22.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 143/88


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali”

COM(2011) 609 finali — 2011/0270 (COD)

2012/C 143/17

Relatur: is-Sinjura BATUT

Nhar il-25 ta’ Ottubru 2011 u nhar is-16 ta’ Novembru 2011, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali

COM(2011) 609 final – 2011/0270 (COD).

Fil-25 ta’ Ottubru 2011, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett. Ir-relatur ġenerali kienet is-Sinjura BATUT.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-478 sessjoni plenarja tiegħu tat-22 u t-23 ta’ Frar 2012 (seduta tat-23 ta’ Frar 2012) li jaħtar lis-Sinjura BATUT bħala relatur ġenerali u adotta din l-opinjoni b’168 vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE diġà analizza l-kunċett ta’ innovazzjoni soċjali fejn enfasizza kemm huwa vag u kemm iġib inċertezza miegħu (1); mill-banda l-oħra, huwa diġà għaraf il-punti pożittivi tal-innovazzjoni fuq il-post tax-xogħol (2). Barra minn hekk hemm bosta atturi li jwettqu “l-innovazzjoni soċjali” kuljum mingħajr ma jafu, sempliċiment għax jagħmlu xogħolhom sew.

1.2   Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi l-objettivi tal-“innovazzjoni soċjali” u tal-“bidla soċjali” fil-PBIS tagħha (3). Dawn il-kunċetti għadhom fi stadju ta’ esperimentazzjoni u m’għandhom jissostitwixxu la s-sistemi soċjali nazzjonali u lanqas il-liġi tax-xogħol. Żieda fl-għadd ta’ nies li jaħdmu tista’ tkun favorevoli għall-kompetittività, iżda l-Kumitat huwa tal-fehma li l-kriżi m’għandhiex tkun skuża biex isiru bidliet sistemiċi li jwasslu biex l-eċċezzjoni ssir ir-regola.

1.3   Il-KESE jixtieq klawżoli miktubin fil-Programm diskuss hawnhekk li jiggarantixxu li l-attivitajiet tal-innovazzjoni soċjali jkunu jikkomplementaw id-drittijiet u s-sistemi soċjali tal-Istati Membri mingħajr ma jikkompetu magħhom jew mas-sigurtà legali li joffru lill-membri tagħhom.

1.4   Il-Kumitat jirrakkomanda li fl-abbozz tagħha l-Kummissjoni tirreferi għall-objettiv tal-armonizzazzjoni fil-progress (4) tad-drittijiet soċjali nazzjonali sabiex jitneħħew id-disparitajiet bejn dawn id-drittijiet u b’hekk tiġi ffaċilitata l-mobbiltà.

1.5   Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tispjega l-effetti mistennija mis-sinerġiji msemmijin fit-tliet programmi PROGRESS, EURES u Mikrofinanzjament u r-rabtiet mal-fondi Ewropej (speċjalment il-FSE u l-FISE (5)), u li turi kif ir-regoli għall-ġestjoni ta’ dawn il-programmi huma kompatibbli ma’ xulxin – aspett li mhux ċar għalkollox.

1.6   Il-Kumitat jixtieq li r-rwol tal-imsieħba soċjali u tal-NGOs jidher b’mod ċar fit-tliet assijiet tal-PBIS.

1.7   Il-KESE jitlob li l-PBIS jinkludi klawżola ta’ flessibbiltà sabiex ikun jista’ jiġi aġġustat wara li ssir reviżjoni f’nofs il-perjodu. Fl-2017 għandha ssir analiżi provviżorja li turi l-bidliet soċjali li jkunu saru, liema analiżi mbagħad titressaq quddiem il-Parlament u tintalab opinjoni dwarha mill-kumitati konsultattivi u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom.

1.8   Il-KESE jemmen li jekk it-tliet assijiet jibqgħu fl-istess programm, l-isem tal-PBIS għandu jinbidel u jsir “Programm ta’ Appoġġ għall-Progress Soċjali, il-Mobbiltà u l-Inklużjoni”.

1.9   Dwar PROGRESS, il-KESE jaħseb li:

għandhom jiġu identifikati liema impjiegi nħolqu permezz ta’ PROGRESS;

għandhom jiġu ppubblikati l-fallimenti, u li r-riżultati pożittivi għandhom isiru aktar viżibbli u jkunu jistgħu jiġu skambjati billi onlajn jiġi ppubblikat sommarju;

għandhom jiġu definiti l-“esperimentazzjoni” kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, dawk involuti, l-azzjonijiet u l-benefiċjarji potenzjali;

il-proġetti b’dimensjoni marbuta mas-sess u/jew man-nondiskriminazzjoni għandhom jibqgħu eliġibbli;

il-parti l-kbira ta’ PROGRESS m’għandhiex tkun iddedikata għall-kompiti amministrattivi ta’ analiżi u ta’ kalkolu, sabiex b’hekk ikollu impatt akbar fuq il-post;

għandhom jiġu ssemplifikati d-dokumenti u l-proċeduri ta’ kontroll;

għandu jiġi spjegat ir-rwol tal-intrapriżi soċjali fis-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali;

għandhom jiġu spjegati s-sinerġiji bejn il-PBIS u l-FISE u bejn il-PBIS u l-FSE, u għandhom jiġu definiti r-regoli ta’ governanza li jiġu applikati skont kemm l-intrapriżi soċjali jkollhom għan soċjali.

