1.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 192/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Il-ġestjoni tal-impatt u l-konsegwenzi tar-rivoluzzjonijiet fil-Mediterran”

2011/C 192/01

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Kriżi umanitarja fis-seħħ

1.

huwa mħasseb dwar il-bidliet u l-inċertezza fin-Nofsinhar tal-Mediterran u jappoġġja bis-sħiħ il-proċess ta’ riforma soċjali, ekonomika u politika li għandu jwassal għal demokratizzazzjoni ġenwina u stabbiltà ġdida fil-pajjiżi kkonċernati kollha u għal opportunitajiet ġenwini għall-irġiel u n-nisa fir-reġjun biex jibnu l-paċi u l-prosperità; jiddispjaċih u jikkundanna bil-bosta kull tip ta’ vjolenza u ta’ abbuż tad-drittijiet tal-bniedem f’ċerti pajjiżi fiż-żona u jitlob b’mod urġenti lill-Unjoni Ewropea biex twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha biex tappoġġja l-bidla paċifika u t-tranżizzjoni demokratika;

2.

huwa mħasseb dwar il-moviment tar-refuġjati b’riżultat tal-avvenimenti fl-Afrika ta’ Fuq, li jolqot b’mod dirett lill-Istati Membri u l-komunitajiet lokali tagħhom li huma l-eqreb tar-reġjun; jenfasizza għalhekk il-bżonn li jiġu provduti mingħajr dewmien is-solidarjetà konkreta u l-appoġġ neċessarju li wegħdu l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fid-Dikjarazzjoni tal-Kunsill Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2011 u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Marzu 2011;

3.

ifakkar fid-dikjarazzjoni tal-presidenza tal-KtR tal-4 ta’ Marzu 2011 (1) li offriet li tappoġġja l-aspirazzjonijiet tal-popli tar-reġjun kollu u esprimiet is-solidarjetà tal-Kumitat mas-sejħiet tagħhom għal demokrazija effettiva, pluraliżmu politiku, libertajiet fundamentali u rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

4.

jinnota wkoll li numru konsiderevoli ta’ persuni qed jiġu fl-UE għal raġunijiet ekonomiċi, politiċi jew soċjali; jagħraf li wħud minn dawn in-nies qed ikollhom jitilqu minn pajjiżhom b’riżultat tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza fir-reġjun u li jista’ jkollhom talbiet leġittimi għall-asil jew għall-protezzjoni internazzjonali; ifakkar li d-dritt tal-asil huwa garantit fost ftehimiet oħra mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u jikkorrispondi għall-obbligi tal-UE u tal-Istati Membri taħt il-liġi internazzjonali;

5.

jagħraf li l-instabbiltà politika u soċjali fin-Nofsinhar tal-Mediterran flimkien mar-ripressjoni, id-diffikultajiet ekonomiċi f’bosta setturi, kif ukoll id-degradazzjoni kontinwa tal-ambjent huma forzi li jmexxu l-migrazzjoni tal-popolazzjonijiet mir-reġjun, li mistennija tkompli sseħħ għax in-numru ta’ nies li qed jaħarbu mill-instabbiltà politika u mill-faqar qed ikompli jiżdied;

Rispons immedjat għall-kriżi

6.

jenfasizza l-bżonn ta’ rispons urġenti u immedjat għad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni umanitarja, li jqis id-drittijiet fundamentali u s-sitwazzjonijiet individwali tal-persuni kkonċernati; jikkunsidra li dan ir-rispons jirrikjedi approċċ koordinat mill-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet fil-livelli sottonazzjonali u jisħaq mill-ġdid li l-esperjenza tal-bliet u r-reġjuni fl-UE fejn jidħlu rispons għall-emerġenzi u protezzjoni ċivili hija disponibbli għall-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenżiji u l-Istati Membri; dan l-approċċ għandu jinvolvi wkoll lis-soċjetà ċivili organizzata sabiex jiġu sfruttati l-kuntatti diretti man-nies fil-pajjiżi kkonċernati;

7.

isejjaħ għal solidarjetà vera u reali lejn l-Istati Membri u l-komunitajiet milquta b’mod dirett mill-flussi migratorji, ibbażata fuq allokazzjoni ġusta ta’ responsabbiltajiet operattivi u finanzjarji skont it-Trattati, b’konformità mal-Artikolu 802 tat-TFUE; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jkomplu jadattaw dawn il-miżuri hija u tevolvi s-sitwazzjoni, b’kunsiderazzjoni tal-bżonnijiet tal-popolazzjonijiet ta’ migranti jew ta’ nies li kellhom jiċċaqalqu minn pajjiżhom u tal-komunitajiet li qed joffrulhom l-għajnuna;

