22.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 56/2 |
Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill – “Il-Politika tal-UE Kontra t-Terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur”
2011/C 56/02
IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,
Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,
ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA:
I. INTRODUZZJONI
1. |
Fl-20 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni intitolata “Il-Politika tal-UE Kontra t-Terroriżmu: il-kisbiet ewlenin u l-isfidi tal-futur” (3). Il-Komunikazzjoni timmira li tipprovdi “l-elementi l-aktar ċentrali ta’ valutazzjoni politika tal-Istrateġija Kontra t-Terroriżmu li qed tħaddem l-UE bħalissa”, u tikkostitwixxi wkoll element tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna (4). Hija tevalwa l-kisbiet li saru fil-passat u tfassal l-isfidi tal-ġejjieni u l-linji politiċi għall-Politika tal-UE Kontra t-Terroriżmu. |
2. |
Ħafna mill-inizjattivi msemmija fil-Komunikazzjoni diġà kienu s-suġġett ta’ opinjonijiet jew kummenti speċifiċi tal-KEPD. Madankollu din il-Komunikazzjoni tippreżenta perspettiva politika wiesgħa u orjentazzjonijiet fit-tul li jiġġustifikaw l-għoti ta’ opinjoni ddedikata mill-KEPD. |
3. |
Għalhekk din l-opinjoni timmira li tikkontribwixxi favur għażliet politiċi aktar fundamentali f’qasam fejn l-użu tal-informazzjoni personali huwa fl-istess ħin kruċjali, kbir ħafna u partikolarment sensittiv. |
4. |
L-opinjoni ma tikkummentax fuq l-aktar Komunikazzjoni riċenti tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, jiġifieri “L-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura”, li ġiet adottata fit-22 ta’ Novembru 2010. (5) Din il-Komunikazzjoni ser tiġi analizzata mill-KEPD f’opinjoni separata li għandha terġa’ tittratta wkoll il-ħtieġa li jkun hemm rabtiet ċari bejn dokumenti differenti. |
5. |
F’din l-opinjoni l-KEPD janalizza l-elementi differenti tal-Komunikazzjoni, filwaqt li jagħti pariri u rakkomandazzjonijiet sabiex jiżgura d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data personali fil-qasam tal-Politika tal-UE Kontra t-Terroriżmu, speċjalment meta jiġi biex jittratta l-isfidi ġejjiena u jiżviluppa orjentazzjonijiet politiċi ġodda. |
II. ANALIŻI TAL-KOMUNIKAZZJONI U L-KWISTJONIJIET RELEVANTI TAL-PROTEZZJONI TAD-DATA
6. |
Billi tibni fuq l-istruttura tal-Istrateġija tal-UE Kontra t-Terroriżmu (6), il-Komunikazzjoni l-ewwel tanalizza l-erba’ oqsma ewlenin tal-Politika tal-UE Kontra t-Terroriżmu: prevenzjoni, protezzjoni, segwitu u rispons. Imbagħad kapitolu speċifiku minnha jittratta xi kwistjonijiet orizzontali, jiġifieri r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali, il-kooperazzjoni internazzjonali u l-finanzjament. |
1. Prevenzjoni, Protezzjoni, Segwitu, Rispons u l-ħtieġa tal-inkorporazzjoni tal-prinċipji tal-protezzjoni tad-data
7. |
Il-“Prevenzjoni” tinkludi firxa wiesgħa ta’ attivitajiet, li jvarjaw mill-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-ingaġġ għat-trattament mal-mod kif it-terroristi jużaw l-internet. F’dan il-kuntest il-Komunikazzjoni ssemmi, fost il-kisbiet ewlenin, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, li ġiet adottata fl-2002 (7) u emendata fl-2008 (8). |
8. |