1.10   Dwar EURES, il-KESE jirrakkomanda li:

jinżamm l-ispirtu inizjali ta’ EURES, bil-kompetenzi reġjonali tiegħu u bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali;

jiġi kkonfermat il-prinċipju tal-prijorità tal-offerta ta’ impjiegi deċenti qabel l-offerta ta’ mikrokrediti u mikroimpjiegi;

jiġi kkonfermat l-għan li tiġi promossa l-mobbiltà waqt li jiġi miġġieled id-dumping soċjali;

titħabbar il-bidla fil-bażi legali billi jkun miftuħ għall-aġenziji privati ta’ reklutaġġ (6) u jiġu ċċarati l-konsegwenzi ta’ dan b’rabta mal-FSE u l-allokazzjoni tal-fondi;

jiġi ċċarat il-finanzjament doppju ta’ EURES (il-PBIS u l-FSE) u l-konsegwenzi tal-isforzi doppji f’termini ta’ baġit u kontroll;

tiġi definita l-mobbiltà mixtieqa; jiġu identifikati t-tipi ta’ kuntratti ffirmati bis-saħħa ta’ EURES, u jiġi spjegat ir-rwol ġdid ta’ ċentralizzazzjoni li għandha l-Kummissjoni sabiex dan ikun jista’ jiġi diskuss;

jiġi kkonfermat il-bżonn li jiġu ttrasferiti d-drittijiet soċjali kollha u l-iskemi ta’ ekwivalenza tal-kompetenzi;

jiżdiedu l-miżuri li jippromovu l-inklużjoni diġitali.

1.11   Dwar il-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali, il-KESE jirrakkomanda li:

jitqies il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

titqies il-possibbiltà li jkun hemm koeffiċjent tal-kontribuzzjoni bejn l-Istati Membri;

titħejja skala ta’ għajnuna għall-benefiċjari li jkunu definiti b’mod aktar eżatt (id-daqs tal-intrapriżi soċjali eliġbbli);

il-proġett isir viżibbli sabiex iċ-ċittadini eliġibbli jitħarsu mill-mikrofinanzjamenti mhux regolati u mingħajr skrupli, u għandu jiġi żgurat li fl-ewwel paġna tal-websajts rilevanti kollha ssir referenza għall-mikrofinanzjament bil-lingwi kollha tal-UE;

jiġu spjegati b’mod aktar espliċitu r-rwoli tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) u tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-effett ta’ lieva tagħhom;

jiġu stabbiliti regoli għal min isellef sabiex dawn jerfgħu r-responsabbiltà sħiħa tagħhom.

2.   Il-kuntest

2.1   L-Istrateġija tal-Aġenda Soċjali għall-Ewropa tas-seklu 21 hija inkluża fl-Istrateġija Ewropa 2020. Il-proposta li jkun hemm Programm għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali (PBIS) tagħmel parti minn dan il-qafas. Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jinnota li fl-Ewropa persuna waħda minn kull ħamsa tinsab mhedda mill-faqar u l-esklużjoni soċjali, u issa din it-tendenza qawwija qed tiżdied bl-effetti soċjali tal-kriżi. L-UE u l-Istati Membri qed jieħdu azzjoni biex sal-2020 joħorġu mill-kriżi mill-inqas 20 miljun persuna; l-istrumenti prinċipali tagħhom għall-impjieg u l-inklużjoni soċjali huma fost oħrajn il-FSE, PROGRESS, il-FAEŻR (7), il-FEŻR (Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali) u l-mikrofinanzjament.

2.2   Objettivi ġenerali tal-programm

2.2.1   Il-Kummissjoni tipproponi li t-tliet programmi eżistenti (PROGRESS, il-Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament u EURES) jingħaqdu f’wieħed sabiex l-għażliet ikunu aktar razzjonali u jiġu kkontrollati aħjar il-fondi f’dan il-perjodu ta’ kriżi fil-baġits nazzjonali.

