18.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 390/121


Il-Ħamis 23 ta’ Ġunju 2011
Is-sorveljanza ta' pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika ***I

P7_TA(2011)0291

Emendi tal-Parlament Ewropew adottati fit-23 ta' Ġunju 2011 għal proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (COM(2010)0526 – C7-0300/2010 – 2010/0280(COD)) (1)

2012/C 390 E/21

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

[Emenda 2]

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW (2)

għall-proposta tal-Kummissjoni


(1)  Il-każ kien riferut lura lill-kumitat skont it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 57(2) (A7-0178/2011).

(2)  Emendi politiċi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u qawwija; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▐.


Il-Ħamis 23 ta’ Ġunju 2011
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(6) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew  (1),

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Huma u jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)

Il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri fi ħdan l-Unjoni, kif previst mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) , għandha tinvolvi l-konformità mal-prinċipji gwida ta’ prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kundizzjonijiet monetarji sodi u bilanċ tal-pagamenti sostenibbli.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir inizjalment kien jikkonsisti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (2), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (3) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 1997 dwar il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (4). Ir-Regolamenti (KE) Nru 1466/97 u (KE) Nru 1467/97 ġew emendati fl-2005 bir-Regolamenti (KE) Nru 1055/2005 u (KE) Nru 1056/2005 rispettivament. Barra minn hekk, ġie adottat ir-Rapport tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2005 dwar ‘Titjib tal-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir’.

(3)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi governattivi sodi bħala mezz sabiex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu bbażat fuq stabbiltà finanzjarja , u b'hekk jappoġġa l-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni għal tkabbir sostenibbli u ▐ impjiegi.

(4)

Il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir teħtieġ mill-Istati Membri li jiksbu u jżommu objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien u jippreżentaw programm ta’ stabbiltà u konverġenza għal dak il-għan.

(4a)

Il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir tibbenefika minn forom aktar stretti ta’ sorveljanza biex tiġi żgurata l-konsistenza u l-konformità tal-Istati Membri mal-qafas ta’ koordinament baġitarju tal-Unjoni.

(5)

Il-kontenut tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza kif ukoll il-proċedura għall-eżami tagħhom għandhom jiġu żviluppati aktar kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak tal-Unjoni fid-dawl tal-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(5a)

Il-miri baġitarji fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza għandhom iqisu b'mod espliċitu l-miżuri adottati bi qbil mal-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika, il-Linji Gwida għall-Politiki tal-Impjiegi tal-Istati Membri u tal-Unjoni u, b'mod ġenerali, il-programmi ta’ riforma nazzjonali.

(5b)

Il-preżentazzjoni u l-valutazzjoni ta’ Programmi ta’ Stabbilità u Konverġenza għandhom isiru qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet kruċjali dwar il-baġits nazzjonali għas-snin ta’ wara. Għalhekk, għandha tiġi stabbilita skadenza partikolari għall-preżentazzjoni tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza. B'kont meħud tal-ispeċifiċitajiet tas-sena baġitarja tar-Renju Unit, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali għad-data tal-preżentazzjoni tal-programmi ta’ konverġenza tagħha.

(5c)

Il-Kummissjoni għandu jkollha rwol aktar b’saħħtu fil-proċedura tas-sorveljanza msaħħa fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li huma speċifiċi għal kull Stat Membru, il-monitoraġġ, il-missjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u t-twissijiet.

(5d)

L-esperjenza miksuba u l-iżbalji li saru matul l-ewwel deċenju tal-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja turi ħtieġa ta’ governanza ekonomika mtejba fl-Unjoni, li għandha tinbena fuq sjieda nazzjonali aktar b’saħħitha tar-regoli u l-politiki maqbula komunement u fuq qafas aktar b’saħħtu ta’ sorveljanza fil-livell tal-Unjoni tal-politiki ekonomiċi nazzjonali.

(5e)

Il-qafas imtejjeb ta’ governanza ekonomika għandu jsejjes ruħu fuq bosta politiki interkonnessi għal tkabbir u impjiegi sostenibbli, li għandhom ikunu koerenti ma’ xulxin, b'mod partikolari strateġija tal-Unjoni għal tkabbir u impjiegi, b'attenzjoni partikolari fuq l-iżvilupp u t-tisħiħ tas-suq intern, it-trawwim tal-kummerċ internazzjonali u l-kompetittività, qafas effikaċi biex jiġi evitat u korrett id-defiċit eċċessiv tal-gvern (il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir), qafas b'saħħtu biex jiġu evitati u korretti l-iżbilanċi makroekonomiċi, rekwiżiti minimi għall-oqfsa baġitarji nazzjonali, regolamentazzjoni u superviżjoni msaħħa tas-suq finanzjarju, inkluża s-superviżjoni makroprudenzjali mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

(5f)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-qafas komplut tal-governanza ekonomika jikkompletaw u jappoġġaw l-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi. L-interkonnessjonijiet bejn il-linji differenti m’għandhomx jipprovdu eżenzjonijiet mid-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(5g)

It-tisħiħ tal-governanza ekonomika għandu jinkludi involviment eqreb u aktar f’waqtu tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali. Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ joffri l-opportunità lill-Istat Membru kkonċernat mir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, bi qbil mal-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 10(2), li jipparteċipa fl-iskambju tal-opinjonijiet.

(5h)

Il-Programmi ta’ Stabbiltà jew Konverġenza u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma għandhom ikunu ppreparati b’mod koerenti u l-ħinijiet tal-preżentazzjonijiet tagħhom għandhom jiġu allinjati. Dawn il-programmi għandhom jitressqu quddiem il-Kunsill u l-Kummissjoni. Dawn il-programmi għandhom ikunu disponibbli għal pubbliku.

(5i)

Skont is-Simestru Ewropew, is-sorveljanza tal-politika u ċ-ċiklu tal-koordinazzjoni bdew kmieni fis-sena b’rieżami li bih, il-Kunsill Ewropew, ibbażat fuq l-input mill-Kummissjoni u l-Kunsill, jidentifika l-isfidi ewlenin li jaffaċċjaw l-Unjoni u ż-żona euro u joffri gwida strateġika dwar il-politiki. Issir ukoll diskussjoni fil-Parlament Ewropew fil-bidu taċ-ċiklu annwali ta’ sorveljanza fi żmien xieraq qabel ma ssir id-diskussjoni fil-Kunsill Ewropew. L-Istati Membri huma mistennija li jqisu l-gwida orizzontali mill-Kunsill Ewropew meta jippreparaw il-Programmi ta’ Stabbiltà jew Konverġenza u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(5j)

Sabiex tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, l-oqfsa baġitarji nazzjonali għandhom ikunu allinjati mal-objettivi ta’ sorveljanza multilaterali fl-Unjoni, u, b’mod partikolari, mas-Simestru.

(5k)

F’konformità mal-arranġamenti legali u politiċi ta’ kull Stat Membru, il-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu involuti kif suppost fis-Simestru u fil-preparazzjoni tal-Programmi ta’ Stabbiltà, il-Programmi ta’ Konverġenza u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma sabiex jiżdiedu t-trasparenza, is-sjieda u r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet meħuda. Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kumitat tal-Politika Ekonomika il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jridu jiġu kkonsultati fil-qafas tas-Simestru fejn hu xieraq. Il-partijiet interessati relevanti, b’mod partikolari s-sħab soċjali, jridu jkunu involuti, fejn hu xieraq, fil-qafas tas-Simestru dwar il-kwistjonijiet ta’ politika ewlenija, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE u l-arranġamenti legali u politiċi.