Il-“Protezzjoni” tal-persuni u l-infrastruttura hija wkoll suġġett wiesa’ ħafna, li jinkludi inizjattivi dwar is-sigurtà fil-fruntieri, is-sigurtà fit-trasport, il-kontroll ta’ prekursuri għall-isplussivi, il-protezzjoni ta’ infrastruttura kritika u t-tisħiħ tal-katina tal-provvista. |
9. |
Is-“Segwitu” jinkludi l-ġbir tal-informazzjoni, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija u l-ġlieda kontra l-finanzjament u kontra l-attivitajiet tat-terroriżmu. L-isfidi tal-ġejjieni f’dan is-settur huma t-twaqqif ta’ qafas PNR tal-UE (9), l-użu tal-Artikolu 75 tat-TFUE biex jiġi żviluppat qafas għall-iffriżar tal-fondi u l-assi finanzjarji, kif ukoll rikonoxximent reċiproku fil-ksib tal-evidenza fi kwistjonijiet kriminali. |
10. |
Ir-“Rispons” jirreferi għall-kapaċità li jiġu ttrattati l-konsegwenzi ta’ attakk terroristiku, u jinkludi l-għoti ta’ assistenza lill-vittmi tat-terroriżmu. |
11. |
Dawn l-oqsma kollha jippreżentaw rabtiet b’saħħithom ma’ inizjattivi li l-KEPD diġà ħa pożizzjoni fuqhom: il-Programm ta’ Stokkolma, miżuri restrittivi u l-iffriżar tal-assi, iż-żamma tad-data, skanners tas-sigurtà, prekursuri għall-armi, il-bijometrika, id-Deċiżjoni ta’ Prüm, ir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri, il-ftehim tat-TFTP, is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, is-Sistema tal-Ġestjoni tal-Informazzjoni tal-UE u l-iskambju transkonfinali tal-evidenza. |
12. |
Mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-data l-“prevenzjoni” u l-“protezzjoni” huma l-aktar oqsma delikati, u dan minħabba diversi raġunijiet. |
13. |
L-ewwel nett, dawn l-oqsma huma definittivament ibbażati fuq valutazzjonijiet tar-riskji prospettivi, li f’ħafna każi jwasslu għall-ipproċessar wiesa’ u “preventiv” ta’ ammonti vasti ta’ informazzjoni personali dwar ċittadini li mhumiex suspettati (bħal, pereżempju, skrinjar bl-internet, fruntieri elettroniċi u skanners tas-sigurtà). |
14. |
It-tieni, il-Komunikazzjoni tipprevedi li żżid is-sħubiji bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-kumpaniji privati (bħal fornituri ta’ servizzi tal-internet, istituzzjonijiet finanzjarji u kumpaniji tat-trasport) bil-għan li taqsam l-informazzjoni relevanti u xi drabi “tiddelegalhom” ċerti partijiet mill-kompiti ta’ infurzar tal-liġi. Dan jinvolvi l-użu miżjud tad-data personali, miġbura mill-kumpaniji privati għal finijiet kummerċjali, għall-użu mill-awtoritajiet pubbliċi għal finijiet tal-infurzar tal-liġi. |
15. |
Bosta mill-inizjattivi ttieħdu, ħafna drabi bħala rispons rapidu għal inċidenti terroristiċi, mingħajr ma tqiesu bir-reqqa d-duplikazzjonijiet possibbli jew id-duplikazzjoni mal-miżuri diġà eżistenti. F’xi każi, anki ftit snin wara d-dħul tagħhom fis-seħħ, baqa’ ma ġiex stabbilit kemm l-invażjoni tal-privatezza taċ-ċittadini li tirriżulta minn dawn il-miżuri kienet tabilħaqq meħtieġa fil-każi kollha. |
16. |