2.3   L-assijiet tal-programm il-ġdid

2.3.1   Il-programm PROGRESS, li ġie stabbilit fl-2006 għall-impjieg u s-solidarjetà soċjali, jirrakkomanda li jinħolqu tabelli ta’ valutazzjoni tas-sitwazzjoni soċjali Ewropea sabiex ikunu jistgħu jitqabblu s-sitwazzjonijiet nazzjonali.

2.3.1.1

L-għan ta’ PROGRESS għall-2014-2020 hu li jippromovi l-impjieg, jiġbor data komparabbli u jibni fuq l-esperjenzi biex jippromovi approċċ ibbażat fuq ir-riżultati, bil-għan li tikber il-kapaċità tan-netwerks tas-soċjetà ċivili Ewropea li jiżviluppaw l-għanijiet tal-politika soċjali tal-Unjoni. Dan il-programm għandu baġit ta’ EUR 575 miljun, jiġifieri EUR 82,1 miljun fis-sena, li 17 % minnhom huma allokati għall-esperimentazzjoni soċjali.

2.3.2   EURES hu n-netwerk Ewropew li jgħaqqad lill-Kummissjoni mas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (SPI). Dan in-netwerk hu bbażat fuq prattika li t-trejdjunjins kienu ilhom jużawha u li mbagħad adottawha wkoll l-imsieħba soċjali; hu jiffaċilita l-mobbiltà tal-ħaddiema f’reġjuni tal-fruntiera. It-tliet għanijiet tiegħu mill-2002 ’l hawn huma li jiżviluppa portal Ewropew dwar il-mobbiltà, li joħloq sħubijiet transkonfinali bejn is-SPI u l-imsieħba soċjali, u li jfassal pjani ta’ attività fl-Istati Membri bil-għan li l-offerti u d-domandi ta’ impjiegi jibbilanċjaw lil xulxin fis-suq tax-xogħol (EUR 20 miljun). EURES ikopri l-Unjoni kollha u l-Istati Membri jużaw 70 % tal-baġit tiegħu għall-“pjani ta’ attività”.

2.3.2.1

Fil-qafas tal-PBIS, l-objettiv għall-2014-2020 hu li l-EUR 143 miljun allokati (jiġifieri EUR 20,5 miljun fis-sena) ikopru l-mobbiltà fir-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea, speċjalment għaż-żgħażagħ. Fil-livell Ewropew, dawn il-fondi għandhom ikopru l-ġbir tal-istatistika, it-tixrid tal-informazzjoni, it-tħejjija ta’ rapport annwali dwar l-iskambji, it-titjib tal-portal permezz tal-multilingwiżmu, iż-żieda fl-għadd ta’ atturi privati tal-impjieg fil-futur qarib, u l-iżgurar ta’ programm tal-attivitajiet nazzjonali ffinanzjati mill-baġit tal-FSE.

2.3.3   L-għan tal-Faċilità ta’ Mikrofinanzjament għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali (2010) hu li jżid l-aċċess għall-mikrokrediti fil-każ ta’ dawk li jinsabu f’diffikultà marbuta mal-impjieg u/jew mal-krediti. Il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-mikrointrapriżi soċjali huma eliġibbli għall-għajnuna minn din il-faċilità. Il-Fond Ewropew tal-Investiment jieħu ħsieb il-ġestjoni tal-faċilità. Lill-istituzzjonijiet finanzjarji li jsellfu, din il-faċilità tippermettilhom li jużaw il-FEI u l-BEI bħala garanti għar-riskji ta’ telf li jista’ jkollhom, u li jibnu l-likwidità tagħhom. Fi tliet snin (2010-2013) il-programm ser jipprovdi aċċess għal EUR 200 miljun għas-27 Stat Membru.

2.3.3.1

Bejn l-2014 u l-2020, dan il-programm ser jissokta bil-għan tiegħu li jiffaċilita l-aċċess għall-mikrofinanzjament u l-intraprenditorija soċjali billi jiggarantixxi self sa EUR 25 000, b’baġit ta’ EUR 191,6 miljuni għal perjodu ta’ seba’ snin (EUR 27 miljun fis-sena).

2.4   L-elementi tal-proposta

2.4.1   Hu propost li l-programm il-ġdid PBIS jkollu baġit ta’ EUR 958 miljun, jiġifieri 10 % biss aktar milli kien hemm fl-2007. Dan il-programm, bħala parti mill-Istrateġija Ewropa 2020, jissejjes fuq l-istess prinċipji: sħubijiet, koordinazzjoni, kundizzjonalitajiet ex-ante, kuntest baġitarju b’saħħtu, tisħiħ tal-kooperazzjoni u tal-koeżjoni territorjali, u aktar semplifikazzjoni.

