma tidħol fid-dettall ta’ kwalunkwe minn dawn il-proposti:

It-tisħiħ tal-istrumenti eżistenti b'mod partikolari fir-rigward tad-direttiva dwar l-imgħax u r-royalties. Il-Kummissjoni pproponiet riformulazzjoni tad-direttiva fl-istess waqt mal-COM(2011) 712, biex b'hekk tiġi trattata t-taxxa minn ras il-għajn sabiex titnaqqas it-taxxa doppja fuq tali ħlas. Il-KESE adotta opinjoni dwar ir-riformulazzjoni tad-direttiva (7).

Estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-ambitu tal-konvenzjonijiet dwar it-taxxa doppja fir-rispett tal-indirizzar ta’ soluzzjonijiet triangolari u ta’ kif għandhom jiġu ttrattati entitajiet u taxxi mhux koperti mill-Konvenzjonijiet dwar it-Taxxa Doppja (DTC) fi ħdan l-UE, bi proposta għal djalogu msaħħaħ bejn l-Istati Membri f'każ ta’ tilwim.

Passi maħsuba sabiex ikun hemm interpretazzjoni u implimentazzjoni iktar konsistenti tad-dispożizzjonijiet tad-DTCs bejn l-Istati Membri. Dan jirreferi għall-adozzjoni potenzjali ta’ Forum tal-UE dwar it-Taxxa Doppja li jiżviluppa kodiċi tal-kondotta dwar it-taxxa sabiex jiġu indirizzati kunflitti minħabba l-interpretazzjoni tal-kunċetti applikabbli bejn l-Istati Membri u li jinstabu fid-DTCs.

Sabiex tiġi indirizzata l-assenza ta’ mekkaniżmu vinkolanti globali għat-tilwim, il-Kummissjoni tipproponi soluzzjoni fl-aħħar verżjoni tal-Artikolu 25 tal-konvenzjonijiet dwar il-Mudell tat-Taxxa tal-OECD (2008) li tirreferi għal proċedura ta’ ftehim reċiproku bi proċedura vinkolanti għas-soluzzjoni tat-tilwim għall-proċeduri pendenti kollha dwar it-taxxa doppja.

2.8   Fl-aħħar nett, il-komunikazzjoni tenfasizza l-passi ulterjuri li għandhom jittieħdu:

ħidma sabiex jiġu żviluppati l-għażliet imressqa fil-komunikazzjoni prinċipalment it-twaqqif ta’ forum, l-iżvilupp ta’ kodiċi tal-kondotta u tiġi ddeterminata l-fattibbiltà ta’ mekkaniżmu effiċjenti għas-soluzzjoni tat-tilwim;

preżentazzjoni ta’ soluzzjonijiet possibbli, li dal-aħħar ġew mnedija mill-Kummissjoni (8), sabiex jiġu affrontati l-ostakli mit-taxxa għall-wirt transkonfinali fi ħdan l-UE;

jkompli jiġi użat il-JTPF, li riċentement ġie rinnovat, sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar taxxa doppja fuq l-ipprezzar tat-trasferimenti;

matul is-sena jitressqu soluzzjonijiet dwar it-taxxa doppja transkonfinali fuq dividends mħallsa lill-investituri b'portafoll;

it-tnedija ta’ missjoni għall-ġbir tal-fatti sabiex jiġi stabbilit l-effett tat-taxxa doppja.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE huwa favur li tiġi indirizzata t-taxxa doppja, li hi meqjusa ta’ detriment għall-investiment u u għaldaqstant il-ħolqien ta’ impjiegi u attività ekonomika. Filfatt, il-KESE, permezz ta’ numru ta’ dokumenti ta’ opinjoni, enfasizza l-importanza tat-tneħħija tat-taxxa doppja. Il-KESE appoġġja l-proposti mmirati biex jittieħdu iktar malajr il-miżuri sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja kif ukoll għat-tisħiħ tas-simplifikazzjoni amministrattiva fis-sitwazzjonijiet transkonfinali (9), u lejn it-twaqqif ta’ prinċipji komuni sabiex jiġi mħeġġeġ suq intern fejn tiddomina l-kompetizzjoni ġusta (10).

