22.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/134


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) u r-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija”

COM(2011) 659 finali — 2011/0301 (COD)

2012/C 143/27

Relatur: is-Sur Armin DUTTINE

Nhar is-17 ta’ Novembru u nhar it-12 ta’ Diċembru 2011 rispettivament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 172, 173(3) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda d-Deċiżjoni Nru 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) u r-Regolament (KE) Nru 680/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabilixxi r-regoli ġenerali għall-għoti ta’ għajnuna finanzjarja Komunitarja fil-qasam tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport u tal-enerġija

COM(2011) 659 final – 2011/0301 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Frar 2012.

Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-23 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’161 vot favur, 2 voti kontra u 10 astensjonijiet.

Din l-opinjoni tagħmel parti minn pakkett ta’ ħames opinjonijiet imħejjija mill-KESE dwar il-“Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” (CEF, Connecting Europe Facility) u l-linji gwida tagħha li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea f’Ottubru 2011. Dan il-pakkett hu magħmul mill-opinjonijiet: TEN/468 dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (relatur: is-Sur HENCKS), TEN/469 dwar il-Linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet (relatur: is-Sur LONGO), TEN/470 dwar il-Linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija (relatur: is-Sur BIERMANN), TEN/471 dwar il-Linji gwidi għall-infrastruttura tat-trasport (relatur: is-Sur BACK) u TEN/472 dwar L-inizjattiva ta’ bonds tal-proġetti (relatur: is-Sur DUTTINE).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Fil-prinċipju, il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li jiġi stabbilit strument ta’ kondiviżjoni tar-riskju biex jinħarġu bonds tal-proġetti għall-fażi pilota ppjanata bejn l-2012 u l-2013. Però jiġbed l-attenzjoni għar-riskji li jġib miegħu l-istrument. Qabel dan l-istrument jiġi estiż għall-perjodu baġitarju l-ġdid tal-UE (2014-2020), l-ewwel trid titkompla l-evalwazzjoni tiegħu u din l-istess evalwazzjoni għandha ssir b’attenzjoni speċjali u għandha tidħol aktar fil-fond permezz ta’ dibattitu soċjali wiesa’. F’dan id-dibattitu għandhom jitqiesu b’mod partikolari t-tagħlimiet li nsiltu mill-esperjenza tal-proġetti tas-sħubijiet pubbliċi-privati (SPP).

1.2

Fost l-opportunitajiet li joffri l-istrument propost insibu b’mod partikolari, il-mobilizzazzjoni ta’ investimenti importanti fil-proġetti infrastrutturali tat-trasport, it-telekomunikazzjoni u l-enerġija, liema investimenti huma meħtieġa għat-tisħiħ tat-tkabbir, l-innovazzjoni, il-kompetittività u għall-ħolqien tal-impjiegi. Bl-implimentazzjoni tal-proġetti ppjanati, iċ-ċittadini ser ikunu jistgħu jesperjenzaw il-benefiċċji tal-integrazzjoni Ewropea, u b’hekk tissaħħaħ l-idea tal-Ewropa.

1.3

Madankollu, il-Kumitat jara wkoll xi riskji. Dawn ġejjin b’mod partikolari mill-possibbiltà li jkollu jiġi assorbit it-telf li jsir fil-proġetti ta’ investiment mnedija. Filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tillimita b’mod ċar ir-riskji li jista’ jkollu jieħu l-baġit tal-UE, hi tassumi li r-riskju għall-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) mhux ser jiżdied minħabba l-kuntratti individwali konklużi bejn il-BEI u l-investituri għal kull proġett u minħabba d-distribuzzjoni tar-riskji li għamel il-BEI fost il-proġetti kollha. Sabiex jiġi evitat li, ikun xi jkun il-każ, ir-riskji jkollhom impatt negattiv fuq il-klassifikazzjoni tal-kreditu u r-reputazzjoni tal-BEI jew fuq it-tnedija u l-implimentazzjoni ta’ proġetti li tradizzjonalment jirċievu l-għajnuna mill-BEI, il-Kumitat jemmen li hemm bżonn li l-BEI japplika l-kriterji konservattivi tiegħu għall-evalwazzjoni tar-riskju fil-qafas tal-bonds tal-proġetti. B’mod partikolari, ir-riskju li jieħu l-BEI jrid ikun trasparenti (1) u, jekk ikun hemm bżonn, għandu jkun limitat. Dawn il-miżuri għandhom jiġu kkunsidrati b’mod partikolari b’rabta mal-estensjoni tal-istrument għall-perjodu baġitarju l-ġdid tal-UE (2014-2020), wara li ssir evalwazzjoni tal-esperjenzi miskuba matul il-fażi pilota.

