25.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 247/11


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2011/C 247/06

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

“LANGRES”

Nru tal-KE: FR-PDO-0217-0121-07.07.2009

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda:

Isem il-prodott

Image

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Image

Metodu ta’ produzzjoni

Image

Rabta

Image

Tikkettar

Rekwiżiti nazzjonali

Oħrajn (għandu jiġi speċifikat)

2.   Tip ta’ emenda/i:

Emenda għad-dokument uniku jew tal-iskeda tas-sommarju

Image

Emenda għall-ispeċifikazzjoni tad-DPO jew tal-IĠP rreġistrati, li għalihom ma ġie ppubblikat l-ebda dokument uniku jew skeda tas-sommarju

Emenda għall-ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda għad-dokument uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

Emenda temporanja għall-ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

3.   Emenda/i:

L-għan ġenerali tal-emendi mitluba huwa li jiġu stabbiliti d-dettalji kollha meħtieġa sabiex jissaħħu kemm il-kundizzjonijiet tal-ħalib użat kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-prodott innifsu.

Dawn l-emendi jippermettu li tissaħħaħ ir-rabta bejn il-prodott u t-territorju tiegħu u li jiġu ppreservati aħjar il-karatteristiċi tal-prodott.

3.1.   Punt 2 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

DESKRIZZJONI TAL-PRODOTT:

Id-deskrizzjoni tal-prodott tinkludi ċerta informazzjoni teknika speċifika biex ikun deskritt il-ġobon “Langres”.

L-aspett viżiv tal-qoxra u l-forma tal-ġobnijiet: min-naħa l-waħda, id-deskrizzjoni għandha ssir iktar preċiża u mill-oħra, il-vokabularju użat għandu jiġi adattat għar-realtà tal-prodott kif inhi vverifikata fil-qafas tal-kontrolli fuq il-prodott u dan b’mod partikolari meta jsiru l-eżamijiet organolettiċi. L-emendi li saru ma jwasslu għall-ebda bidla fil-karatteristiċi tal-prodott.

Referenza għad-dijametru tal-forom u mhux iktar għad-dijametru tal-ġobnijiet: din ir-referenza tintroduċi kjarifika dwar il-mod li bih tkun ikkontrollata l-konformità tad-dijametri tal-ġobnijiet. Billi dawn jinbidlu xi ftit skont it-tul u l-kundizzjonijiet tal-maturazzjoni, ġie kkunsidrat bħala iktar affidabbli li jiġu deskritti l-forom.

L-eliminazzjoni tal-għoli tal-ġobnijiet u l-introduzzjoni ta’ piż massimu: il-limitazzjoni b’piż minimu u massimu min-naħa l-waħda kif ukoll b’dijametru minimu u massimu mill-oħra ġie kkunsidrat bħala mod aħjar kif ikunu ddeterminati l-karatteristiċi tal-ġobnijiet.

Introduzzjoni ta’ format medju: minħabba li dan il-format huwa intermedju bejn il-format iż-żgħir u l-format il-kbir, il-konsumatur se jkun jista' jidentifika aħjar it-tipi differenti ta’ formati standard u b’hekk jiżgura tipiċità iktar affermata tad-denominazzjoni “Langres”. It-tnaqqis fid-dijametru tal-format iż-żgħir jippermetti wkoll li ssir distinzjoni aħjar bejn dan u l-format medju.

3.2.   Punt 5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

DESKRIZZJONI TAL-METODU TA’ PRODUZZJONI TAL-PRODOTT:

Il-produzzjoni tal-ħalib

Il-merħla tal-ħalib

L-użu ta’ razez adattati għal sistema ta’ produzzjoni inqas intensiva jippermetti li l-ġobon “Langres” isaħħaħ aħjar ir-rabta tiegħu mat-territorju.