Barra minn hekk, l-użu “preventiv” tad-data personali għandu probabbiltà akbar li jwassal għal diskriminazzjoni. L-analiżi preventiva tal-informazzjoni tinvolvi l-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kategoriji wiesgħa ta’ individwi (pereżempju, il-passiġġieri kollha, l-utenti kollha tal-internet) irrispettivament minn kull suspett speċifiku li jista’ jkun hemm dwarhom. L-analiżi ta’ din id-data – speċjalment jekk flimkien ma’ tekniki ta’ estrazzjoni tad-data – tista’ twassal biex persuni innoċenti jitqiesu bħala suspettati sempliċiment minħabba li l-profil (l-età, is-sess, ir-reliġjon, eċċ.) u/jew ix-xejriet tagħhom (pereżempju, fl-ivvjaġġar, fl-użu tal-internet, eċċ.) jinzertaw jaqblu ma’ dawk ta’ persuni li jkunu konnessi mat-terroriżmu jew li jkunu suspettati li huma konnessi. Għalhekk, partikolarment f’dan il-kuntest, l-użu illegali jew mhux preċiż ta’ informazzjoni personali (xi drabi sensittiva), flimkien mal-poteri koersivi wiesa’ tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni u stigmatizzazzjoni ta’ persuni u/jew gruppi ta’ nies speċifiċi. |
17. |
F’din il-perspettiva, l-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni huwa wkoll mezz li jikkontribwixxi favur il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskriminazzjoni, li, skont il-Komunikazzjoni, “jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex ma jitħalliex li jseħħu r-radikalizzazzjoni u l-ingaġġ għal skopijiet terroristiċi”. |
2. Approċċ konsistenti bbażat fuq il-prinċipju tan-neċessità
18. |
Rimarka ġenerali importanti tikkonċerna l-ħtieġa li jiġu żgurati l-konsistenza u relazzjonijiet ċari bejn il-Komunikazzjonijiet u l-inizjattivi kollha fil-qasam tal-affarijiet interni, u b’mod partikolari fi ħdan il-qasam tas-Sigurtà Interna. Pereżempju, anki jekk l-istrateġija tal-UE kontra t-terroriżmu hija marbuta mill-qrib mal-Istrateġija tal-Ġestjoni tal-Informazzjoni, l-Istrateġija dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Mudell Ewropew tal-Iskambju tal-Informazzjoni, ir-relazzjonijiet bejn dawn id-dokumenti kollha mhumiex indirizzati b’mod espliċitu u komprensiv. Dan sar saħansitra aktar ovvju bl-adozzjoni fit-22 ta’ Novembru 2010 tal-“Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura (10)”. |
19. |
Għalhekk il-KEPD jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li l-linji politiċi u l-inizjattivi fil-qasam tal-affarijiet interni u s-sigurtà interna jiġu ddisinjati u implimentati b’tali mod li jiżguraw approċċ konsistenti u rabtiet ċari bejniethom, jipprovdu sinerġiji xierqa u pożittivi, u jevitaw duplikazzjoni tax-xogħol u tal-isforzi. |
20. |
Barra minn hekk, il-KEPD jirrakkomanda li l-prinċipju tan-neċessità jiġi kkunsidrat b’mod espliċitu f’kull proposta f’dan il-qasam. Dan għandu jsir kemm billi jiġu kkunsidrati d-duplikazzjonijiet possibbli mal-istrumenti diġà eżistenti u billi l-ġbir u l-iskambju tad-data personali jiġu limitati għal dak li huwa tassew meħtieġ għall-għanijiet segwiti. |
21. |
Pereżempju, fil-każ tal-Ftehim dwar il-Programm għat-Traċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP II) mal-Istati Uniti, il-KEPD staqsa sa liema punt il-ftehim kien tassew neċessarju sabiex jinkisbu r-riżultati li jistgħu jinkisbu bl-użu ta’ strumenti inqas intrużivi fil-privatezza, bħal dawk diġà stipulati mill-qafas tal-UE u internazzjonali eżistenti (11). Fl-istess opinjoni, il-KEPD staqsa dwar il-ħtieġa li tintbagħat data personali f’ammont kbir, minflok b’mod aktar immirat. |
22. |