1.4

Il-KESE jinnota li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea ftit li xejn titkellem dwar il-kwistjonijiet marbutin mar-rimborż tal-proġetti infrastrutturali ffinanzjati mis-settur privat. Fil-qasam tat-trasport, b’mod partikolari, għandha ssir diskussjoni soċjali wiesgħa dwar il-konsegwenzi li jista’ jkollha l-introduzzjoni ta’ finanzjament mill-utenti. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li l-istrument propost m’għandux ixekkel id-deċiżjonijiet politiċi u l-kunsens fis-soċjetà biex jintlaħqu l-għanijiet ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali. M’għandu jkun hemm l-ebda l-inċentiv falz għat-tnedija tal-proġetti tas-SPP. Għalhekk, il-Kumitat ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-kriterji tad-dejn għall-proġetti tas-SPP iridu jkunu jikkorrispondu ma’ dawk tal-proġetti fil-qafas tal-akkwisti pubbliċi tradizzjonali.

1.5

Fil-fehma tal-Kumitat, l-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskju għall-ħruġ ta’ bonds tal-proġetti jista’ jimmobilizza biss parti mill-investiment meħtieġ għall-proġetti infrastrutturali urġenti. Għalhekk jinnota li jeħtieġ jiġu mobilizzati sorsi ta’ dħul oħra għall-baġits pubbliċi għall-investimenti pubbliċi. F’dan ir-rigward jagħmel referenza għall-proposti li tiddaħħal taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji.

2.   Introduzzjoni

2.1

Nhar id-19 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat diversi proposti leġislattivi u mhux leġislattivi dwar l-iżvilupp tal-infrastrutturi u n-netwerks trans-Ewropej għall-oqsma tat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni taħt l-isem ġenerali “Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa” (Connecting Europe Facility), b’enfasi fuq il-perjodu baġitarju l-ġdid mill-2014 sal-2020. Dawn jikkonċernaw b’mod parikolari l-linji gwida dwar l-eliġibbiltà, il-proġetti li għandhom jiġu appoġġjati, l-ammont ta’ riżorsi ta’ investiment meħtieġa u l-istrumenti ġodda ta’ finanzjament fl-oqsma msemmija. L-opinjoni ppreżentata hawnhekk hija dwar l-aspetti tal-finanzjament ta’ dawn il-proposti. L-aspetti l-oħra tagħhom huma indirizzati f’opinjonijiet oħra tal-KESE (2).

2.2

Il-proposta leġislattiva diskussa f’din l-opinjoni fiha l-elementi li ġejjin: il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni matul il-perjodu baġitarju attwali tal-UE (2007-2013) ġie estiż għall-investimenti fl-infrastruttura tal-broadband u t-tnedija tal-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskju għall-bonds tal-proġetti fl-oqsma tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) u l-broadband kif ukoll in-netwerks trans-Ewropej tat-trasport (TEN-T) u tal-enerġija (TEN-E).

2.3

Fil-kuntest tad-diffikultajiet matul il-kriżi finanzjarja u ekonomika, l-istrument propost ser jintuża għall-finanzjament ta’ investimenti fuq perjodu ta’ żmien bil-għajnuna tal-kapital privat. B’hekk, għall-proġetti infrastrutturali fuq perjodu twil ser jiġu mobilizzati wkoll ir-riżorsi fis-swieq kapitali. L-istrument propost hu strument ta’ kondiviżjoni tar-riskju għall-bonds tal-proġetti. Bl-għoti ta’ kontribut finanzjarju mill-baġit tal-UE lill-BEI, dan l-istrument għandu jippermetti lill-BEI li jnaqqas ir-riskji tal-kreditu li jkollhom id-detenturi tal-bonds permezz ta’ self subordinat jew garanziji subordinati.

