7.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 199/188


Il-Ħamis 10 ta’ Marzu 2011
Ħabtiet tal-vetturi għall-merkanzija tqila

P7_TA(2011)0102

Dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Marzu 2011 skont l-Artikolu 123 tar-Regoli ta’ Proċedura dwar ħabtiet tal-vetturi għall-merkanzija tqila

2012/C 199 E/25

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-vetturi għall-merkanzija tqila (HGVs) jikkostitwixxu 3 % tal-flotta tal-vetturi tal-UE, iżda huma l-kawża ta’ 14 % tal-ħabtiet fatali, u jammontaw għal aktar minn 4 000 fatalità kull sena fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea,

B.

billi fl-Ewropa kull sena, madwar 400 persuna li fil-parti l-kbira tagħhom huma utenti tat-triq mhux protetti, bħal pereżempju ċ-ċiklisti, is-sewwieqa tal-mutur u n-nies bil-mixi, jinqatlu minħabba l-partijiet mhux viżibbli (blind spots) tal-HGVs,

C.

billi bosta minn dawn il-fatalitajiet jistgħu jiġu evitati permezz tal-istallazzjoni kompleta ta’ mirja jew ta’ tagħmir ta’ kamera moniters, sistemi ta’ twissija attiva, sistemi avvanzati għal ibbrejkjar f’emerġenza u sistemi ta’ indikazzjoni ta’ ħruġ mil-lejn li dejjem qed isiru irħas,

D.

billi partijiet mhux viżibbli sinifikanti u perikolużi għadhom jeżistu fl-HGVs minkejja ż-żieda fir-rekwiżiti dwar il-viżibilità tad-Direttivi 2003/97/KE u 2007/38/KE għall-HGVs li ġew irreġistrati reċentement u għal dawk fiċ-ċirkolazzjoni rispettivament,

E.

billi r-rekwiżiti tal-2007 huma aktar dgħajfa minn dawk tal-2003 u ma ġewx implimentati biżżejjed mill-Istati Membri, minkejja l-aspirazzjoni tal-UE li tnaqqas bin-nofs il-fatalitajiet fit-toroq,

1.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħaffef l-evalazzjoni tagħha tad-Direttiva 2007/38/KE u biex tirrevediha bl-għan li tallinjaha mal-avvanz teknoloġiku u mar-rekwiżiti tat-tagħmir tal-viżjoni indiretta l-aktar reċenti għat-trakkijiet li ġew irreġistrati reċentement, sabiex jiġi żgurat livell ottimali ta’ sigurtà;

2.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li ma tingħata ebda eżenzjoni għall-installazzjoni obbligatorja ta’ sistemi avvanzati għal ibbrejkjar f’emerġenza u ta’ sistemi ta’ indikazzjoni ta’ ħruġ mil-lejn skont ir-Regolament dwar is-Sigurezza Ġenerali (KE) Nru 661/2009;

3.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-dikjarazzjoni, flimkien mal-ismijiet tal-firmatarji (1), lill-Kunsill u l-Kummissjoni.


(1)  Il-lista ta’ firmatarji hija ppubblikata fl-Anness 2 għall-Minuti tal-10 ta’ Marzu 2011 (P7_PV(2011)03-10(ANN2)).