17.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 369/14


Dikjarazzjoni politika konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni

2011/C 369/02

Skont l-Artikolu 288 TFUE, “Direttiva għandha torbot l-Istati Membri, f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta' forom u metodi f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali”.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni jirrikonoxxu li l-implimentazzjoni effettiva tal-liġi tal-Unjoni hija prerekwiżit għall-kisba tal-objettivi politiċi tal-Unjoni u li, filwaqt li r-responsabbiltà għal tali implimentazzjoni hija primarjament tal-Istati Membri, din hija kwistjoni ta' interess komuni minħabba li għandha bħala għan, fost l-oħrajn, li toħloq opportunitajiet indaqs fl-Istati Membri kollha.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni jirrikonoxxu li t-traspożizzjoni korretta u fil-ħin tad-direttivi tal-Unjoni hija obbligu legali. Huma jinnutaw li t-Trattati jagħtu lill-Kummissjoni l-kompitu li tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni taħt is-superviżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u jikkondividu l-fehim komuni li n-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni għandha tiffaċilita l-kisba ta' dan il-kompitu mill-Kummissjoni.

F'dan il-kuntest, l-Istati Membri jirrikonoxxu li l-informazzjoni li dawn jipprovdu lill-Kummissjoni fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali “għandha tkun ċara u preċiża” u “trid tindika mingħajr ambigwità liema huma l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi”, jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra tal-liġi nazzjonali, kif ukoll, fejn rilevanti, il-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali, li permezz tagħhom l-Istati Membri jqisu li ssodisfaw ir-rekwiżiti diversi imposti fuqhom mid-direttiva (1).

Sabiex titjieb il-kwalità tal-informazzjoni dwar it-traspożizzjoni tad-direttivi tal-Unjoni, fejn il-Kummissjoni tqis li huma meħtieġa dokumenti li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali, din għandha tiġġustifika fuq il-bażi ta' każ b'każ, meta tippreżenta l-proposti rilevanti, il-ħtieġa li jiġu pprovduti tali dokumenti, u l-proporzjonalità tagħhom, b'kont meħud, b'mod partikolari u rispettivament, tal-komplessità tad-direttiva u tat-traspożizzjoni tagħha, kif ukoll tal-piż amministrattiv addizzjonali possibbli.

F'każijiet ġustifikati, l-Istati Membri jieħdu l-impenn li jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni b'dokument ta' spjegazzjoni wieħed jew aktar, li jista' jieħu l-forma ta' tabelli ta' korrelazzjoni jew ta' dokumenti oħrajn li jaqdu l-istess funzjoni.


(1)  Ara s-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Lulju 2009 fil-kawża C-427/07, punt 107 u l-ġurisprudenza kkwotata fiha.