(6)

L-adeżjoni mal-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien tal-pożizzjonijiet baġitarji għandha tippermetti lill-Istati Membri jkollhom marġini ta’ sikurezza fir-rigward tal-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PGD, li jiżguraw finanzi pubbliċi sostenibbli jew progress rapidu lejn is-sostenibbiltà , filwaqt li jħallu spazju għall-immanuvrar baġitarju, partikolarment billi jqisu l-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku. L-objettiv baġitarju fuq perijodu ta’ żmien medju għandu jiġi aġġornat regolarment abbażi ta’ metodoloġija maqbula komunement li tirrifletti b'mod adegwat ir-riskji ta’ responsabbiltajiet espliċiti u impliċiti għall-finanzi pubbliċi kif inkorporati fl-għanijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(7)

L-obbligu li jinkiseb u jinżamm l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien jeħtieġ li jitpoġġa fis-seħħ, permezz tal-ispeċifikazzjoni tal-prinċipji għall-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv fuq perjodu medju ta’ żmien . Dawn il-prinċipji għandhom, fost l-oħrajn, jiżguraw li dħul imprevist, b’mod partikolari dħul ta’ aktar milli huwa normalment mistenni mit-tkabbir ekonomiku, jiġi allokat għat-tnaqqis tad-dejn.

(8)

L-obbligu li jinkiseb u jinżamm l-objettiv fuq perijodu medju ta’ żmien għandu japplika bl-istess mod għall-Istati Membri parteċipanti u għall-Istati Membri mhux parteċipanti ▐ .

(9)

Il-progress suffiċjenti lejn l-objettiv baġitarju għal perjodu medju ta’ żmien għandu jkun ivvalutat abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali bil-bilanċ strutturali bħala referenza, inkluża analiżi tal-infiq mingħajr ma jitqiesu l-miżuri tad-dħul diskrezzjonali. F'dan ir-rigward, u dment li dan l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ma jinkisibx, ir-rata tat-tkabbir fl-infiq tal-gvern ġeneralment ma għandhiex taqbeż rata ta’ referenza ▐ ta' tkabbir potenzjali tal-PGD fuq perjodu medju ta’ żmien, b'żidiet akbar minn dik in-norma li jkunu jikkorrispondu għal żidiet diskrezzjonali fid-dħul tal-gvern u tnaqqis diskrezzjonali fid-dħul li jkun ikkumpensat bi tnaqqis fl-infiq. Ir-rata ta’ referenza fuq perjodu medju ta’ żmien tat-tkabbir potenzjali tal-PGD għandha tkun ikkalkulata skont metodoloġija maqbula b’mod komuni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-metodu ta’ kalkolu ta’ dawk il-previżjonijiet u r-rata ta’ referenza fuq perjodu ta’ żmien medju li tirriżulta tat-tkabbir potenzjali tal-PGD. Għandha titqies il-varjabbiltà potenzjalment kbira ħafna tal-infiq tal-investiment, b'mod speċjali fil-każ ta’ Stati Membri żgħar.

(9a)

Għandu jkun meħtieġ pjan ta’ aġgustament aktar mgħaġġel lejn l-objettivi baġitarji fuq perjodu ta’ żmien medju għall-Istati Membri li qed jiffaċċjaw livell ta’ dejn li jaqbeż is-60 % tal-PGD jew b'riskji kbar f'termini ta’ sostenibbiltà tad-dejn ġenerali.

(10)

Għandha tiġi permessa devjazzjoni temporanja mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv fuq perjodu medju f'każ li jkun hemm avveniment mhux tas-soltu li mhux fil-kontroll tal-Istat Membru kkonċernat u li għandu impatt kbir fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern ġenerali jew f'każ ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku serju għaż-żona tal-euro jew għall-UE kollha, bil-kundizzjoni li din ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fil-perijodu medju, sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku. Għandu jittieħed ukoll kont tal-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali kbar biex tiġi permessa devjazzjoni temporanja mill-objettiv baġitarju fuq perijodu ta’ żmien medju jew l-aġġustament adatt għal dan, bil-kondizzjoni li tinżamm marġni ta’ sigurtà fir-rigward tal-valur referenzjali tad-defiċit. Għandha tingħata attenzjoni speċjali f'dan il-kuntest, għar-riformi sistemiċi ta’ pensjonijiet, fejn id-devjazzjoni għandha tirrifletti l-ispiża inkrementali diretta tad-devjazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-pilastru ġestit b'mod pubbliku għal dak kompletament iffinanzjat. Il-miżuri li jittrasferixxu l-assi tal-pilastru kompletament iffinanzjat, lura għall-pilastru ġestit b'mod pubbliku għandhom jitqiesu ta’ darba waħda u temporanji fin-natura tagħhom u għalhekk esklużi mill-bilanċ strutturali użat għall-valutazzjoni tal-progress lejn l-objettiv baġitarju fuq perijodu ta’ żmien medju.

(11)

F’każ ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perijodu medju , għandha tiġi indirizzata twissija mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat , li għandha tiġi segwita fi żmien xahar minn eżami tas-sitwazzjoni mill-Kunsill u ▐ rakkomandazzjoni għall-miżuri ta’ aġġustament neċessarji. Ir-rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi skadenza ta’ mhux aktar minn ħames xhur għall-indirizzar tad-devjazzjoni. L-Istat Membru konċernat għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-azzjoni meħuda. Jekk l-Istat Membru kkonċernat jonqos milli jieħu azzjoni adatta fl-iskadenza stabbilita mill-Kunsill, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effettiva u jirrapporta lill-Kunsill Ewropew. Id-deċiżjoni trid titqies bħala adottata mill-Kunsill sakemm ma jiddeċidix b’maġġoranza kwalifikata li jirrifjutaha fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tal-Kummissjoni. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda lill-Kunsill li jadotta rakkomandazzjonijiet riveduti. Il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-BĊE biex, jekk hu xieraq, l-Istati Membri taż-żona euro u l-Istati Membri tal-ERM II jipparteċipaw f’missjoni ta’ sorveljanza. Il-Kummissjoni ser tirrapporta lill-Kunsill dwar ir-riżultat tal-missjoni u, jekk hu xieraq, tista' tiddeċiedi li tagħmel ir-riżultati tagħha disponibbli għall-pubbliku.

(12)

Sabiex tiġi żgurta l-konformità mal-qafas ta’ sorveljanza fiskali tal-Unjoni għall-Istati Membri parteċipanti, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu speċifiku ta’ infurzar fuq il-bażi tal-Artikolu 136 tat-TFUE għall-każijiet ta’ devjazzjoni ▐ sinifikanti mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perijodu ta’ żmien medju .

(13)

Ir-referenzi li hemm fir-Regolament (KE) Nru 1466/97 għandhom jikkunsidraw in-numerazzjoni ġdida tal-Artikoli tat-TFUE.

(14)

Ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 għalhekk għandu jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 huwa emendat kif ġej:

-1.

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistipula r-regoli li jkopru l-kontenut, is-sottomissjoni, l-eżami u l-immonitorjar ta’ programmi ta’ stabbiltà u programmi ta’ konverġenza bħala parti mis-sorveljanza multilaterali mill-Kunsill u mill-Kummissjoni sabiex jipprevjeni, fi stadju bikri, l-okkorrenza ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern ġenerali u sabiex jippromwovi s-sorveljanza u l-koordinament tal-politiki ekonomiċi biex b'hekk jappoġġa l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi.”.

1.

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

(a)

‘Stati Membri parteċipanti’ tfisser dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro;

(b)

‘Stati Membri mhux parteċipanti’ tfisser dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.”.

1a.