2.4.2   Il-Kummissjoni għandha l-pjan globali li tagħmel bidliet strutturali fil-qasam soċjali tal-Unjoni billi tippromovi l-modernizzazzjoni tal-politiki soċjali tal-Istati Membri (8), u hawnhekk tipproponi li:

tinħoloq sinerġija bejn it-tliet programmi kif ukoll mal-Fond Soċjali Ewropew;

jiġu stabbiliti proċeduri armonizzati ta’ informazzjoni, komunikazzjoni, tixrid, ġestjoni u evalwazzjoni;

issir enfasi fuq il-proġetti l-kbar b’valur miżjud Ewropew qawwi, b’inqas spejjeż.

2.4.3   Il-programm għandu ħames objettivi:

li jsaħħaħ is-sjieda tal-għanijiet tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-impjieg, l-affarijiet soċjali u l-esklużjoni;

li jippromovi l-governanza tajba, it-tagħlim reċiproku u l-innovazzjoni soċjali;

li jimmodernizza l-leġislazzjoni Ewropea u li jiżgura li din tiġi applikata;

li jippromovi l-mobbiltà ġeografika;

li jżid l-aċċess għall-mikrofinanzjament.

3.   Kummenti ġenerali tal-KESE

3.1   Fil-fehma tal-Kumitat, il-proposta li jiġu razzjonalizzati l-miżuri ta’ appoġġ mill-Unjoni Ewropea għal dawk li jkunu qed ifittxu impjieg hija waħda interessanti, u jikkunsidra l-fatt li mhux faċli li jitħejja programm għal seba’ snin filwaqt li dak preċedenti fadallu sentejn oħra biex jintemm.

3.2   Jiddispjaċih li l-objettiv tal-armonizzazzjoni fil-progress tad-drittijiet soċjali nazzjonali, li l-għan tiegħu hu li jitneħħew id-disparitajiet bejniethom u b’hekk tiġi ffaċilitata l-mobbiltà, mhuwiex identifikat bħala objettiv ġenerali (9).

3.3   Il-Kumitat ifakkar li l-kompetenza tal-Unjoni fil-qasam tal-politika soċjali u ta’ koeżjoni hija waħda kondiviża (10). Tagħmel x’tagħmel, l-Unjoni trid tirrispetta dan il-fatt kif trid tirrispetta wkoll id-dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni ġenerali tal-Artikolu 9 tat-TFUE (11) u dawk tal-Artikoli 8 u 10.

3.4   F’dan ir-rigward, il-Kumitat jixtieq li ż-żewġ kwistjonijiet importanti tal-ugwaljanza u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, li s’issa dejjem kienu assoċjati mal-politika soċjali, u wara ġew fdati f’idejn id-DĠ Ġustizzja, jibqgħu eliġibbli għal PROGRESS, billi l-biċċa l-kbira tad-diskriminazzjoni tissarraf f’inugwaljanza fis-salarji u dawk soċjali. Dawn ġew inklużi fl-abbozz ta’ regolament dwar l-FSE fil-Premessa 10 u l-Artikoli 7 u 8 (12), u l-ugwaljanza għadha taħt il-kapitolu soċjali tat-Trattat.

3.5   Il-KESE jiddispjaċih li s-sinerġiji mistennija mill-għaqda tat-tliet assijiet PROGRESS, EURES u Mikrofinanzjament ma joħorġux fid-dieher fil-PBIS. Ir-rwol tar-reġjuni seta’ tqies. L-opportunitajiet konkreti ta’ sinerġija mal-programmi l-oħra Ewropej, bħall-edukazzjoni, l-għajnuna għall-impjiegi għaż-żgħażagħ, l-inizjattiva ewlenija għaż-żgħażagħ “L-ewwel impjieg EURES tiegħek” ma ġewx eżaminati.

3.6   Sabiex jiġi spjegat il-programm il-ġdid, il-KESE jemmen li għandha ssir evalwazzjoni tal-fondi li fil-fatt jitqassmu, ir-rata tal-użu tagħhom u l-ostakli prattiċi li nstabu fil-proġetti (pereżempju l-mikrofinanzjament u l-ħolqien tal-impjiegi). Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tgħidx kif ser jiġi determinat il-valur miżjud Ewropew qawwi li fuqu ser tkun ibbażata l-eliġibbiltà tal-miżuri ġodda. B’hekk tibbaża l-objettivi tagħha fuq fatturi inċerti; dawn huma aktar u aktar inċerti għaliex ma saritx evalwazzjoni tal-program preċedenti, u l-istima tal-valur miżjud tal-programm il-ġdid mhi xejn ħlief soġġettiva.

3.7   Il-Kumitat, b’kuntrast mal-abbozz ta’ Regolament dwar l-FSE, iqis li l-post u r-rwol tal-imsieħba soċjali seta’ ssemma’ fit-tliet assijiet tal-PBIS; huwa rikonoxxut fit-test tal-FSE li dawn għandhom “rwol essenzjali […] fil-qasam tal-impjiegi, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali (13).