Id-dispożizzjonijiet relatati max-xiri tal-baqar tal-ħalib u mal-alimentazzjoni tal-erieħ għandhom l-għan li jiżguraw li l-ħalib maħsub għall-produzzjoni “Langres” ikun ġej minn annimali li l-adattament tagħhom għat-territorju huwa kkonfermat peress li l-ġestjoni u l-alimentazzjoni tagħhom huma konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott matul perjodu li jippreċedi d-dħul tagħhom fil-produzzjoni.

L-alimentazzjoni tal-merħla tal-ħalib

Il-livell għoli ta' awtonomija alimentari taż-żona tal-produzzjoni tad-DPO “Langres” (livell li jilħaq it-80 %) huwa fost il-kriterji prinċipali li jsaħħaħ ir-rabta mat-territorju. Il-karatteristiċi tal-ambjent naturali u l-għarfien li għandhom ir-raħħala, b’mod partikolari fil-qasam tal-ġestjoni tar-ragħa b’hekk jiġu espressi fil-livell tal-alimentazzjoni tal-baqar tal-ħalib.

Id-dispożizzjonijiet kollha relatati mal-alimentazzjoni tal-merħla tal-ħalib għandhom l-għan li jżommu t-tradizzjoni tal-mergħa fiż-żona tal-produzzjoni tal-ġobon “Langres”, min-naħa l-waħda billi jiżguraw li fl-alimentazzjoni jkun hemm sehem minimu ta’ ħaxix mir-ragħa, mill-oħra billi jippreservaw il-kwalitajiet speċifiċi tal-ħaxix li ġej mill-mergħat filwaqt li tinżamm flora naturali diversifikata u jkun evitat li jiġu introdotti aġenti li jibdlu n-natura ta' din.

B’hekk, il-fatt li jkun hemm garanzija li fl-alimentazzjoni tal-annimali hemm sehem sinifikanti ta’ ħaxix (ragħa obbligatorju għal sitt xhur fis-sena, superfiċje minima ta’ 2000 m2 ta’ mergħa għal kull baqra tal-ħalib, sehem ta’ 30 % ta’ ħaxix fir-razzjon tax-xitwa) jikkostitwixxi element b’saħħtu ta' rabta mat-territorju. Il-limitazzjoni tal-użu ta’ fertilizzanti minerali għandha sehem minn dan ukoll, għaliex tippermetti li tiġi rispettata l-bijodiversità tal-mergħat filwaqt li jiġi kkontrollat l-eċċess ta’ nitroġenu li jwassal għall-aċidifikazzjoni tal-ħamrija li tirriżulta fi prevalenza ta’ speċijiet li mhumiex tajbin għall-ikel jew saħansitra kompetituri tal-flora mfittxija.

Il-kapaċità tal-ħżin tal-għalf, li tikkorrispondi għal 130 % tal-ħtiġijiet tal-perjodu xitwi, tirrifletti prattika antika, ferm mifruxa u speċifika għar-reġjun. Hija tippermetti li l-operatur agrikolu jilħaq l-għanijiet tiegħu f’termini ta’ awtonomija alimentari filwaqt li jilqa’ għall-isfidi klimatiċi li jwasslu għal ħsad ħażin. Hemm previst perjodu ta’ adattament għall-azjendi agrikoli li ma jissodisfawx dan il-kriterju.

L-għalf oħxon u l-għalf ikkonċentrat awtorizzati huma ddefiniti fil-forma ta’ listi pożittivi. Il-karatteristiċi ta’ dan l-għalf kif ukoll il-metodi kif jinħażen, kif jiġi ppreparat u kif jitqassam huma ppreċiżati wkoll. Dawn id-dispożizzjonijiet ġodda kollha jikkorrispondu għal prattiki tradizzjonali użati fir-reġjun tal-produzzjoni tal-ġobon “Langres”. Huma jippermettu b’mod partikolari li jiġu esklużi tipi ta’ għalf jew metodi ta’ konservazzjoni li jkollhom influwenza negattiva fir-rigward tal-ispeċifiċità tal-ħalib li jkun adattat biex jiġi proċessat f’ġobon “Langres”.