Il-Komunikazzjoni ssemmi bħala waħda mill-isfidi “li niżguraw li dawn l-istrumenti jkopru l-ħtiġijiet reali (tal-infurzar tal-liġi) filwaqt li jiżguraw rispett sħiħ lejn il-jedd għall-privatezza u lejn ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data”. Il-KEPD jilqa’ dan ir-rikonoxximent espliċitu u jitlob li l-istituzzjonijiet tal-UE jevalwaw bir-reqqa sa liema punt l-istrumenti diġà fis-seħħ kif ukoll dawk previsti jkopru l-ħtiġijiet reali tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li jevitaw id-duplikazzjonijiet tal-miżuri, jew ir-restrizzjonijiet bla bżonn fuq il-ħajja privata. F’din il-perspettiva, l-istrumenti eżistenti għandhom juru bil-provi fir-reviżjonijiet perjodiċi li huma jikkostitwixxu mezz effikaċi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu. |
23. |
Il-KEPD tkellem favur il-ħtieġa għal valutazzjoni tal-istrumenti kollha eżistenti fuq l-iskambju tal-informazzjoni qabel jiġu proposti oħrajn ġodda f’għadd numeruż ta’ opinjonijiet u kummenti, u b’enfasi partikolari fl-opinjoni riċenti dwar il-“Ħarsa ġenerali lejn il-ġestjoni tal-informazzjoni fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja” (12). Fil-fatt, il-valutazzjoni tal-effikaċja tal-miżuri eżistenti filwaqt li jiġi kkunsidrat l-impatt fuq il-privatezza tal-miżuri ġodda previsti hija kruċjali u għandha tingħata rwol importanti fl-azzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam, b’konformità mal-approċċ ippreżentat mill-Programm ta’ Stokkolma. |
24. |
Id-duplikazzjonijiet u n-nuqqas ta’ effikaċja għandhom iwasslu għal aġġustamenti fl-għażliet politiċi jew saħansitra biex jikkonsolidaw jew inkella jeliminaw is-sistemi eżistenti tal-ġbir u l-ipproċessar tad-data. |
25. |
Il-KEPD jirrakkomanda li tingħata attenzjoni speċjali lil dawk il-proposti li jirriżultaw fi ġbir ġenerali tad-data personali taċ-ċittadini kollha, minflok tal-persuni suspettati biss. Għandhom jingħataw ukoll kunsiderazzjoni u ġustifikazzjoni speċifiċi lil dawk il-każijiet fejn l-ipproċessar tad-data personali huwa previst għal skopijiet differenti minn dawk li għalihom kienu nġabru fil-bidu, bħal pereżempju fil-każ tal-aċċess għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi għad-data personali maħżuna fis-sistema Eurodac. |
26. |
Il-Komunikazzjoni tenfasizza wkoll li waħda mill-isfidi tal-ġejjieni sejra tkun li tiġi żgurata politika ta’ riċerka dwar is-sigurtà effikaċi, li għandha tikkontribwixxi għal livell għoli ta’ sigurtà. Il-KEPD jappoġġa d-dikjarazzjoni tal-Komunikazzjoni li r-riċerka dwar is-sigurtà effikaċi għandha ssaħħaħ ir-rabtiet bejn il-parteċipanti differenti. F’din il-perspettiva, huwa kruċjali li l-kompetenza tal-protezzjoni tad-data tiddaħħal fir-riċerka dwar is-sigurtà fi stadju bikri ħafna, sabiex jiġu ggwidati l-għażliet politiċi u sabiex jiġi żgurat li l-privatezza tkun inkorporata bl-aktar mod possibbli fit-teknoloġiji ġodda orjentati lejn is-sigurtà, skont il-prinċipju ta’ “privatezza skont id-disinn”. |
3. Fir-rigward tal-użu ta’ miżuri restrittivi (iffriżar tal-assi)
27. |
Fir-rigward tal-użu ta’ miżuri restrittivi (iffriżar tal-assi) lejn pajjiżi speċifiċi u terroristi suspettati, il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat ripetutament u b’mod konsistenti li r-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu huwa kruċjali, bil-għan li jiġu żgurati kemm ir-rispett tad-drittijiet taċ-ċittadini kif ukoll il-legalità tal-miżuri meħuda. |