3.8   Bl-istess mod, huwa josserva li r-rwol tal-NGOs għandu jissemma fil-PBIS (li huwa parzjalment iffinanzjat mill-FSE); fil-fatt, l-abbozz ta’ Regolament tal-FSE, fil-Premessa 9 (14), jgħid li “L-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva tal-azzjonijiet appoġġati mill-FSE tiddipendi fuq it-tmexxija tajba u s-sħubija bejn l-atturi territorjali u soċjoekonomiċi relevanti kollha, l-aktar l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi”.

3.9   Il-PBIS huwa indirizzat lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (15) u l-KESE jqis li r-rwol tagħhom għandu jkun definit. B’hekk huma jkunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-politiki.

3.10   Il-KESE huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tqis il-kwistjoni l-inklużjoni diġitali (16) fl-azzjonijiet previsti, billi t-teknoloġiji l-ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni jirrappreżentaw lieva transversali għall-inklużjoni u l-impjieg.

4.   Dwar il-metodu

4.1   Il-KESE jinnota li isem l-abbozz huwa “Programm għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali” (PBIS) u jipproponi li t-tliet azzjonijiet li diġà kellha l-Unjoni jibqgħu l-istess. Il-Kummissjoni tipproponi li t-tliet assijiet jiġu orjentati lejn il-bidla u l-innovazzjoni soċjali permezz tal-esperimentazzjoni soċjali, mingħajr ma jiġi definit la fil-premessi, la fit-test u lanqas fil-valutazzjoni ex-ante, l-istess għan tal-“innovazzjoni soċjali”.

4.2   Ir-riċerka akkademika li ssir f’pajjiżi differenti dwar l-“innovazzjoni soċjali” hi bbażata fuq l-idea li l-mudell tal-produzzjoni u l-konsum riesaq lejn tmiemu, u tikkonkludi li wasal iż-żmien li l-istrutturi soċjali jinbidlu għalkollox billi jerġgħu jitqassmu r-rwoli bejn il-kategoriji ta’ atturi u interessi. Billi m’hemmx definizzjoni stabbli tal-innovazzjoni, dan joħloq inċertezzi rigward l-għażla tal-mudelli ta’ governanza fl-intrapriżi, kemm dawk soċjali kif ukoll dak li mhumiex, kif ukoll rigward ir-rappreżentazzjoni tal-impjegati u l-forma tad-djalogu soċjali (17). Għar-riċerkaturi, il-bidla soċjali ser issir ukoll fis-sistema tal-protezzjoni soċjali. L-idea hi li jiġi rivedut il-“mudell soċjali” Ewropew mingħajr assunzjonijiet, u b’mod sperimentali. Barra minn hekk l-assi Progress (18) għandu jippromovi “tfassil ta’ politika” ibbażat fuq elementi konkreti u l-innovazzjoni “bi sħubija mal-imsieħba soċjali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra”.

4.3   Fl-abbozz tagħha l-Kummissjoni Ewropea twiegħed din l-“esperimentazzjoni soċjali” mingħajr ma tgħid lejn liema innovazzjoni u lejn liema bidla qed tipproponi li mmorru. Dan hu approċċ soċjoloġiku li jista’ jqarraq biċ-ċittadini li ma jafux x’inhu l-għan aħħari. Il-KESE jemmen li l-ewwel nett jeħtieġ li naraw għaliex u kif is-suq, is-servizzi pubbliċi u l-għajnuna Ewropea ma ssodisfawx il-bżonnijiet soċjali, u għaliex il-ġid ma tqassamx mill-ġdid sabiex jiggarantixxi l-awtonomija tal-persuni f’diffikultà, b’konformità mal-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

4.4   Il-Kumitat jemmen li jeħtieġ li nkunu nafu liema bidla soċjetali hi mixtieqa minn kull tip ta’ innovazzjoni; dan mhux possibbli bl-approċċ minn isfel għal fuq (“bottom up approach”) jew bl-abbozz ta’ Regolament analizzat hawnhekk, li jagħmel referenza għal dan l-approċċ.

4.5   Is-sistemi tas-sigurtà soċjali magħrufa miċ-ċittadini bħala sostenibbli għandhom bażi leġittima soda. Il-Kumitat jemmen li l-esperimentazzjoni u l-espansjoni gradwali tas-“soluzzjonijiet innovattivi sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet soċjali” (19) jistgħu jwasslu biex jonqsu s-solidarjetajiet fuq firxa wiesgħa, biex jinħoloq il-klijenteliżmu, u biex jiġu fframmentati l-azzjoni soċjali u l-forom rappreżentattivi tagħha.