Il-lista ta’ dan l-għalf ġiet ukoll stabbilita b’rabta mal-obbligu tal-awtonomija alimentari taż-żona tal-produzzjoni, sabiex ikun hemm garanzija li l-ikel imqassam għandu oriġini lokali.

Barra minn hekk, il-limitazzjoni għall-għalf ikkonċentrat tirrappreżenta għodda sabiex titrażżan l-intensifikazzjoni tal-produzzjoni u tiġi promossa r-rabta mat-territorju.

L-ipproċessar tal-ġobon

L-użu ta’ trattamenti u ta’ addittivi għall-ġobnijiet kien is-suġġett ta’ leġiżlazzjoni ġenerali. Madankollu, qed jiġi osservat li xi tekniki ġodda, li ċertu numru minnhom jikkonċernaw xi trattamenti u xi addittivi, bħalma huma l-mikrofiltrazzjoni, il-konċentrazzjoni parzjali tal-ħalibijiet jew l-enzimi tal-maturazzjoni, jista’ jkollhom xi konsegwenzi fuq il-karatteristiċi tal-ġobnijiet ta’ denominazzjoni tal-oriġini. B’mod partikolari, jidher li ċerti addittivi enzimatiċi mhumiex kompatibbli maż-żamma tal-karatteristiċi essenzjali tal-produzzjonijiet li jkunu DPO.

Għalhekk deher li kien meħtieġ li fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti ta’ kull denominazzjoni tal-oriġini, fil-punt 5, jiġu ppreċiżati l-prattiki attwali li jikkonċernaw l-użu tat-trattamenti u tal-addittivi fil-ħalibijiet u l-produzzjoni tal-ġobnijiet, sabiex jiġi evitat li xi prattiki futuri li mhumiex koperti bir-regoli ma jdgħajfux il-karatteristiċi tal-ġobnijiet ta’ denominazzjoni.

Min-naħa l-oħra, fl-1996 ġew introdotti xi kriterji tekniċi fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott: it-tul u t-temperatura tal-fażi ta’ aċidifikazzjoni u tat-tqattir, in-nuqqas ta’ tidwir ta’ taħt fuq matul il-fażi tat-tqattir, il-frekwenza tal-kura waqt il-maturazzjoni.

Il-kriterji tekniċi ddefiniti fil-verżjoni l-ġdida tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-operazzjonijiet li jibdew mill-formazzjoni tal-baqta u jaslu sal-maturazzjoni tal-ġobnijiet jippermettu li jiġi ddefinit il-proċess ta’ produzzjoni u tkun żgurata l-omoġenjità meħtieġa sabiex ikunu espressi l-ispeċifiċitajiet organolettiċi tal-ġobon “Langres”. Dawn il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni jirrispettaw ukoll l-użi li permezz tagħhom il-ġobon “Langres” sar famuż tul l-istorja kollha tiegħu.

Il-maturazzjoni tal-ħalib qabel iż-żieda tat-tames u l-użu ta’ aġent mesofiliku ta’ fermentazzjoni jippermettu li tiġi ggarantita n-natura lattika tal-baqta, element essenzjali tal-proċess ta’ produzzjoni fid-dawl tal-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott lest.

It-tul tat-tibqit: informazzjoni ferm importanti peress li tippermetti li jiġu ggarantiti l-karatteristiċi tal-baqta li se jagħtu l-ispeċifiċità tiegħu lill-ġobon ta’ Langres.

It-tqattigħ tal-baqta: jippermetti li titwettaq fażi ta’ qabel it-tqattir f’reċipjent li jiffaċilita t-tqattir sussegwenti. Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni ta’ fażi ta’ qabel it-tqattir barra minn reċipjent għandha l-għan li tikkonserva l-integrità tal-baqta.

It-tneħħija tal-projbizzjoni li l-baqta tinħasel u tinħadem meta titqiegħed fil-forma: billi dawn l-operazzjonijiet huma speċifiċi għall-produzzjonijiet li jsiru permezz tat-“tames”, il-projbizzjoni saret inutli minħabba li l-pH tal-ġobnijiet meta jitneħħew mill-forma ġie limitat għal 4.6. Dan il-limitu, li jiggarantixxi n-natura lattika tal-ġobnijiet, jimpedixxi fil-fatt li jkun hemm ħasil jew ħdim.