2.4

Din il-miżura leġislattiva tikkonċerna l-fażi pilota matul l-2012 u l-2013. F’dan il-perjodu għandu jiġi eżaminat l-impatt tal-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskju fuq il-mobilizzazzjoni tal-investimenti privati.

2.5

Il-kondiviżjoni tar-riskju ssir bejn l-UE u l-BEI. Il-kontribut finanzjarju mill-baġit tal-UE hu limitat għal EUR 230 miljun. Il-proġetti TEN-T għandhom massimu ta’ EUR 200 miljun għall-2012 u l-2013, il-proġetti TEN-E għandhom massimu ta’ EUR 10 miljun u l-investimenti fl-infrastruttura tal-ICT u tal-broadband għandhom massimu ta’ EUR 20 miljun għall-2013.

2.6

L-idea hi li, b’mod globali, il-BEI ser jassigura l-hekk imsejjaħ “l-ewwel telf” (“first loss”) permezz tal-proġetti kollha li jsiru bil-għajnuna tas-sovvenzjonijiet mill-baġit tal-UE. Il-livell eżatt tar-riskju massimu li jieħu l-BEI jiġi definit f’kuntratt individwali għal kull proġett. Teoretikament, ir-riskju massimu tal-BEI hu l-ammont globali tal-kuntratti riċevuti li minnu jitnaqqas is-sehem iffinanzjat mill-baġit tal-UE. Madankollu, il-proposta leġislattiva tal-Kummissjoni Ewropea, meta tgħid li r-“riskju residwu inerenti fl-operazzjonijiet kollha għandu jinġarr mill-BEI”, ma tipprevedix il-kopertura nominali tar-riskju tal-BEI fil-proġetti kollha bħalma jsir fil-każ tal-baġit tal-UE. Ir-riskju residwu għandu jiġi definit mill-BEI fil-qafas tal-analiżi tar-riskju li jagħmel.

2.7

B’dan l-istrument il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel sforz biex timmobilizza aktar investituri, partikolarment privati, u b’hekk tikseb effett ta’ lieva. L-investituri mmirati huma l-aktar l-assigurazzjonijiet, il-fondi tal-pensjoni u l-fondi ta’ investiment sovran, li jkunu qed ifittxu investiment finanzjarju sigur u fit-tul.

2.8

Il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi mill-baġit tal-UE matul il-fażi pilota għandha ssir biss permezz ta’ riallokazzjoni. Hawnhekk għandhom jitqiesu b’mod partikolari r-riżorsi li għadhom mhux riservati mill-Istrument eżistenti ta’ Garanzija fuq is-Self għall-Proġetti tat-Trasport TEN (LGTT, Loan Guarantee Instrument for TEN-Transport projects).

2.9

Filwaqt li fl-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskju eżistenti, jiġifieri l-LGTT, il-BEI jkopri r-riskji tal-kredituri kummerċjali (il-banek), il-proposta leġislattiva eżaminata hawnhekk titkellem dwar il-possibbiltà li l-BEI jkopri r-riskji tal-investituri fil-bonds tal-proġetti. It-tnejn li huma jikkonċernaw il-kopertura tar-riskju tad-dejn tal-kumpaniji li jwettqu proġetti infrastrutturali, li fil-prattika jinvolvu investimenti fil-forma ta’ finanzjament tal-proġetti u sħubijiet pubbliċi-privati oħra. B’mod ġenerali, huma l-isponsers tal-proġetti, bħall-kumpaniji tal-bini, il-fondi infrastrutturali, l-operaturi u, sa ċertu punt, il-kumpaniji privati li jieħdu r-responsabbiltà kemm għall-bini kif ukoll għall-operat, l-ippjannar u b’mod partikolari l-finanzjament tal-proġetti ta’ investiment.

2.10

Il-proġetti li ser jiġu appoġġjati matul il-fażi pilota għadhom iridu jingħażlu. Ser jingħażlu bejn tlieta u 11-il proġett mill-qasam tat-TEN-T, proġett wieħed mit-TEN-E u bejn proġett wieħed u tnejn mill-qasam tal-ICT/broadband. Mill-esperjenzi li jinkisbu matul il-fażi pilota ser jinsiltu l-konklużjonijiet għall-perjodu baġitarju l-ġdid tal-UE (2014-2020).

2.11

Il-Kummissjoni Ewropea ftit titkellem dwar il-kwistjonijiet tar-rimborż fil-proposta leġislattiva u fid-dokumenti ta’ akkumpanjament. Però d-dokment tal-BEI dwar l-esperjenzi li nsiltu mil-LGTT joħroġ ċar li dan l-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskju huwa adatt l-iktar għall-proġetti ffinanzjati mill-utenti (3). Huwa mistenni li dan ikun il-każ ukoll għall-proġetti mmirati f’din il-proposta leġislattiva.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Fil-prinċipju, il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li jiġi stabbilit strument ta’ kondiviżjoni tar-riskju biex jinħarġu bonds tal-proġetti għall-fażi pilota ppjanata bejn l-2012 u l-2013. Hu jenfasizza l-opportunitajiet iżda wkoll ir-riskji ppreżentati hawn taħt, u l-proposti u l-kundizzjonijiet imressqa, speċjalment biex l-istrument ikompli jintuża wara l-fażi pilota.

3.2

L-opportunitajiet jinsabu l-aktar fil-possibbiltà li jintużaw investimenti addizzjonali li bihom jista’ jiżdied l-effett tar-riżorsi baġitarji tal-UE. Dan jista’ jaqdi rwol importanti biex jiġu ġġenerati t-tkabbir u l-innovazzjoni, titjieb il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea, jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jinżammu u jinħolqu l-impjiegi. Bl-implimentazzjoni tal-proġetti ppjanati, iċ-ċittadini ser ikunu jistgħu jesperjenzaw il-benefiċċji tal-integrazzjoni Ewropea, u b’hekk tikber l-idea Ewropea.

3.3

Madankollu, il-Kumitat jara wkoll xi riskji. Huwa jiġbed l-attenzjoni għar-rabta intrinsika bejn il-qawwa tal-effett ta’ lieva u r-riskju li jieħdu l-awtoritajiet pubbliċi. Ir-riskji jirriżultaw b’mod partikolari mill-possibbiltà li jkollhom jassorbu t-telf li jsir fil-proġetti ta’ investiment mnedija. Filwaqt li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tillimita b’mod ċar ir-riskji li jista’ jkollu jieħu l-baġit tal-UE, hi tassumi li r-riskju għall-BEI mhux ser jiżdied minħabba l-kuntratti individwali konklużi bejn il-BEI u l-investituri għal kull proġett u minħabba d-distribuzzjoni tar-riskji li għamel il-BEI fost il-proġetti kollha. Sabiex jiġi evitat li, ikun xi jkun il-każ, ir-riskji jkollhom impatt negattiv fuq il-klassifikazzjoni tal-kreditu u r-reputazzjoni tal-BEI jew fuq it-tnedija u l-implimentazzjoni ta’ proġetti li tradizzjonalment jirċievu l-għajnuna mill-BEI, huwa rakkomandabbli li l-użu tal-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskju jiġi limitat abbażi tal-livell tar-riskju li jieħu l-BEI, liema riskju jiġi determinat permezz ta’ evalwazzjoni trasparenti tiegħu. B’mod partikolari, ir-riskju li jieħu l-BEI jrid ikun trasparenti (4) u, jekk ikun hemm bżonn, għandu għandu jkun limitat. Dawn il-miżuri għandhom jiġu kkunsidrati b’mod partikolari b’rabta mal-estensjoni tal-istrument għall-perjodu baġitarju l-ġdid tal-UE (2014-2020), wara li ssir evalwazzjoni tal-esperjenzi miskuba matul il-fażi pilota.