8.

jitlob lill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-UE sabiex jappoġġjaw pjan ta’ azzjoni dwar il-qsim tal-piż li jgħin sabiex ir-refuġjati tar-reġjun jadattaw ruħhom, u sabiex iwaqqfu fond ta’ solidarjetà li permezz tiegħu jistgħu jiġu indirizzati l-pressjonijiet umanitarji kkawżati mill-kriżi; iħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri jattivaw il-mekkaniżmu previst fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn, abbażi tal-prinċipju ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri u li juru l-impenn ġenwin tal-Unjoni Ewropea lejn il-prinċipju tas-solidarjetà u l-qsim tar-responsabbiltà;

9.

sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-allokazzjoni ta’ fondi speċifiċi, il-Kumitat jitlob li l-istrumenti finanzjarji li jeżistu diġà jintużaw għall-mobilizzazzjoni rapida tar-riżorsi fit-territorji milquta sabiex jiġu ffaċċjati s-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza marbutin mal-fluss ta’ migrazzjoni;

10.

jissuġġerixxi li jiġu introdotti miżuri ta’ kumpens għall-appoġġ tat-territorji li ntlaqtu l-aktar minn din l-emerġenza, sabiex jiġu bilanċjati t-telf kbir u l-effetti negattivi fuq l-ekonomiji lokali, speċjalment f’oqsma kruċjali bħat-turiżmu u s-sajd;

11.

f’dan il-kuntest, jissuġġerixxi li d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tiġi riveduta sabiex tiddefinixxi b’mod iktar ċar xi jfisser “influss bil-massa” ta’ migranti u li possibbilment tingħata definizzjoni b’relazzjoni mal-popolazzjoni tal-pajjiżi li qed jirċevuhom;

12.

jenfasizza li l-miżuri kollha tal-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-leġislazzjoni tal-UE, u jirrispettawl-acquis ta’ Schengen, li jiggarantixxi l-moviment ħieles taċ-ċittadini fl-UE u għaldaqstant jikkostitwixxi kisba essenzjali tal-integrazzjoni Ewropea, u jħares ukoll id-drittijiet fundamentali tal-bniedem hekk kif inhuma definiti fl-istrumenti tal-liġi internazzjonali u t-Trattati tal-UE, b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

13.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li tiġi salvagwardjata n-natura Komunitarja tas-sistema Schengen sabiex ikun żgurat li r-risposti meħtieġa għall-avvenimenti esterni mis-sistema Schengen ikunu bbażati fuq regoli Ewropej, trasparenti u komuni, u li dawn ma jillimitawx il-kooperazzjoni transkonfinali eżistenti bla bżonn;

Rispons fuq perjodu twil

14.

huwa konxju iktar minn qatt qabel tal-bżonn urġenti li jiġu żviluppati politiki komprensivi u komuni dwar l-immigrazzjoni u l-asil ibbażati fuq is-solidarjetà u tqassim ġust tar-responsabbiltajiet; jenfasizza li għandha tkun prijorità li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fil-politiki dwar il-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni tal-migranti;

15.

jinsisti li għandhom jiġu mobilizzati l-isforzi kollha kontra l-migrazzjoni irregolari u l-impatti tagħha, b’mod partikolari t-traffikar tal-bnedmin; jappoġġja l-konklużjoni tal-ftehimiet ta’ ammissjoni mill-ġdid bejn l-UE u l-pajjiżi fir-reġjun; isejjaħ għal reviżjoni tal-mandat u r-rwol tal-FRONTEX inkluż it-tisħiħ tar-riżorsi finanzjarji, tekniċi u umani tiegħu sabiex jissorvejlaw il-fruntieri tal-UE, inklużi l-kosti tal-Mediterran;

16.

jingħaqad mas-sejħiet li saru għal reviżjoni tal-leġislazzjoni attwali tal-asil b’mod partikolari tal-mekkaniżmu li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli milli jeżamina l-applikazzjonijiet għall-asil u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jkomplu jaħdmu fuq it-twaqqif sħiħ ta’ Sistema Ewropea Komuni tal-Asil; jistenna li Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil jipprovdi appoġġ ta’ valur lill-Istati Membri li huma l-iktar esposti għall-ġestjoni tal-migrazzjoni;

17.

jinsab konvint li d-demokrazija bbażata fuq elezzjonijiet ħielsa u ġusti u l-istat tad-dritt, kif ukoll amministrazzjoni lokali u reġjonali effiċjenti u demokratika, huma prerekwiżiti għall-istabbiltà u l-iżvilupp politiku u ekonomiku fil-pajjiżi kkonċernati u jaqdu rwol kruċjali f’li jippermettu liċ-ċittadini jisfruttaw bl-aħjar mod il-kompetenzi tagħhom f’pajjiżhom;

