27.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 283/11


Notifika tal-Inizjazzjoni ta' reviżjoni ta' skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajlandja

2011/C 283/07

Wara l-pubblikazzjoni ta’ notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajlandja (“il-pajjiżi kkonċernati”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   It-talba għal reviżjoni

It-talba tressqet fit-30 ta’ Ġunju 2011 minn 33 produttur jew grupp ta' produtturi tal-Unjoni (“l-applikanti”) li jirrappreżentaw proporzjon prinċipali, f’dan il-każ aktar minn 25 %, tal-produzzjoni tal-Unjoni ta' ċerti xkejjer u basktijiet tal-plastik.

2.   Il-prodott

Il-prodott li qed jiġi rivedut huwa xkejjer u basktijiet tal-plastik, li fihom mill-anqas 20 % ta’ kemm jiżnu f'polietilen u f'kisi ta' ħxuna li ma taqbiżx il-100 mikrometru (μm), li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajlandja (“il-prodott ikkonċernat”), u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 3923 21 00, ex 3923 29 10 u ex 3923 29 90 (il-kodiċi TARIC 3923210020, 3923291020 u 3923299020).

3.   Il-miżuri eżistenti

Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1425/2006 (3), kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 475/2011 (4).

4.   Ir-raġunijiet għar-reviżjoni

It-talba hija msejsa fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal biex jissokta d-dumping u tissokta l-ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

L-allegazzjoni tal-issoktar ta' dumping fir-rigward tat-Tajlandja hija msejsa fuq it-tqabbil ta' valur normali maħdum mal-prezzijiet ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea. Abbażi ta' dan, il-marġini tad-dumping ikkalkolat huwa sinifikanti.

Sabiex tintwera l-probabbiltà tal-issoktar ta' dumping fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, l-applikanti ffissaw il-valur normali għall-produtturi li jesportaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li ma ngħatawx trattament tal-ekonomija tas-suq matul l-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ abbażi tal-valur normali maħdum f'pajjiż b'ekonomija tas-suq kif jixraq, li jissemma fil-punt 5.1.(d). Għal dawk il-kumpaniji li ngħataw trattament ta' ekonomija tas-suq matul l-investigazzjoni, li wassal għall-miżuri fis-seħħ, il-valur normali ġie stabbilit abbażi ta' valur normali maħdum fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. L-allegazzjoni tal-issoktar ta' dumping hija msejsa fuq it-tqabbil tal-valur normali, kif stabbilit fis-sentenzi preċedenti, mal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat meta jkun mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea. Abbażi ta' dan, il-marġini ta' dumping li ġew ikkalkolati huma sinifikanti.

L-evidenza prima facie mogħtija mill-applikanti turi li l-volumi u l-prezzijiet tal-prodott importat ikkonċernat komplew ikollhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-livell tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni, u dan irriżulta f'effetti negattivi sostanzjali fuq il-qagħda finanzjarja u dik tal-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni.

5.   Il-proċedura

Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed provi biex tkun iġġustifikata l-inizjazzjoni ta' reviżjoni tal-iskadenza, il-Kummissjoni b'dan tagħti bidu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

5.1.    Proċedura biex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ dumping u ħsara

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk hux probabbli jew le li l-iskadenza tal-miżuri twassal biex jissokta d-dumping u tissokta l-ħsara.

(a)   It-teħid ta’ kampjuni

Fid-dawl tan-numru apparentement kbir ta' partijiet involuti f'dan il-proċediment, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tapplika t-teħid ta' kampjuni, f'konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

(i)   It-teħid ta' kampjuni għal esportaturi/produtturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fit-Tajlandja