3.4

L-evalwazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tiddependi mill-għanijiet politiċi rispettivi tal-awtoritajiet pubbliċi li jirrappreżentaw l-interessi taċ-ċittadini u mill-interessi finanzjarji ta’ min jixtri l-bonds tal-proġetti. Dawn jista’ jkollhom l-istess mira, iżda jistgħu jmorru wkoll kontra xulxin. Il-Kumitat jirrakkomanda li qabel ma jitnieda l-istrument il-ġdid titkompla u tidħol aktar fil-fond id-diskussjoni soċjali dwar l-opportunitajiet u r-riskji, speċjalment għall-perjodu baġitarju 2014-2020. F’din id-diskussjoni għandhom jitqiesu b’mod partikolari t-tagħlimiet li nsiltu mill-esperjenza tal-finanzjament tal-proġetti u l-proġetti tas-SPP.

3.5

Il-KESE jinnota li l-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-proġetti tirrikjedi li d-dejn tal-proġett jitħallas lura permezz ta’ dħul marbut mal-proġett. Hawnhekk il-kwistjoni tal-finanzjament mill-utenti hi partikolarment rilevanti. Filwaqt li fil-qasam tal-enerġija u t-telekomunikazzjoni diġà jeżisti finanzjament ta’ dan it-tip minħabba l-liberalizzazzjoni u l-privatizzazzjoni li kien hemm, fil-qasam tat-trasport, speċjalment it-trasport individwali motorizzat, dan it-tip ta’ finanzjament isir biss f’ċerti Stati Membri, speċjalment fl-awtostradi. Il-konsegwenzi li jista’ jkun hemm għandhom l-ewwel jiġu diskussi fil-qafas ta’ dibattitu soċjali wiesa’ qabel ma jiġu implimentati l-proġetti ppjanati tat-trasport.

3.6

Il-KESE jitlob li jiġi kkunsidrat li l-ammont tas-self jitfassal b’tali mod li l-investituri żgħar ikunu jistgħu jipparteċipaw ukoll biex dan l-istrument ma jkunx disponibbli biss għall-investituri istituzzjonali.

3.7

L-għan tat-tnedija tal-istrument ippjanat ta’ kondiviżjoni tar-riskju m’għandux ikun biss li jinkiseb l-akbar effett ta’ lieva possibbli biex jiġu mobilizzati riżorsi ta’ investiment addizzjonali minn sorsi privati, iżda wkoll li jiġi garantit li l-istrument propost ma jxekkilx id-deċiżjonijiet politiċi u l-kunsens fis-soċjetà biex jintlaħqu l-għanijiet ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali (5). Pereżempju, il-proġetti tal-investiment imnedija permezz tal-bonds tal-proġetti m’għandhomx ikunu bbażati fuq il-ksur tal-istandards soċjali, ambjentali u tal-kwalità. Fl-implimentazzjoni tal-proġetti għandhom jitqiesu l-kwalità tal-bini u l-manutenzjoni, il-kompatibbiltà ekoloġika u r-rispett tal-ftehimiet kollettivi u tal-prinċipju tal-post tax-xogħol kif ukoll il-promozzjoni tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju, il-promozzjoni tal-innovazzjoni, il-kalkolu tal-ispejjeż abbażi tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja (6), il-kundizzjonijiet soċjali u ekoloġiċi tal-proċess tat-tħejjija, u għandu jiġi garantit li l-persuni b’diżabbiltà jkollhom aċċess għalihom, bil-kundizzjoni li jkunu jistgħu jiġu ċċekkjati b’mod oġġettiv u jkunu magħmula minn kriterji nondiskriminatorji. Għandu jiġi evitat li jkun hemm imposti eċċessivi fuq l-utenti. Dan japplika l-aktar għal dawk li spiss jew kuljum ikollhom jużaw l-infrastruttura tat-trasport, speċjalment jekk ma jkunx hemm infrastrutturi alternattivi.

