|
1.4.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 101/28 |
Proċedura nazzjonali tal-Belġu għall-allokazzjoni tad-drittijiet limitati għat-traffiku tal-ajru
2011/C 101/08
Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 847/2004 dwar in-negozjati (in-negozjar) u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tippubblika l-proċedura nazzjonali li ġejja għad-distribuzzjoni ta’ drittijiet ta’ traffiku tal-ajru, bejn it-trasportaturi tal-ajru Komunitarji eliġibbli, meta dawn id-drittijiet ikunu limitati minn ftehimiet tal-ajru ma’ pajjiżi terzi.
IR-RENJU TAL-BELĠJU
IS-SERVIZZ PUBBLIKU FEDERALI GĦALL-MOBILITÀ U T-TRASPORT
IT-TRASPORT BL-AJRU
Digriet Irjali dwar id-deżinjazzjoni ta’ trasportaturi tal-ajru komunitarji u l-għoti ta’ drittijiet ta’ traffiku, għall-finijiet tal-operat ta' servizzi tal-ajru regolari bejn il-Belġju u pajjiżi mhux komunitarji
ALBERT II, Ir-Re tal-Belġju,
Lil kull min huwa preżenti u dawk futuri, merħba
Minħabba r-Regolament (KE) Nru 847/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar in-negozjati (in-negozjar) u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet dwar is-servizzi tal-ajru bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi.
Minħabba l-liġi tas-27 ta’ Ġunju 1937 li temenda l-liġi tas-16 ta’ Novembru 1919 dwar ir-regolamentazzjoni tan-navigazzjoni bl-ajru, b’mod partikolari l-Arikolu 5, §2 imdaħħal bil-liġi tat-2 ta’ Jannar 2001;
Minħabba l-liġi tat-3 ta’ Mejju 1999 dwar it-trasportaturi tal-ajru regolari;
Minħabba l-parteċipazzjoni tal-Gvernijiet tar-reġjuni fl-elaborazzjoni ta’ dan id-digriet;
Minħabba l-opinjoni Nru 47.574/4 tal-Kunsill tal-Istat, mogħti fis-6 ta’Jannar 2010, b’applikazzjoni tal-Artikolu 84, §1, paragrafu 1, 1, tal-liġijiet dwar il-Kunsill tal-Istat, kif ikkoordinati fit-12 ta’ Jannar 1973;
Fuq il-proposta tal-Prim Ministru tagħna u tas-Segretarju tal-Istat għall-Mobilità,
IDDEĊIDEJNA U NISTABBILIXXU
Artikolu 1
Dan id-Digriet jiddetermina l-modalitajiet għad-deżinjazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru Komunitarji u għall-għoti tad-drittijiet tat-traffiku għall-finijiet ta' operat ta' servizzi tal-ajru regolari bejn il-Belġju u pajjiżi mhux Komunitarji.
Artikolu 2
Għall-finijiet ta' dan id-Digriet għandhom japplikaw id-definizzonijiet li ġejjin:
(1) Trasportatur tal-ajru Komunitarju: kull trasportatur tal-ajru li huwa detentur ta’ Liċenzja Operattiva valida skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità;
(2) Dritt ta' traffiku: id-dritt ta’ trasportatur tal-ajru li jittrasporta, bi ħlas, flimkien jew separatament, passiġġieri, merkanzija u/jew posta fuq vjaġġ bl-ajru determinat;
(3) Id-Direttur Ġenerali: id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għat-Trasport bl-Ajru;
(4) Id-Direttorat Ġenerali għat-Trasport bl-Ajru: Id-Direttorat kompetenti fil-qasam tat-trasport bl-ajru fi ħdan is-Servizz Pubbliku Federali għall-Mobilità u t-Trasport;
(5) Servizzi tal-ajru regolari: serje ta’ titjiriet aċċessibbli għall-pubbliku u maħsuba biex jiggarantixxu t-trasport bi ħlas, flimkien jew separatament, ta' passiġġieri, posta u/jew merkanzija. Din is-serje ta’ titjiriet titħaddem;
(6) Ftehim bilaterali tal-ajru: ftehim tal-ajru konkluż bejn il-Belġju u pajjiż mhux Komunitarju kif ukoll kull ftehim ieħor bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiż mhux Komunitarju.