4.6   Il-KESE jemmen li l-Programm analizzat hawnhekk għandu jiggarantixxi li l-attivitajiet tal-innovazzjoni soċjali jikkomplementaw id-drittijiet soċjali (20) u s-sistemi tal-protezzjoni soċjali nazzjonali, u mhux jikkompetu magħhom. Il-Kumitat jenfasizza li l-innovazzjoni soċjali m’għandhiex tissostitiwixxi s-sistemi bbażati fuq il-liġi u lanqas is-sigurtà fil-perjodu fit-tul li jagħtu lill-individwi, b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli.

4.7   Għall-kategoriji żvantaġġati, il-veru bidla soċjali aktar tikkonċerna l-aċċess għall-impjieg, għad-djar u għat-trasport milli r-riformi soċjali sistemiċi. In-nies li jgħixu fl-Unjoni Ewropea għandhom bżonn l-ewwel u qabel kollox impjiegi deċenti. Il-Programm għandu jsemmi l-kwistjoni tad-djar għaliex din tolqot lill-atturi kollha fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni (21).

4.8   Il-KESE jfakkar li rigward il-protezzjoni soċjali fil-veru sens tal-kelma (22), l-Artikolu 153(4) tat-TFUE jagħti lill-Istati Membri d-dritt li jiddefinixxu l-prinċipji fundamentali tas-sistemi tagħhom tas-sigurtà soċjali u l-possibbiltà li jżommu jew jistabbilixxu miżuri ta’ protezzjoni aktar stretti, li naturalment iridu jkunu kompatibbli mat-Trattati.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1   Il-Kumitat iqis li jkun utli li fl-abbozz ta’ Regolament jitfakkar il-prinċipju tas-sussidjarjetà u li tiddaħħal id-definizzjoni tal-“valur miżjud qawwi” mistenni.

5.2   Dwar PROGRESS

5.2.1   Id-definizzjoni tal-miżuri, l-atturi u l-benefiċjarji potenzjali tal-proġett mhix suffiċjenti (23). It-test ma jgħidx jekk l-analiżi tqisx il-fehmiet tal-imsieħba soċjali (24) u tal-NGOs, b’mod partikolari rigward is-settijiet ta’ indikaturi (25).

5.2.2   Il-programm PROGRESS għandu objettivi li diffiċli jitkejlu u juża “varjabbli suġġettivi”, filwaqt li fid-dikjarazzjoni finanzjarja tal-abbozz jitniżżel fil-ġestjoni bbażata fuq ir-riżultati (26). L-impatt fuq l-objettiv tal-impjieg mhux imkejjel, l-għodda ma tantx tidher li hi operattiva. Għall-KESE, mid-data miġbura diġà, għandhom jinsiltu t-tagħlimiet b’rabta ma’ dak li twettaq, u sommarju tal-esperjenzi pożittivi għandu jiġi ppubblikat onlajn. Il-KESE jirrakkomanda li qabel kollox issir riċerka dwar x’impjiegi nħolqu permezz tal-għajnuna. B’hekk il-Kummissjoni tevita li tagħmel rakkomandazzjonijiet ta’ riformi strutturali abbażi ta’ valutazzjoni ftit affidabbli.

5.2.3   Teżisti differenza bejn l-objettiv u r-riżorsi: il-finanzjament imħabbar, li meta mqabbel mal-2007 għandu 10 % aktar fondi għat-tliet assijiet għall-perjodu 2014-2020, ma jistax iniedi azzjonijiet ġodda.

5.2.4   L-abbozz jagħti wisq importanza lill-ġestjoni (27): il-flus ta’ dawk li jħallsu t-taxxi għandhom pjuttost jgħinu direttament liċ-ċittadin. Huwa importanti li jsir magħruf x’sehem ser jingħata pereżempju lill-ġlieda kontra l-faqar.

5.2.5   Bħalma ġara fil-passat, l-evalwazzjonijiet tal-proġetti li ġew appoġġjati jistgħu joħolqu l-ispejjeż meta jintużaw kumpaniji esterni tal-verifika. Il-KESE jemmen li d-dokumenti u l-proċeduri għandhom jiġu ssemplifikati u jkunu standard.

5.2.6   Rigward l-intrapriżi soċjali (28), il-KESE jixtieq:

ifakkar il-prinċipju tas-sussidjarjetà u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri;

li r-rwol tagħhom fis-servizzi soċjali ta’ interess ġenerali jiġi definit;

li tiġi stabbilita sinerġija bejn il-PBIS u l-Proposta għal Regolament tas-7 ta’ Diċembru 2011 dwar il-“Fond tal-Intraprenditorija Soċjali Ewropew” bil-għan li jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-intrapriżi soċjali (l-għoti tat-tikketta FISE);

li gradwalment jintalbu regoli ta’ governanza skont id-daqs tal-għan soċjali, ir-regoli li japplikaw għall-investituri u speċifikazzjoni tar-rwol tal-banek flimkien, jekk ikun hemm bżonn, mar-rekwiżiti possibbli dwar is-solvenza;

l-eliġibbiltà tal-intraprendituri indipendenti.