Definizzjoni ta’ temperatura ta’ mill-inqas 19 °C: tippermetti li jiġi ffaċilitat it-tqattir spontanju u tippermetti li tinżamm l-attività enzimatika li tiffaċilita l-aċidifikazzjoni tal-ġobnijiet.

Limitazzjoni għal żewġ tidwiriet ta’ taħt fuq tal-ġobnijiet waqt it-tqattir: tiżgura l-formazzjoni naturali tal-ħofra fuq il-wiċċ ta’ fuq tal-ġobnijiet li hija karatteristika essenzjali ta’ din id-denominazzjoni.

Il-maturazzjoni tal-ġobnijiet

Il-preċiżazzjonijiet introdotti jippermettu li l-fażi tal-maturazzjoni, fis-sens wiesa’ tat-terminu (li tinkludi l-fażijiet li jibdew mit-tnixxif sal-maturazzjoni proprja) li hija fażi essenzjali tal-produzzjoni tal-ġobnijiet għaliex tippermetti li dawn jiżviluppaw il-potenzjal kollu tagħhom, tiġi ddefinita aħjar.

Definizzjoni tal-kundizzjonijiet tat-temperatura u tal-umdità (temperatura għall-fażi tat-tnixxif, temperatura u umdità għall-fażi tal-maturazzjoni proprja)

Obbligu ta’ kura fl-umdu jippermetti garanzija ta' kontroll tal-iżvilupp ta’ fermenti speċifiċi tal-maturazzjoni li jagħtu lill-ġobon “Langres” il-karatteristiċi organolettiċi partikolari tiegħu.

Definizzjoni ta’ tul ta' żmien minimu tal-maturazzjoni ta’ 18-il jum li jikkorrispondu għall-format medju li għadu kif ġie ddefinit.

3.3.   Punt 6 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

ELEMENTI LI JIĠĠUSTIFIKAW IR-RABTA MAL-AMBJENT ĠEOGRAFIKU:

Din il-parti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott inkitbet mill-ġdid skont il-pjan ibbażat fuq id-dokument uniku (speċifiċità taż-żona ġeografika/speċifiċità tal-prodott/rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott) u ġiet ikkompletata billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-preċiżazzjonijiet li saru dwar il-metodu tal-produzzjoni: il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tal-ħalib u tal-ipproċessar tal-ġobon li jikkontribwixxu għall-karatteristiċi u għar-reputazzjoni tal-ġobon “Langres”.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“LANGRES”

Nru tal-KE: FR-PDO-0217-0121-07.07.2009

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Isem:

“Langres”

2.   Stat Membru jew Pajjiż terz:

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:

3.1.   Tip ta’ prodott:

Klassi 1.3. –

Ġobnijiet

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1):

Dan huwa ġobon artab u b’qoxra misjura bix-xaħam tiegħu stess. Il-qoxra tiegħu, li tkun bejn lixxa u ftit imkemxa u bix-xaħam mal-qoxra, wara l-maturazzjoni jkollha kulur li jvarja bejn l-isfar dehbi u l-kannella fl-aħmar.

Il-qalba bajdanija tiegħu tieħu lewn fil-krema meta tibda timmatura. Il-forma tiegħu hija ċilindrika jew waħda li xxaqleb lejn dik ta' kon bla ponta, b'ħofra fil-parti ta’ fuq tagħha (fonda iktar minn 5 millimetri), fi tliet daqsijiet:

format kbir, prodott minn forma b’dijametru li jvarja bejn 16 u 20 ċentimetru, għal piż bejn 800 u 1 300 gramma,

format medju, prodott minn forma b’dijametru li jvarja bejn 9 u 10 ċentimetri, għal piż bejn 280 u 350 gramma,

format żgħir, prodott minn forma b’dijametru li jvarja bejn 7 u 8 ċentimetri, għal piż bejn 150 u 250 gramma.

