22.10.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 310/17 |
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
2011/C 310/12
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.
SOMMARJU EŻEKUTTIV
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
“SZŐREGI RÓZSATŐ”
KE Nru: HU-PGI-0005-0389-21.10.2004
DPO ( ) IĠP ( X )
Dan is-sommarju jistabbilixxi l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-finijiet tal-informazzjoni.
1. Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:
Isem: |
Vidékfejlesztési Minisztérium Élelmiszer-feldolgozási Főosztály |
||||
Indirizz: |
|
||||
Tel. |
+36 17952000 |
||||
Fax |
+36 17950096 |
||||
Posta elettronika: |
efef@vm.gov.hu Agnes.Komari@vm.gov.hu |
2. Grupp:
Isem: |
Szőregi Virág-Dísznövény Áfész |
||||
Indirizz: |
|
||||
Tel. |
+36 62406606 |
||||
Fax |
+36 62405138 |
||||
Posta elettronika: |
szoreg.rozsa@vnet.hu |
||||
Kompożizzjoni: |
Produtturi/proċessuri ( X ) Oħrajn ( ) |
3. Tip ta' prodott:
Il-kategorija 3.5. |
Fjuri u pjanti ornamentali |
4. Speċifikazzjoni:
(sommarju tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
4.1. Isem:
“Szőregi rózsatő”
4.2. Deskrizzjoni:
Il-warda mtejba bl-għerq mikxuf li hija kkummerċjalizzata tikkonsisti minn riżoma u kultivar imtejjeb imlaqqam magħha. Il-varjetajiet li ġejjin jintużaw bħala riżoma: Laxa, Polmeriana, Schmid’s Ideal, Inermis, Multiflora u Superbe. Ir-riżoma għandu jkollha l-karatteristiċi li ġejjin: kapaċi tissaporti temperaturi baxxi sa -30 °C mingħajr ma ssofri ħsara; tkun reżistenti għall-mard (primarjament kontra l-fungu tal-ordni Uredinales, l-istar-rust u l-moffa); tkun tiflaħ għan-nixfa u l-umdità; turi qawwa kbira li tikber (tiżviluppa b'saħħitha u malajr); tkun tolleranti għall-ħamrija b'kontenut ta' ġir (bl-eċċezzjoni tar-Rosa multiflora); tkun faċli biex wieħed inissel minnha (ġerminazzjoni mgħaġġla taż-żrieragħ mingħajr il-ħtieġa li titħalla toqgħod).
Il-gruppi tal-kultivar tal-ward tal-ġnien u tal-ħammiela, ibridi tat-té, Polyantha, Floribunda, xeblieka, minjatura, u li jikbru ma' wiċċ l-art jintużaw fil-produzzjoni tal-ward tat-tip “Szőregi rózsatő”. Il-friegħi tat-tilqim minn dawn il-gruppi jistgħu jitlaqqmu wkoll maz-zokk tagħhom stess (bl-eċċezzjoni tal-Floribunda). It-tul tal-tilqima jista' jvarja minn 40 sa 140 ċm.