28. |
Il-KEPD diġà kkontribwixxa b’opinjonijiet u kummenti f’dan il-qasam (13), fuq naħa waħda billi enfasizza t-titjib li sar fil-proċeduri, iżda min-naħa l-oħra billi talab li jsir aktar titjib, speċjalment fir-rigward tad-dritt tal-informazzjoni u tal-aċċess għad-data personali, id-definizzjoni ċara tar-restrizzjonijiet għal dawn id-drittijiet, u d-disponibbiltà tar-rimedji ġudizzjarji effikaċi u s-sorveljanza indipendenti. |
29. |
Il-ħtieġa għal titjib ulterjuri fil-proċedura u s-salvagwardji disponibbli għall-individwi elenkati ġiet ikkonfermata riċentament mill-Qorti Ġenerali fl-hekk imsejħa kawża “Kadi II” (14). B’mod partikolari, il-Qorti enfasizzat il-ħtieġa li l-persuna elenkata għandha tiġi informata bid-dettalji dwar ir-raġunijiet għaliex hija elenkata. Dan joqrob ħafna lejn id-drittijiet, skont il-liġi tal-protezzjoni tad-data, li l-individwi jkollhom aċċess għad-data personali tagħhom u li din id-data tiġi rranġata, partikolarment meta ma tkunx korretta jew aġġornata. Dawn id-drittijiet, imsemmija b’mod espliċitu mill-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jikkostitwixxu elementi prinċipali tal-protezzjoni tad-data, u jistgħu jkunu soġġetti għal limitazzjonijiet sal-punt biss li dawn il-limitazzjonijiet ikunu meħtieġa, prevedibbli u stipulati mil-liġi. |
30. |
F’din il-perspettiva, il-KEPD jaqbel mal-Komunikazzjoni li waħda mill-isfidi tal-ġejjieni fil-qasam tal-politika kontra t-terroriżmu sejra tkun l-użu tal-Artikolu 75 tat-TFUE. Din il-bażi legali ġdida, introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona, tippermetti b’mod speċifiku li jiġu stabbiliti miżuri ta’ ffriżar tal-assi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi. Il-KEPD jirrakkomanda li din il-bażi legali tintuża wkoll biex jiġi stabbilit qafas għall-iffriżar tal-assi li jkun konformi b’mod sħiħ mar-rispett tad-drittijiet fundamentali. Il-KEPD huwa disponibbli li jkompli jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ strumenti u proċeduri leġiżlattivi relevanti, u qiegħed jistenna bil-ħerqa li jiġi kkonsultat b’mod xieraq u f’waqtu meta l-Kummissjoni – skont il-Programm ta’ Ħidma tagħha għall-2011 – tiżviluppa regolament speċifiku f’dan il-qasam (15). |
31. |
F’perspettiva usa’, hemm bżonn li jiġi stabbilit qafas ta’ protezzjoni tad-data applikabbli wkoll għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni. Tabilħaqq, l-Artikolu 16 tat-TFUE jipprovdi bażi legali għat-twaqqif ta’ regoli dwar il-protezzjoni tad-data anki fil-qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni. Il-bażi legali u l-proċedura differenti stipulati mill-Artikolu 39 tat-TUE japplikaw biss meta tiġi pproċessata data personali f’dan il-qasam mill-Istati Membri. Madankollu, anki jekk it-Trattat ta’ Lisbona jitlob dawn ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u jipprovdi l-għodod biex dawn jiġu stabbiliti, bħalissa ma hija prevista ebda inizjattiva fil-Komunikazzjoni riċenti dwar “Approċċ komprensiv dwar il-protezzjoni tad-data personali fl-Unjoni Ewropea” (16). F’dan l-isfond, il-KEPD iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta għat-twaqqif ta’ qafas tal-protezzjoni tad-data fil-Qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni. |