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ u, jekk ikun il-każ, biex tkun tista’ tagħżel kampjun, l-esportaturi/il-produtturi kollha fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fit-Tajlandja, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw lilhom infushom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom, fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u skont il-formati indikati fil-punt 7:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks, u l-persuna ta’ kuntatt,

il-fatturat fil-munita lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Unjoni matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2010 u t-30 ta' Ġunju 2011 għal kull wieħed mis-27 Stat Membru (5) separatament u f'totali,

il-fatturat fil-munita lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ fis-suq domestiku matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2010 u t-30 ta' Ġunju 2011,

il-fatturat fil-munita lokali u l-volum f'tunnellati tal-prodott ikkonċernat mibjugħ lil pajjiżi terzi oħra matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2010 u t-30 ta' Ġunju 2011,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija madwar id-dinja fir-rigward tal-prodott ikkonċernat,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji kollha relatati (6), involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (għall-esportazzjoni u/jew domestiku) tal-prodott ikkonċernat,

kull informazzjoni rilevanti oħra li tista' tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta l-kumpanija tipprovdi l-informazzjoni ta' hawn fuq, hi tkun qiegħda taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ikun ifisser li trid twieġeb għal kwestjonarju u taċċetta investigazzjoni fuq il-post dwar it-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, din titqies li ma tkunx ikkooperat fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta' kooperazzjoni huma stabbiliti fil-punt 8 hawn taħt.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hi meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta' esportaturi/produtturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u tat-Tajlandja, u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' esportaturi/produtturi.

(ii)   It-teħid ta' kampjuni għall-importaturi

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ u, jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, l-importaturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, huma b'dan mitluba jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni u jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(b)(i) u fil-formati indikati fil-punt 7:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta' kuntatt,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott ikkonċernat,

il-volum f'tunnellati u l-valur f’euro ta' importazzjonijiet u bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu bejn l-1 ta' Lulju 2010 u t-30 ta' Ġunju 2011 tal-prodott importat ikkonċernat li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mit-Tajlandja,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (7), involuti fil-produzzjoni u/jew il-bejgħ tal-prodott ikkonċernat,

kull informazzjoni rilevanti oħra li tista' tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta l-kumpanija tipprovdi l-informazzjoni ta' hawn fuq, hi tkun qiegħda taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ikun ifisser li trid twieġeb għal kwestjonarju u taċċetta investigazzjoni fuq il-post dwar it-tweġibiet li tagħti. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, din titqies li ma tkunx ikkooperat fl-investigazzjoni. Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta' kooperazzjoni jinstabu fil-punt 8 hawn taħt.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hi meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

(iii)   It-teħid ta' kampjuni għall-produtturi tal-Unjoni

Fid-dawl tal-għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta' żmien stabbiliti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni jitwettaq skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun ta' produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (għal dan għandhom jikkuntattjaw il-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta' kuntatt ipprovduti fit-Taqsima 7 hawn taħt). Produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f'isimhom, li jqisu li hemm raġunijiet għaliex għandhom jiġu inklużi fil-kampjun għandhom jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data ta' pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi tal-Unjoni u/jew lill-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha, dwar il-kumpaniji magħżula fl-aħħar nett biex ikunu fil-kampjun.

(iv)   L-għażla aħħarija tal-kampjuni

Il-partijiet kollha interessati li jixtiequ jissottomettu kull informazzjoni rilevanti rigward l-għażla tal-kampjuni għandhom jagħmlu dan fil-limitu ta' żmien stabbilit fil-punt 6(b)(ii).

Il-Kummissjoni beħsiebha tagħmel l-għażla aħħarija tal-kampjuni wara li tkun ikkonsultat lill-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jkunu inklużi fil-kampjun.

Il-kumpaniji inklużi fil-kampjun għandhom iwieġbu għall-kwestjonarju fil-limitu ta’ żmien stipulat fil-punt 6(b)(iii) u għandhom jikkooperaw fil-qafas tal-investigazzjoni.

Jekk ma jkunx hemm biżżejjed kooperazzjoni, il-Kummissjoni tista’ ssejjes is-sejbiet tagħha, skont l-Artikoli 17(4) u 18 tar-Regolament bażiku, fuq il-fatti disponibbli. Sejbiet imsejsa fuq il-fatti disponibbli jistgħu jkunu inqas vantaġġjużi għall-parti kkonċernata, kif spjegat fil-punt 8.

(b)   Il-kwestjonarji

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hi meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-industrija tal-Unjoni inkluża fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta' produtturi tal-Unjoni, lill-esportaturi/produtturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u fit-Tajlandja inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ esportaturi/produtturi, lill-importaturi inklużi fil-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati.

