8.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 358/2


Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – It-twaqqif ta' pjan ta’ ħidma li jistabbilixxi lista indikattiva ta’ setturi għall-adozzjoni ta' dokumenti ta’ referenza settorjali u transsettorjali, skont ir-Regolament (KE) Nru 1221/2009, dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 358/02

1.   INTRODUZZJONI

Fis-16 ta' Lulju 2008 il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli (1). Il-Pjan sejjaħ għal reviżjoni tal-iskema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (eco-management and audit scheme - EMAS), strument importanti sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha għall-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli.

Ir-regolament rivedut dwar l-EMAS, (KE) Nru 1221/2009 tal-25 ta’ Novembru 2009 (2), daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Jannar 2010. Il-għan tal-EMAS huwa li tippromwovi titjib kontinwu fil-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjonijiet permezz ta':

it-twaqqif u l-implimentazzjoni, minn organizzazzjonijiet, ta' skemi għall-ġestjoni tal-ambjent;

il-valutazzjoni sistematika, oġġettiva u perjodika tal-prestazzjoni ta' dawn is-sistemi;

l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali;

djalogu miftuħ mal-pubbliku u ma’ partijiet interessati oħrajn;

l-involviment attiv tal-impjegati f’organizzazzjonijiet u f’taħriġ xieraq.

Fost innovazzjonijiet oħrajn, ir-Regolament rivedut jintroduċi l-kunċett ta’ dokumenti ta' referenza settorjali (sectoral reference documents – SRD) li jidentifikaw l-aħjar prattiki ta’ ġestjoni ambjentali, l-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali speċifici għas-settur u jistabbilixxi l-punti ta' riferiment tal-eċċellenza u s-sistemi ta’ klassifikazzjoni li jidentifikaw il-livelli ta' prestazzjoni ambjentali, fejn xieraq.

Għalkemm l-għan primarju tal-iżvilupp ta' dokumenti ta’ referenza settorjali huwa li jgħin u jiggwida l-kumpaniji fl-EMAS f'settur speċifiku, u b’hekk jikkontribwixxu biex tiġi armonizzata u mtejba l-applikazzjoni tar-Regolament dwar l-EMAS, l-għajnuna u l-gwida mogħtija f'dawn id-dokumenti jistgħu wkoll jintużaw f’settur partikolari biex itejbu l-prestazzjoni ambjentali indipendentement minn reġistrazzjoni fl-EMAS.

Id-dokumenti ta’ referenza settorjali tal-EMAS se jgħinu wkoll biex iwittu t-triq lejn l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, permezz tad-definizzjoni ta’ punti ta' riferiment u indikaturi speċifiċi għas-settur għal prestazzjoni tajba.

Ir-Regolament rivedut dwar l-EMAS jipprovdi għat-twaqqif ta' pjan ta' ħidma li jistipula lista indikattiva ta’ setturi, li għalihom id-dokumenti ta’ referenza settorjali se jitqiesu bħala prijoritajiet, f’dan il-qafas.

2.   LISTA INDIKATTIVA TA’ SETTURI

Il-lista indikattiva ta’ setturi, ippreżentata fl-Anness, ġiet stabbilita bl-użu ta' taħlita ta' inputs u ta' sorsi tad-dejta, li qiesu diversi fatturi u approċċi. Il-kriterji ewlenin li tqiesu kienu dawn li ġejjin:

(1)

L-impatt ambjentali tas-settur fil-Komunità;

(2)

Il-livell tal-adozzjoni tal-EMAS mis-settur;

(3)

Il-potenzjal għal titjib ambjentali fil-“katina tal-valur” tas-settur.

2.1.   L-impatt ambjentali tas-settur fil-Komunità

Wieħed mill-aspetti tal-analiżi kien il-paragun bejn l-impatti ambjentali tas-setturi ekonomiċi differenti li jistgħu jiġu koperti minn dokumenti ta’ referenza. Intużat id-dejta li kienet ġiet ivvalidata miċ-Ċentru tad-Dejta Ambjentali dwar Riżorsi u Prodotti Naturali (Eurostat). Dan l-eżerċizzju wassal għal lista ta' setturi fit-“top 20”, ikklassifikati abbażi tal-impatti ambjentali ġenerali aggregati tagħhom (3), ikkalkulati fuq il-bażi ta’ erba’ indikaturi: il-Potenzjal ta' Tisħin Globali (Global Warming Potential – GWP), il-Potenzjal ta’ Aċidifikazzjoni (Acidification Potential — AP), il-Potenzjal tal-Ħolqien Fotokimiku ta’ Ożonu (Photochemical Ozone Creation Potential — POCP) u l-Potenzjal ta’ Ewtrofikazzjoni tal-Baħar (Marine Eutrophication Potential -MEP).