Il-propjetajiet tad-indikazzjoni ġeografika protetta tal-ward tat-tip “Szőregi rózsatő” jiġu ggruppjati jew f'kategorija A jew B:
— |
il-kategorija A tkopri l-ward imtejjeb bl-għerq mikxuf li jferra' minn tilqima li minnha, fil-każ ta' warda mtejba, jiżviluppaw mill-inqas żewġt izkuk, it-tielet zokk jinqasam mhux iktar minn 5 ċm bogħod mit-tilqima, id-dijametru totali taz-zokk ikun 24 mm, u kull zokk għandu dijametru minimu ta' 6 mm. Għall-ward imtejjeb bl-għerq mikxuf xeblieka, it-tul minimu taz-zokk huwa 40 ċm, għall-ward imtejjeb bl-għerq mikxuf minjatura, it-tul huwa 20 ċm, filwaqt li għall-ward li jaqa' fi ħdan il-gruppi l-oħra kollha (il-gruppi tal-kultivar tal-ward tal-ġnien u tal-ħammiela, ibridu tat-té, Polyantha, Floribunda, u li jikber ma' wiċċ l-art), it-tul huwa 30 ċm. L-għerq ewlieni għandu jferra' b'mod dens fi spazju ta' mhux iktar 10 ċm għall-gruppi kollha. L-għerq għandu jkun twil mill-inqas 20 ċm. |
— |
il-kategorija B tkopri l-ward imtejjeb bl-għerq mikxuf li jferra' minn tilqima li minnha, fil-każ ta' warda mtejba, jiżviluppaw mill-inqas żewġt izkuk, id-dijametru totali taz-zokk ikun mill-inqas 16-il mm, u d-dijametru minimu ta' kull zokk huwa 6 mm. Jekk id-dijametru taż-żewġt izkuk ikun inqas minn 16-il mm, għandu jferra' t-tielet zokk b'dijametru minimu ta' 6 mm fi spazju ta' 5 ċm. |
— |
Dawn il-gruppi kollha (bl-eċċezzjoni tal-ward imtejjeb bl-għerq mikxuf xeblieka) jistgħu jitlaqqmu maz-zokk tagħhom stess. It-tul tal-tilqima jista' jvarja minn 40 sa 140 ċm. Minn tilqima waħda għandhom jiffurmaw mill-inqas tlett izkuk, b'kull zokk b'dijamteru ta' mill-inqas 6 mm. |
4.3. Żona ġeografika:
Il-warda mtejba bl-għerq mikxuf bl-indikazzjoni ġeografika protetta “Szőregi rózsatő” tiġi prodotta fil-konfini amministrattivi tal-lokalitajiet li ġejjin fil-Kontea ta' Csongrád: Szeged-Szőreg, Szeged-Mihálytelek, Szeged-Gyálarét, Algyő, Deszk, Újszentiván, Kübekháza u Tiszasziget.
4.4. Prova tal-oriġini:
Il-produttur iżomm reġistru spezzjonat u ċċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti u li jinżamm skont ir-regoli uffiċjali. Ir-reġistru fih l-informazzjoni li ġejja: in-numru topografiku taż-żona, l-għadd ta' riżomi miżrugħa, il-varjetà u l-oriġini tagħhom; mappa taż-żrigħ; l-iskeda tat-tilqim u l-implimentazzjoni tagħha; l-ammont imlaqqam għal kull varjetà; l-ammont u d-distribuzzjoni tal-kwalità tal-prodott finali u l-ammont mibjugħ mill-varjetà, id-destinatarju (jew ix-xerrej), in-numru tal-kuntratt konkluż max-xerrej, in-numru tal-produttur u l-kodiċi tal-pjanta. Meta tiġi kkumerċjalizzata l-warda mtejba bl-għerq mikxuf bit-tikketta “Szőregi rózsatő”, is-Szõregi Virág-Dísznövény Áfész jopera sistema ta' reġistrazzjoni kompjuterizzata uniformi li tiggarantixxi l-konsistenza tal-kwalità. Wara l-ksib (il-kunsinna) mingħand dawk li jkabbru, il-kultivari tal-ward imtejjeb jitpoġġew fis-suq b'tabella, stampa u isem tal-varjetà komuni.
4.5. Metodu tal-produzzjoni:
Il-proċedura tibda bil-ksib u l-produzzjoni tar-riżoma. Jekk dawk li jkabbru jagħżlu li jipproduċu r-riżoma, iż-żerriegħa għandha tinżera' jew fil-ħarifa jew fir-rebbiegħa, skont jekk it-trattament kiesaħ isirx b'mod artifiċjali jew naturali. Ix-xitel miż-żerriegħa jinqala' lejn l-aħħar tal-ħarifa. Wara li jitneħħa x-xitel miż-żerriegħa, jingħażel u jiġi ggruppjat skont il-ħxuna tal-għonq tal-għerq. Ix-xitel miż-żerriegħa jista' jinxtara f'din il-fażi tal-proċedura (għal dawk li jkabbru u li ma jipproduċux ir-riżomi tagħhom stess). Il-gruppi, sew jekk dawk li jkabbru jkunu produċewhom huma stess u sew jekk ikunu xtrawhom, għandhom jitpoġġew fir-raded b'angolu u jitgħattew b'attenzjoni bil-ħamrija sabiex iz-zkuk ikunu koperti tliet kwarti b'mod ibbilanċjat u kullimkien.