Għandha tiddaħħal it-taqsima li ġejja:

"TAQSIMA 1-A

IS-SIMESTRU EWROPEW GĦALL-KOORDINAMENT TAL-POLITIKA EKONOMIKA

Artikolu 2-a

1.     Biex jiġi żgurat il-koordinament eqreb tal-politiki ekonomiċi u konverġenza sostnuta tal-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Membri, il-Kunsill għandu jwettaq is-sorveljanza multilaterali bħala parti integrali tas-Simestru Ewropew għall-koordinament tal-politika ekonomika bi qbil mal-objettivi u r-rekwiżiti stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

2.     Is-Simestru jinkludi:

(a)

il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-linji gwida ġenerali tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni (il-Linji Gwida Ġenerali tal-Politika Ekonomika) bi qbil mal-Artikolu 121(2) TFUE;

(b)

il-formulazzjoni u l-eżami tal-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-impjiegi li għandhom jitqiesu mill-Istati Membri bi qbil mal-Artikolu 148(2) TFUE (il-Linji Gwida tal-Impjiegi);

(c)

il-preżentazzjoni u l-valutazzjoni tal-Programmi ta’ Stabbiltà jew Konverġenza tal-Istati Membri bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament;

(d)

il-preżentazzjoni u l-valutazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-Istati Membri li jappoġġaw l-istrateġija għat-tkabbir u l-impjiegi tal-Unjoni u stabbiliti bi qbil mal-linji gwida stipulati f’punti i) u ii) hawn fuq u bil-gwida ġenerali għall-Istati Membri maħruġa mill-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew fil-bidu taċ-ċiklu annwali ta’ sorveljanza;

(e)

is-sorveljanza biex jiġu evitati u kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi skont ir-Regolament (UE) Nru …/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ … (5) dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (6)

3.     Matul is-Simestru, sabiex jiġi provdut parir tal-politika fil-ħin u integrat dwar intenzjonijiet tal-politika makrofiskali u makrostrutturali, il-Kunsill għandu, wara l-valutazzjoni ta’ dawn il-Programmi fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni, joffri gwida lill-Istati Membri filwaqt li jagħmel użu sħiħ tal-istrumenti legali previsti fl-Artikoli 121 u 148 tat-TFUE, u skont dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) Nru. …/2011 (7) [dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi].

L-Istati Membri jridu jqisu l-gwida indirizzata lilhom fl-iżvilupp tal-politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u baġitarji tagħhom qabel jieħdu deċiżjonijiet ewlenin dwar il-baġits nazzjonali għas-snin ta’ wara. Il-progress għandu jkun immonitorjat mill-Kummissjoni.

Jekk Stat Membru ma jiħux azzjoni dwar il-gwida li tkun ingħatatlu, ir-riżultat jaf ikun:

(a)

rakkomandazzjonijiet ulterjuri biex jittieħdu miżuri speċifiċi;

(b)

twissija mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE;

(c)

miżuri skont dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru. 1467/97 u r-Regolament (UE) Nru. …/2011 (8) [dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi].

L-implimentazzjoni tal-miżuri trid tkun suġġetta għal immonitorjar imsaħħaħ mill-Kummissjoni u tista’ tinkludi missjonijiet ta’ sorveljanza skont l-Artikolu -11 ta’ dan ir-Regolament.

4.     Il-Parlament Ewropew se jkun involut kif suppost fis-Simestru sabiex jiżdiedu t-trasparenza, is-sjieda u r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet meħuda, b’mod partikolari permezz tad-djalogu ekonomiku li jsir skont l-Artikolu 2ab ta’ dan ir-Regolament. Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kumitat tal-Politika Ekonomika il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jridu jiġu kkonsultati fil-qafas tas-Semestru fejn hu xieraq. Il-partijiet interessati relevanti, b’mod partikolari s-sħab soċjali, jridu jkunu involuti, fejn hu xieraq, fil-qafas tas-Semestru dwar il-kwistjonijiet ta’ politika ewlenija, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE u l-arranġamenti legali u politiċi.

Il-President tal-Kunsill u l-President tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 121(5) tat-TFUE, u fejn hu xieraq il-President tal-Eurogroup, għandhom jirrapportaw annwalment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew dwar ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali. Dawn ir-rapporti għandhom ikunu parti mid-Djalogu Ekonomiku msemmi fl-Artikolu 2 –ab ta’ dan ir-Regolament.

1b.

Għandha tiddaħħal it-taqsima li ġejja:

"TAQSIMA 1-Aa

DJALOGU EKONOMIKU

Artikolu 2-ab

 

    Biex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u biex jiġu żgurati trasparenza u responsabbiltà akbar, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' jistieden lill-President tal-Kunsill, il-President tal-Kummissjoni u, fejn hu xieraq, il-President tal-Kunsill Ewropew jew il-President tal-Eurogroup, biex jidhru quddiem il-kumitat biex jiddiskutu:

(a)

l-informazzjoni provduta lilu mill-Kunsill dwar il-linji gwida ġenerali tal-politika ekonomika skont l-Artikolu 121(2) tat-TFUE;

(b)

il-gwida ġenerali tal-Istati Membri maħruġa mill-Kummissjoni fil-bidu taċ-ċiklu annwali tas-sorveljanza;

(c)

kwalunkwe konklużjoni mill-Kunsill Ewropew dwar l-orjentamenti għall-politiki ekonomiċi fil-kuntest tas-Simestru Ewropew;

(d)

ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali li tkun saret skont dan ir-Regolament;

(e)

kwalunkwe konklużjoni li jkun silet il-Kunsill Ewropew dwar l-orjentamenti għas-sorveljanza multilaterali u r-riżultati tagħha;

(f)

kwalunkwe rieżami tat-twettiq tas-sorveljanza multilaterali fit-tmiem tas-Simestru Ewropew;

(g)

ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill indirizzati lill-Istati Membri bi qbil mal-Artikolu 121(4) tat-TFUE fil-każ ta’ devjazzjoni sinifikanti kif definit fl-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament;

2.     Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ joffri l-opportunità lill-Istat Membru kkonċernat permezz tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, bi qbil mal-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 10(2), li jipparteċipa fl-iskambju tal-opinjonijiet.

3.     Il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jinfurmaw b’mod regolari lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”.

1c.

L-Artikolu 2a għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"Kull Stat Membru għandu jkollu objettiv divrenzjat fuq terminu medju ta’ żmien għall-pożizzjoni baġitarja tiegħu. Dawn l-objettivi baġitarji fuq terminu medju ta’ żmien li huma speċifiċi għall-pajjiż jistgħu jitbiegħdu mill-ħtieġa ta’ pożizzjoni qrib il-bilanċ jew f’bilanċ favorevoli, filwaqt li jipprovdu marġini ta’ sikurezza fir-rigward tal-proporzjon ta’ 3 % tal-PGD għad-defiċit tal-gvern. L-objettivi baġitarji fuq terminu medju ta’ żmien għandhom jiżguraw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi jew progress rapidu lejn din is-sostenibbiltà filwaqt li jippermettu l-ispazju għall-immanuvrar baġitarju, b’konsiderazzjoni partikolarment tal-ħtiġijiet tal-investiment pubbliku.

B'kont meħud ta’ dawn il-fatturi, għall-Istati Membri li adottaw l-euro u għall-Istati Membri tal-ERM II, l-objettivi baġitarji fuq terminu medju ta’ żmien li huma speċifiċi għall-pajjiż għandhom ikunu speċifikati f'firxa definita bejn -1 % tal-PGD u bilanċ jew bilanċ favorevoli, f''termini aġġustati ċiklikament, mingħajr miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn.

L-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ żmien għandu jiġi rivedut kull tliet snin. Fil-każ tal-implimentazzjoni ta’ riforma b’impatt ewlieni fuq is-sostenibbiltà ta’ finanzi pubbliċi, l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien ta’ Stat Membru jista’ jiġi rivedut b’mod ulterjuri.

Ir-rispett tal-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien għandu jkun inkluż fl-oqfsa baġitarji nazzjonali għal perjodu medju ta’ żmien bi qbil mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/…/UE ta’ … (9) dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (10)

2.