3.2   Il-KESE adotta wkoll l-isforzi tal-Kummissjoni mmirati sabiex titneħħa, jew tal-inqas titnaqqas, it-taxxa legali u ekonomika doppja jew żejda fuq l-introjtu mqassam mis-sussidjarji fil-pajjiż li fih twaqqfet il-kumpanija holding  (11). Dan jiġi sostanzjat iktar mill-KESE permezz tal-appoġġ tiegħu għall-proposta għal BKKTK bħala mezz ta’ allinjament tal-prinċipji dwar it-taxxa korporattiva filwaqt li madankollu jinnota li l-abbozz tad-direttiva jeħtieġ kjarifika ulterjuri fid-dettalji tiegħu (12).

3.3   Il-KESE jenfasizza wkoll fuq l-importanza ta’ approċċ newtrali lejn l-introjtu abbażi ta’ pajjiż b'pajjiż fl-applikazzjoni tal-BKKTK u jenfasizza li l-adozzjoni tagħha m'għandhiex twassal li l-Ewropa tkun inqas flessibbli u inqas kompetittiva biex tattira l-investiment dirett barrani (FDI).Dawn il-kwistjonijiet iridu jkunu appoġġati kif xieraq minn valutazzjonijiet tal-impatt.

3.4   Il-KESE jissuġġerixxi li dawn l-objettivi jintlaħqu l-ewwel u qabel kollox permezz ta’ koordinazzjoni msaħħa u interfacing iktar effikaċi bejn ġurisdizzjonijiet differenti tat-taxxa nazzjonali, ukoll permezz ta’ komunikazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet tat-taxxa stess u bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-kontribwenti. Il-progress f'dawn l-aspetti jitqies proporzjonali għall-objettivi fil-mira u ma jinfluwenzax is-sovranità ta’ ġurisdizzjonijiet differenti tat-taxxa nazzjonali. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma konformi mal-Komunikazzjoni tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi fiskali diretti tal-Istati Membri fis-Suq Intern (13).

3.5   B'riżultat ta’ dan, il-KESE huwa favur tentattivi sabiex jissaħħu strumenti eżistenti u sforzi ulterjuri mmirati għat-tneħħija tat-taxxa doppja kif enfasizzat fil-komunikazzjoni sabiex jiġi żgurat interfacing effiċjenti ta’ reġimi fiskali differenti u sabiex jiġi ċċertifikat li l-piż tat-taxxa jinfluwenza darba biss lill-operaturi kummerċjali u b'mod mistenni mill-istess operaturi.

3.6   Il-KESE jenfasizza b'mod ulterjuri li filwaqt li t-tneħħija tat-taxxa doppja hija rekwiżit essenzjali sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tas-Suq Uniku, kwalunkwe proposta għandha tiffoka fuq it-tneħħija effiċjenti tal-ostakli fiskali u biex tiġi żgurata l-effikaċja tad-DTCs fi ħdan il-konfini tal-bażi legali disponibbli fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Filfatt, l-isforzi mmirati sabiex titneħħa t-taxxa doppja għandhom isiru b'mod li jirrispetta s-sovranità fiskali tal-Istati Membri individwali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Il-KESE jenfasizza li kwistjonijiet relatati mat-taxxa doppja għandhom impatt qawwi fuq l-individwi u l-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju. Normalment in-negozji l-kbar għandhom il-mezzi finanzjarji u r-riżorsi umani biex jittrattaw it-taxxa doppja u l-arbitraġġ relatat iżda l-individwi u l-SMEs m'għandhomx tali riżorsi, spiss fir-rigward b'mod partikulari ta’ informazzjoni u għarfien tal-prattiki legali u amministrattivi (14). It-taxxi fuq il-wirt jippreżentaw problemi partikulari liċ-ċittadini relatati mat-taxxa doppja. Il-komunikazzjoni mressqa mill-Kummissjoni tiffoka fuq it-tneħħija ta’ taxxa doppja fuq il-kummerċ, l-iktar il-kumpaniji l-kbar, iżda tista' tintuża wkoll biex tindirizza l-kwistjonijiet speċifiċi li ċ-ċittadini u l-SMEs jiffaċċjaw.

4.2   Il-KESE jirrikonoxxi l-effikaċja tal-Forum Konġunt dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment (JTPF) sabiex tiġi indirizzata t-taxxa doppja fuq l-ipprezzar tat-trasferimenti u jawgura li l-Forum tal-UE dwar it-Taxxa Doppja jimxi bl-istess mod. Il-JTPF, li jaħdem fi ħdan il-qafas tal-OECD tal-Linji Gwida dwar l-Ipprezzar tat-Trasferimenti u jopera abbażi tal-kunsens li jiġu proposti soluzzjonijiet mhux leġislattivi lill-Kummissjoni għall-problemi prattiċi li jinħolqu minn prattiki tal-ipprezzar tat-trasferimenti fl-UE, diġà laħaq numru ta’ għanijiet fosthom kodiċi tal-kondotta tad-dokumentazzjoni dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti għall-impriżi assoċjati fl-UE, linji gwida għal ftehim ta’ prezzijiet minn qabel fl-UE kif ukoll linji gwida dwar servizzi fi ħdan il-ġrupp aġġunt b'valur baxx. L-effikaċja ta’ dan il-forum hi parzjalment ibbażata fuq ir-rappreżentazzjoni wiesgħa tal-forum minn Stati Membri kif ukoll mill-kummerċ.

