5.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 37/6


Nota għall-attenzjoni tal-persuni li għalihom japplikaw il-miżuri previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK u fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 101/2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija

2011/C 37/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

L-informazzjoni li ġejja qed tinġieb għall-attenzjoni tal-persuni li jidhru fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK (1), kif emendata bid-Deċiżjoni 2011/79/PESK (2), u fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 101/2011 (3) dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda li l-persuni li jidhru fl-Annessi msemmija hawn fuq għandhom jiġu inklużi fil-lista ta' persuni soġġetti għal miżuri restrittivi previsti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/72/PESK u fir-Regolament (UE) Nru 101/2011.

Qiegħda tinġibed l-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i relevanti kif indikat fis-siti elettroniċi fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 101/2011, sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni biex il-fondi ffriżati jintużaw għal ħtiġijiet bażiċi jew ħlasijiet speċifiċi (ara l-Artikolu 4 tar-Regolament).

Il-persuni u l-entitajiet ikkonċernati jistgħu jippreżentaw talba lill-Kunsill, flimkien ma' dokumentazzjoni ta' sostenn, sabiex id-deċiżjoni biex huma jiġu inklużi fil-listi msemmija hawn fuq terġa' tiġi kkunsidrata, fl-indirizz li ġej:

Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Segretarjat Ġenerali

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Qed tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kunsill quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, konformement mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 275(2) u l-Artikolu 263(4) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)  ĠU L 28, 2.2.2011, p. 62.

(2)  ĠU L 31, 5.2.2001, p. 40.

(3)  ĠU L 31, 5.2.2001, p. 1.