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1.   Kull Stat Membru parteċipant għandu jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni t-tagħrif meħtieġ għall-iskop ta’ sorveljanza multilaterali f’intervalli regolari skont l-Artikolu 121 TFUE fil-forma ta’ programm ta’ stabbiltà, li jipprovdi bażi essenzjali għas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi li tiffavorixxi l-istabbiltà tal-prezzijiet, tkabbir sostenibbli qawwi u l-ħolqien tal-impjiegi.”;

(b)

Fil-paragrafu 2 , il-punti (a), (b) u (c) għandhom jiġu ssostitwiti kif ġej:

"(a)

l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien u l-perkors ta’ aġġustament lejn dan l-objettiv għall-bilanċ tal-gvern ġenerali bħala perċentwali tal-PGD, il-perkors mistenni tal-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali, il-perkors ippjanat tat-tkabbir fl-infiq tal-gvern, inkluża l-allokazzjoni korrispondenti għall-formazzjoni gross tal-kapital fiss, b'mod partikolari jekk wieħed iqis il-kundizzjonijiet u l-kriterji biex jiġi stabbilit it-tkabbir fl-infiq skont l-Artikolu 5(1), il-perkors ippjanat tat-tkabbir fid-dħul tal-gvern b’politika mhux mibdula u kwantifikazzjoni tal-miżuri diskrezzjonali tad-dħul ippjanati;"

(aa)

informazzjoni dwar responsabbiltajiet impliċiti relatati mat-tixjiħ, u responsabbiltajiet kontiġenti, bħal ma huma l-garanziji pubbliċi, b’impatt potenzjalment kbir fuq il-kontijiet tal-gvern ġenerali;

(ab)

informazzjoni dwar il-konsistenza tal-programm ta’ stabbiltà mal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika u l-programm nazzjonali ta’ riforma;

(b)

l-assunzjonijiet prinċipali dwar żviluppi ekonomiċi mistennija u dwar fatturi varjabbli ekonomiċi importanti li huma rilevanti għar-realizzazzjoni tal-programm ta’ stabbiltà, bħalma huma l-infiq mill-gvern f'investimenti, tkabbir reali tal-PGD, l-impjiegi u l-inflazzjoni;

(c)

valutazzjoni kwantitattiva tal-miżuri baġitarji u ta’ miżuri oħra ta’ politika ekonomika li jkunu qegħdin jittieħdu jew jiġu proposti sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-programm, li tinkludi analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji tar-riformi strutturali prinċipali u li għandhom effetti baġitarji pożittivi diretti ▐ fuq perjodu twil ta’ żmien, fosthom billi jiżdied it-tkabbir sostenibbli potenzjali;"

(ba)

għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"2a.     Il-programm ta’ stabbiltà għandu jkun ibbażat fuq ix-xenarju makrofiskali l-aktar probabbli jew fuq xenarju aktar prudenti. Il-previżjonijiet makroekonomiċi u baġitarji għandhom ikunu mqabbla mal-aktar previżjonijiet aġġornati tal-Kummissjoni u, fejn hu xieraq, ta’ dawk ta’ entitajiet indipendenti oħra. Id-differenzi sinifikanti bejn ix-xenarju makrofiskali magħżul u l-previżjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu deskritti b’mod raġunat, b’mod partikolari jekk il-livell jew it-tkabbir tas-suppożizzjonijiet esterni jmur lil hinn b’mod sinifikanti mill-valuri miżmuma fil-previżjonijiet tal-Kummissjoni.

In-natura eżatta ta’ dik l-informazzjoni inkluda f’punti (a), (aa), (b), (c) u (d) għandha titfassal f’qafas armonizzat stabbilit mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"3.   It-tagħrif dwar il-perkorsi għall-proporzjon ġenerali tal-bilanċ u d-dejn tal-gvern, it-tkabbir fl-infiq tal-gvern, il-perkors ippjanat tat-tkabbir fid-dħul tal-gvern b’politika mhux mibdula, il-miżuri diskrezzjonali tad-dħul ippjanati , kwantifikati b’mod xieraq, u s-suppożizzjonijiet ekonomiċi prinċipali msemmija fil-paragrafu 2(a) u (b) għandu jkun fuq bażi annwali u għandu jkopri s-sena ta’ qabel, is-sena kurrenti u mill-anqas it-tliet snin ta’ wara.’

4.     Kull programm għandu jinkludi informazzjoni dwar l-istatus tiegħu fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali, b’mod partikolari kemm jekk il-programm ikun ġie ppreżentat lill-Parlament nazzjonali, kif ukoll jekk il-Parlament nazzjonali kellu l-opportunità li jiddiskuti l-opinjoni tal-Kunsill fuq il-programm preċedenti jew, jekk hu relevanti, kwalunkwe rakkomandazzjoni jew twissija, u jekk kienx hemm approvazzjoni parlamentari tal-programm.”.

3.

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

1.   Il-programmi ta’ stabbiltà għandhom jiġu sottomessi kull sena f'April, preferibbilment sa nofs April u mhux aktar tard mit-30 ta’ April. ▐

2.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw il-programmi ta’ stabbiltà tagħhom. ”.

4.

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

1.   Fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kunsill għandu, fi ħdan il-qafas ta’ sorveljanza multilaterali skont l-Artikolu 121 tat-TFUE , jeżamina l-objettivi baġitarji fuq perjodu medju ta’ żmien ippreżentati mill-Istati Membri konċernati fil-programmi ta’ stabbiltà tagħhom , jivvaluta jekk is-suppożizzjonijiet ekonomiċi li fuqhom ikun ibbażat il-programm humiex plawsibbli, jekk il-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien huwiex adattat , inkluża kunsiderazzjoni tal-perkors ta’ akkumpanjament għall-proporzjon tad-dejn u jekk il-miżuri li jkunu qegħdin jittieħdu jew jiġu proposti sabiex jiġi rrispettat dak il-perkors ta’ aġġustament humiex biżżejjed sabiex jintlaħaq l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien matul iċ-ċiklu.

Meta jivvalutaw il-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw jekk l-Istat Membru konċernat hux jagħmel it-titjib annwali xieraq fil-bilanċ tal-baġit aġġustat b’mod ċikliku li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv baġitarju tiegħu fuq perjodu ta’ żmien, b’0,5 % tal-PGD bħala punt ta’ referenza u mingħajr ma jqis il-miżuri ta’ darba u miżuri oħra temporanji. Għall-Istati Membri ffaċċjati b’livell ▐ ta’ dejn li jaqbeż is-60 % tal-PGD jew b’riskji evidenti ta’ sostenibilità ġenerali ta’ dejn, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw jekk it-titjib annwali fil-bilanċ tal-baġit aġġustat b’mod ċikliku, esklużi l-miżuri ta’ darba u miżuri oħra temporanji, ikunx ogħla minn 0.5 % tal-PGD. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw jekk ikunx qed isir sforz ta’ aġġustament akbar fi żminijiet ekonomiċi tajba, filwaqt li l-isforz jista’ jkun iżjed limitat fi żminijiet ekonomiċi ħżiena. B'mod partikolari, għandu jitqies id-dħul imprevist u n-nuqqas tiegħu.

Il-progress suffiċjenti lejn l-objettiv baġitarju għal perjodu medju ta’ żmien għandu jkun ivvalutat abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali bil-bilanċ strutturali bħala r-referenza, inkluża analiżi tal-infiq mingħajr ma jitqiesu l-miżuri tad-dħul diskrezzjonali. Għal dan il-għan, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jivvalutaw jekk il-perkors tat-tkabbir fl-infiq tal-gvern, meħud flimkien mal-effett tal-miżuri li jkunu qegħdin jittieħdu jew jiġu ppjanati min-naħa tad-dħul, ikunx konsistenti mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għall-Istati Membri li jkunu laħqu l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, it-tkabbir fl-infiq annwali ma jaqbiżx rata ta’ referenza ta’ tkabbir potenzjali tal-PGD fuq perjodu medju ta’ żmien, sakemm l-eċċess ma jiġix korrispost b’miżuri diskrezzjonali tad-dħul;

(b)

għall-Istati Membri li jkunu għadhom ma laħqux l-objettiv baġitarju tagħhom għall-perjodu medju ta’ żmien, it-tkabbir fl-infiq annwali ma jaqbiżx rata inqas minn rata ta’ referenza ta’ tkabbir potenzjali tal-PGD fuq perjodu medju ta’ żmien, sakemm l-eċċess ma jiġix korrispost b’miżuri diskrezzjonali dwar id-dħul. Id-differenza negattiva bejn ir-rata tat-tkabbir fl-infiq tal-gvern meta pparagunata ma’ rata ta’ referenza ta’ tkabbir potenzjali tal-PGD fuq perjodu medju ta’ żmien tiġi stipulta b’mod li jiżgura aġġustament xieraq lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien;

(c)

għall-Istati Membri li jkunu għadhom ma laħqux l-objettiv baġitarju tagħhom fuq perjodu medju ta’ żmien, it-tnaqqis diskrezzjonali ta’ elementi tad-dħul tal-gvern jiġi korrispost jew bi tnaqqis fl-infiq jew b’żidiet diskrezzjonali f’elementi oħra tad-dħul tal-gvern jew bit-tnejn.