5.3   Dwar EURES

5.3.1   EURES ser jiġi ffinanzjat 15 % mill-PBIS u fil-biċċa l-kbira mill-FSE. L-isforzi doppji f’termini ta’ baġit tal-programmi ma jiċċarax l-affarijiet għaċ-ċittadini: il-Fondi Strutturali huma reġjonalizzati skont NUTS2 u l-fondi tal-PBIS mhumiex.

5.3.2   L-attivitajiet fil-livell nazzjonali u transkonfinali ser ikunu ffinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew, u l-attivitajiet Ewropej (29) ser jiġu ffinanzjati mill-PBIS. Għall-parti tal-FSE ser japplikaw ir-regoli tal-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u l-NGOs, iżda mhux għall-PBIS.

5.3.3   Il-KESE jistaqsi jekk hemmx bżonn li PBIS wieħed jiġbor fih elementi tant differenti, li l-kontroll baġitarju tagħhom ser ikun aktar diffiċli milli kien fl-arranġamenti preċedenti. Il-mod kif ser jinqasam il-finanzjament bejn il-FSE, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandu jkun aktar ċar. Dan iwassal biex jiġu applikati regoli differenti għall-komitoloġija u l-kontroll tal-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (30).

5.3.4   Il-KESE jistaqsi jekk jagħmilx verament sens li l-Kummissjoni toħloq sistema ċentralizzata u tnaqqas ir-ritmu tad-dinamika reġjonali ta’ EURES, filwaqt li l-fatt li din l-“innovazzjoni soċjali” qadima ilha tiffunzjona għal żmien twil juri li l-atturi lokali jinsabu fl-aħjar post għal dan il-għan. Fl-2007, il-Parlament esprima xewqtu li saħansitra jiżdied il-baġit tiegħu (31). Il-Kumitat ifakkar li l-mobbiltà mhijiex għan fiha nnifisha, iżda biss għajnuna f’każ li jinħass il-bżonn li wieħed ifittex impjieg f’pajjiż ospitanti tal-Unjoni.

5.3.5   Il-KESE jemmen li t-test għandu jsemmi:

il-prinċipju tal-prijorità tal-offerta ta’ impjiegi deċenti qabel l-offerta ta’ mikrokrediti u mikroimpjiegi;

l-għan tal-promozzjoni tal-mobbiltà bħala ġlieda kontra d-dumping soċjali;

it-tipi ta’ kuntratti miksuba minn EURES;

id-definizzjoni tal-mobbiltà mixtieqa;

il-bidliet imħabbra fil-bażi legali ta’ EURES (32);

il-ħtieġa li d-drittijiet taċ-ċittadini li jiċċaqilqu jkunu jistgħu jiġu ttrasferiti u ta’ testi ġodda fuq l-ekwivalenza tal-kompetenzi (33).

5.3.6   Fil-fehma tal-KESE, hu importanti li r-rwol tal-imsieħba soċjali jibqa’ ċar f’EURES.

5.4   Dwar il-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali

5.4.1   Il-KESE jixtieq li ċ-ċittadini jkunu infurmati aktar dwar dan il-Programm sabiex jevitaw l-offerti ta’ mikrofinanzjament fuq l-internet fil-qafas tal-ekonomija informali b’rati tal-użura (bżonn ta’ inklużjoni diġitali). Ma rridux ninsew li l-persuni msemmija fl-Artikolu 22 tal-abbozz huma persuni vulnerabbli u jeħtieġ li tingħatalhom għajnuna oħra apparti l-mikrokreditu u miżuri kompetittivi. Dawn jistgħu jkunu ta’ riskju għalihom u jqarrqu bihom u ma jistgħu qatt jissostitwixxu impjieg imħallas.

5.4.2   Il-KESE jixtieq li tiġi studjata l-possibbiltà li jkun hemm koeffiċjent tal-kontribuzzjoni tal-Programm bejn l-Istati Membri.