Il-fażi li jmiss tal-proċedura tinvolvi l-preparazzjoni tal-ħamrija għat-taħwil. Il-ħamrija ta' Tisza-Maros hija eċċellenti għat-tkabbir tal-ward. Madankollu, wieħed għandu joqgħod attent sabiex ir-riżomi jitpoġġew f'ħamrija li hija rikka fin-nutrijenti u ħielsa mill-ħaxix ħażin. Ir-rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba' hija obbligatorja fit-tkabbir tal-ward. Iċ-ċereali u l-ħuxlief għandhom jiġu prodotti bħala uċuħ tar-raba' preċedenti. Wara li l-uċuħ tar-raba' preċedenti jkunu ġew maħsuda, fil-ħarifa għandha ssir il-protezzjoni tal-pjanti u l-ħrit fil-fond (30-40 ċm) permezz ta' kultivatur li jdur jew li jxattab ir-raba'.
It-taħwil għandu jsir f'nofs Frar jew fil-bidu ta' Marzu. Ir-riżomi jitħawlu skont id-daqs, jibdew bl-eħxen u jibqgħu resqin lejn l-irqaq. Ir-riżomi għandhom jiġu ppreparati għat-taħwil: l-għeruq jitqassru għal tul ta' 17-il ċm, u z-zkuk jinżabru għal 10 ċm. It-taħwil bl-idejn huwa tipiku imma jista' jsir ukoll bil-magni. Ir-ringieli jkunu bejn 80 u 90 ċm bogħod minn xulxin, u d-distanza bejn il-ward tkun bejn 12 sa 14-il ċm. Wara t-taħwil, jiġi ppreparati l-meded. Il-fond tat-taħwil huwa importanti ħafna: l-għonq tax-xitel miż-żerriegħa għandu jkun minn 2 sa 3 ċm 'l fuq mill-art sabiex it-tilqim ikun jista' jsir faċilment.
Il-pjanti għandhom jingħataw l-attenzjoni u jiġu mħarsa matul iċ-ċiklu kollu tal-produzzjoni. Il-kultivazzjoni tal-ħamrija teqred il-ħaxix ħażin u l-organiżmi ta' ħsara. Minħabba li l-forniment tan-nutrijent itejjeb ir-reżistenza tal-ward, għandu jintuża fertilizzant artifiċjali u possibbilment demel organiku tal-bovini. Ir-rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba' tgħin biex tevita l-proliferazzjoni ta' organiżmi ta' ħsara speċifiċi. Il-ħaxix ħażin għandu jitneħħa mir-riżoma regolarment, u dan isir permezz tal-muturi tal-ħart mekkaniċi jew permezz tal-moħriet jew bl-għażiq manwali. Dan jiżgura wkoll l-arjazzjoni xierqa tal-ħamrija. Dan għandu jsir minn 4 sa 6 darbiet fis-sena. Il-pjanti għandhom jitbexxu regolarment kontra l-mard fungali u l-organiżmi ta' ħsara. It-tisqija hija importanti wkoll; madankollu, din tiddependi mit-temp.
It-tilqim li jsir wara t-taħwil u jdum mit-tieni nofs ta' Lulju sal-bidu ta' Settembru. Għall-ward għandu jintuża t-tilqim inattiv. Ix-xogħol tat-tilqim jinqasam fi tliet fażijiet: il-ftuħ tar-riżomi, it-tilqim u t-tgeżwir. Il-blanzuni għandhom jittieħdu mill-kultivari tal-ward imtejba u fluworexxenti moderatament li jkunu tlaqqmu fis-sena preċedenti.
L-ewwel biċċa xogħol li ssir wara t-tilqim hija li fix-xitwa jitferrex il-fertilizzant fuq ir-riżomi. Ix-xogħol tar-rebbiegħa fuq il-ward jibda fit-tieni sena, billi jinqatgħu. Imbagħad ir-riżoma tinqata' 'l fuq mill-blanzun permezz ta' imqass kbir li jaqta'. Iż-żarġun ta' bejn ir-rimjiet għandu jitneħħa. Il-friegħi għat-tilqim għandhom jinqarsu wara 5-10 ċm ta' tkabbir, sabiex jippermettu lill-warda timtela. It-tneħħija regolari tal-ħaxix ħażin b'mod mekkaniku, l-għażiq manwali u l-bexx jaqgħu max-xogħlijiet tas-sajf u tar-rebbiegħa tal-warda mtejba. Matul is-sajf, il-blanzuni meħtieġa għat-tilqim tar-riżomi għandhom jitneħħew mill-ward li jkun inħoloq b'dan il-mod.