L-infiq totali għandu jeskludi l-infiq fuq l-interessi, infiq fuq programmi tal-UE korrisposti bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-UE u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq tal-benefiċċju tal-qgħad.

L-eċċess tat-tkabbir fl-infiq fuq ir-referenza ta’ perjodu medju ta’ żmien m’għandux jitqies bħala ksur tal-punt ta’ referenza sal-limitu li dan ikun ibbilanċjat kompletament biż-żidiet tad-dħul li huma obbligatorji skont il-liġi.

Ir-rata ta’ referenza fuq perijodu medju tat-tkabbir potenzjali tal-PDG għandha tiġi determinata abbażi ta’ previżjonijiet li jħarsu 'l quddiem, u abbażi ta’ stimi retrospettivi. Il-previżjonijiet għandhom ikunu aġġornati f’intervalli regolari. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku metodu ta’ kalkolu ta’ dawk il-previżjonijiet u r-rata ta’ referenza fuq perjodu ta’ żmien medju li tirriżulta tat-tkabbir potenzjali tal-PGD.

Meta jiddefinixxu l-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien għall-Istati Membri li jkunu għadhom ma laħqux dan l-objettiv u meta jippermettu devjazzjoni temporanja minn dan l-objettiv għall-Istati Membri li jkunu diġà laħquh, bil-kundizzjoni li jiġi ppreservat marġini xieraq ta’ sikurezza fir-rigward tal-valur ta’ referenza tad-defiċit u li l-pożizzjoni baġitarja tkun mistennija li terġa’ lura għall-objettiv baġitarju għall-perjodu medju ta’ żmien matul il-perjodu tal-programm, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali prinċipali li għandhom effetti baġitarji pożittivi diretti ▐, fosthom billi jżidu t-tkabbir sostenibbli potenzjali, u għalhekk impatt verifikabbli fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq perjodu twil ta’ żmien.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-riformi fil-pensjonijiet li jintroduċu sistema b’aktar minn pilastru wieħed li tinkludi pilastru mandatorju, kompletament iffinanzjat. L-Istati Membri li jkunu qegħdin jimplimentaw tali riformi għandhom jitħallew jiddevjaw mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju tagħhom fuq perijodu ta’ żmien medju jew mill-objettiv innifsu, bid-devjazzjoni tirrifletti l-ammont tal-impatt dirett inkrementali tar-riforma dwar il-bilanċ tal-gvern ġenerali , bil-kundizzjoni li ▐ jiġi ppreservat marġini adegwat ta’ sikurezza fir-rigward tal-valur referenzjali tad-defiċit.

Barra minn hekk il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw jekk il-kontenut tal-programm ta’ stabbiltà jiffaċilitax il-kisba ta’ konverġenza sostenuta u reali fiż-żona euro, u koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u jekk il-politiki ekonomiċi tal-Istat Membru kkonċernat ikunux konsistenti mal-linji gwida ġenerali tal-politika ekonomika u mal-linji gwida tal-impjiegi tal-Istati Membri u tal-Unjoni.

F'każ ta’ avveniment mhux tas-soltu li ma jkunx fil-kontroll tal-Istat Membru kkonċernat u li jkollu impatt prinċipali fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern ġenerali jew f'perjodi ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku għaż-żona euro jew l-Unjoni kollha, l-Istati Membri jistgħu jitħallew jiddevjaw temporanjament mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv fuq perjodu medju ta’ żmien imsemmi fit-tielet subparagrafu , bil-kundizzjoni li dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju ta’ żmien .

2.   Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom iwettqu l-eżami tal-programm ta’ stabbiltà f'mhux aktar minn tliet xhur mis-sottomissjoni tal-programm. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, għandu, jekk ikun meħtieġ, jadotta opinjoni dwar il-programm. Fejn il-Kunsill, skont l-Artikolu 121 tat-TFUE, iqis li l-objettivi u l-kontenut tal-programm għandhom jiġu msaħħa b’referenza partikolari għall-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien , il-Kunsill għandu, fl-opinjoni tiegħu, jistieden lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jaġġusta l-programm tiegħu."

5.

L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   Bħala parti mis-sorveljanza multilaterali skont l-Artikolu 121(3) tat-TFUE , il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ stabbiltà, abbażi tat-tagħrif mogħti mill-Istati Membri parteċipanti u tal-valutazzjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, b’mod partikolari bil-għan li jiġu identifikati diverġenzi sinifikanti attwali jew mistennija tal-pożizzjoni baġitarja mill-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, jew mill-perkors ta’ aġġustament xieraq lejh ▐.

2.   F’każ ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv fuq perjodu medju ta’ żmien imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament , u sabiex jiġi evitat li jinħoloq defiċit eċċessiv, il-Kummissjoni għandha tindirizza twissija lill-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE .

Il-Kunsill, fi żmien xahar mid-data tal-adozzjoni tat-twissija bikrija kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, għandu janalizza s-sitwazzjoni u jadotta rakkomandazzjoni għall-miżuri ta’ politika neċessarji abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 121(4). Ir-rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi skadenza ta’ mhux aktar minn ħames xhur għall-indirizzar tad-devjazzjoni. L-iskadenza għandha titnaqqas għal tliet xhur jekk it-twissija tal-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjoni hi partikolarment serja u teħtieġ azzjoni urġenti. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jagħmel ir-rakkomandazzjoni pubblika.

Fl-iskadenza stabbilita mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-azzjoni meħuda bħala tweġiba għar-rakkomandazzjoni.

Jekk l-Istat Membru kkonċernat jonqos li jieħu l-azzjoni xierqa sal-iskadenza speċifikata f'rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tirrakkomanda immedjatament lill-Kunsill li jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi li ma kien hemm l-ebda azzjoni effikaċi. Id-deċiżjoni għandha titqies bħala adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix, b'maġġoranza kwalifikata, li jiċħad il-proposta sa għaxart ijiem minn meta l-Kummissjoni tadottaha. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda lill-Kunsill li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 121(4) dwar miżuri ta’ politika neċessarji. Il-Kunsill għandu jindirizza rapport formali lill-Kunsill Ewropew dwar id-deċiżjonijiet meħuda.

Il-proċess mir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill imsemmi fit-tieni subparagrafu għad-deċiżjoni tal-Kunsill u r-rapport lill-Kunsill Ewropew imsemmi fir-raba’ subparagrafu m’għandux ikun itwal minn sitt xhur.

3.     Devjazzjoni mill-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien jew il-perkors xieraq ta’ aġġustament lejh għandha tkun ivvalutata abbażi ta’ evalwazzjoni ġenerali bil-bilanċ strutturali bħala referenza, inkluża analiżi tal-infiq mingħajr ma jitqiesu l-miżuri diskrezzjonali ta’ dħul, kif definiti fl-Artikolu 5(1).

