8.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 74/2


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-investiment fil-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa tal-Ewropa ta' għada – Possibbiltajiet ta' innovazzjoni u kollaborazzjoni

2011/C 74/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

1.

IFAKKAR li skont l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-azzjoni tal-Unjoni għandha tikkomplementa l-linji ta' politika nazzjonali u tkun diretta lejn it-titjib tas-saħħa pubblika; hija għandha wkoll tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa pubblika u, jekk meħtieġ, tagħti appoġġ lill-azzjoni tagħhom, u tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għall-organizzazzjoni u l-għoti ta' servizzi tas-saħħa u l-kura medika;

2.

IFAKKAR li skont l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jikkoordinaw bejniethom il-linji ta' politika u l-programmi tagħhom;

3.

IFAKKAR fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta' Ġunju 2006 dwar il-valuri u l-prinċipji komuni fis-Sistemi tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea, li notevolment jindikaw l-ħtieġa li jiġu żgurati l-aċċessibbiltà u l-provvediment ta' kura ta’ kwalità għolja, sikura, u bbażata fuq l-evidenza;

4.

IFAKKAR fil-Green Paper tal-Kummissjoni dwar “il-forza tax-xogħol Ewropea għas-saħħa” tal-10 ta' Diċembru 2008 u fir-Rapport dwar il-konsultazzjoni miftuħa dwar il-Green Paper dwar il-forza tax-xogħol Ewropea għas-saħħa tal-15 ta' Diċembru 2009, li identifikaw il-kwistjoni urġenti tan-nuqqas, attwali u futur, ta' ħaddiema fis-settur tas-saħħa, b'mod partikolari tobba speċjalisiti u infermiera;

5.

IFAKKAR fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa 2020, strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” tat-3 ta' Marzu 2010, fejn huma ppreżentati seba' inizjattivi ewlenin, inkluż “Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda”, li timmira għall-ħolqien ta' kondizzjonijiet għall-immodernizzar tas-swieq tax-xogħol bil-għan li jogħlew il-livelli tal-impjiegi u li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-mudelli soċjali tagħna, u “Żgħażagħ attivi”;

6.

IFAKKAR fil-Kodiċi ta' Prattika Globali tal-WHO li ġie adottat fl-Assemblea Dinjija dwar is-Saħħa tal-21 ta' Mejju 2010 li jservi bħala qafas ta' etika biex jiggwida lill-Istati Membri fir-reklutaġġ ta' ħaddiema fis-settur tas-saħħa;

7.

JILQA' l-Konferenza Ministerjali dwar “l-investiment fil-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa tal-Ewropa ta' għada: possibbiltajiet ta' innovazzjoni u kollaborazzjoni”, organizzata f'La Hulpe fid-9-10 ta' Settembru 2010, li ssottolinjat il-ħtieġa li jiġu żviluppati inizjattivi adegwati biex isir investiment f'numru adegwat ta' professjonisti fis-settur tas-saħħa li huma motivati u mħarrġa sew sabiex jiġu protetti l-vijabbiltà u l-aċċessibbiltà tas-sistemi tas-saħħa;

8.

JISSOTTOLINJA li n-numru dejjem jikber ta' mard serju u kroniku, it-tixjiħ tal-popolazzjoni u tal-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa, il-ħtiġijiet li jinbidlu tal-pazjenti u tas-sistemi tas-saħħa, il-mobbiltà li dejjem qed tiżdied tal-pazjenti u l-professjonisti fis-settur tal-kura tas-saħħa, il-progress xjentifiku u l-feġġ ta' teknoloġiji ġodda joħolqu sfidi ewlenin għall-Istati Membri kollha, u jeħtieġu approċċi innovattivi għall-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa tal-futur;

9.

JIRRIKONOXXI l-interdipendenza bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-linji ta' politika dwar ir-riżorsi umani fis-settur tal-kura tas-saħħa, speċjalment fir-rigward tal-mobbiltà tal-professjonisti f'dan is-settur;

10.

JISTIEDEN lill-Istati Membri biex:

isaħħu l-kollaborazzjoni u l-iskambju ta' prattika tajba, inkluż dwar il-ġbir ta' data komparabbli u ta' kwalità għolja, biex jiġi appoġġat aħjar l-iżvilupp tal-linji ta' politika tal-Istati Membri dwar il-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa għall-futur, li jikkontribbwixxu lejn aċċess ugwali għall-kura għal kulħadd, b'attenzjoni partikolari għall-previżjoni tal-ħtigijiet tal-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa għall-futur u għall-ippjanar effettiv tal-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa madwar l-Unjoni Ewropea;

iqajmu kuxjenza dwar l-importanza ta' ambjenti tax-xogħol attraenti, kondizzjonijiet tax-xogħol u opportunitajiet għall-iżvilupp professjonali li jimmotivaw il-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa u jiggarantixxu l-kwalità u s-sikurezza tal-kura mogħtija;

jistimolaw it-taħriġ u l-edukazzjoni tal-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa bil-għan li l-kwalità u s-sikurezza tal-kura jitmexxew aktar 'il quddiem u jqisu kif jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-għodod tal-UE biex dan jiġi iffinanzjat, mingħajr preġudizzju għall-qafas Finanzjarju futur;

jaderixxu mal-Kodiċi ta' Prattika Globali tal-WHO dwar ir-reklutaġġ internazzjonali;

11.

JISTIEDEN lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex:

jiżviluppaw pjan ta' azzjoni li jipprovdi għażliet għall-appoġġ tal-iżvilupp tal-linji ta' politika tal-Istati Membri dwar il-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa, u li jirrikonoxxi l-kompetenzi tal-Istati Membri, b'mod partikolari fl-oqsma tal-valutazzjoni tal-profili ta' kompetenza, it-titjib tal-metodoloġiji tal-ippjanar b'kont meħud tal-ħtiġijiet għas-saħħa identifikati, l-Iżvilupp Professjonali Kontinwu u l-istrateġiji għar-reklutaġġ u ż-żamma, u biex jiġu ttrattati l-isfidi ewlenin għall-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa madwar l-UE fil-perspettiva medji u dik għal perijodu fit-tul;

jinvolvu rappreżentanti tal-pazjenti u professjonisti fis-settur tas-saħħa fl-iżvilupp ta' dan il-pjan ta' azzjoni, kif ukoll partijiet interessati rilevanti oħra mis-settur tas-saħħa;

jieħdu kont tal-kontribut potenzjali ta' oqsma oħra ta' politika fl-iżvilupp ta' dan il-pjan ta' azzjoni, b'mod partikolari l-edukazzjoni, ix-xogħol, l-affarijiet soċjali u s-suq intern;

12.

JISTIEDEN lill-Kummissjoni biex:

tinkoraġġi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u tappoġġa l-iżvilupp tal-pjan ta' azzjoni sal-2012;

tinkludi t-taħriġ u l-edukazzjoni tal-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa bħala qasam ta' prijorità u tikkunsidra kif tagħmel l-aħjar użu mill-għodod tal-UE għall-finanzjament ta' dan, mingħajr preġudizzju għall-Qafas Finanzjarju futur, f'konformità mal-inizjattivi ewlenin “Aġenda għal ħiliet u impjiegi ġodda” u “Żgħażagħ attivi” tal-istrateġija Ewropa 2020;

tiżgura li l-pjan ta' ħidma tal-2011 tal-Programm tas-Saħħa jista' jinkludi azzjoni konġunta li tipprovdi pjattaforma għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għat-tbassir tal-ħtiġijiet tal-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa u għall-ippjanar tal-forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Eurostat, l-OECD u d-WHO.