Il-ward joħroġ fil-ħarifa. Ottubru huwa l-aħjar żmien biex jinqata' l-ward. Il-ward għandu jinżabar għal tul ta' 40 ċm qabel ma joħroġ. Meta jkun qed jinqata', il-ward li jkun inħarat u nqaleb permezz ta' trakter (shaking tractor) għandhom jitneħħewlu l-weraq u ż-żraġen u jiġi kklassifikat, iggruppjat u ttikkettat; Wara li jintgħażel u li jiġi ggruppjat, il-ward jiġi trasportat għal post frisk kemm jista' jkun malajr u jiġi protett kontra n-nixfa. L-iktar tagħmir tat-tkessiħ adattat għall-ħżin huwa dak li jżomm temperatura ta' bejn 0 u 2 °C kemm fix-xitwa kif ukoll fis-sajf.
Il-materjal bażiku tal-ippakkjar huwa taħlita ta' pit u ċana bil-proporzjoni xieraq (50:50), li tinżamm f'daqqa permezz tal-poliester jew tal-karta. Din tal-aħħar tista' titħawwel flimkien mar-roll li jiddiżintegra fil-ħamrija. L-għan tal-ippakkjar huwa li jiġi evitat li l-għeruq tal-ward jinxfu jew tiġrilhom il-ħsara bil-magni. Il-ward tal-istess grad jinġabar fi gruppi ta' 10 u mbagħad titwaħħal tikketta mal-bukkett. Il-bukketti ta' 10 ppreparati b'dan il-mod jerġgħu jiġu ggruppjati fi gruppi ta' ħamsa.
4.6. Rabta:
Il-kwalità speċjali tal-ward tat-tip “Szőregi rózsatő” hija parzjalment dovuta għat-tradizzjoni ta' iktar minn mitt sena u parzjalment dovuta għall-klima u l-kundizzjonijiet ġoegrafiċi eċċellenti taż-żona.
Rabta storika: Il-kultivazzjoni tal-ward u l-bejgħ tar-riżomi mlaqqma u l-fjuri maqtugħin fir-reġjun ta' Szeged-Szőreg bdew f'Új-Szeged lejn tmiem is-seklu 19. L-istorja tal-kultivazzjoni tal-ward f'Szőreg hija marbuta mat-tradizzjonijiet tal-produzzjoni f'Szeged u f'Új-Szeged u mal-iżvilupp tal-ġonna. L-imgħallmin żgħażagħ li gradwaw mill-mixtliet ta' Szeged issetiljaw f'Szőreg, u kienu jikkultivaw għalihom infushom fil-ħbula tal-art tar-raba' żgħar tagħhom ta' minn 400 sa 800 négyszögöl (1 440-2 880 m2). Huma stabbilixxew mixtla u ħafna drabi kienu jbigħu r-riżomi mlaqqma flimkien permezz ta' ordnijiet mill-mixtla ta' Szeged li kienet tħaddimhom. Fil-bidu tas-seklu għoxrin infetaħ settur ekonomiku ġdid f'Szőreg u mingħajr eċċezzjoni l-pijunieri tiegħu kienu bdiewa foqra li ma kellhomx artijiet u kienu jikru u jkunu raħħala, u ħaddiema li ma għandhomx xogħol fiss. Minħabba li huma kienu wkoll esperti fil-prattika, il-ġardinara ż-żgħar ta' Szőreg ipperfezzjonaw xogħolhom, u wara li kienu jlestu ix-xogħol tat-tilqim tagħhom f'darhom, kienu jmorru f'postijiet imbiegħda biex ilaqqmu. B'hekk, permezz ta' xogħolhom Szőreg sar famuż. Dan il-grupp żgħir għallem lill-grupp attwali ta' ġardinara. L-aqwa żmien tal-kultivazzjoni tal-ward ta' Szőreg kien fl-1927.