Il-valutazzjoni jekk id-devjazzjoni tkunx sinifikanti għandha b’mod notevoli tinkludi l-kriterji li ġejjin:

Għal Stat Membru li ma jkunx laħaq l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, meta tiġi vvalutata l-bidla fil-bilanċ strutturali, jekk id-devjazzjoni tkunx ta’ mill-anqas 0,5 % tal-PGD f’sena waħda jew ta’ mill-anqas 0,25 % tal-PGD bħala medja kull sena f’sentejn wara xulxin; meta jiġu vvalutati l-iżviluppi tal-infiq mingħajr ma jitqiesu l-miżuri diskrezzjonali tad-dħul, jekk id-devjazzjoni ikollhiex impatt totali fuq il-bilanċ tal-gvern ta’ mill-anqas 0,5 % tal-PGD f’sena waħda jew b’mod kumulattiv f’sentejn konsekuttivi.

Id-devjazzjoni tal-iżviluppi fl-infiq ma għandhiex tiġi kkunsidrata sinifikanti jekk l-Istat Membru konċernat ikun qabeż ▐ l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, filwaqt li jitqiesu l-possibbiltà ta’ dħul sinifikanti imprevist u l-pjanijiet baġitarji stipulati fil-programm ta’ stabbilità ma jipperikolawx dan l-objettiv matul il-perijodu tal-programm.

Id-devjazzjoni tista' wkoll ma tiġix ikkunsidrata meta tirriżulta minn avveniment mhux tas-soltu li mhux fil-kontroll tal-Istat Membru kkonċernat u li għandu impatt kbir fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern ġenerali jew f'każ ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku għaż-żona tal-euro jew għall-UE kollha, bil-kundizzjoni li din ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fil-perijodu medju .”.

6.

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1.   Kull Stat Membru mhux parteċipant għandu jissottometti lill-Kunsill u l-Kummissjoni t-tagħrif meħtieġ għall-iskop ta’ sorveljanza multilaterali f’intervalli regolari skont l-Artikolu 121 tat-TFUE fil-forma ta’ programm ta’ konverġenza, li jipprovdi bażi essenzjali għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi li tiffavorixxi l-istabbiltà tal-prezzijiet, tkabbir qawwi sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi.”;

(b)

fil-paragrafu 2 , il-punti (a), (b) u (c) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

"(a)

l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien u l-perkors ta’ aġġustament lejn dan l-objettiv għall-bilanċ tal-gvern ġenerali bħala perċentwali tal-PGD, il-perkors mistenni tal-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali, il-perkors ippjanat tat-tkabbir fl-infiq tal-gvern, inkluża l-allokazzjoni korrispondenti għall-formazzjoni gross tal-kapital fiss, b’mod partikolari meta wieħed iżomm quddiem għajnejh il-kundizzjonijiet u l-kriterji biex jiġi stabbilit it-tkabbir tal-infiq skont l-Artikolu 9(1), il-perkors ippjanat tat-tkabbir fid-dħul tal-gvern b’politika mhux mibdula u l-kwantifikazzjoni tal-miżuri diskrezzjonali tad-dħul ippjanati, l-objettivi tal-politika monetarja fuq perjodu medju ta’ żmien, ir-relazzjoni ta’ dawk l-objettivi mal-istabbiltà tal-prezzijiet u tar-rata tal-kambju u mal-kisba ta’ konverġenza sostnuta;"

(aa)

informazzjoni dwar responsabbiltajiet impliċiti relatati mat-tixjiħ, u responsabbiltajiet kontiġenti, bħal ma huma l-garanziji pubbliċi, b’impatt potenzjalment kbir fuq il-kontijiet ġenerali tal-gvern;

(ab)

informazzjoni dwar il-konsistenza tal-programm ta’ stabbiltà mal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika, mal-linji gwida għall-impjiegi u mal-programm nazzjonali ta’ riforma;

(b)

l-assunzjonijiet prinċipali dwar żviluppi ekonomiċi mistennija u dwar fatturi varjabbli ekonomiċi importanti li huma rilevanti għar-realizzazzjoni tal-programm ta’ konverġenza, bħalma huma l-infiq mill-gvern f'investimenti, tkabbir reali tal-PGD, l-impjiegi u l-inflazzjoni;

(c)

valutazzjoni kwantitattiva tal-miżuri baġitarji u ta’ miżuri oħra ta’ politika ekonomika li jkunu qegħdin jittieħdu jew jiġu proposti sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-programm, li tinkludi analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji tar-riformi strutturali prinċipali u li għandhom effetti baġitarji pożittivi diretti fuq perjodu twil ta’ żmien, fosthom billi jiżdied it-tkabbir sostenibbli potenzjali;"

(ba)

għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"2a.     Il-programm ta’ konverġenza għandu jkun ibbażat fuq ix-xenarju makrofiskali l-aktar probabbli jew fuq xenarju aktar prudenti. Il-previżjonijiet makroekonomiċi u baġitarji għandhom ikunu mqabbla mal-aktar previżjonijiet aġġornati tal-Kummissjoni u, fejn hu xieraq, ta’ dawk ta’ entitajiet indipendenti oħra. Id-differenzi sinifikanti bejn ix-xenarju makrofiskali magħżul u l-previżjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu deskritti b’mod raġunat, b’mod partikolari jekk il-livell jew it-tkabbir tas-suppożizzjonijiet esterni jmur lil hinn b’mod sinifikanti mill-valuri miżmuma fil-previżjonijiet tal-Kummissjoni.

In-natura eżatta ta’ dik l-informazzjoni inkluża f’paragrafu 2(a), (aa), (b), (c) u (d) għandha titfassal f’qafas armonizzat stabbilit mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"3.   It-tagħrif dwar il-perkorsi għall-proporzjon ġenerali tal-bilanċ u d-dejn tal-gvern, it-tkabbir fl-infiq tal-gvern, il-perkors ippjanat tat-tkabbir fid-dħul tal-gvern b’politika mhux mibdula, il-miżuri diskrezzjonali tad-dħul ippjanati kkwantifikati b’mod xieraq, u s-suppożizzjonijiet ekonomiċi prinċipali msemmija fil-paragrafu 2(a) u (b) għandu jkun fuq bażi annwali u għandu jkopri s-sena ta’ qabel, is-sena kurrenti u mill-anqas it-tliet snin ta’ wara.

4.     Kull programm għandu jinkludi informazzjoni dwar l-istatus tiegħu fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali, b’mod partikolari kemm jekk il-programm ikun ġie ppreżentat lill-parlament nazzjonali, kif ukoll jekk il-parlament nazzjonali kellu l-opportunità li jiddiskuti l-opinjoni tal-Kunsill fuq il-programm preċedenti jew, jekk hu relevanti, kwalunkwe rakkomandazzjoni jew twissija, u jekk kienx hemm approvazzjoni parlamentari tal-programm.”.

7.

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

1.   Il-programmi ta’ konverġenza għandhom jiġu sottomessi f'April, preferibbilment sa nofs April u mhux aktar tard mit-30 ta’ April.

2.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw il-programmi tagħhom ta’ konverġenza.”.

8.

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

1.   Fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kunsill għandu, fil-qafas tas-sorveljanza multilaterali skont l-Artikolu 121 tat-TFUE , jeżamina l-objettivi baġitarji fuq terminu medju ppreżentati mill-Istati Membri konċernati fil-programmi ta’ konverġenza tagħhom , jivvaluta jekk is-suppożizzjonijiet ekonomiċi li fuqhom ikun ibbażat il-programm humiex plawsibbli, jekk il-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien huwiex adattat , inkluża kunsiderazzjoni tal-perkors ta’ akkumpanjament għall-proporzjon tad-dejn, u jekk il-miżuri li jkunu qegħdin jittieħdu u/jew jiġu proposti sabiex jiġi rrispettat dak il-perkors ta’ aġġustament ikunux suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien matul iċ-ċiklu u sabiex tinkiseb konverġenza sostenuta.