(7) Deżinjazzjoni: privileġġ mogħti lil trasportatur tal-ajru għall-operat tas-servizzi tal-ajru regolari fil-qafas ta’ ftehim tal-ajru bilaterali. Din id-deżinjazzjoni tista' tingħata lil trasportatur tal-ajru wieħed biss (monodeżinjazzjoni) jew lil diversi trasportaturi tal-ajru (multideżinjazzjoni), skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim tal-ajru bilaterali konċernat,
(8) Aċċessibbiltà: possibbiltà skont id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim tal-ajru bilaterali għad-deżinjazzjoni u/jew l-operar ta' għadd ta' titjiriet mixtieqa fuq rotta determinata.
(9) Ministru: Il-Ministru kompetenti għan-navigazzjoni bl-ajru.
(10) L-Istaġun tal-IATA: l-istaġun tas-sajf jew tax-xitwa kif iddefinit mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali għat-Trasport bl-Ajru (IATA).
Artikolu 3
Dan id-Digriet kif ukoll l-iskeda tan-negozjati bilaterali tal-ftehimiet tal-ajru bejn il-Belġju u pajjiżi mhux Komunitarji għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-Internet tal-SPF għall-Mobilità u t-Trasport. Kull informazzjoni komplementari li tikkonċerna l-ftehimiet tal-ajru, id-drittijiet tat-traffiku u d-deżinjazzjoni tista’ tinkiseb mid-Direttorat Ġenerali għat-Trasport bl-Ajru.
Artikolu 4
1. Trasportatur tal-ajru Komunitarju li jkun stabbilit fil-Belġju, skont it-tifsira tal-liġi Kommunitarja, biss jista’ jiġi ddeżinjat u jingħata d-drittijiet tat-traffiku.
Għall-finijiet ta’ dan, huwa għandu jressaq applikazzjoni permezz ta’ ittra rreġistrata miktuba f’waħda mil-lingwi nazzjonali jew bl-Ingliż u indirizzata lid-Direttur Ġenerali.
Din l-applikazzjoni għandu jkollha mehmuż magħha fajl li jinkludi:
|
(1) |
il-liċenzja tal-operat, iċ-ċertifikat tat-trasportatur tal-ajru (AOC), ħlief fil-każ li dawn id-dokumenti jkunu nħarġu mill-Belġju; |
|
(2) |
iċ-ċertifkat tal-assigurazzjoni; |
|
(3) |
elementi li juru li l-istabbiliment fil-Belġju tat-trasportatur tal-ajru Komunitarju huwa f’konformità mal-liġi Komunitarja; |
|
(4) |
elementi li juru l-kapaċità operazzjonali u finanzjarja skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità; |
|
(5) |
l-informazzjoni li ġejja dwar is-servizzi tal-ajru bi skeda previsti:
|
|
(6) |
l-aċċettazzjoni eventwali mill-applikant li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jagħmel disponibbli l-kapaċità neċessarja għas-sodisfar tal-ħtiġijiet nazzjonali jew internazzjonali tal-Belġju, |
2. B’deroga minn §1, it-tielet paragrafu l-applikazzjoni ta’ trasportatur tal-ajru Komunitarju, li wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet, kien diġà ppreżenta fajl bid-dettalji mehmuża u msemmija fil-punti 1 sa 4 ta' §1, il-paragrafu 3 għandu jkollha mehmuż magħha d-dettalji msemmija fil-punt 5 tal-§1 il-paragrafu 3 kif ukoll skont il-każ, l-emendi fl-elementi tal-punti 1 sa 4 ta' §1, il-paragrafu 3.