Is-sidien tal-mixtliet iż-żgħar kienu interdipendenti. Minħabba li kien ikollhom problemi partikolari biex ibigħu l-ward tagħhom, fl-1936 stabbilixxew l-ewwel kooperattiva. Fl-1938, l-erja totali tal-mixtliet tas-siġar ta' Szeged-Szőreg kienet 350 kh (2), u huma ppreparaw 1 250 000 tilqima. L-erja tal-kumplament tal-mixtliet fil-pajjiż kienet 850 ejkers Ungeriżi li produċew 2 040 000 tilqima. Il-mixtliet ta' Szeged-Szőreg kienu diġà bdew jesportaw il-ward fl-ewwel snin tas-seklu 20. Bejn l-1929 u l-1931 il-mixtliet ta' Szeged-Szőreg kienu jammontaw għal medja ta' 63,6 % tal-esportazzjonijiet totali tal-mixtliet tal-pajjiż (jiġifieri 587 000 tilqima) , li juru li dawn il-mixtliet żgħar kabbru tilqim eċċellenti.
98 % tal-ward prodott fl-Ungerija jitkabbar f'Szőreg u f'dawk il-viċinanzi, li huwa l-uniku reġjun ewlieni tat-tkabbir tal-ward fl-Ungerija. Il-warda tat-tip “Szőregi rózsatő” tgawdi wkoll reputazzjoni tajba u hija stmata sew anke barra mill-pajjiż. Xhieda ta' dan huwa l-fatt li l-maġġoranza vasta (iktar minn tliet kwarti) tal-4 sa 5 miljun warda mtejba bl-għerq mikxuf prodotta kull sena tiġi esportata.
Fatturi naturali: Barra mit-tradizzjonijiet tal-kultivazzjoni, il-kundizzjonijiet eċċellenti tal-ambjent ukoll jorbtu l-ward ma' Szőreg. Għall-produzzjoni ta' ward ta' kwalità tajba, reżistenti u b'saħħtu huma meħtieġa tliet kundizzjonijiet ambjentali: ħamrija ta' kwalità tajba u rikka fin-nutrijenti, forniment adegwat tal-ilma u biżżejjed dawl tax-xemx.
Ir-reġjun fejn jiġi prodott il-ward tat-tip “Szőregi rózsatő” jinsab f'post fejn qabel kien pjanura tal-għargħar fil-konfluwenza tax-xmajjar Tisza u Maros. Il-ħamrija għanja li fiha t-tafal, ir-ramel u materjal ta' ħxejjex midbiela kumpatta b'mod medju li żviluppat hemmhekk, bil-kontenut għoli ta' materjal organiku magħmul mill-weraq niexef (humus) u l-kapaċità tajba tagħha li tiskula, u l-ħamrija mimlija ħama u alluvjali tirriżulta f'riżoma li tferra' b'mod dens li fiha iktar xniexel mill-każ tal-ward imtejjeb bl-għerq mikxuf imkabbar f'tipi oħra ta' ħamrija. Minħabba l-kapaċità tajba li jiskula, l-ilma ma jistaġnax fil-ħamrija, u minħabba l-istruttura laxka u arjuża, l-ossiġnu meħtieġ għall-iżvilupp tajjeb tal-għeruq huwa disponibbli. Ir-riżoma li tferra' b'mod dens tiżgura teħid aħjar tan-nutrijenti u l-parti mtejba tikber aħjar, tiżviluppa b'saħħitha u trendi iktar zkuk, rimjiet u fjuri mill-pjanti li jikbru f'ħamrija b'karatteristiċi oħra. Għalhekk, il-warda mtejba bl-għerq mikxuf intenzjonata għall-kummerċjalizzazzjoni hija ħafna iktar reżistenti għall-mard u għall-ġlata, u wieħed ikun jista' wkoll jorbot fuqha għax iżżomm il-kwalità tagħha f'tipi oħra ta' ħamrija. Il-viċinanza tax-xmajjar Tisza u Maros ukoll tiżgura l-aqwa umdità relattiva għall-kultivazzjoni tal-ward u l-possibbiltà tat-tisqija.
