22.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/107


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-attivitajiet tal-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt u tal-gass offshore”

COM(2011) 688 finali — 2011/0309 (COD)

2012/C 143/20

Relatur: is-Sur LYON

Nhar is-17 ta’ Novembru 2011 u nhar id-29 ta’ Novembru 2011 rispettivament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-attivitajiet tal-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt u tal-gass offshore

COM(2011) 688 final – 2011/0309 (COD).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar l-20 ta’ Jannar 2012.

Matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-22 ta’ Frar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’111-ilvot favur, 2 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Għalkemm l-inċidenti kbar offshore huma rari, il-konsegwenzi li jkollhom f’termini ta’ periklu għall-ħajja tal-bniedem, l-ambjent, l-ekonomija u l-klima ħafna drabi jkunu katastrofiċi.

1.2

Il-ħtieġa ta’ approċċ konsistenti tal-UE lejn is-sikurezza tal-attivitajiet relatati maż-żejt u l-gass offshore hija rikonoxxuta sew.

1.3

L-aħjar mod biex jintlaħaq dan l-għan huwa permezz tat-tixrid u l-implimentazzjoni tal-ogħla standards li diġà huma stabbiliti fil-biċċa l-kbira tal-industrija.

1.4

Il-KESE jappoġġja r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, jiġiferi l-“Għażla 2”, bħala l-pakkett ta’ miżuri li l-iktar jista’ jilħaq l-għanijiet ta’ din il-Proposta.

1.5

Ir-Regolament għandu jimmira li jsaħħaħ id-devoluzzjoni tar-regolamentazzjoni tal-miżuri ta’ riforma lejn l-awtoritajiet nazzjonali u partijiet interessati kompetenti, filwaqt li jinżamm rwol definit sew iżda limitat għall-Grupp propost tal-Awtoritajiet Offshore tal-UE.

1.6

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq lejn konklużjoni bikrija d-deliberazzjonijiet tagħha dwar is-sigurtà tal-prodott, il-kapaċità finanzjarja u, l-aktar importanti, ir-responsabbiltà tal-intrapriżi.

1.7

L-operaturi tal-UE impenjati fl-attivitajiet tal-esplorazzjoni u l-produzzjoni barra mit-territorji tal-UE għandhom jitħeġġu jesportaw l-aqwa standards tal-UE.

2.   Introduzzjoni

2.1

Fis-27 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni ħarġet bil-Proposta tagħha għal Regolament dwar is-sikurezza tal-attivitajiet tal-ipprospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni taż-żejt u tal-gass offshore.

2.2

Fl-isfond tad-diżastru tad-Deepwater Horizon fil-Golf tal-Messiku f’April 2010, u fid-dawl ta’ dak li l-Kummissjoni ddeskriviet bħala riskju sinifikanti ta’ inċident kbir offshore fis-settur offshore Ewropew, ma tantx jibqa’ dubji dwar l-urġenza li biha jeħtieġ li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet imsemmija mill-Kummissjoni fil-Valutazzjoni tal-Impatt (li takkumpanja din il-proposta) u li jiġu adottati miżuri adegwati. Dawn il-kwistjonijiet huma:

l-antiċipazzjoni u l-eliminazzjoni, kemm jista’ jkun raġonevoli, ta’ inċidenti b’riskju għoli;

il-limitazzjoni u t-trażżin tal-konsegwenzi ta’ diżastru kbir;

iż-żieda fil-protezzjoni tal-ambjent marittimu u l-ekonomiji kostali mill-effetti tat-tniġġis;

il-ħtieġa li jsir titjib fil-firxa u fl-effettività tal-attivitajiet ta’ rispons fl-Istati Membri;

il-ħtieġa li eventwalment jiġu stabbiliti linji gwida ċari dwar ir-responsabbiltà tal-kuntratturi offshore għat-telf dirett u indirett imġarrab minn partijiet terzi;

il-ħtieġa li jitfassal u jiġi armonizzat sett qafas ta’ kundizzjonijiet essenzjali għat-tħaddim sikur tal-installazzjonijiet u l-faċilitajiet offshore; u

il-ksib mill-ġdid tal-fiduċja tal-pubbliku f’industrija taż-żejt u l-gass offshore sikura, u mmexxija u rregolata sew.