Artikolu 5
L-applikazzjonijiet li huma konformi mal-Artikolu 4 biss jittieħdu f’kunsiderazzjoni mid-Direttur Ġenerali u jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-internet tal-SPF għall-Mobilità u t-Trasport.
Waqt l-eżami ta’ applikazzjoni d-Direttur Ġenerali jista’ fi kwalunkwe mument:
|
(1) |
jitlob lit-trasportatur tal-ajru Komunitajru elementi komplementari ta’ informazzjoni; u/jew, |
|
(2) |
jorganizza seduti ta' smigħ fejn jitlaqgħu l-applikanti kollha. |
Artikolu 6
Il-Ministru awtomatikament jagħti lil kull trasportatur tal-ajru Komunitarju d-deżinjazzjoni u/jew id-drittijiet tat-traffiku mitluba sakemm il-ftehim bilaterali tal-ajru bejn il-Belġju u l-pajjiż mhux Komunitarju konċernat ma jkunx jillimita:
|
(1) |
la l-għadd ta' trasportaturi tal-ajru Komunitarji li jistgħu jiġu ddeżinjati; |
|
(2) |
u lanqas l-għadd ta' titjiriet li jistgħu jitħaddmu fuq rotot speċifiċi. |
Dan jiġi nnotifikat lit-trasportatur tal-ajru.
Artikolu 7
Fil-każ li l-ftehimiet bilaterali tal-ajru jillimitaw:
|
(1) |
l-għadd ta’ trasportaturi tal-ajru Komunitarji li jistgħu jiġu ddeżinjati; ou, |
|
(2) |
l-għadd ta’ titjiriet li jistgħu jitħaddmu fuq rotot speċifiċi. |
l-applikazzjoni l-ewwel tiġi eżaminata fir-rigward tal-aċċessibbiltà għad-deżinjazzjoni u/jew id-drittijiet tat-traffiku mitluba,
Artikolu 8
Fil-każ li ma jkunx fadal aċċessibbiltà biex l-applikant jiġi permess jopera servizzi tal-ajru regolari fuq ir-rotot konċernati, għandha ssir notifika lilu fi żmien 15-il jum tax-xogħol wara l-wasla tal-applikazzjoni tiegħu, b'ittra rreġistrata. Din in-notifika għandha wkoll tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-SPF għall-Mobilità u t-Trasport.
Fil-każ li jkun għad fadal aċċessibbiltà suffiċjenti biex l-applikant jiġi permess jopera servizzi tal-ajru regolari fuq ir-rotot konċernati, id-Direttur Ġenerali għandu jagħti notifika dwar dan bil-miktub, fi żmien 15-il jum tax-xogħol kif ukoll permezz tas-sit tal-internet tal-SPF għall-Mobilità u t-Trasport.
It-trasportaturi tal-ajru Komunitarji stabbiliti fil-Belġju huma mgħarrfa bil-miktub dwar il-fatt li jkollhom 15-il jum tax-xogħol, b'seħħ mid-data tan-notifika prevista fil-paragrafu 2, biex iressqu l-applikazzjoni tagħhom għal deżinjazzjoni u/jew l-għotja tad-drittijiet tat-traffiku.
L-applikazzjonijiet konkorrenti huma ppubblikati fuq is-sit tal-internet tal-SPF għall-Mobilità u t-Trasport.
Artikolu 9
Meta ma jkunx hemm applikazzjonijiet konkorrenti jew meta jkun hemm il-possibbiltà li jiġu ssodisfati l-applikazzjonijiet kollha, il-Ministru jaċċetta l-applikazzjoni/jiet u jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu fi żmien 15-il jum tax-xogħol permezz ta’ ittra rreġistrata kif ukoll bil-pubblikazzjoni fuq is-sit tal-internet tal-SPF għall-Mobilità u t-Trasport.