4. Rispett għad-Drittijiet Fundamentali u l-Kooperazzjoni Internazzjonali
32. |
Il-kapitolu ddedikat għar-rispett tad-drittijiet fundamentali jenfasizza li l-UE għandha tkun eżemplari fir-rispett tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li għandha tkun il-boxxla tal-politiki kollha tal-UE. Il-KEPD laqa’ dan l-approċċ. |
33. |
Il-KEPD jappoġġa wkoll id-dikjarazzjoni li r-rispett tad-drittijiet fundamentali mhuwiex biss rekwiżit legali, iżda wkoll kundizzjoni ewlenija għall-promozzjoni tal-kunfidenza reċiproka bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-fiduċja fost il-pubbliku ġenerali. |
34. |
F’dan l-isfond, il-KEPD jirrakkomanda t-teħid ta’ approċċ proattiv u azzjonijiet konkreti sabiex dan ikun jista’ jseħħ, ukoll bħala mezz għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali. (17) |
35. |
Il-Valutazzjonijiet tal-Impatt fuq il-Privatezza (PIAs) u l-konsultazzjoni bikrija tal-awtoritajiet kompetenti għall-protezzjoni tad-data għandhom jiġu żgurati għall-inizjattivi kollha li jħallu impatt fuq il-protezzjoni tad-data personali, irrispettivament mill-inizjatur tagħhom u mill-qasam li fih jiġu proposti. |
36. |
Fil-kapitolu tagħha dwar il-kooperazzjoni internazzjonali, il-Komunikazzjoni tagħmel enfasi wkoll fuq il-ħtieġa li jinħolqu “l-kundizzjonijiet qafas legali u politiċi li kienu meħtiġin għall-koperazzjoni mtejba mas-sħab esterni tal-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu”. |
37. |
F’dan ir-rigward, il-KEPD ifakkar fil-ħtieġa li jiġi żgurat li jiddaħħlu fis-seħħ salvagwardji adegwati meta tiġi skambjata data personali ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex ikun żgurat li d-drittijiet tal-protezzjoni tad-data taċ-ċittadini jiġu rispettati b’mod adegwat anki fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali. |
38. |
Dan jinkludi wkoll il-promozzjoni tal-protezzjoni tad-data fil-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex ikun żgurat li l-istandards tal-UE jiġu ssodisfati. Dan huwa konformi wkoll mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa standards legali u tekniċi għolja ta’ protezzjoni tad-data fil-pajjiżi terzi u fil-livell internazzjonali, u li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi (18). |
39. |
Opportunità ċara għall-azzjoni tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam hija pprovduta mill-miżuri restrittivi (l-iffriżar tal-assi), fejn il-kooperazzjoni intensa mal-pajjiżi terzi u n-Nazzjonijiet Uniti ma għandhiex tnaqqas il-livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali pprovduta mis-sistema legali tal-UE. |
III. KONKLUŻJONIJIET
40. |
Il-KEPD jilqa’ l-attenzjoni mogħtija mill-Komunikazzjoni għad-drittijiet fundamentali u l-protezzjoni tad-data, u jirrakkomanda li jsir aktar titjib konkret fil-qasam tal-politika kontra t-terroriżmu. |
41. |
Il-KEPD jirrakkomanda l-appoġġ b’inizjattivi konkreti tar-rispett tad-drittijiet fundamentali f’dan il-qasam, u b’mod partikolari tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, li huwa alleat meħtieġ għall-promozzjoni taċ-ċertezza legali, il-fiduċja u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, kif ukoll kundizzjoni legali meħtieġa għall-iżvilupp tas-sistemi previsti. |
42. |