(c)   Ġbir ta' informazzjoni u seduti ta’ smigħ

Il-partijiet kollha interessati, b'dan qed jiġu mistiedna jesprimu l-fehmiet tagħhom, jissottomettu informazzjoni barra mit-tweġibiet li taw fil-kwestjonarju u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Din l-informazzjoni u din l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(ii).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, sakemm dawn iressqu talba li turi li hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu. Din it-talba trid issir fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii).

(d)   L-għażla tal-pajjiż b’ekonomija tas-suq

Fl-investigazzjoni ta’ qabel il-Malasja ntużat bħala pajjiż b'ekonomija tas-suq xierqa għall-għan li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Il-Kummissjoni tipprevedi li terġa tuża lill-Malasja għal dan l-għan. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna li jikkummentaw dwar kemm hu xieraq dan il-pajjiż, fil-limitu ta' żmien speċifiku stipulat fil-punt 6(c).

5.2.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

B'konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku u fil-każ li l-probabbiltà li jissokta d-dumping u li tissokta l-ħsara tiġi kkonfermata, għandu jkun stabbilit jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Għal din ir-raġuni l-Kummissjoni tista' tibgħat kwestjonarji lill-industrija magħrufa tal-Unjoni, lill-importaturi, lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, lill-utenti rappreżentattivi u lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi. Dawn il-partijiet, inklużi dawk li l-Kummissjoni ma tafx bihom, sakemm jippruvaw li hemm rabta oġġettiva bejn l-attività tagħhom u l-prodott ikkonċernat, jistgħu, fil-limiti ta' żmien ġenerali stabbiliti fil-punt 6(a)(ii), jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni u jagħtuha l-informazzjoni. Il-partijiet li jkunu aġixxew b'konformità mas-sentenza preċedenti jistgħu jitolbu seduta ta' smigħ, billi jippreżentaw ir-raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, fil-limitu ta' żmien stipulat fil-punt 6(a)(iii). Ta’ min jinnota li kull informazzjoni mressqa skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku se titqies biss jekk tkun sostnuta b'evidenza fattwali fil-mument meta titressaq.

6.   Limiti ta’ żmien

(a)   Limiti ta’ żmien ġenerali

(i)   Biex il-partijiet jitolbu kwestjonarju

Kull parti interessata li ma kkooperatx fl-investigazzjoni li twassal għall-miżuri soġġetti għar-reviżjoni attwali għandha titlob kwestjonarju jew formoli ta’ talba oħrajn kemm jista' jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(ii)   Għall-partijiet li jridu jippreżentaw lilhom infushom, biex jissottomettu t-tweġibiet tal-kwestjonarju u kull informazzjoni oħra

Il-partijiet kollha interessati, jekk ir-rappreżentazzjonijiet tagħhom għandhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw lilhom infushom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, iressqu l-fehmiet tagħhom u jibagħtu t-tweġibiet tal-kwestjonarju jew kull informazzjoni oħra fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Għandha tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku tiddependi fuq il-preżentazzjoni tal-parti fil-limitu ta' żmien imsemmi qabel.

Il-kumpaniji li jintgħażlu f'kampjun għandhom iressqu t-tweġibiet għall-kwestjonarju fil-limitu ta' żmien speċifikat fil-punt 6(b)(iii).

(iii)   Seduti ta' smigħ

Il-partijiet kollha interessati jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 37 jum.

(b)   Limitu speċifiku ta' żmien fir-rigward tat-teħid ta' kampjuni

(i)

L-informazzjoni speċifikata fil-punti 5.1(a)(i), 5.1(a)(ii) u 5.1(a)(iii) għandha tasal għand il-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, billi l-Kummissjoni beħsiebha tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati li esprimew ir-rieda tagħhom li jkunu inklużi fil-kampjun fl-għażla aħħarija tagħha fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(ii)

Kull informazzjoni oħra rilevanti għall-għażla tal-kampjun kif imsemmi fil-punt 5.1(a)(iv) għandha tasal għand il-Kummissjoni fi żmien perjodu ta' 21 jum mill-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(iii)

It-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-partijiet li jkunu ġew inklużi fil-kampjun għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(c)   Limitu speċifiku ta' żmien għall-għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq

Il-partijiet fl-investigazzjoni jistgħu juru x-xewqa li jikkummentaw dwar kemm hu xieraq li l-Malasja titqies, kif imsemmi fil-punt 5.1(d), bħala pajjiż b'ekonomija tas-suq bl-għan li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Dawn il-kummenti għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

7.   Sottomissjonijiet bil-miktub, tweġibiet għall-kwestjonarju u korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-notifika, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduti mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali, għandhom ikunu mmarkati “Ristretti (8)”.