Artikolu 10
Meta jirriżulta li diversi trasportaturi tal-ajru Komunitarji juru l-interess u l-pretensjoni tagħhom għall-għoti ta’ deżinjazzjoni jew ta’ drittijiet tat-traffiku fuq rotta determinata u meta jkun jidher impossibbli li jiġu ssodisfati l-applikazzjonijiet kollha, l-applikazzjonijiet konkorrenti jiġu eżaminati mid-Direttur Ġenerali, abbażi tal-fajl sħiħ tal-applikazzjonijiet kif definit fl-Artikolu 4.
B’ittra rreġistrata u fi żmien tletin jum tax-xogħol, id-Direttur Ġenerali għandu jgħarraf lill-applikanti dwar l-abbozz ta’ Deċiżjoni għall-għoti tad-drittijiet tat-traffiku u/jew tad-deżinjazzjoni. Id-data tal-konsenja ta’ dan l-abbozz ta’ Deċiżjoni tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal SPF għall-Mobilità u t-Trasport.
It-trasportaturi tal-ajru Komunitarji li jkunu ppreżentaw applikazzjoni jistgħu jikkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom b’ittra rreġistrata u indirizzata lid-Direttur Ġenerali fi żmien għaxart ijiem tax-xogħol li jibdew jgħoddu mid-data tal-konsenja tal-abbozz ta’ Deċiżjoni:
|
(1) |
fil-każ li jaslu xi osservazzjonijiet, fi żmien ħmistax-il jum tax-xogħol li jibdew jgħoddu mill-wasla ta’ dawn l-osservazzjonijiet, il-Ministru jieħu Deċiżjoni finali dwar l-għoti tad-drittijiet tat-traffiku u/jew tad-deżinjazzjoni li tiġi kkomunikata lill-applikanti b’ittra rreġistrata, kif ukoll tiġi ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-SPF għall-Mobilità u t-Trasport; |
|
(2) |
fil-każ li ma tintbagħat l-ebda osservazzjoni, l-abbozz ta’ Deċiżjoni issir Deċiżjoni finali tal-Ministru għall-għoti tad-drittijiet tat-traffiku u/jew id-deżinjazzjoni, li tiġi kkomunikata lill-applikant/i b’ittra rreġistrata u ppubblikata fuq is-sit tal-internet tal-SPF għall-Mobilità u t-Trasport. |
Artikolu 11
L-applikazzjonijiet previsti b’dan id-Digriet jiġu eżaminati fuq bażi trasparenti u mhux diskriminatorja.
Kull Deċiżjoni jew abbozz ta’ Deċiżjoni għall-għoti ta' drittijiet tat-traffiku u/jew ta’ deżinjazzjoni tqis, mingħajr ebda ordni ta’ prijorità jew ta’ importanza:
|
(1) |
l-elementi msemmija fl-Artikolu 4 u kkomunikati mit-trasportatur tal-ajru Komunitarju; |
|
(2) |
il-garanziji offruti fir-rigward tas-sostenibbiltà tal-operat u tal-integrazzjoni tiegħu fi pjan kummerċjali; |
|
(3) |
l-użu ottimu tad-drittijiet tat-traffiku limitati; |
|
(4) |
il-karattru prijoritarju tal-operazzjonijiet realizzati minn trasportatur tal-ajru Komunitarju permezz tal-inġenji tal-ajru tiegħu (kemm jekk huma proprjetà tiegħu u kemm jekk mikrija) fir-rigward tal-operazzjonjiet fejn it-trasportatur tal-ajru Komunitarju jillimita lilu nnifsu li jikkummerċjalizza, abbażi ta’ ftehimiet ta’ code sharing, titjiriet li jiġu operati minn trasportatur tal-ajru ieħor; |
|
(5) |
l-interessi ta’ kull kategorija ta’ utenti; |
|
(6) |
l-aċċess iffaċilitat għal rotot, swieq, u reġjuni ġodda, li jista’ jirriżulta minħabba kollegamenti ġodda kemm fil-post tat-tluq u kemm fid-destinazzjoni ta' ajruporti Belġjani differenti; |
|
(7) |
il-kontribut lill-offerta ta' livell sodisfaċenti ta' kompetizzjoni; |
|
(8) |
l-effetti possibbli tal-operat fuq il-ħolqien dirett jew indirett tal-impjiegi fis-settur tat-trasport bl-ajru; |
|
(9) |
addizzjonalment, it-tul ta’ żmien li t-trasportatur tal-ajru Komunitarju ilu jesprimi l-volontà tiegħu b’mod attiv u rikorrenti biex jikseb id-drittijiet tat-traffiku mitluba fl-applikazzjoni tiegħu. |
Il-Ministru jippreċiża l-kriterji elenkati hawn fuq bil-għan li jiggarantixxi l-oġġettività u t-trasparenza tagħhom.