4.3   Għaldaqstant il-KESE jawgura li t-twaqqif ta’ Forum tal-UE dwar it-Taxxa Doppja huwa bbażat ukoll fuq l-istess prinċipju sabiex tiġi żgurata r-rappreżentazzjoni effikaċi mill-partijiet interessati rilevanti kollha li jinkludu s-soċjetà ċivili organizzata.

4.4   Il-KESE jappoġġja t-twaqqif ta’ Forum tal-UE dwar it-Taxxa Doppja iżda jinnota li ngħataw ftit dettalji fil-komunikazzjoni dwar il-funzjonijiet tal-forum. Il-KESE jipproponi li l-Forum tal-UE dwar it-Taxxa Doppja jitqies bħala l-ewwel pass u dak preċedenti għal osservatorju. It-twaqqif tal-forum f'osservatorju huwa marbut mar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-KESE dwar it-tneħħija ta’ ostakli transkonfinali fejn il-KESE għamel riferiment għall-iżvilupp ta’ Osservatorju tal-UE li l-għanijiet tiegħu jkunu li jikseb, fuq bażi kontinwa, ħarsa dettaljata u prattika tal-ostakli fiskali eżistenti li jinkludu t-taxxa doppja u l-evoluzzjoni tagħhom (15).

4.5   Il-funzjonijiet tal-Osservatorju tat-Taxxa, taħt l-awspiċju tal-Kummissjoni tal-UE, jista' jiġi estiż iktar biex jinkludi l-investigazzjoni tal-ostakli tat-taxxa għan-negozji, l-SMEs u n-negozji l-kbar, kif ukoll ir-rwol investigattiv fuq l-effikaċja attwali ta’ sforzi sabiex titneħħa t-taxxa doppja. Lejn it-tmiem, l-osservatorju jista' jkollu rwol importanti x'jaqdi fl-estensjoni tal-applikazzjoni u l-ambitu tad-DTCs kif ukoll jiġu eżaminati modi kif jiġu ttrattati s-soluzzjonijiet triangolari u l-Gvernijiet jiġu mħeġġa jiżviluppaw ħelsien mit-taxxi mingħajr ma tintilef is-sovranità tat-taxxa.

4.6   Il-KESE jappoġġja wkoll it-twaqqif ta’ kodiċi tal-kondotta li jenfasizza prinċipji li l-Gvernijiet jistgħu jaqblu dwarhom b'mod a priori. Il-kodiċi tal-kondotta jippermetti ftehim komuni dwar il-kunċetti enfasizzati fid-DTC applikabbli bejn l-Istati Membri li spiss iwassal għal interpretazzjoni żbaljata u tilwim.

4.7   Madankollu l-KESE hu tal-opinjoni li kodiċi tal-kondotta jista' fil-prattika jitqies effikaċi jekk jopera permezz ta’ pressjoni bejn il-pari, bl-Istati Membri jkunu kawti dwar l-implikazzjonijiet relatati għall-isem u l-fama.

4.8   Il-KESE huwa favur ukoll l-istudju tal-fattibbiltà ta’ mekkaniżmu effiċjenti għas-soluzzjoni tat-tilwim, bil-għan li jiġu ddeterminati l-iktar modi effikaċi sabiex titneħħa t-taxxa doppja. Jirrikonoxxi li l-proċeduri ta’ għajnuna reċiproka fejn pajjiżi jiltaqgħu biex isolvu l-kwistjonijiet jieħdu perjodu twil ħafna sabiex jiġu ddeterminati u li hemm fejn il-Konvenzjoni ta’ Arbitraġġ titjieb li hi kkaratterizzata wkoll minn proċess twil. Dawn joħloq spejjeż eċċessivi u inċertezza dwar il-kummerċ.

