18.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 306/18


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2011/C 306/11

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni Ewropea fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“VADEHAVSLAM”

Nru tal-KE: DK-PGI-0005-0771-25.03.2009

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem:

“Vadehavslam”

2.   Stat membru jew pajjiż terz:

Id-Danimarka

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   It-tip ta’ prodott:

Il-kategorija 1.1.

Laħam (u ġewwieni) frisk

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1:

Il-prodott “Vadehavslam” jirreferi għall-karkassi u l-qatgħat tal-laħam tal-ħrief imwielda u mrobbija fiż-żona ġeografika identifikata.

In-nagħaġ huma tar-razza “Texel” jew inkella huma mnisslin minn taħlit bejn in-nagħaġ tar-razza Texel ma’ nagħaġ ta’ razez oħrajn li jitrabbew tradizzjonalment fl-imraġ tal-melħ (imraġ mgħarrqa minn żmien għall-ieħor bl-ilma baħar) (razez oħrajn tfisser li, xi kultant, meta nagħġa twelled l-ewwel ħaruf, in-nagħaġ tar-razza “Texel” jitgħammar ma’ mtaten tar-razez tan-nagħaġ imsejħa “Suffolk” jew “Gotland”).

L-għan ta’ dan it-tgħammir li sar matul is-snin kien li jitnisslu nagħaġ li jkunu mhux biss adattati għall-ħabitat tagħhom, iżda wkoll li jkollhom ħrief kbar u mlaħħmin. Dan, flimkien mal-ħaxix li l-ħrief jirgħu fl-imraġ tal-melħ, jiddistingwihom mill-ħrief imnisslin f’reġjuni oħra tal-pajjiż.

Ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-ħrief:

Il-piż mal-qatla

:

19 sa 25 kilogramm

Il-forma

:

mill-inqas 6

Il-kulur

:

3-4

Is-simna

:

1-2-3

Il-punt tal-qatla (jiġifieri kemm ikollhom il-ħrief meta jinqatlu) jiddependi fuq il-piż tagħhom, li jrid ikun ta’ bejn 19 u 25 kilogramm. Barra minn hekk, l-azjenda li tkun responsabbli għall-qatla għandha tidentifika l-kontenut tax-xaħam b’mod viżwali fil-biċċerija. (Qabel, għall-ħrief kienet tintuża notifika li kienet simili għal dik użata għall-annimali bovini tal-kumpanija “Danish Crown”. Minħabba li m’għadhomx jintużaw notifiki bħal dawn għall-ħrief, l-azjenda li hija responsabbli għall-qatla għandha tivverifika, b’mod viżwali u fuq il-post, jiġifieri fil-biċċerija, il-kontenut tax-xaħam fil-laħam).

3.3.   Il-materja prima:

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

Fix-xitwa mill-anqas nofs l-għalf tal-annimali jrid ikun għalf prodott fiż-żona identifikata. Fl-istess perjodu l-ħrief jirgħu l-ħaxix, il-qamħirrum, il-ħaxix tal-għalf u, fl-aħħar parti tal-perjodu tal-għalf, il-ħuxlief issupplimentat mix-xgħir.

L-annimali jridu jirgħu fl-imraġ tal-melħ u fil-promontorju taż-żona ġeografika identifikata għal mill-inqas 4 xhur u nofs fis-sena.

3.5.   L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-ħrief iridu jitwieldu u jitrabbew fiż-żona ġeografika identifikata.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.:

3.7.   Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar:

L-annimali maqtulin kollha jridu jiġu ttimbrati bil-lowgo tal-assoċjazzjoni tal-produtturi li fih il-kliem “Vadehav, Marsk og Mad” (li bejn wieħed u ieħor ifissru l-kwalità tal-ikel li ġej miż-żona mistagħdra tal-baħar Wadden).

Il-lowgo jrid jintwera fuq il-pakkett tal-prodott finali u jrid jiġi ttimbrat ukoll fuq l-annimal maqtul sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà.

Image

Image

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika hija r-reġjun tal-baħar Wadden li jinsab fil-Lbiċ tad-Danimarka. Ir-reġjun tal-baħar Wadden jinkludi t-tliet gżejjer imsejħin Romø, Mandø u Fanø kif ukoll id-Danimarka kontinentali. Hawnhekk, fin-Nofsinhar tiegħu, dan ir-reġjun jasal sal-fruntiera mal-Ġermanja. Fit-Tramuntana, dan ir-reġjun għandu l-istess konfini bħall-konfini tat-Tramuntana tal-Park Nazzjonali tal-Baħar Wadden. Fil-Lvant, ir-reġjun jasal sal-awtostrada A11.

5.   Ir-rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika:

Il-belt ta’ Ribe twaqqfet madwar is-sena 710 bħala post għall-kummerċ, u l-iskavi arkeoloġiċi żvelaw il-prodotti li kienu jinbiegħu hawnhekk. Fost dawn il-prodotti li kien hemm fis-suq sa minn kmieni nsibu n-nagħaġ u l-ħrief. Dawn in-nagħaġ u l-ħrief kienu ġejjin mill-irħula tal-imraġ tal-melħ ta’ ħdejn il-Baħar Wadden. Dan ifisser li l-bdiewa tal-post kienu diġà qed irabbu n-nagħaġ u l-ħrief hawnhekk fi Żmien il-Ħadid.