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jkunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni kunfidenzjali tista’ titwarrab.

Il-partijiet interessati huma mitluba jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha f'format elettroniku (is-sottomissjonijiet mhux kunfidenzjali permezz tal-email, dawk kunfidenzjali fuq CD-R/DVD), u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Madankollu, kwalunkwe Prokura, ċertifikazzjonijiet iffirmati u aġġornamenti tagħhom li jakkumpanjaw it-tweġibiet tal-kwestjonarju, għandhom jiġu sottomessi f'għamla ta' dokument fiżiku, jiġifieri bil-posta jew bl-idejn, fl-indirizz ta' hawn taħt. Skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament bażiku, jekk parti interessata ma tistax tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f'format elettroniku, għandha tgħarraf lill-Kummissjoni minnufih.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22956505

Kuntatt:

 

Għal kwistjonijiet marbuta mad-dumping:

Kaxxa postali tal-każijiet: trade-psb-dumping@ec.europa.eu

 

Għal kwistjonijiet marbuta mal-ħsara:

Kaxxa postali tal-każijiet: trade-psb-injury@ec.europa.eu

8.   Nuqqas ta' kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limitu ta' żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b’mod sinifikanti, is-sejbiet, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru f'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, din l-informazzjoni għandha titwarrab u jista’ jsir użu mill-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss b'mod parzjali, u jsir użu mill-fatti disponibbli, ir-riżultat jista' jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

9.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' din in-notifika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

10.   Il-possibbiltà li tintalab reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Billi din ir-reviżjoni ta' skadenza qed titnieda skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet li jirriżultaw minnha mhumiex se jwasslu biex il-livell tal-miżuri eżistenti jiġi emendat iżda se jwasslu biex dawk il-miżuri jiġu revokati jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk xi parti fil-proċediment tqis li tkun meħtieġa reviżjoni tal-livell tal-miżuri biex tippermetti l-possibbiltà li jiġi emendat (jiġifieri miżjud jew imnaqqas) il-livell tal-miżuri, dik il-parti tista' titlob reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jkunu jixtiequ jitolbu tali reviżjoni, li ssir indipendentement mir-reviżjoni tal-iskadenza msemmija f'din in-notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

11.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Jekk jogħġbok kun af li kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tkun ittrattata f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (9).

12.   L-Uffiċjal tas-Seduta ta' Smigħ

Ta' min jinnota wkoll, li jekk il-partijiet interessati jqisu li qed jiltaqgħu ma' diffikultajiet fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom għal difiża, dawn jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta ta' Smigħ tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. Dan jaġixxi bħala punt ta' interazzjoni bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, u joffri, fejn meħtieġ, il-medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f'dan il-proċediment, partikolarment fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-aċċess għall-fajl, mal-kunfidenzjalità, mal-estensjoni tal-limiti taż-żmien u mat-trattament tas-sottomissjonijiet tal-fehmiet bil-miktub u/jew bil-fomm. Għal aktar informazzjoni u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-internet tal-Uffiċjal tas-Seduti ta' Smigħ fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade/tackling-unfair-trade/hearing-officer/index_en.htm).


(1)  ĠU C 22, 22.1.2011, p. 8.

(2)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(3)  ĠU L 270, 29.9.2006, p. 4.

(4)  ĠU L 131, 18.5.2011, p. 10.

(5)  Is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, u l-Ungerija.

(6)  Għal gwida dwar it-tifsira ta' kumpaniji relatati, jekk jogħġbok irreferi għall-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(7)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna nru 6.

(8)  Dokument “Ristrett” huwa dokument li jitqies bħala kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Anti-dumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.