5.4.3   Il-Kumitat jemmen li għandu jiġi enfasizzat l-effett ta’ lieva mistenni mill-FEI u mill-BEI, u li għandhom jiġu definiti b’mod ċar il-benefiċjarji. Fil-fatt, is-somma ta’ EUR 25 000 ser ikollha impatt differenti ħafna fuq persuna li tkun għadha kemm tilfet l-impjieg tagħha (Artikolu 22(1)(a)), fuq intrapriża soċjali (Artikolu 22(3)) li għandha impjegati u baġit, u fuq intraprenditur li jaħdem għal rasu u l-mikrointrapriża tiegħu; u l-korpi li jsellfu l-flus jaraw il-garanziji rilevanti b’mod differenti. Għaldaqstant, għandu jiġi ċċarat:

x’inhu “soċjali” hawnhekk;

min huma l-benefiċjarji, u b’mod partikolari d-daqs tal-intrapriżi soċjali eliġibbli;

x’inhi “mikrointrapriża soċjali”;

l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-għajnuna u kemm ser jiġi kopert bl-eżatt (100 %?);

il-kriterji biex eventwalment tiġi introdotta skala ta’ għajnuna;

il-miżuri ta’ semplifikazzjoni tal-evalwazzjoni ex-post sabiex jiġu ffaċilitati l-analiżijiet u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kontrolli.

5.4.4   Rigward min isellef:

għandu jkun hemm regoli aktar ċari għalihom sabiex jaqdu r-rwol tagħhom mingħajr ma jgħabbu lil min jissellef b’esiġenzi separati u moħbija;

għandu jkun hemm miżuri ta’ evalwazzjoni sabiex l-analiżi ssir malajr.

5.4.5   Il-KESE jixtieq li l-valur miżjud ta’ dawn il-miżuri jkun akbar mill-istima tal-programm preċedenti, li tgħid li għal kull mikrokreditu li ngħata nħolqu 1,2 impjieg (34).

Brussell, 23 ta’ Frar 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 100, 30.4.2009, p. 77.

(2)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 132, 3.5.2011, p. 22.

(3)  PBIS: Programm għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali, COM(2011) 609 final.

(4)  Artikolu 151 tat-TFUE.

(5)  Il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond tal-Intraprenditorija Soċjali Ewropew.

(6)  Programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2012, COM(2011) 777 final.

(7)  Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali.

(8)  COM(2011) 609 final: punt 1 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni u l-Artikolu 4.1 c).

(9)  Artikolu 151(1) tat-TFUE.

(10)  Artikolu 4.2b) u c) tat-TFUE.

(11)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 24, 28.1.2012, p. 29.

(12)  COM(2011) 607 final.

(13)  COM(2011) 607 final: punt 5 tal-Memorandum ta’ Spjegazzjoni.

(14)  COM(2011) 607 final, Premessa 9.

(15)  COM(2011) 609 final, Premessa 9.

(16)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 9.

(17)  Social innovation Review (Analiżi tal-Innovazzjoni Soċjali), Standford Graduate School of Business, Ħarifa 2008, J.A. Phills, K. Deiglmeier, D.T. Miller; Social Innovation (Innovazzjoni Soċjali), J. Howaldt & M. Schwarz, IMO-Dortmund, Mejju 2010; Transformations et Innovation sociale en Europe: quelles sorties de crise ? (Tibdil u innovazzjoni soċjali fl-Ewropa: kif nistgħu noħorġu mill-kriżi?), N. Richez-Battesti & D. Vallade, P.U de Louvain-Cahiers du CIRTES 5, Settembru 2010, p. 45; S. Bacq & F. Janssen, ibid, p. 207.

(18)  Artikolu 3(a) tal-abbozz ta’ Riżoluzzjoni u l-opinjoni tal-KESE, ĠU C 255, 14.10.2005, p. 67 (mhux disponibbli bil-Malti).

(19)  Artikolu 9(1) u Artikolu 3 b’ambitu wiesa’ ħafna – COM(2011) 609.

(20)  Artikolu 151(1) tat-TFUE.

(21)  Artikoli 1, 7, 15, 24, 34(3), 52(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u Artikoli 30 u 31 tal-Karta Soċjali Ewropea riveduta.

(22)  COM(2011) 609, Artikolu 4(1) (a) u (b).

(23)  Eż.: evalwazzjoni ex-ante, p. 42.

(24)  COM(2011) 609, Artikolu 15(a) u (c).

(25)  COM(2011) 607, Artikolu 6.

(26)  “Dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva għal proposti”, punt 1.4.3, (Anness COM(2011) 609 final, p.31).

(27)  COM(2011) 609 final, Artikolu 5.3.

(28)  Opinjoni tal-KESE, ĠU C 24, 28.1.2012, p. 1.

(29)  Portal u l-proġett taż-żgħażagħ “L-ewwel impjieg EURES tiegħek”.

(30)  Regolament (UE) Nru 182/2011.

(31)  PE, Riżoluzzjoni tal-15.9.2007.

(32)  Komunikazzjoni COM(2011) 777 final.

(33)  Proposta għal Direttiva tad-19.12.2011 (COM(2011) 883 final).

(34)  “Dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva għal proposti”, punt 2.1.2, Indikaturi tal-prestazzjoni (Anness COM(2011) 609 final, p.36).