Artikolu 12
Trasportatur tal-ajru Komunitarju li jikseb deżinjazzjoni u/jew id-drittijiet tat-traffiku fil-qafas ta’ ftehim bilaterali tal-ajru bejn il-Belġju u pajjiż mhux Komunitarju għandu l-obbligu:
|
(1) |
li jwettaq l-operat tas-servizzi tal-ajru konċernati sa mhux aktar tard minn tmiem l-istaġun tal-IATA li jmiss wara n-notifika tad-Deċiżjoni tad-deżinjazzjoni u/jew tal-għoti tad-drittijiet tat-traffiku; |
|
(2) |
li jopera s-servizzi tal-ajru konċernati f’konformità mal-fajl imsemmi fl-Artikolu 4. Ma jistax ikun hemm intervall bejn il-proġett oriġinali u l-operat attwali ta’ tali tul ta’ żmien li seta’ jwassal għall-għażla ta' trasportatur tal-ajru ieħor meta l-ewwel ingħatat l-għotja; |
|
(3) |
li jikkonforma mal-kondizzjonijiet eventwalment maħruġa mid-Direttur Ġenerali, għad-deċiżjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet tal-Awtoritajiet Ajrunawtiċi għall-pajjiżi mhux Komunitarji milquta mill-operat tas-servizzi tal-ajru konċernati kif ukoll ma' kull regola internazzjonali fil-qasam; |
|
(4) |
li minnufih jgħarraf lid-Direttur Ġenerali dwar il-waqfien jew l-interruzzjoni tal-operat tas-servizzi tal-ajru konċernati. Fil-każ li tali interruzzjoni ddum aktar minn żewġ staġuni, id-deċiżjoni tal-għoti ta’ drittijiet tat-traffiku u/jew ta’ deżinjazzjoni tiġi rtirata uffiċjalment fi tmiem it-tieni staġun, sakemm it-trasportatur tal-ajru Komunitarju jkun jista’ juri li kien hemm ċirkostanzi eċċezzjonali indipendenti mill-volontà tiegħu. |
Id-Direttorat Ġenerali tat-Trasport bl-ajru jissorvelja r-rispett tal-obbligi msemmija fis-subparagrafu 1.
Artikolu 13
Il-benefiċċju tad-deżinjazzjoni u/jew tal-għoti tad-drittijiet tat-traffiku huwa personali u mhux trażmessibbli. It-tul ta’ żmien huwa mingħajr limitu sakemm id-Deċiżjoni ma tiġix irtirata.
Artikolu 14
Meta trasportatur tal-ajru ma jirrispettax l-obbligi msemmija fl-Artikolu 12, §1 jew iqiegħed f’periklu serju s-sigurtà tal-ajru, il-Ministru jista’ jissospendi jew jirtira d-Deċiżjoni ta’ deżinjazzjoni u/jew ta’ għoti tad-drittijiet tat-traffiku.
Artikolu 15
1. Kull trasportatur tal-ajru Komunitarju stabbilit fil-Belġju skont it-tifsira tal-liġi Komunitarja għandu d-dritt li jikkontesta l-użu minn trasportatur tal-ajru ieħor ta’ drittijiet tat-traffiku fuq rotta partikolari u li jressaq l-applikazzjoni tiegħu biex jagħmel użu aħjar minnhom.