2.3

Il-Kummissjoni temmen li l-aħjar mod biex jissolvew dawn il-kwistjonijiet huwa permezz ta’:

titjib fil-proċeduri tal-eżaminar, l-għoti ta’ liċenzji, ir-regolazzjoni u l-monitoraġġ tal-kuntratturi u l-operaturi f’din l-industrija;

it-tħeġġiġ ta’ kultura korporattiva li tħaddan minn jeddha prattiki tas-sikurezza mtejba;

it-tneħħija tal-inkonsistenzi bejn l-Istati Membri;

ġestjoni u koordinazzjoni aħjar tar-riżorsi ta’ rispons u tal-kapaċitajiet tar-rispons;

titjib fil-verifika tat-tagħmir importanti għas-sikurezza (inkluża verifika indipendenti minn terza persuna); u

it-twettiq ta’ valutazzjoni politika tal-miżuri relatati mas-sikurezza tal-prodott, il-garanziji tal-kapaċità finanzjarja u r-responsabbiltà ċivili, u l-iskemi ta’ kumpens tal-operaturi offshore.

2.4

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tittama li tilħaq dawn l-ambizzjonijiet billi tippromovi “mudell tal-aħjar prattika tal-UE”, jiġifieri billi timplimenta pakkett ta’ riformi li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma bbażati fuq prattiki li ilhom stabbiliti u li huma meqjusa bħala prattiki tajbin fis-settur tal-Baħar tat-Tramuntana. Dan iwassal għal kollaborazzjoni akbar fil-valutazzjoni tar-riskju, l-ippjanar ta’ kontinġenza, ir-rispons għall-emerġenzi, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, tal-għarfien u tar-riżorsi. Dan il-mudell (identifikat bħala l-“Għażla 2” fil-Valutazzjoni tal-Impatt) jikkontempla t-twaqqif ta’ “Awtorità Kompetenti” f’kull Stat Membru li jkollha responsabbiltà ġenerali għal kwistjonijiet relatati mal-industrija, u bejn l-Istati Membri, Grupp ta’ Awtoritajiet Offshore tal-UE biex jistabbilixxi standards ġodda ta’ sikurezza, jiffaċilita l-programmi regolatorji tal-UE, u jiżgura rappurtar standard fil-fruntieri nazzjonali.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Fis-settur Ewropew taż-żejt u l-gass offshore hemm kważi 1 000 installazzjoni offshore. Ġeografikament, dawn il-faċilitajiet huma mqassmin hekk: 486 fir-Renju Unit; 181 fil-Pajjiżi l-Baxxi; 123 fl-Italja; 61 fid-Danimarka; 7 fir-Rumanija; 4 fi Spanja; 3 fil-Polonja; 2 fil-Ġermanja; 2 fil-Greċja; 2 fl-Irlanda; u 1 fil-Bulgarija.

3.2

Il-KESE jemmen li s-sikurezza, f’kull aspett tal-attivitajiet relatati maż-żejt u l-gass offshore u f’kull riżultat assoċjat ma’ din l-industrija, hija ta’ importanza assoluta, u jilqa’ b’sodisfazzjon din l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

3.3

Għalkemm fil-biċċa l-kbira tiegħu, ir-Regolament jiffoka fuq il-prevenzjoni jew it-trażżin tal-impatti ambjentali tal-inċidenti jew l-aċċidenti offshore, il-KESE bi pjaċir jinnota li fil-Valutazzjoni tal-Impatt, is-saħħa, is-sikurezza u l-benesseri tal-ħaddiema fl-industrija taż-żejt u l-gass offshore ma ġewx injorati.

3.4

Il-KESE jirrikonoxxi li għandu jinstab bilanċ bejn ir-rekwiżiti tal-Proposta u l-ħtiġijiet tal-UE għall-enerġija u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.