3.8

Fid-dawl ta’ dawn l-esiġenzi, il-Kumitat jappella li għandha tissokta u tikber l-evalwazzjoni tal-fażi pilota tal-inizjattiva tal-bonds tal-proġetti u dan għandu jsir fuq bażi soċjali wiesgħa u fil-ħin, qabel ma tittieħed id-deċiżjoni politika dwar l-applikazzjoni tal-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskju għall-bonds tal-proġetti matul il-perjodu baġitarju l-ġdid tal-UE (2014-2020). Hawnhekk għandhom jitqiesu wkoll l-esperjenzi miksuba bl-LGTT. Sabiex jinsiltu l-konklużjonijiet fil-ħin, huwa partikolarment importanti li ssaltan it-trasparenza fir-rigward tal-proġetti appoġġjati, l-allokazzjoni tal-fondi u l-flussi ta’ investiment maħluqa; dan jirrikjedi kontroll permanenti tar-riżultati u monitoraġġ f’ħin reali. F’din l-evalwazzjoni għandhom jipparteċipaw dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet xjentifiċi, tal-ħarsien tal-ambjent u tal-konsumatur u l-assoċjazzjonijiet soċjali kif ukoll il-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni. Il-leġislatur Ewropew għandu jieħu deċiżjoni qabel il-perjodu baġitarju l-ġdid. Il-Kumitat jemmen li hu tard wisq li l-evalwazzjoni ssir fl-2016/2017, hekk kif hu propost b’mod impliċitu fid-dokumenti tal-Kummissjoni Ewropea.

3.9

F’dak li hu rifinanzjament tal-proġetti ta’ investiment, l-obbligi finanzjarji tal-awtoritajiet pubbliċi fil-każ ta’ finanzjamenti tal-proġetti u proġetti tas-SPP li d-dejn tagħhom jitħallas lura permezz ta’ ħlasijiet pubbliċi huma ekwivalenti għal dawk fil-każ ta’ proġetti tal-akkwisti pubbliċi ffinanzjati b’mod tradizzjonali. Biex jiġi żgurat li jkun hemm trasparenza suffiċjenti rigward il-baġit, biex jiġu evitati r-riskji baġitarji addizzjonali kif ukoll l-inċentivi foloz għat-tnedija tal-proġetti tas-SPP u biex jiġi garantit li l-awtoritajiet responsabbli jagħżlu b’mod ħieles bejn il-proġetti tas-SPP u l-proġetti finanzjati b’mod tradizzjonali, il-KESE jtenni t-talba tiegħu li l-kriterji tad-dejn għall-proġetti tas-SPP ikunu jikkorrispondu ma’ dawk tal-proġetti fil-qafas tal-akkwisti pubbliċi tradizzjonali (7).

3.10

B’mod ġenerali, fl-UE bosta proġetti infrastrutturali fl-oqsma tal-enerġija u t-telekomunikazzjoni, b’differenza minn ċerti proġetti fil-qasam tat-trasport, jiġu ffinanzjati mis-settur privat u r-rifinanzjament tagħhom isir mid-dħul mill-użu tagħhom, liema dħul hu regolat. Dan hu l-każ fl-infrastruttura kollha tan-netwerk. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jistaqsi liema huma l-proġetti addizzjonali li l-leġislatur Ewropew jixtieq iniedi fil-qafas tal-istrument finanzjarju propost li, milli jidher, ir-rifinanzjament tagħhom mhux ser ikun possibbli permezz tad-dħul mill-użu, liema dħul ikun regolat. Il-Kumitat jemmen li għal kull wieħed mill-proġetti kkunsidrati fl-oqsma tal-enerġija u t-telekomunikazzjoni għandha tingħata raġuni dettaljata għaliex dawn, minkejja n-nuqqas ta’ possibbiltajiet ta’ rifinanzjament, jistħoqqilhom jinżammu bħala kontribut fl-iżvilupp tal-UE. Huwa indispensabbli li dawn il-proġetti jiġu kkontrollati mil-leġislatur Ewropew.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

L-istrument propost ta’ kondiviżjoni tar-riskju hu soluzzjoni potenzjali għall-problemi li tippreżenta l-Kummissjoni Ewropea tan-nuqqas ta’ investiment pubbliku u l-kapital tal-investituri istituzzjonali li jkunu qed jippruvaw jinvestu. Però jeżistu ħafna mistoqsijiet tekniċi b’rabta mal-esiġenzi politiċi msemmijin fit-Tielet Kapitolu. Il-Kumitat iħeġġeġ li dawn il-mistoqsijiet jiġu ċċarati qabel ma jitnieda l-istrument propost ta’ kondiviżjoni tar-riskju, u l-aktar tard qabel l-introduzzjoni ppjanata tiegħu fil-perjodu baġitarju 2014-2020.

4.2

B’mod ġenerali, il-Kumitat jemmen li l-BEI u l-baġit tal-UE m’għandhomx ikopru r-riskji biss, iżda għandhom ikunu involuti wkoll b’mod ġust fil-profitti (“fair risk sharing”). Dan għandu jiġi garantit permezz tal-applikazzjoni sistematika tal-politika tal-BEI dwar ir-riskji u l-prezzijiet kif ukoll il-miżuri proposti hawnhekk biex jiġu limitati r-riskji tal-BEI.

4.3

Ir-rwol partikolari tal-atturi lanqas ma huwa ċar għalkollox. B’mod partikolari, ma jingħadx b’mod ċar min jista’ jissostitwixxi r-rwol tal-assiguraturi tal-bonds (monolines) bħala punt uniku għall-kontroll tal-kreditu, u b’liema mod għandu jsir dan. F’dan il-kuntest, lanqas mhu ċar xi rwol għandu jaqdi l-BEI f’dan il-kuntest. Id-deċiżjoni dwar dan għandha tittieħed fi ftehimiet futuri mal-investituri u f’kuntratt bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-BEI. Il-KESE jappella lil-leġislatur Ewropew biex jiċċara d-dettalji tekniċi tal-iskema tar-riskju u d-dimensjoni tal-funzjoni ta’ punt għall-kontroll tal-kreditu li ser jaqdi l-BEI fil-qafas tal-proċedura leġislattiva ppjanata, mill-inqas qabel l-estensjoni tal-istrument għall-perjodu baġitarju l-ġdid tal-EU (2014-2020), bil-għan li tinħoloq ċertezza għall-investituri u l-awtoritajiet pubbliċi. L-istrument ppjanat ta’ kondiviżjoni tar-riskju fl-ebda każ m’għandu jkun ta’ periklu għall-klassifikazzjoni tal-kreditu u r-reputazzjoni tal-BEI.

4.4

L-esperjenzi miksubin mill-proġetti tal-LGTT għandhom jiġu evalwati b’mod sistematiku abbażi tal-kriterji msemmijin fit-Tielet Kapitolu, sabiex jinsiltu l-konklużjonijiet dwar id-disinn adegwat tal-proġetti fil-qafas tal-istrument ta’ kondiviżjoni tar-riskju għall-bonds tal-proġetti u sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi (8). B’rabta ma’ dan għandhom jiġu ċċarati wkoll l-evalwazzjonijiet differenti tal-proġetti tas-SPP li saru minn atturi differenti.

4.5

Fid-dawl tal-esperjenzi pożittivi iżda wkoll tal-bosta esperjenzi negattivi u tar-riskji matul il-finanzjamenti tal-proġetti u l-proġetti tas-SPP b’rabta ma’ kemm idumu għaddejjin in-negozjati tal-kuntratti, il-kumplessità tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali u r-relazzjonijiet bejn l-atturi kif ukoll l-inċertezza tal-effetti fuq id-domanda, il-KESE jistaqsi lilu nnifsu jekk l-aħjar soluzzjoni hix li l-baġits pubbliċi jkollhom ir-riżorsi meħtieġa biex il-proġetti tal-investiment jitnedew fil-qafas tal-akkwisti pubbliċi tradizzjonali (9). B’rabta ma’ dan, il-Kumitat jilqa’ l-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji u jfakkar fl-appoġġ tiegħu għall-introduzzjoni ta’ sors ta’ dħul ta’ dan it-tip għall-baġits pubbliċi (10).