It-trobbija tal-ħrief tal-baħar Wadden imsejħin “Vadehavslam” tissejjes fuq din it-tradizzjoni twila ta’ trobbija tan-nagħaġ u l-ħrief fl-imraġ tal-melħ. Kull sena ż-żona kienet issofri minn għargħar ikkawżat mill-maltemp li kien jgħarraq għal kollox l-art agrikola. Il-baħar kien iħalli warajh saff ta’ sediment fertili. B’hekk inħolqu l-mergħat għammiela fl-imraġ tal-melħ li fihom l-annimali kienu jirgħu fis-sajf u li minnhom seta’ jinġabar l-għalf għax-xitwa.

Fl-artiklu msejjaħ “Jordbundsundersøgelser i marsken” (“Studji agrikoli dwar il-ħamrija fl-imraġ tal-melħ”), ippubblikat fl-1968 fil-Ġurnal tat-tkabbir tal-pjanti msejjaħ “Tidsskrift for planteavl”, Lorens Hansen studja kampjuni tal-ħamrija meħudin mill-imraġ tal-melħ. Fih kiteb: “Il-ħamrija tal-imraġ tal-melħ fiha, b’mod naturali, ħafna potassju. Dan ġej mill-kontenut kbir tat-tafal tagħha u mill-mod kif ġiet iffurmata”. Fir-raba’ normali, l-kontenut tas-sodju rari jkun jista’ jiġi stabbilit, minħabba li normalment ikun baxx ħafna u ma jkollu l-ebda impatt fuq l-istruttura tal-ħamrija. Madankollu, ħafna drabi, fl-imraġ tal-melħ insibu kontenut għoli tas-sodju fil-ħamrija, minħabba l-melħ li l-baħar ikun ħalla warajh meta nħolqu dawn iż-żoni.

Il-ħaxix b’saħħtu li jikber fl-imraġ tal-melħ huwa rikk u mhuwiex adattat ħafna għall-biedja konvenzjonali, iżda huwa kważi ideali għar-rigħi. Dan il-ħaxix b’saħħtu fih ħafna nutrijenti u fl-istess ħin jiflaħ għal kundizzjonijiet differenti tat-temp. Fil-fatt huwa l-impatt aħrax tal-baħar Wadden li jħalli warajh ħafna melħ li jagħmel din iż-żona waħda unika għar-rigħi. Fil-promontorju ta’ din iż-żona nsibu b’mod partikulari l-ħaxix u l-pjanti li ġejjin:

il-ħaxix fin, ix-xnien abjad li jikber waħdu (Trifolium nigrescens), Lotus corniculatus, il-pjanta bil-fjuri sofor tal-ġenus Rhinanthus imsejħa Rhinanthus minor, ir-ranunklu u l-armerija jikbru l-iktar fil-partijiet l-iktar ’il ġewwa, lejn id-digi;

l-ispika tal-baħar, il-pjanta tat-tip Triglochin maritima u xi ħaxix aħrax jikbru fiż-żona li tinsab iktar ’l isfel;

il-ħaxix tat-tip Puccinellia maritima u s-salikornja jikbru fl-iktar parti baxxa u ’l barra tal-promontorju.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott:

Bis-saħħa tat-tgħammir li minnu jitnisslu l-ħrief, huma jistgħu jgħixu fil-kundizzjonijiet ħorox tal-imraġ tal-melħ u tal-promontorju. Dan it-tgħammir wassal ukoll għal ħrief ikbar u iktar imlaħħmin b’laħam li huwa l-iktar dgħif. Il-laħam tal-ħrief tat-tip “Vadehavslam” huwa kkaratterizzat minn togħma partikulari mielħa.

5.3.   Ir-rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott:

L-ambjent aħrax u l-kundizzjonijiet speċjali tal-biedja li hemm f’din iż-żona jitolbu ħafna sforzi minn naħa tal-bdiewa li jrabbu l-ħrief fir-reġjun tal-baħar Wadden. Il-bdiewa tal-post jużaw l-għarfien u l-esperjenza tagħhom sabiex irabbu ħrief b’saħħithom u li jifilħu għall-kundizzjonijiet f’din iż-żona tal-baħar Wadden.

Il-ħrief huma kbar u mlaħħmin, u laħamhom għandu togħma partikulari mielħa minħabba l-kundizzjonijiet speċjali tat-trobbija li hemm f’din iż-żona. Meta jkun hemm għargħar u l-art tispiċċa taħt l-ilma baħar, fil-ħamrija jiġu ddepożitati l-melħ u l-minerali. Il-ħrief jirgħu fl-imraġ kollha melħ u l-livell għoli ta’ potassju u sodju fil-ħaxix jaffettwa t-togħma ta’ laħam il-ħrief u jagħtih il-kwalità speċjali tiegħu u t-togħma partikulari mielħa li tikkaratterizzah.

Il-laħam tal-ħrief tat-tip “Vadehavslam” ilu magħruf fid-Danimarka għal ħafna snin.

Fil-kotba dwar ir-reġjun tal-baħar ta’ Wadden u l-Park Nazzjonali tal-Baħar Wadden maħsubin għat-turisti, il-produzzjoni tal-laħam tal-ħrief tat-tip “Vadehavslam” hija deskritta bħala karatteristika importanti ta’ dan ir-reġjun.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:

http://www.foedevarestyrelsen.dk/SiteCollectionDocuments/25_PDF_word_filer%20til%20download/06kontor/Maerkning/Oprindelsesmaerkning_af_foedevarer/Varespecifikation%20for%20Vadehavslam.pdf


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.