3.5

Filwaqt li fi ħdan l-UE ma hemm l-ebda korp tal-liġi ddedikat speċifikament għas-sigurtà tal-attivitajiet taż-żejt u tal-gass offshore, għadd ta’ Direttivi eżistenti jittrattaw kwistjonijiet marbutin mill-qrib ma’ dawk li jinsabu fil-Proposta, bħalma huma d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali (2004/35/KE), id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (2008/98/KE), id-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (85/337/KEE, kif emendata), il-miżuri introdotti fid-Direttiva Qafas dwar is-Saħħa u s-Sigurtà (89/391/KEE) li jkopru r-rekwiżiti minimi għat-titjib tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fl-industriji tal-estrazzjoni minerali permezz tat-tħaffir, u d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE). Peress li dawn ma jaqblux preċiżament mal-objettivi tal-Proposta, jistgħu jiġu applikati biss pass pass jekk, fil-fatt, ikunu jistgħu jiġu applikati mingħajr ma jiġu adattati. Filwaqt li, pereżempju, id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà Ambjentali tittratta t-tniġġis offshore, din ma tapplikax għad-dannu tal-ilma fiż-Żona Ekonomika Esklużiva jew għall-blata kontinentali, li jeħtieġ li tkun protetta skont id-Direttiva dwar l-Istrateġija Marina.

3.6

Kritika rikorrenti (min-naħa tal-kummentaturi) hija li l-istandards eżistenti tas-sikurezza, ir-rimedju, ir-responsabbiltà u l-kumpens (permezz tad-Direttiva, l-awtoregolazzjoni, il-ftehimiet u l-protokolli internazzjonali) ħafna drabi “mhumiex konnessi” u ma jiġux rispettati b’mod sodisfaċenti – minħabba differenzi fl-enfasi u l-interpretazzjoni, nuqqas ta’ attenzjoni għall-ispirtu, jekk mhux għad-dettalji, tal-mekkaniżmi ta’ implimentazzjoni u infurzar, u kultura korporattiva fqira. Dan jiskredita l-proċess leġislattiv u huwa insodisfaċenti. Il-bidu ġdid deskritt fil-Proposta għandu jintlaqa’ pożittivament.

3.7

Fis-settur tal-Baħar tat-Tramuntana, il-prattiki u l-proċeduri industrijali, kemm dawk volontarji u kemm dawk statutorji, ġew deskritti mill-Kummissjoni bħala “l-aħjar prattiki operattivi”, “l-aħjar prattiki tal-Unjoni”, “l-aħjar prattiki disponibbli definiti fi standards u gwidi awtorevoli”, “l-aħjar standard attwali”, “prattiki l-aktar moderni”, u “l-aħjar prattika globali rikonoxxuta fil-kontroll tar-riskju ta’ perikli kbar”, b’approċċ regolatorju ta’ stabbiliment tal-miri meqjus “ta’ klassi dinjija”. Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb dar il-livell relattivament għoli ta’ riskju li jibqa’, u huwa tal-fehma li r-Regolament propost ser iqawwi l-kultura tas-sikurezza korporattiva.

3.8

Dawn il-prattiki evolvew u mmaturaw permezz tal-esperjenzi miksuba mill-esplorazzjoni, l-inġinerija u l-operazzjonijiet (xi drabi dawn ħallew togħma qarsa, meta niftakru fid-diżastri ta’ Alexander Kielland (1980) u tal-Piper Alpha (1988)). Il-KESE jirrikonoxxi li dan huwa proċess kontinwu, li jirrikjedi evalwazzjoni kostanti, u jemmen li l-operaturi li jaħdmu f’din l-industrija la huma kompjaċenti u lanqas huma kajmana biex jintroduċu miżuri u linji gwida ġodda jew biex jadattaw l-istandards jew il-proċeduri eżistenti kull meta jkun hemm bżonn jew ikun konvenjenti. Ir-Regolament ser joffri qafas uniformi fejn dan jista’ jseħħ.

3.9

Sett ta’ prinċipji, proċeduri u kontrolli fi ħdan l-UE, li jkun koerenti, komprensiv u universali f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tiegħu, kif indirizzat fir-Regolament, huwa f’waqtu u essenzjali għall-governanza tajba tal-industrija hija u tiżviluppa oqsma ġodda ta’ esplorazzjoni u produzzjoni. Il-KESE jinnota r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, jiġiferi l-“Għażla 2”, bħala l-aktar approċċ aċċettabbli.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

F’għadd ta’ referenzi, il-Kummissjoni tenfasizza r-riskji ta’ aċċident kbir taż-żejt jew tal-gass fl-ilmijiet tal-UE u tiddeskrivihom bħala riskji “sinifikanti kullimkien fl-Unjoni”, “iktar reali minn kemm jistgħu jidhru” u bħala riskji “għoljin b’mod inaċċettabbli”. Il-KESE jixtieq ikun jaf kif ġiet issostanzjata din l-affermazzjoni.