Il-KEPD jappoġġa wkoll l-approċċ li t-tfassil tal-politika sistematika f’dan il-qasam għandu jkun ippreferut fuq it-tfassil tal-politika influwenzata mill-inċidenti, speċjalment meta l-inċidenti jwasslu għall-ħolqien ta’ sistemi ġodda ta’ ħżin, ġbir u skambju tad-data mingħajr ma ssir valutazzjoni xierqa tal-alternattivi eżistenti. |
43. |
F’din il-perspettiva, il-KEPD jirrakkomanda li l-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li l-linji politiċi u l-inizjattivi fil-qasam tal-affarijiet interni u s-sigurtà interna jiġu ddisinjati u implimentati b’tali mod li jiżguraw approċċ konsistenti u rabtiet ċari bejniethom, jipprovdu sinerġiji xierqa u pożittivi u jevitaw duplikazzjoni tax-xogħol u tal-isforzi. |
44. |
F’dan l-isfond, il-KEPD jirrakkomanda li l-leġiżlatur tal-UE isaħħaħ l-irwol tal-protezzjoni tad-data, billi jimpenja ruħu li jwettaq azzjonijiet (u dati ta’ skadenza) speċifiċi, bħal:
|
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Novembru 2010.
Peter HUSTINX
Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
(1) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(3) COM(2010) 386 finali.
(4) Ara l-paġna 2 tal-Komunikazzjoni.
(5) COM(2010) 673 finali.
(6) Dok. 14469/4/05 tat-30 ta’ Novembru 2005.
(7) 2002/475/JHA, (ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3).
(8) 2008/919/JHA, (ĠU L 330, 9.12.2008, p. 21).
(9) Kif imħabbar ukoll fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni li Jimplimenta l-Programm ta’ Stokkolma COM(2010) 171 finali tal-20 ta’ April 2010.
(10) Ara l-paragrafu 4 ta’ din l-opinjoni.
(11) Opinjoni tal-KEPD tat-22 ta’ Ġunju 2010.
(12) Opinjoni tal-KEPD tat-30 ta’ Settembru 2010.
(13) Opinjoni tad-28 ta’ Lulju 2009 dwar il-proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban, (ĠU C 276, 17.11.2009, p. 1) Opinjoni tas-16 ta’ Diċembru 2009 proposti leġiżlattivi varji li jimponu ċerti miżuri restrittivi speċifiċi fir-rigward tas-Somalja, iż-Żimbabwe, ir-Repubblika Demokratika tal-Korea u l-Ginea, (ĠU C 73, 23.3.2010, p.1) Ara wkoll l-ittra tal-KEPD tal-20 ta’ Lulju 2010 dwar tliet proposti leġiżlattivi li jikkonċernaw ċerti miżuri restrittivi, jiġifieri fir-rigward tas-Sur Milosevic u persuni assoċjati miegħu, b’appoġġ għall-mandat tat-Tribunal Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja, u fir-rigward tal-Eritrea. L-opinjonijiet u l-kummenti kollha tal-KEPD huma disponibbli fuq il-websajt tal-KEPD http://www.edps.europa.eu
(14) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 2010 fil-kawża T-85/09 Kadi vs. il-Kummissjoni, ara b’mod partikolari l-paragrafi 157, 177.
(15) Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2011 (COM(2010) 623 tas-27 ta’ Ottubru 2010) isemmi fl-Anness II tiegħu (Lista indikattiva tal-inizjattivi possibbli taħt kunsiderazzjoni) “Regolament li jistabbilixxi proċedura għall-iffriżar ta' fondi ta' persuni ssuspettati b'attivitajiet terroristiċi fl-UE”.
(16) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (2010) 609 tal-4 ta’ Novembru 2010.
(17) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (2010) 573 tad-19 ta’ Ottubru 2010 dwar Strateġija għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali mill-Unjoni Ewropea.
(18) Ara l-Komunikazzjoni (2010) 609 dwar “Strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea”, paġni 16-17.