Fost l-iktar kundizzjonijiet ambjentali importanti għall-kultivazzjoni tal-ward hemm id-dawl, minħabba li jipprovdi l-enerġija meħtieġa għall-fotosinteżi. Apparti l-għadd ta' sigħat bid-dawl tax-xemx, it-tul tal-ġurnata, il-qawwa u l-enerġija tad-dawl ukoll jinfluwenzaw ħafna l-kwalità tal-ward tat-tip “Szőregi rózsatő”. Ir-reġjun tat-tkabbir tal-ward Szőreg għandu l-iktar sajf sħun u l-iktar dawl tax-xemx mir-reġjuni kollha fil-pajjiż. It-temperatura annwali medja hija 11,5 °C, filwaqt li matul l-istaġun tat-tkabbir tkun 18 °C. Ir-reġjun ikollu iktar minn 2 100 siegħa dawl tax-xemx, u dan jaqbeż il-medja għar-reġjuni li jinsabu iktar 'il fuq. L-istaġun tat-tkabbir jibda minn kmieni fir-rebbiegħa u jkompli sa tard fil-ħarifa u l-perjodu veġetattiv huwa estiż, u għalhekk, il-pjanti jirċievu ammont totali ikbar ta' dawl tax-xemx u sħana minn żoni li jinsabu iktar fit-Tramuntana. Dawn jirriżultaw fi tkabbir sod. Il-ward imtejjeb bl-għerq mikxuf jiflaħ sew għall-ħarifa, billi jipproduċi ħafna zkuk ħoxnin u linjifikati b'mod sinifikanti bi blanzuni żviluppati sew u b'saħħithom. Ir-riżervi rikki bin-nutrijenti fiz-zkuk sodi jippermettu lill-kultivari tal-ward li jkunu nqatgħu fil-ħarifa jkunu soġġetti għal ħżin fit-tul u jiffaċilitaw li wara t-tħawwil fis-snin sussegwenti l-għeruq jaqbdu. Ir-reżistenza għall-ġlata tiżdied permezz tal-fatt li fiż-żona ta' Szőreg mhuwiex rari li wara sjuf sħan ikun hemm xtiewi ħarxin li matulhom il-pjanti jissodaw b'mod suffiċjenti għall-bqija ta' ħajjithom. Huwa żgurat li permezz tal-ward tat-tip “Szőregi rózsatő” wara ż-żrigħ l-għeruq jaqbdu.
Fatturi umani, esperti: Il-produzzjoni tal-ward tat-tip “Szőregi rózsatő” tmur lura għal iktar minn seklu u għandha tradizzjonijiet li huma uniċi fil-pajjiż. Il-kultivazzjoni tal-ward imtejjeb bl-għerq mikxuf li tinvolvi ħidma u ħila intensivi ħafna tipikament issir fl-irziezet tal-familja li jkunu ilhom jiżviluppaw għal ħafna ġenerazzjonijiet. L-għarfien u l-ħiliet żviluppati fir-reġjun jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra. Dawn jinkludu li jgħaddu t-tradizzjonijiet tal-kultivazzjoni, il-ħila u l-ħeffa tat-tilqim bl-idejn.
Fil-qosor, jista' jingħad li r-reġjun ta' Tisza-Maros, bil-klima kontinetali, bil-ħamrija alluvjali rikka fin-nutrijenti u bi struttura laxka u b'metodu ta' tisqija ideali u l-esponiment għad-dawl tax-xemx, huma konġenjali għall-kultivazzjoni tal-ward tat-tip “Szőregi rózsatő”. Bħala riżultat tal-kundizzjonijiet naturali eċċezzjonali u l-għarfien u l-esperjenza speċjalizzata trażmessi mill-missirijiet lil uliedhom, il-kwalitajiet speċifiċi tal-ward tat-tip “Szőregi rózsatő” jiġu ppreservati fi kwalunkwe kundizzjoni klimatika.
4.7. Entità tal-ispezzjoni:
Isem: |
Mezőgazdasági Szakigazgatási Hivatal Központ Élelmiszer- és Takarmánybiztonsági Igazgatóság |
||||
Indirizz: |
|
||||
Tel. |
+36 13369115 |
||||
Fax |
+36 13369011 |
||||
Posta elettronika: |
menyhertt@mgszh.gov.hu |
4.8. Tikkettar:
Il-kitba fuq it-tikketta hija: “Szőregi rózsatő”, bl-immaġni li ġejja:
Wara d-dħul fir-reġistru tal-Kummissjoni, għandhom jintwerew ukoll it-tikketta “indikazzjoni ġeografika protetta” u s-simbolu relatat tal-Kummissjoni.
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.
(2) Ejker katastrali huwa terminu tal-kejl qadim li huwa daqs 1 600négyszögöl, jiġifieri 0,5755 ettaru jew 5 755m2.