4.2

Il-KESE għandu t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li jekk jintagħżel ir-Regolament bħala l-istrument legali preferut, il-Proposta tal-Kummissjoni tista’ twassal:

għall-iżmantellar jew id-dekostruzzjoni tal-“aħjar prattiki” ta’ dawk l-operaturi u l-Istati Membri li jaderixxu mal-“mudell bażiku tal-Baħar tat-Tramuntana”, peress li jiġu introdotti proċeduri leġislattivi kumplessi ġodda, akkumpanjati minn żidiet u emendi fil-liġi mhux vinkolanti taħt setgħat iddelegati lill-Kummissjoni, u

għal spejjeż, tfixkil, dewmien, duplikazzjoni u konfużjoni addizzjonali, u possibbilment bla bżonn, fl-industrija u lil hinn, u (possibbilment twassal, fil-fażi tat-tranżizzjoni) għal kompromess fir-rigward tas-sikurezza, u jispera li Regolament ifformultat bir-reqqa jista’ jbiegħed dawn id-dubji.

4.3

Filwaqt li hemm il-fehma li r-reġim eżistenti tal-aħjar prattika (il-mudell tal-Baħar tat-Tramuntana) flimkien mar-rwol ta’ organizzazzjonijiet bħalma huma il-Forum tal-Awtoritajiet dwar Attivitajiet fil-Baħar tat-Tramuntana, il-Grupp Konsultattiv għall-Prevenzjoni u Rispons għat-Tixrid taż-Żejt, l-Offshore Oil Pollution Liability Association Ltd, il-Forum tar-Regolaturi Internazzjonali u s-Servizzi ta’ Emerġenza tal-Kooperattiva tal-Operaturi, jagħtu evidenza biżżejjed ta’ kif jiffunzjoni l-prinċipju tas-sussidjarjetà permezz tal-azzjonijiet tal-Istati Membri, u li l-approċċ preferut tal-Kummissjoni sabiex jogħlew l-istandards jista’ jinkiseb permezz ta’ Direttiva, il-KESE jagħraf, fl-immedjat u fiċ-ċertezza, il-merti prinċipali ta’ Regolament u jagħraf ir-Regolament bħala l-istrument leġislattiv preferut tal-Kummissjoni. Il-KESE jistenna li r-Regolament jikkoreġi l-inkonsistenzi attwali bejn l-Istati Membri, u li jassimila u jirrifletti l-aħjar elementi, prinċipji u standards tal-Mudell tal-Baħar tat-Tramuntana.

4.4

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tgħid jekk ġewx ikkunsidrati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 194(2) tat-TFUE, u, jekk iva, sa liema punt, meta tħejjew id-dispożizzjonijiet tal-Proposta.

4.5

Il-kultura tas-sikurezza tal-UE għandha, kull meta jkun possibbli, tiġi applikata b’mod uniformi mill-operaturi tal-UE kemm ġewwa kif ukoll barra mill-ibħra tal-UE. Konsegwentement, il-KESE jissuġġerixxi l-esplorazzjoni ta’ skema ta’ verifika minn parti terza sabiex dan l-objettiv jintlaħaq speċifikament.

4.6

Id-diżastru tad-Deepwater Horizon jikkonferma l-ħtieġa li jissaħħu r-rekwiżiti finanzjarji mill-operaturi sabiex tiġi garantita l-kapaċità tagħhom li jkopru bis-sħiħ id-danni u l-ispejjeż ta’ kumpens minn kwalunkwe aċċident. Għaldaqstant il-KESE jirrakkomanda li tiġi esplorata aktar il-possibbiltà ta’ assigurazzjoni obbligatorja li tkopri r-responsabbiltà għal partijiet terzi (jew sistema ta’ protezzjoni ekwivalenti u adegwata f’każ ta’ responsabbiltà) u jissuġġerixxi klawżola ta’ reviżjoni għar-Regolament sabiex din il-kwistjoni urġenti tiġi ttrattata fil-futur qrib.

Brussell, 22 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON