|
24.3.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 92/14 |
Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)
Każ COMP/39.510 – LABCO/ONP
2011/C 92/10
1. Sfond
L-abbozz tad-Deċiżjoni jikkonċerna ksur allegat tal-Artikolu 101 tat-TFUE (dak li kien l-Art. 81 KE) mill-Ordre National des Pharmaciens (“ONP”) Franċiża fis-suq għal servizzi ta’ ittestjar kliniku fil-laboratorji. L-ONP hi assoċjazzjoni ta’ spiżjara stabbilita fuq il-bażi ta’ ordni Franċiż (“ordonnance”) tal-1945. Il-każ jirriżulta minn investigazzjoni li nfetħet mill-Kummissjoni b’reazzjoni għal ilment li rċeviet minn LABCO SAS (“LABCO”), grupp multinazzjonali ta’ laboratorji, fit-12 ta’ Ottubru 2007. Fl-10 ta’ Marzu 2008, l-ilment ġie mgħoddi lill-ONP, li bagħtet il-kummenti tagħha fil-15 ta’ April 2008. Wara investigazzjoni preliminari, saru spezzjonijiet mingħajr avviż minn qabel fit-12 u t-13 ta’ Novembru 2008 fil-proprjetà tal-ONP u f'laboratorju.
2. Proċeduri bil-Miktub u Orali
Wara l-ilment ta’ LABCO, saret notifika ta’ Stqarrija tal-Oġġezzjonijiet (“SO”) iddatata d-19 ta’ Ottubru 2009 lill-ONP u lit-tliet organi tagħha, notevolment il-Kunsill Nazzjonali tal-ONP (“CNOP”), is-Sezzjoni G tal-ONP, u l-Kunsill Ċentrali tas-Sezzjoni G (“CCG”). Fl-SO, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-ONP kellha sehem f’attivitajiet li jmorru kontra l-kompetizzjoni billi adottat deċiżjonijiet b’żewġ skopijiet: l-ewwel, biex iżżomm il-livell għoli tal-prezzijjiet billi tistabbilixxi prezz minimu u, it-tieni, biex tipprevjeni lill-gruppi ta’ laboratorji milli jakkwistaw il-pussess ta’ laboratorji oħra.
L-ONP kienet oriġinarjament ingħatat 8 ġimgħat biex twieġeb għall-SO. L-ONP talbet estenzjoni għal din id-data ta’ skadenza, li jiena tajt parti minnha (ġimgħa addizzjonali, sal-11 ta' Jannar 2010) b'kunsiderazzjoni tal-perjodu tal-vaganzi tal-Milied. L-ONP wieġbet għall-SO b'rispett lejn din id-data estiża ta’ skadenza.
L-ONP ingħatat aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni, permezz ta’ CD-ROM/DVD, fis-27 ta’ Ottubru 2009.
Barra minn hekk, l-ONP eżerċitat id-dritt tagħha li tinstema' waqt Seduta Orali, li saret fl-10 ta’ Frar 2010 u li damet nofstanhar. LABCO, li ressqet l-ilment, ipparteċipat ukoll f’din is-Seduta Orali. L-ebda parti terza ma attendiet għas-Seduta Orali. L-Ordre National de Medicins kienet talbet biex titħalla tattendi bħala parti terza interessata, iżda jiena rrifjutajt din it-talba fuq il-bażi li hi ma kinitx uriet biżżejjed interess li tinstema' skont it-tifsira tal-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004.
Il-proċedimenti qajmu żewġ kwistjonijiet importanti. L-ewwel, dan hu l-ewwel każ fejn assoċjazzjoni ġiet esposta għall-impożizzjoni ta’ multa skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Għalhekk, meta wieħed iqis l-Artikolu 23(4) ta’ dan ir-Regolament, il-membri tal-ONP setgħu jintalbu jkopru l-ammont ta’ kwalunkwe multa imposta. Sabiex niżgura li l-membri tal-ONP jkunu avżati b’din il-possibbiltà, jiena tajt il-parir li l-ONP għandha tavża lil kull membru dwar il-proċedimenti tal-Kummissjoni, u dwar il-fatt li huma setgħu japplikaw biex jinstemgħu skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004. Nifhem li dan kien sar.
It-tieni, id-deċiżjonijiet li ssir spezzjoni f’dan il-każ kienu s-suġġett ta’ żewġ rikorsi għall-annullament mressqin quddiem il-Qorti Ġenerali (2). Fis-26 ta’ Ottubru 2010, il-Qorti Ġenerali rrifjutat ir-rikors imressaq mill-CNOP u l-CCG. Li kieku l-Qorti Ġenerali aċċettat l-appell tal-CNOP u l-CCG, dan seta’ potenzjalment ikollu impatt fuq l-evidenza li fuqha l-Kummissjoni setgħat tibbaża biex issib li l-ONP kienet kisret ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni fil-każ preżenti. Madankollu, peress li l-appell ġie rrifjutat mill-Qorti Ġenerali, fl-opinjoni tiegħi d-drittijiet ta’ difiża f’dan ir-rigward ma ġewx miksura.
3. L-abbozz tad-Deċiżjoni
L-abbozz tad-Deċiżjoni, li hu indirizzat lil dawk kollha li ġew indirizzatti fl-SO ħlief għas-Sezzjoni G tal-ONP, essenzjalment iżomm l-oġġezzjonijiet imfassla fl-SO. Fl-opinjoni tiegħi, l-abbozz tad-Deċiżjoni jittratta biss dwar oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-parti ġiet offruta l-opportunità li tesprimi l-opinjoni tagħha.
Fid-dawl tal-osservazzjonijiet ta' hawn fuq, nikkunsidra li d-dritt tas-smigħ ġie rrispettat f’dan il-każ.
Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2010.
Michael ALBERS
(1) Skont l-Artikoli 15 u 16 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (2001/462/KE, KEFA) tat-23 ta’ Mejju 2001 dwar it-termini ta' referenza ta' Uffiċjali tas-Seduta f'ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni – ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21.
(2) Il-Kawżi T-23/09 CNOP u CCG v il-Kummissjoni u T-24/09 Biocaps v il-Kummissjoni, it-tnejn imressqin fil-21 ta’ Jannar 2009. Ir-rikors għal annullament fil-Kawża T-24/09 ġie rrifjutat mill-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Ġunju 2010 fuq il-bażi li din b’mod ċar ma kellha l-ebda bażi.