Il-kontenut ta’ xaħam tiegħu wara tnixxif totali huwa mill-inqas ta’ 50 fil-mija.

Il-kontenut ta’ materja niexfa tiegħu huwa iktar minn 42 fil-mija.

Huwa prodott esklużivament b’ħalib tal-baqar biż-żieda ta’ tames li qabel ikun għadda minn perjodu ta’ maturazzjoni u li t-tul tal-koagulazzjoni, bejn sagħtejn u nofs u ħames sigħat u nofs, jiggarantixxi n-natura lattika tal-baqta.

Il-produzzjoni tiegħu b’mod partikolari tinvolvi numru ta’ tidwir ta’ taħt fuq limitat għal tnejn waqt it-tqattir kif ukoll kura fl-umdu waqt il-maturazzjoni li ddum bejn 15 u 21 jum skont il-format.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):

“Langres” huwa ġobon prodott esklużivament b’ħalib tal-baqra miżjud bit-tames, mhux ikkonċentrat u mhux rikostitwit, li ġej miż-żona ġeografika tal-produzzjoni ddefinita fil-punt 4. Il-konservazzjoni ta’ materja prima tal-ħalib billi din tinżamm f’temperatura taħt iż-żero hija pprojbita.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):

Is-sehem medju annwali tal-għalf imqassam lill-merħla tal-ħalib u li ġej miż-żona tad-denominazzjoni jirrappreżenta mill-inqas 80 % tal-materja niexfa tar-razzjon totali tal-merħla.

Il-merħla tal-ħalib għandha aċċess għall-mergħa matul perjodu annwali minimu ta’ sitt xhur, u matul dak il-perjodu għandha għad-dispożizzjoni tagħha superfiċje minima ta’ ħaxix ta’ 2000 m2 għal kull baqra.

Is-sehem tal-ħaxix fir-razzjon tax-xitwa jirrappreżenta mill-inqas 30 % tal-għalf oħxon imqassam, li tal-inqas nofsu jkun ħuxlief jew ħaxix imnixxef.

Huwa permess bħala għalf mhux ipproċessat:

il-ħaxix tal-mergħat naturali, temporanji jew artifiċjali, li jirgħu fuqu l-baqar, imqassam meta jkun frisk, ikkonservat bħala ħaxix għall-għalf maħżun f’sajlo, f’balel ċilindriċi, ta’ ħuxlief jew imnixxef

il-pjanta sħiħa tal-qamħirrun, imqassma meta tkun friska, ikkonservata bħala ħaxix għall-għalf maħżun f’sajlo, jew imnixxfa sew

il-pitravi għall-għalf

iċ-ċereali, imqassma meta jkunu friski, f’balel ċilindriċi jew ikkonservati f’forma ta’ ħaxix għall-għalf maħżun f’sajlo

it-tiben taċ-ċereali.

F’każ li l-annimali jingħataw għalf li jkun għadu frisk, l-għalf, maħsud kif inhu xieraq, għandu jittieħed meta jkun għadu frisk fl-azjenda agrikola u ma għandux jiġi msaħħan qabel ma jingħata lill-baqar tal-ħalib. Il-perjodu massimu tal-konsum ma għandux jaqbeż iż-żewġ ħalbiet li jsiru wara l-ħsad.

Il-pitravi għall-għalf għandhom jitnaddfu b’attenzjoni qabel ma jitqassmu. Huma jridu jitqassmu sħaħ, nodfa u fi stat tajjeb. Jekk jitqattgħu f'biċċiet, il-pitravi għandhom jiġu ppreparati kuljum.

L-għalf f’balel ċilindriċi jiġi prodott minn għalf imnixxef minn qabel, u għandu minimu ta' 60 % f'materja niexfa.

Il-ħaxix għall-għalf maħżun f’sajlo jiġi awtorizzat jekk ikun maħżun fuq art magħmula mill-konkrit; hija meħtieġa wkoll pjattaforma għall-ħatt tal-konkrit, ħlief jekk ikun hemm sistema alternattiva ta’ tagħbija xierqa.