Ir-riżultati tar-rapport “Environmental Impact of Products (EIPRO) — Analysis of the Life Cycle Environmental Impacts related to the final Consumption of the EU-25” (L-Impatti Ambjentali tal-Prodotti (EIPRO) – Analiżi tal-Impatti Ambjentali taċ-Ċiklu tal-Ħajja relatati mal-Konsum finali tal-UE-25) ta' Mejju 2006 (4) tqiesu wkoll. Ir-riżultati ta’ dan l-istudju huma bbażati fuq Analiżi taċ-Ċiklu tal-Ħajja, inklużi l-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja għall-estrazzjoni, it-trasport, il-produzzjoni, l-użu u l-ġestjoni tal-iskart, tal-prodotti kkunsmati fl-Unjoni Ewropea minn unitajiet domestiċi u mis-settur pubbliku.

Tqies ukoll ir-rapport Key messages on material resource use and efficiency in Europe: Insights from environmental extended input-output analysis and material flow accounts (Messaġġi ewlenin dwar l-użu u l-effiċjenza fl-Ewropa tar-riżorsi materjali – Osservazzjonijiet mill-analiżi ambjentali estiża tal-inputs u l-outputs u mill-istudju tal-flussi tal-materjali) minn ETC/SCP – Iċ-Ċentru Topiku Ewropew dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli għall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (5). Dan ir-rapport jagħmel użu minn studji tal-flussi tal-materjali u jidentifika l-gruppi tal-prodotti finali li jużaw l-akbar sehem mir-riżorsi totali u li jirriżulta mill-konsum nazzjonali finali.

Din il-valutazzjoni indikat li l-kriterju tal-impatt ambjentali kien partikolarment importanti għas-setturi speċifiċi li ġejjin: L-Agrikoltura, il-Kostruzzjoni, il-Manifattura tal-ikel u tax-xorb, il-Ġestjoni tal-iskart u l-Manifattura ta’ tagħmir elettriku u elettroniku.

2.2.   L-adozzjoni tal-EMAS

Id-dejta dwar l-adozzjoni tal-EMAS fid-diversi setturi tqieset ukoll, bħala wieħed mill-elementi prinċipali fl-eżerċizzju tal-prijoritizzazzjoni. Skont il-Premessa 25 tar-Regolament dwar l-EMAS ir-raġuni għall-produzzjoni ta' dokumenti ta’ referenza settorjali hija “l-għan li tiġi żgurata applikazzjoni armonizzata ta’ dan ir-Regolament”. Huwa importanti li d-dokumenti ta’ referenza settorjali jkopru s-setturi fejn l-adozzjoni tal-EMAS tkun ogħla, biex b'hekk jikkontribwixxu għall-applikazzjoni armonizzata tar-Regolament b'aktar ħeffa. Għall-finijiet ta' prijoritizzazzjoni, id-definizzjoni ta' adozzjoni ogħla ġiet iddefinita bħala dik ta’ aktar minn 100 organizzazzjonijiet irreġistrati mal-EMAS li huma attivi fis-settur fl-UE.

Is-setturi li ġejjin għandhom aktar minn 100 kumpanija rreġistrati mal-EMAS: ll-Kostruzzjoni, il-Manifattura tal-ikel u tax-xorb, l-Amministrazzjoni Pubblika, it-Turiżmu, il-Ġestjoni tal-iskart u l-Manifattura ta' prodotti maħduma mill-metall.

2.3.   Il-potenzjal għal titjib ambjentali fil-“katina tal-valur” tas-settur

Il-katina tal-valur ġeneralment tirreferi għal sekwenza ta' attivitajiet relatati li jirriżultaw mid-disinn u l-iżvilupp tal-prodotti/tas-servizzi, il-manifattura, il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ, is-servizz ta' wara l-bejgħ, ir-rimi u r-riċiklaġġ.

L-EMAS diġà hija pjattaforma tajba għal perspettiva taċ-Ċiklu tal-ħajja billi tqis kemm l-aspetti diretti u dawk indiretti, u b'hekk toffri approċċ aktar komprensiv għall-ġestjoni ambjentali bil-potenzjal li teżamina l-katina tal-valur kollha kemm hi.