4.6

F’dan ir-rigward, il-Kumitat jinnota wkoll li l-ħruġ ta’ bonds tal-proġetti mhux biżżejjed biex ikopri l-bżonn ta’ investiment stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa. Għalhekk iħeġġeġ li jintużaw sorsi ta’ dħul oħra għall-investimenti pubbliċi.

Brussell, 23 ta’ Frar 2012

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara wkoll: Kummissjoni Ewropea, Impact Assessment Board, DĠ ECFIN – Impact Assessment on a proposal for a regulation on the Europe 2020 Project Bond Initiative, Punt C 2 (abbozz tal-15 ta’ Settembru 2011) (Ref. Ares(2011)1012531 - 23.09.2011), fejn jingħad li r-riskji għandhom jiġu ppreżentati b’mod aktar trasparenti.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, opinjoni tal-KESE dwar il-Linji gwida għan-netwerks tat-telekomunikazzjonijiet, opinjoni tal-KESE dwar il-Linji gwidi għall-infrastruttura tat-trasport (Ara paġna 130 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.).

(3)  Ara Bank Ewropew tal-Investiment: Loan Guarantee Instrument for TEN-T Projects – Mid-term Review (2011), il-Lussemburgu, 14 ta’ Lulju 2011, p. 4.

(4)  Ara wkoll: Kummissjoni Ewropea, Impact Assessment Board, DĠ ECFIN, Punt C 2, op. cit. (ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna).

(5)  Matul il-konsultazzjoni, is-CER stqarret li hi xettika dwar l-applikazzjoni tal-istrument propost ta’ kondiviżjoni tar-riskju fil-każ tat-trasport ferrovjarju. Ara Stakeholder Consultation on Europe 2020 Project Bond Initiative, Response of the European Railway and Infrastructure Companies (CER), 6 ta’ Mejju 2011, li jinsab bl-Ingliż hawnhekk: http://ec.europa.eu/economy_finance/consultation/written_responses_en.htm.

(6)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar il-Green Paper dwar l-immodernizzar tal-politika tal-UE dwar l-akkwist pubbliku – Lejn Suq Ewropew tal-Akkwist iżjed effiċjenti, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 113.

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar il-Green Paper dwar l-investiment pubbliku u privat, ĠU C 51, 17.2.2011, p. 59; ara wkoll House of Commons, Treasury Select Committee, Private Finance Initiative, Seventeenth Report of Session 2010-2012, Londra 18 ta’ Lulju 2011: dan ir-rapport jgħid li l-fatt li l-proġetti tal-PFI/SPP mhumiex inklużi fid-dejn pubbliku joħloq inċentivi foloz li jmorru kontra l-għan tal-aħjar valur għall-flus (“best value for money”). Il-President tat-Treasury Select Committee tal-House of Commons tar-Renju Unit, Andrew Tyrie (Partit tal-Konservattivi), jgħid b’mod ċar li hu favur li dawn il-proġetti jiġu inklużi fir-regoli dwar id-dejn (ara http://www.parliament.uk/business/committees/committees-a-z/commons-select/treasury-committee/news/pfi-report/).

(8)  Dwar dan ara l-Bank Ewropew tal-Investiment, op. cit. (ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna), għalkemm dan id-dokument ma jeżaminax bosta mill-kriterji msemmijin fit-Tielet Kapitolu.

(9)  Dan l-approċċ tal-aħjar u t-tieni l-aħjar soluzzjoni ġej mill-opinjoni tal-Komunità tal-Kumpaniji tal-Infrastruttura u l-Ferroviji Ewropej (CER, Community of European Railway and Infrastructure Companies) fil-kuntest tal-konsultazzjoni dwar il-proposta eżamita hawnhekk. Ara CER, op. cit. (ara n-nota 5 f’qiegħ il-paġna).

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar “Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji”, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 81 u l-opinjoni tal-KESE dwar “ir-Rapport tal-Grupp de Larosière”, ĠU C 318, 23.12.2009, p. 57.