Għall-fini ta’ dan għandu jippreżenta fajl iddokumentat kif xieraq lid-Direttur Ġenerali, li jista’ jiġi kkonsultat mit-trasportatur tal-ajru li d-drittijiet tat-traffiku tiegħu qed jiġu kkonstestati.
Dan id-dritt ta' kontestazzjoni ma jistax jiġi jeżerċita qabel ma jkun għadda perjodu ta’ sentejn ta’ operat mill-għotja inizjali.
2. F’każ bħal dan, il-Ministru jeżamina mill-ġdid l-għotja inizjali abbażi tal-fajl u ta' seduti ta' smigħ eventwali, kif ukoll l-użu li sar minnha u jiddeċiedi:
|
(1) |
jew li ma jsegwix din l-applikazzjoni; |
|
(2) |
jew li jiftaħ proċedura ġdida għall-għoti. |
Fi kwalunkwe każ, fejn trasportatur tal-ajru Komunitarju ma jutilizzax id-drittijiet tat-traffiku tiegħu għajr f’forma ta’ kollaborazzjoni ma’ trasportatur tal-ajru ieħor u mingħajr ma juża l-inġenji tal-ajru tiegħu stess, il-Ministru jeżamina mill-ġdid u mingħajr dewmien l-għotja inizjali fil-każ li trasportatur tal-ajru konkorrenti jagħmillu talba formali għall-operat tas-servizzi tal-ajru konċernati permezz tal-inġenji tal-ajru tiegħu stess.
It-tranżizzjoni eventwali tal-għotja totali jew parzjali tad-drittijiet tat-traffiku u/jew tad-deżinjazzjoni għandha sseħħ l-aktar kmieni fl-ewwel jum tat-tieni staġun tal-IATA li jsegwi dak meta tittieħed id-Deċiżjoni.
Artikolu 16
Sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni korretta tas-swieq, tal-konnessjonijiet u tal-applikazzjonijiet tat-trasportaturi tal-ajru Komunitarji, dawn tal-aħħar għandhom jipprovdu fuq bażi regolari lid-Direttorat Ġenerali tat-Trasport bl-Ajru, l-istatistika fir-rigward tal-operati li għalihom ingħataw id-deżinjazzjoni.
Il-Ministru jippreċiża l-livell tad-dettall u l-frekwenza għall-għoti ta’ dawn l-istatistiki.
Artikolu 17
1. Id-drittijiet tat-traffiku mogħtija għal rotta partikolari qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-Digriet u li diġà kienu limitati jew li saru limitati jistgħu jikkostitwixxu raġuni għal proċedura ta’ kontestazzjoni kif stipulat fl-Artikolu 15.
F’dak il-każ, id-Direttorat Ġenerali tat-Trasport bl-Ajru għandu jara li kemm jista’ jkun tinstab soluzzjoni, qabel kwalunkwe ftuħ ta’ proċedura, permezz tan-negozjar mill-ġdid tad-drittijiet tat-traffiku limitati miftiehma fil-ftehim tal-ajru konkluż mal-pajjiż mhux Komunitarju konċernat.
2. Il-proċedura msemmija fi §1 tapplika wkoll għad-deżinjazzjoni.
Artikolu 18
Il-liġi tat-3 ta’ Mejju 1999 dwar it-trasportaturi tal-ajru regolari hija mħassra.
Artikolu 19
Dan id-Digriet jidħol fis-seħħ xahrejn wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-“Moniteur Belge”.
Artikolu 20
Il-Ministru kompetenti għan-navigazzjoni bl-ajru huwa inkarigat bl-esekuzzjoni ta’ dan id-Digriet.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Awwissu 2010.
Għar-Re
Il-Prim Ministru
Yves LETERME
Is-Segretarju tal-Istat għall-Mobilità
Etienne SCHOUPPE