Il-ħaxix għall-għalf maħżun f’sajlo jiġi inizjalment imnixxef minn qabel, u jkollu mill-inqas 30 % ta’ materja niexfa.

Il-ħuxlief bilfors irid jinħażen f’maħżen fin-niexef.

Mill-1 ta’ Jannar 2013, it-tiben bilfors irid jinħażen f’maħżen fin-niexef.

L-għalf ikkonċentrat u għalf niexef ieħor jinħażnu x’imkien nadif u għall-kenn mill-umdità. Għalf niexef huwa għalf li fih iktar minn 85 % ta’ materja niexfa.

L-ammont ta’ għalf ikkonċentrat ma għandux jaqbeż medja annwali ta’ 7 kg kuljum għal kull baqra tal-ħalib li qed tipproduċi l-ħalib.

L-għalf kompost ikkonċentrat, komplut jew supplimentari, huma magħmul minn:

ċereali jew prodotti sekondarji taċ-ċereali

pjanti li jipproduċu proteini u żejt

polpi veġetali

għasel iswed

alfalfa mnixxfa

prodotti magħmula mill-ħalib (xorrox)

għalf minerali li jista’ jkun miżjud bil-vitamini.

L-għalf ikkonċentrat jista’ jkun tal-“azjendi” (taħlita fl-azjenda magħmula minn komponenti prodotti fl-azjenda) jew “kummerċjali”.

It-tifrik taċ-ċereali jsir b’mod strettament mekkaniku.

L-għalf likwidu huwa aċċettat sakemm il-kompożizzjoni tiegħu tkun speċifikata b’mod ċar u tkun konformi mal-lista ta’ għalf awtorizzat.

L-użu tas-soda huwa pprojbit għat-trattament taċ-ċereali intiżi bħala għalf għall-merħla tal-ħalib.

Il-provvisti ta’ metjonina protetta u ta’ ammonja huma pprojbiti.

3.5.   Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:

Il-produzzjoni tal-ħalib flimkien mal-produzzjoni u l-maturazzjoni tal-ġobnijiet għandhom isiru fiż-żona ġeografika.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikketta:

It-tikkettar tal-ġobnijiet li jibbenefikaw mid-denominazzjoni tal-oriġini “Langres” għandu jinkludi l-isem tad-denominazzjoni tal-oriġini flimkien mal-kliem “Appellation d’origine” (Denominazzjoni tal-Oriġini), kollha miktubin b’ittri li jkunu mill-inqas daqs żewġ terzi tal-ikbar ittri li jkun hemm fuq it-tikketta.

Il-logo tal-UE “AOP” (DPO) għandu jitwaħħal bilfors.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika hija stabbilta madwar il-mergħat ta’ Bassigny u l-medda ta’ Langres.

Il-produzzjoni tal-ħalib flimkien mal-ipproċessar u l-maturazzjoni tal-ġobon għandhom isiru fit-territorju li ġej:

Fid-dipartiment ta’ Côte d’Or

Fil-communes ta’ Chaugey, Cussey-lès-Forges, Foncegrive u Vernois-lès-Vesvres.

Fid-dipartiment ta’ Haute-Marne

Fl-arrondissements ta’ Chaumont u ta’ Langres.

Fid-dipartiment ta’ Vosges

Fil-canton ta’ Neufchâteau.

5.   Rabta maż-żona ġeografika:

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika:

Iż-żona ġeografika hija stabbilta madwar il-mergħat ta’ Bassigny u l-medda ta’ Langres.

Iż-żona kollha tistrieħ fuq sottostrat tal-perjodu Ġurassiku li jagħti ħamrija tat-tafal u tal-franka ftit jew wisq taflija. L-għoli medju huwa bejn l-400 u l-500 metru.

Diversi kitbiet (tranżazzjoni dwar id-drittijiet sinjorili jew silta mill-kontijiet tal-belt ta’ Langres) huma xhieda li l-produzzjoni ta’ ġobnijiet f’forma intiżi għat-tqattir, għat-tnixxif u probabbilment maħsuba għall-maturazzjoni fil-kampanja ta’ Langres għandha oriġini medjevali.

Wieħed isib referenza għall-ġobon magħruf bħala “Langres” fi ktieb ta’ A. F. Pauriau tas-seklu 19 (“La laiterie, art de traiter le beurre, de fabriquer les beurres et les principaux fromages français et étrangers (Is-settur tal-ħalib u tad-derivati tiegħu, l-arti li jiġi pproċessat il-butir, il-produzzjoni ta’ tipi differenti ta’ butir u l-ġobnijiet prinċipali Franċiżi u barranin)”, 1874).

F’dak iż-żmien, il-produzzjoni kienet issir biss fl-irziezet u l-kummerċ tal-ġobon prodott f’dak ir-reġjun kien isir essenzjalment fil-belt ta’ Langres fejn 14-il dar kienu jixtru ġobnijiet bojod u kienu jieħdu ħsieb il-maturazzjoni tiegħu hemmhekk. Jidher li kien hemm daqsijiet differenti ta’ ġobon, skont l-epoki differenti u fuq kollox skont x’kienu l-għanijiet tal-kummerċjalizzazzjoni. Madankollu, b'mod ġenerali, wieħed jista’ jagħmel distinzjoni bejn ġobnijiet ta’ daqs ċkejken, dawk maħsuba biex jiġu kkonsmati wara li ma jkunx għadda wisq żmien minn fuqhom, u formati ta’ daqs ikbar, li jkunu iktar adattati għal konservazzjoni fit-tul u għal distribuzzjoni tal-prodotti f’destinazzjonijiet iktar imbiegħda.

Ftit ftit, xi bejjiegħa bl-ingrossa bdew jistabbilixxu ruħhom fil-madwar. Huma kienu jiksbu l-ġobon direttament mill-irħula u kienu jagħmlu kummerċ beda jikber gradwalment. Il-ġobon kien jintbagħat f’destinazzjonijiet bħal Pariġi, Châlons, Bar-le-Duc, Nancy, id-dipartimenti ta’ Corrèze u ta’ Allier u xi drabi Ġinevra. Ir-reputazzjoni tal-ġobon ta’ Langres laħqet il-qofol tagħha f’dak iż-żmien.

Imbagħad, il-gwerra tal-1914-1918 immarkat il-bidu tat-tnaqqis fil-produzzjonijiet fl-irziezet tal-ġobon “Langres”, li kompla sa tmiem is-snin 40. Fl-istess żmien u progressivament, din it-tip ta’ produzzjoni ġiet sostitwita minn produzzjoni ta’ ħalib u tad-derivati tiegħu li kienet ġejja minn azjendi li kienu jipproduċu l-ġobon li stabbilew irwieħhom fir-reġjun mill-bidu tas-seklu 20 imma li kienu orjentati lejn produzzjonijiet ta’ ġobon oħrajn, b’mod partikolari l-ġobon tat-tip ippressat u msajjar.

Kien imbagħad fl-1950 li xi artiġjani reġgħu bdew jipproduċu l-ġobon “Langres” u b’hekk reġgħu nedew il-produzzjoni ta’ dan il-ġobon. Fl-1981, inħoloq is-Syndicat interprofessionnel du fromage de Langres (l-Assoċjazzjoni interprofessjonali tal-ġobon ta’ Langres) li, sa mill-1986, l-għan tagħha huwa dak li tikseb denominazzjoni tal-oriġini kkontrollata, biex b’hekk tkun stabbilita r-reputazzjoni tal-ġobon ta’ Langres.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott:

Il-ġobon “Langres” huwa ġobon artab u b’qoxra misjura bix-xaħam tiegħu stess, li l-kulur tagħha wara l-maturazzjoni jvarja bejn l-isfar dehbi u l-kannella. Il-karatteristika prinċipali tal-ġobon hija l-preżenza ta’ ħofra fil-parti ta’ fuq tiegħu msejħa “fontaine (funtana)” jew “cuvette (skutella)”.