4.9   Madankollu, il-KESE jenfasizza li l-isforzi għandhom ikunu mmirati sabiex jiżguraw li hemm bżonn limitat għall-arbitraġġ u li l-enfasi għandha għaldaqstant titqiegħed fuq l-iżvilupp ta’ kodiċi tal-kondotta, kif enfasizzat fil-komunikazzjoni kif ukoll il-forniment ta’ linji gwida ċari u trasparenti, li għaldaqstant iservu bħala l-ewwel linji ta’ istanza u jkunu effikaċi għas-soluzzjoni tat-tilwim.

4.10   Il-Forum tal-UE dwar it-Taxxa Doppja għandu rwol importanti x'jaqdi f'dan ir-rigward sabiex jinkuraġġixxi konvenzjonijiet dwar it-taxxa li jipprovdu proċedura ta’ ftehim reċiproku bi proċedura li tgħaqqad għas-soluzzjoni tat-tilwim għall-każijiet pendenti kollha dwar it-taxxa doppja.

4.11   Il-KESE huwa favur il-proposta tal-Kummissjoni li tistudja l-firxa sħiħa tal-fenomenu tal-ebda taxxa doppja. Il-KESE jissuġġerixxi b'mod ulterjuri studju tal-implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali tagħha, kif ukoll dawk li jistgħu jseħħu permezz ta’ miżuri mmirati għat-tneħħija tagħha.

4.12   Il-KESE jtenni l-importanza ta’ valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt ekonomiku u soċjali sabiex jiġi ddeterminat.sa fejn, l-adozzjoni ta’ kwalunkwe proposta enfasizzata fil-komunikazzjoni, tista' twassal fir-rigward ta’ konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ħżiena (16). Tali valutazzjoni trid tkun eżawrjeni u tinkludi l-Istati Membri kollha affettwati mill-proposti.

4.13   Bħala konklużjoni, il-KESE jinstab ħerqan li l-Kummissjoni tistudja u tressaq proposti addizzjonali fir-rigward tat-taxxa doppja fosthom:

rakkomandazzjonijiet dwar it-taxxi għall-wirt transkonfinali li dal-aħħar ġew ippubblikati mill-Kummissjoni;

it-tressieq ta’ soluzzjonijiet dwar it-taxxa doppja transkonfinali fuq dividends mħallsa lill-investituri b'portafoll;

il-forniment ta’ informazzjoni ulterjuri dwar il-ħolqien tal-Forum, Kodiċi tal-Kondotta u l-fattibbiltà ta’ mekkaniżmu vinkolanti għar-riżoluzzjoni;

valutazzjoni dwar il-firxa u l-implikazzjonijiet tal-ebda taxxa doppja.

Brussel, 28 ta’ Marzu 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  COM(2011) 712 final.

(2)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar It-tneħħija ta’ ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 95.

(3)  COM(2011) 712 final.

(4)  It-taxxa doppja tiġi spjegata bħala impożizzjoni ta’ taxxi komparabbli minn żewġ ġurisdizzjonijiet fiskali (jew aktar) fir-rigward tal-istess dħul jew kapital taxxabbli.

(5)  COM(2011) 206 final.

(6)  COM(2011) 121 final.

(7)  Ara Opinjoni tal-KESE (ĠU C 143, 22.5.2012, p. 46) dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għall-pagamenti ta’ imgħax u ta’ royalties bejn kumpaniji assoċjati minn Stati Membri differenti (riformulazzjoni), COM(2011) 714 final.

(8)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar l-eżenzjoni minn taxxa doppja fuq il-wirt (2011/856/EU).

(9)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 2.

(10)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar It-taxxa diretta għall-kumpaniji, ĠU C 241, 7.10.2002, p. 75. (mhux disponibbli bil-Malti)

(11)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 90/435/EEC dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpaniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, ĠU C 32, 5.2.2004, p. 118. (mhux disponibbli bil-Malti)

(12)  Ara l-Opinjoni tal-KESE dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB), ĠU C 24, 28.01.2012, p. 63. (mhux disponibbli bil-Malti)

(13)  COM(2006) 823 final.

(14)  Skont ir-Rapport Sommarju mill-Kummissjoni tal-UE dwar il-Konsultazzjoni dwar il-Konvenzjonijiet tat-Taxxa Doppja u s-Suq Intern, 69 % mill-individwi li ltaqgħu ma’ kwistjonijiet ta’ taxxa doppja fittxew rimedji biex titneħħa t-taxxa doppja meta mqabbla ma’ 85 % fil-każ tal-korporazzjonijiet.

(15)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 2.

(16)  Ara nota f'qiegħ il-paġna nru 12.