Meta jivvalutaw il-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu qasir ta’ żmien, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw jekk ikunx qed isir sforz akbar ta’ aġġustament fi żminijiet ekonomiċi tajbin, filwaqt li l-isforz jista’ jkun iżjed limitat fi żminijiet ekonomiċi ħżiena. B'mod partikolari, għandu jitqies id-dħul imprevist u n-nuqqas tiegħu. Għall-Istati Membri ffaċċjati b'livell għoli ta’ dejn li jaqbeż is-60 % tal-PGD jew b'riskji kbar għas-sostenibbiltà tad-dejn ġenerali , il-Kunsill għandu jeżamina jekk it-titjib annwali fil-bilanċ tal-baġit aġġustat b’mod ċikliku, esklużi l-miżuri ta’ darba u miżuri oħra temporanji, ikunx ogħla minn 0,5 % tal-PGD. Għall-Istati Membri ERM II, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw jekk l-Istat Membru konċernat ikunx qed jagħmel it-titjib annwali xieraq fil-bilanċ tiegħu aġġustat b’mod ċikliku u li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv baġitarju tiegħu fuq perjodu medju ta’ żmien, b’0,5 % tal-PGD bħala punt ta’ referenza u mingħajr ma jqis il-miżuri ta’ darba u miżuri oħra temporanji.

Il-progress suffiċjenti lejn l-objettiv baġitarju għal perjodu medju ta’ żmien għandu jkun ivvalutat abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali bil-bilanċ strutturali bħala r-referenza, inkluża analiżi tal-infiq mingħajr ma jitqiesu l-miżuri tad-dħul diskrezzjonali. Għal dan il-għan, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jivvalutaw jekk il-perkors tat-tkabbir fl-infiq tal-gvern, meħud flimkien mal-effett ta’ miżuri li jkunu qegħdin jittieħdu jew li jkunu ppjanati min-naħa tad-dħul, ikunx konsistenti mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għall-Istati Membri li jkunu laħqu l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, it-tkabbir fl-infiq annwali ma jaqbiżx rata ta’ referenza ta’ tkabbir potenzjali tal-PGD fuq perjodu medju ta’ żmien, sakemm l-eċċess ma jiġix korrispost b’miżuri diskrezzjonali tad-dħul;

(b)

għall-Istati Membri li jkunu għadhom ma laħqux l-objettiv baġitarju tagħhom għall-perjodu medju ta’ żmien, it-tkabbir fl-infiq annwali ma jaqbiżx rata inqas minn rata ta’ referenza ta’ tkabbir potenzjali tal-PGD fuq perjodu medju ta’ żmien, sakemm l-eċċess ma jiġix korrispost b’miżuri diskrezzjonali dwar id-dħul. Id-differenza negattiva bejn ir-rata tat-tkabbir fl-infiq tal-gvern meta pparagunata ma’ rata ta’ referenza ta’ tkabbir potenzjali tal-PGD fuq perjodu medju ta’ żmien tiġi stipulta b’mod li jiżgura aġġustament xieraq lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien;

(c)

għall-Istati Membri li jkunu għadhom ma laħqux l-objettiv baġitarju tagħhom fuq perjodu medju ta’ żmien, it-tnaqqis diskrezzjonali tal-elementi tad-dħul tal-gvern jiġi korrispost jew bi tnaqqis fl-infiq jew b’żidiet diskrezzjonali f’elementi oħra tad-dħul tal-gvern jew bit-tnejn.

L-infiq totali għandu jeskludi l-infiq fuq l-interessi, infiq fuq programmi tal-UE korrisposti bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-UE u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq tal-benefiċċju tal-qgħad.

L-eċċess tat-tkabbir fl-infiq 'il fuq mir-referenzi ta’ perjodu medju ta’ żmien m’għandux jitqies bħala ksur tal-punt ta’ referenza sal-limitu li dan ikun ibbilanċjat kompletament biż-żidiet tad-dħul li huma obbligatorji skont il-liġi.

Ir-rata ta’ referenza fuq perijodu ta’ żmien medju tat-tkabbir potenzjali tal-PDG għandha tiġi determinata abbażi ta’ previżjonijiet li jħarsu 'l quddiem, u abbażi ta’ stimi retrospettivi. Il-previżjonijiet għandhom ikunu aġġornati f’intervalli regolari. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku metodu ta’ kalkolu ta’ dawk il-previżjonijiet u r-rata ta’ referenza fuq perjodu ta’ żmien medju li tirriżulta tat-tkabbir potenzjali tal-PGD.

Meta jiddefinixxu l-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien għall-Istati Membri li jkunu għadhom ma laħqux dan l-objettiv u meta jippermettu devjazzjoni temporanja minn dan l-objettiv għall-Istati Membri li jkunu diġà laħquh, bil-kundizzjoni li jiġi ppreservat marġini xieraq ta’ sikurezza fir-rigward tal-valur ta’ referenza tad-defiċit u li l-pożizzjoni baġitarja tkun mistennija li terġa’ lura għall-objettiv baġitarju għall-perjodu medju ta’ żmien matul il-perjodu tal-programm, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali prinċipali li għandhom effetti baġitarji pożittivi diretti ▐, fosthom billi jżidu t-tkabbir sostenibbli potenzjali, u għalhekk impatt verifikabbli fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq perjodu twil ta’ żmien.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-riformi fil-pensjonijiet li jintroduċu sistema b’aktar minn pilastru wieħed li tinkludi pilastru mandatorju, kompletament iffinanzjat. L-Istati Membri li jkunu qegħdin jimplimentaw tali riformi għandhom jitħallew jiddevjaw mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju tagħhom fuq perijodu ta’ żmien medju jew mill-objettiv innifsu, bid-devjazzjoni tirrifletti l-ammont tal-impatt dirett inkrementali tar-riforma dwar il-bilanċ tal-gvern ġenerali , bil-kundizzjoni li ▐ jiġi ppreservat marġini adegwat ta’ sikurezza fir-rigward tal-valur referenzjali tad-defiċit.

Barra minn hekk il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw jekk il-kontenut tal-programm ta’ konverġenza jiffaċilitax l-ilħuq ta’ konverġenza sostnuta u reali, il-koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u jekk il-politiki ekonomiċi tal-Istat Membru konċernat ikunux konsistenti mal-linji gwida ġenerali tal-politika ekonomika u mal-linji gwida għall-impjiegi tal-Istati Membri u tal-Unjoni. Barra minn hekk, għall-Istati Membri ERM II, il-Kunsill għandu jeżamina jekk il-kontenut tal-programm ta’ konverġenza jiżgurax parteċipazzjoni mingħajr problemi fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju.

F'każ ta’ avveniment mhux tas-soltu li ma jkunx fil-kontroll tal-Istat Membru kkonċernat u li jkollu impatt prinċipali fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern ġenerali jew f'perjodi ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku għaż-żona euro jew l-Unjoni kollha, l-Istati Membri jistgħu jitħallew jiddevjaw temporanjament mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv fuq perjodu medju ta’ żmien imsemmi fit-tielet subparagrafu , bil-kundizzjoni li dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju ta’ żmien .

2.   Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom iwettqu l-eżami tal-programm ta’ konverġenza f'mhux aktar minn tliet xhur mis-sottomissjoni tal-programm. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, għandu, jekk ikun meħtieġ, jadotta opinjoni dwar il-programm. Fejn il-Kunsill, skont l-Artikolu 121 tat-TFUE , iħoss li l-objettivi u l-kontenut tal-programm għandhom jiġu msaħħa b’referenza partikolari għall-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien , il-Kunsill għandu, fl-opinjoni tiegħu, jistieden lill-Istat Membru konċernat sabiex jaġġusta l-programm tiegħu.".

9.

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

1.   Bħala parti mis-sorveljanza multilaterali skont l-Artikolu 121(3) tat-TFUE , il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ konverġenza, fuq il-bażi tat-tagħrif mogħti mill-Istati Membri b’deroga u tal-valutazzjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, b’mod partikolari bil-għan li jiġu identifikati diverġenzi sinifikanti attwali jew mistennija tal-pożizzjoni baġitarja mill-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, jew mill-perkors ta’ aġġustament xieraq lejh ▐.