Il-ġobon isir fi tliet daqsijiet differenti, li l-piżijiet tagħhom huma ta’ bejn 150 u 250 gramma għall-format iż-żgħir, bejn 280 u 350 gramma għall-format medju u bejn 800 u 1 300 gramma għall-format il-kbir.

Il-produzzjoni tiegħu hija partikolarment ikkaratterizzata minn żewġ stadji essenzjali: maturazzjoni bil-mod tal-ħalib li tagħti baqta ta’ tip lattiku u kura waqt il-maturazzjoni billi l-ġobon jinħasel bl-ilma mielaħ.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):

Id-definizzjoni taż-żona ġeografika hija stabbilita abbażi taż-żona tradizzjonali ta’ produzzjoni tal-ġobon ta’ Langres u tat-trobbija tal-ifrat tar-razez li ilhom stabbiliti għal żmien twil fir-reġjun (b’mod partikolari, is-Simmental). Fl-azjendi tal-prodotti tal-ħalib hija imposta produzzjoni ta’ ħalib li fil-parti l-kbira ġej minn dawn ir-razez. Din iż-żona hija estiża fuq it-territorji ġirien li l-fatturi prinċipali tal-ambjent naturali tagħhom huma simili biżżejjed għaż-żona minn fejn joriġina l-ġobon.

Din il-ħamrija ppermettiet li tiġi stabbilita produzzjoni li tinvolvi wċuh diversifikati u wkoll trobbija tal-bhejjem u, b’mod iktar speċifiku, it-trobbija tal-bhejjem f’Bassigny fejn il-produzzjoni tal-ħaxix hija iktar favorevoli. Fl-alimentazzjoni tal-baqar tal-ħalib, is-sehem sinfikanti tal-ħaxix li ġej mill-mergħat taż-żona tal-produzzjoni jagħti l-possibbiltà li tkun iggarantita produzzjoni ta’ ħalib li tesprimi l-karatteristiċi tal-ambjent naturali.

Il-prattiki relatati mal-ġestjoni tal-popolazzjoni tal-bhejjem tal-ħalib huma adattati għar-restrizzjonijiet tal-ambjent naturali taż-żona ġeografika. B’hekk, il-preżenza fl-azjenda agrikola ta’ ħażniet sinifikanti ta’ għalf matul is-sena kollha hija prattika antika, mifruxa ferm fir-reġjun. Hija tiżgura alimentazzjoni bbażata fuq ħaxix li l-mergħa tippermetti biss parzjalment minħabba, min-naħa l-waħda, in-nixfiet sajfin tal-medda ta’ Langres u, mill-oħra, it-territorji relattivament idromorfiċi ta’ Bassigny.

Il-kundizzjonijiet partikolari tal-produzzjoni, bħal maturazzjoni fit-tul tal-ħalib u l-kura waqt il-maturazzjoni tal-ġobnijiet, jirriflettu għarfien lokali li ilu jintuża għal żmien twil.

Bl-istess mod, il-limitazzjoni tan-numru ta’ tidwir ta’ taħt fuq matul it-tqattir hija prattika li ilha tintuża mill-inqas mis-seklu 19. Hija tippermetti l-formazzjoni tal-“cuvette” (skutella) fuq il-wiċċ ta’ fuq tal-ġobnijiet. Din il-karatteristika essenzjali hija ggarantita mill-metodi ta’ produzzjoni li jridu jsegwu l-produtturi tal-ġobon “Langres” illum.

Il-metodi ta’ produzzjoni li jintużaw bħalissa, li huma r-riżultat ta’ użi storiċi, jippermettu li l-ġobon “Langres” ikollu l-karatteristiċi tiegħu li jikkonfermaw l-identità tiegħu: qalba ratba, qoxra misjura bix-xaħam tiegħu stess, riħa qawwija u tipika kif ukoll preżentazzjoni f’formati ferm distinti.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott:

(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCLangres-avec-modification.doc


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.