Għal din ir-raġuni, ġiet ikkunsidrata l-għażla tas-setturi li għandhom possibiltajiet tajbin li jixprunaw it-titjib ambjentali permezz tal-katina tal-valur tagħhom, għaliex dan għandu jgħin ukoll biex tiġi segwita s-sostenibbiltà f’sens usa’, filwaqt li jitqiesu l-effetti diretti u indiretti possibbli fis-setturi differenti.

B'mod partikolari, il-kumpaniji kbar u l-awtoritajiet pubbliċi jinsabu f’pożizzjoni tajba li jinfluwenzaw is-suq billi jimplimentaw sistemi ta' ġestjoni ambjentali fil-katina tal-valur, li jimplika, għall-fini ta' dan l-eżerċizzju, li s-setturi b'potenzjal tajjeb għal titjib ambjentali fil-katina tal-valur huma: il-Manifattura tal-karozzi, it-Telekomunikazzjonijiet, il-Kummerċ bl-Ingrossa u bl-Imnut, it-Turiżmu u l-Amministrazzjoni Pubblika.

3.   KONKLUŻJONI

L-għażla ta' setturi prijoritarji li għalihom ser jiġu elaborati dokumenti ta’ referenza settorjali, saret l-aktar skont l-impatt ambjentali tas-settur, l-adozzjoni tal-EMAS u l-potenzjal għat-titjib ambjentali fil-katina tal-valur.

Dan irriżulta f'lista qasira ta' setturi indikattivi, ippreżentata fl-Anness. Għal dawn is-setturi, id-dokumenti ta’ referenza settorjali jistgħu jżidu l-valur,jikkontribwixxu biex l-impatti ambjentali tagħhom jiġu minimizzati, jiżguraw l-applikazzjoni armonizzata tar-Regolament dwar l-EMAS, jippromwovu sinerġiji pożittivi mal-istrumenti u l-politiki eżistenti; u jaġixxu bħala l-mutur biex tiżdied is-sostenibbiltà f’sens usa’.

Peress li xi wħud minn dawn is-setturi huma kkaratterizzati mill-preżenza ta’ għadd kbir ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), id-dokumenti ta’ referenza settorjali se jqisu l-istruttura u l-metodi ta' ħidma tal-impriżi żgħar u mikro, li ġeneralment mhumiex formali u ddokumentati bħal f’kumpaniji kbar, bħala mezz biex jgħinu l-SMEs jimplimentaw l-EMAS skont id-daqs, il-kapaċità finanzjarja u l-kultura organizzazzjonali tagħhom.

Dan il-pjan ta' ħidma jindika s-setturi li fihom il-Kummissjoni se telabora d-dokumenti ta’ referenza settorjali tal-EMAS fil-ħames snin li jmiss. Il-Kummissjoni tista’ tirrevedi din il-lista fi kwalunkwe ħin, abbażi tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tagħha. Barra minn hekk, u skont l-Artikolu 46.3 tar-Regolament, dan il-pjan ta' ħidma għandu jsir pubblikament disponibbli u għandu jiġi aġġornat regolarment.


(1)  COM(2008) 397 finali.

(2)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1.

(3)  http://www.eu-smr.eu/infohub/documents/IH_2010-004_Reply_Environmental-pressure-by-NACE-Code_15112010.pdf

(4)  http://ec.europa.eu/environment/ipp/pdf/eipro_report.pdf

(5)  http://scp.eionet.europa.eu/publications/1234


ANNESS

Lista indikattiva ta’ setturi prijoritarji  (1)

Il-kummerċ bl-Ingrossa u bl-Imnut;

It-Turiżmu;

Il-Kostruzzjoni;

L-Amministrazzjoni Pubblika;

L-Agrikoltura – il-Produzzjoni tal-Għelejjel u l-Produzzjoni tal-Bhejjem;

Il-Manifattura tat-tagħmir elettroniku u tal-elettriku;

Il-Manifattura tal-karozzi;

Il-Manifattura ta' prodotti maħduma mill-metall, għajr il-makkinarju u t-tagħmir;

Il-manifattura tal-Ikel u tax-Xorb;

Il-Ġestjoni tal-iskart;

It-Telekomunikazzjonijiet.


(1)  Għandu jiġi enfasizzat li din il-lista hija indikattiva, kif stabbilit fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1221/2009. Fi kwalunkwe ħin, il-Kummissjoni tista' tirrevedi din il-lista.