Barra minn hekk, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jimmonitorjaw il-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri mhux parteċipanti fid-dawl tal-objettivi ta’ programmi ta’ konverġenza bil-ħsieb li jiżguraw li l-politiki tagħhom jadattaw irwieħhom għall-istabbiltà u b'hekk jevitaw miżallinjamenti fir-rati reali tal-kambju u oxxillazzjonijiet eċċessivi fir-rati nominali tal-kambju.

2.   F’każ ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv fuq perjodu medju ta’ żmien imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament, u sabiex jiġi evitat li jinħoloq defiċit eċċessiv, il-Kummissjoni għandha tindirizza twissija lill-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE .

Il-Kunsill, fi żmien xahar mid-data tal-adozzjoni tat-twissija bikrija kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, għandu janalizza s-sitwazzjoni u jadotta rakkomandazzjoni għall-miżuri ta’ politika neċessarji abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 121(4). Ir-rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi skadenza ta’ mhux aktar minn ħames xhur għall-indirizzar tad-devjazzjoni. L-iskadenza għandha titnaqqas għal tliet xhur jekk it-twissija tal-Kummissjoni tqis li s-sitwazzjoni hi partikolarment serja u teħtieġ azzjoni urġenti. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jagħmel ir-rakkomandazzjoni pubblika.

Fl-iskadenza stabbilita mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-azzjoni meħuda bħala tweġiba għar-rakkomandazzjoni msemmija.

Jekk l-Istat Membru kkonċernat jonqos li jieħu l-azzjoni xierqa sal-iskadenza speċifikata f'rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tirrakkomanda immedjatament lill-Kunsill li jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi li ma kien hemm l-ebda azzjoni effikaċi. Meta jieħu din id-deċiżjoni, il-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jqis il-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru kkonċernat. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda lill-Kunsill li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 121(4) dwar miżuri ta’ politika neċessarji. Il-Kunsill għandu jindirizza rapport formali lill-Kunsill Ewropew dwar id-deċiżjonijiet meħuda.

Il-proċess mir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill imsemmi fit-tieni subparagrafu għad-deċiżjoni tal-Kunsill u r-rapport lill-Kunsill Ewropew imsemmi fir-raba’ subparagrafu m’għandux ikun itwal minn sitt xhur.

3.     Devjazzjoni mill-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien jew il-perkors xieraq ta’ aġġustament lejh għandha tkun ivvalutata abbażi ta’ evalwazzjoni ġenerali bil-bilanċ strutturali bħala referenza, inkluża analiżi tal-infiq mingħajr ma jitqiesu l-miżuri diskrezzjonali ta’ dħul, kif definiti fl-Artikolu 9(1).

Il-valutazzjoni jekk id-devjazzjoni tkunx sinifikanti għandha b’mod notevoli tinkludi l-kriterji li ġejjin:

Għal Stat Membru li ma jkunx laħaq l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, meta tiġi vvalutata l-bidla fuq il-bilanċ strutturali, jekk id-devjazzjoni tkunx ta’ mill-anqas 0.5 % tal-PGD f’sena waħda jew ta’ mill-anqas 0.25 % tal-PGD bħala medja kull sena f’sentejn wara xulxin ; meta jiġu vvalutati l-iżviluppi tal-infiq mingħajr ma jitqiesu l-miżuri diskrezzjonali tad-dħul, jekk id-devjazzjoni ikollhiex impatt totali fuq il-bilanċ tal-gvern ta’ mill-anqas 0.5 % tal-PGD f’sena waħda jew b’mod kumulattiv f’sentejn konsekuttivi.

Id-devjazzjoni tal-iżviluppi fl-infiq ma għandhiex tiġi kkunsidrata sinifikanti jekk l-Istat Membru konċernat ikun qabeż ▐ l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, filwaqt li titqies il-possibbiltà ta’ dħul sinifikanti imprevist u l-pjanijiet baġitarji stipulati fil-programm ta’ konverġenza ma jipperikolawx dan l-objettiv matul il-perjodu tal-programm.

Id-devjazzjoni tista' wkoll ma tiġix ikkunsidrata meta tirriżulta minn avveniment mhux tas-soltu li mhux fil-kontroll tal-Istat Membru kkonċernat u li għandu impatt kbir fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern ġenerali jew f'każ ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku għaż-żona tal-euro jew għall-UE kollha, bil-kundizzjoni li din ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fil-perijodu medju .”.

9a.

Għandha tiddaħħal it-taqsima li ġejja:

“TAQSIMA 3A

IL-PRINĊIPJU TAL-INDIPENDENZA STATISTIKA

Artikolu 10a

Bil-għan li jiġi żgurat li s-sorveljanza multilaterali tkun ibbażata fuq statistika soda u indipendenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, li tkun konsistenti mal-kodiċi ta’ prattika tal-istatistika Ewropea kif stipulata fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (11). Bħala minimu dan għandu jirrikjedi:

(a)

proċessi trasparenti għar-reklutaġġ u t-tkeċċija li għandhom ikunu bbażati biss fuq il-kriterji professjonali;

(b)

allokazzjonijiet baġitarji li jridu jsiru fuq bażi annwali jew multiannwali;

(c)

id-data tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni statistika ewlenija, li għandha tingħażel sew bil-quddiem.

9b.

Għandu jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu -11

1.     Il-Kummissjoni għandha tassigura djalogu permanenti mal-awtoritajiet tal-Istati Membri skont l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tagħmel missjonijiet għall-għan tal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika attwali fl-Istati Membri u l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe riskju jew diffikultà biex jikkonformaw mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

2.     Sorveljanza msaħħa tista’ ssir minn Stati Membri li huma s-suġġett tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 10(2) biex isir immonitorjar in situ. L-Istati Membri konċernati għandhom jipprovdu l-informazzjoni neċessarja kollha għall-preparazzjoni u t-twettiq tal-missjoni.

3.     Meta l-Istat Membru konċernat ikun Stat Membru li l-munita tiegħu tkun l-euro jew ikun qed jipparteċipa fl-ERM II, il-Kummissjoni tista’ tistieden rappreżentanti tal-Bank Ċentrali Ewropew, jekk hu xieraq, biex jipparteċipaw fil-missjonijiet tas-sorveljanza.

4.     Il-Kummissjoni ser tirrapporta lill-Kunsill dwar ir-riżultat tal-missjoni msemmija fil-paragrafu 2, u jekk hu xieraq, tista' tiddeċiedi li tagħmel ir-riżultati tagħha disponibbli għall-pubbliku.

5.     Meta torganizza missjonijiet ta’ sorveljanza msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti r-riżultati proviżorji tagħha lill-Istati Membri konċernati għall-kummenti tagħhom.”.

9c.

Għandu jiddaħħal l-artikolu li ġej:

"Artikolu 12a

Rieżami

1.     Fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u kull ħames snin minn din id-data, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Dak ir-rapport għandu jevalwa, inter alia:

(a)

l-effettività tar-regolament,

(b)

il-progress biex jiġi żgurat il-koordinament eqreb tal-politiki ekonomiċi u konverġenza sostnuta tal-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Membri bi qbil mat-TFUE,

2.     Jekk ikun adatt, dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta għal emendi għal dan ir-Regolament.

3.     Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.".

10.

Ir-referenzi kollha għall-‘Artikolu 99’, fir-Regolament kollu għandhom jiġu ssostitwiti b’referenzi għall-‘Artikolu 121’.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

Għall-Kunsill

Il-President


(1)  ĠU C 150, 20.5.2011, p. 1.

(2)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(3)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(4)  ĠU C 236, 2.8.1997, p. 1.

(5)  

(+)

In-numru u d-data tar-regolament.

(6)   ĠU L ….".

(7)  

(++)

In-numru tar-regolament.

(8)  

(+)

In-numru tar-regolament.

(9)  

(+)

In-numru u d-data tad-direttiva.

(10)   ĠU L ….".

(11)   ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.".