18.

jenfasizza l-utilità prattika tal-programmi tal-bini tal-kapaċità fil-kuntest tat-tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat u, abbażi tal-programm pilota bl-isem Faċilità tal-Amministrazzjoni Lokali (2), jissuġġerixxi li għandhom jiġu żviluppati inizjattivi ekwivalenti għall-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran sabiex jappoġġjaw il-bini tal-kapaċità fil-livell lokali u reġjonali;

19.

jinnota r-rabta bejn il-politiki tal-migrazzjoni u l-iżvilupp u jara l-bżonn li jiġu żviluppati politiki li jappoġġjaw il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali fir-reġjun li jistgħu jiggarantixxu futur sostenibbli għall-popolazzjonijiet lokali u b’hekk inaqqsu l-inċentivi għall-migrazzjoni; b’mod partikolari, jikkunsidra li huwa essenzjali li jitnaqqas il-faqar u jinħolqu l-impjiegi għall-ġenerazzjoni żagħżugħa u għalhekk isejjaħ għall-użu sħiħ tar-riżorsi eżistenti u l-esperjenza tal-UE sabiex jiġu appoġġjati l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali f’dawn il-pajjiżi;

20.

jenfasizza l-importanza li tingħata spinta ’l quddiem lill-kummerċ u lill-investiment ma’ dawn il-pajjiżi, u li jiġu pprovduti faċilitajiet ta’ mikrokreditu għall-ħolqien ta’ intrapriżi żgħar, bħala mezz biex dawn il-pajjiżi jkunu jistgħu jżidu t-tkabbir ekonomiku tagħhom u jnaqqsu l-faqar; żieda fil-kummerċ mal-Afrika ta’ Fuq tkun ta’ benefiċċju wkoll għall-Ewropa, peress li din toħloq ħafna impjiegi għall-Ewropej u tkabbir ekonomiku għall-UE, u għaldaqstant jisħaq li jsir sforz konġunt sabiex jitneħħew l-ostakli li fadal għall-kummerċ;

21.

huwa konvint li l-Unjoni għall-Mediterran tista’ taqdi rwol importanti sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-migrazzjoni u l-implikazzjonijiet tagħha jekk din tingħata r-rieda politika u r-riżorsi meħtieġa mill-partijiet kollha kkonċernati; jenfasizza f’dan ir-rigward il-kontribut li l-Assemblea Reġjonali u Lokali Ewro-Mediterranja (ARLEM) tista’ tagħmel billi tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-għarfien bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali; jissuġġerixxi li l-Assemblea tal-ARLEM tqis sew is-sitwazzjoni u tinkludi fost il-prijoritajiet tagħha r-risposti adegwati għall-avvenimenti li qed iseħħu, u tieħu l-passi meħtieġa fil-kompetenza tagħha biex tappoġġja attivament il-proċess tad-demokratizzazzjoni fil-pajjiżi kkonċernati;

22.

jinnota li d-diplomazija fil-livell belti u reġjonali tista’ tippromovi u ssaħħaħ il-proċessi li għaddejjin bħalissa tad-demokratizzazzjoni, tinvolvi lill-pubbliku u ttejjeb ir-relazzjonijiet bejn il-popli u l-gvernijiet tagħhom;

23.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tiżgura li fl-inizjattivi ta’ politika li jmiss (3) tagħha tħejji bażi għall-iżvilupp ta’ rispons komprensiv inklużi s-sensittività għar-rwol u l-kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u li tiżviluppa iktar sinerġiji bejn il-politiki tal-immigrazzjoni u l-asil, l-azzjoni esterna u l-iżvilupp f’interazzjoni mill-qrib mal-livell lokali u reġjonali;

24.

jagħti istruzzjoni lill-President tal-KtR sabiex iressaq din ir-riżoluzzjoni quddiem il-President tal-Kunsill Ewropew, il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea, il-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill tal-UE, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-kopresidenza u s-segretarjat tal-Unjoni għall-Mediterran, l-assemblea parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran u l-ARLEM.

Brussell, it-12 ta’ Mejju 2011.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Mercedes BRESSO


(1)  CdR 113/2011.

(2)  Il-KtR diġà jikkoopera mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea f’li jappoġġja dan il-programm pilota li għalissa huwa ristrett għall-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali.

(3)  Bħar-reviżjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, ir-rapport annwali dwar il-migrazzjoni u l-asil, il-Komunikazzjoni dwar it-titjib tas-solidarjetà fi ħdan l-UE, il-Komunikazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-mobbiltà għall-iżvilupp kif ukoll l-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni.