26.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 220/12


L-implimentazzjoni tal-Artikoli 35, 36, 43, 55 u 64 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra (“ir-Regolament dwar l-Irkantar”) mill-Istati Membri u r-rilevanza tagħhom għall-ħatra tal-pjattaformi tal-irkant skont l-Artikolu 26 ta' dak ir-Regolament

Miżuri ta' trasparenza fir-rigward ta' dokumenti relatati mas-sejħa għall-offerti msemmija fl-Artikolu 92 tar-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Artikolu 130(1) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni tiegħu li sar skambju tagħhom bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri fil-ħatra tas-sorveljatur uniku tal-irkant skont l-Artikolu 24 tar-Regolament dwar l-Irkantar u l-ħatra ta' pjattaformi tal-irkant skont l-Artikolu 26 ta' dak ir-Regolament

2011/C 220/02

1.   Introduzzjoni

Fir-reviżjoni tal-Iskema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet (“ETS”) miftiehma fl-2008, bħala parti mill-pakkett dwar il-klima u l-enerġija, huwa previst li l-irkantar tal-kwoti għandu jkun ir-regola aktar milli l-eċċezzjoni hekk kif jibda t-tielet perjodu ta' negozjar fl-2013 (1). Minbarra dan, mill-2012 għandhom jibdew jiġu rkantati 15 % tal-kwoti tal-avjazzjoni (2). Il-Kummissjoni kellha l-kompitu li tadotta regolament dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra tal-irkantar tal-kwoti (3). Fit-12 ta' Novembru 2010, il-Kummissjoni adottat ir-regolament imsemmi (“Ir-Regolament dwar l-Irkantar”) (4).

Fl-Artikoli 24 u 26 tar-Regolament dwar l-Irkantar huma previsti proċeduri ta' akkwist pubbliku konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għall-ħatra tas-sorveljatur uniku tas-suq (“SAM”) u l-pjattaformi komuni tal-irkant (“CAPs”).

Il-proċeduri tal-akkwist pubbiku konġunt għall-ħatra tas-SAM u l-CAPs se jitwettqu f'azzjoni konġunta skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 91(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ir-“Regolament Finanzjarju”) (5); u l-Artikolu 125c tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolamenti Finanzjaru applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ir-“Regoli ta' Implimentazzjoni”) (6).

Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 125c tar-Regoli ta' Implimentazzjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiftiehmu fuq il-modalitajiet prattiċi għat-twettiq tal-akkwist pubbliku. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jiddeterminaw il-modalitajiet prattiċi għat-twettiq tal-akkwisti pubbliċi konġunti permezz ta' ftehim ta' akkwist pubbliku konġunt għall-ħatra tas-SAM u ftehim ieħor ta' akkwist pubbliku konġunt għall-ħatra tal-CAPs.

2.   L-Akkwist Pubbliku ta' Suq Regolat bħala Pjattaforma tal-Irkant skont ir-Regolament dwar l-Irkantar

Skont ir-Regolament dwar l-Irkantar (7), l-irkanti jistgħu jitwettqu biss minn suq regolat awtorizzat skont id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (minn issa 'l quddiem “MiFID”) (8). L-akkwist ta' tali suq regolat għandu jsir skont il-proċedura tal-akkwist pubbliku b'konformità mal-liġi tal-Unjoni.

Fejn l-Istati Membri, b'konformità mal-Artikolu 26 tar-Regolament dwar l-Irkantar, jakkwistaw suq regolat f'azzjoni konġunta mal-Kummissjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 91(1) tar-Regolament Finanzjarju, id-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli għall-Kummissjoni għandhom japplikaw għall-proċess ta' akkwist pubbliku, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 125c tar-Regoli ta' Implimentazzjoni.

Fejn l-Istati Membri, b'konformità mal-Artikolu 30 tar-Regolament dwar l-Irkantar, jakkwistaw il-pjattaforma tal-irkant tagħhom stess, huma għandhom jagħmlu dan permezz ta' proċedura ta' għażla li hija konformi mal-liġijiet tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku u dawk nazzjonali li huma applikabbli. Il-Ġermanja, il-Polonja u r-Renju Unit iddeċidew li jaħtru l-pjattaforma tal-irkant tagħhom stess.

L-Istati Membri, soġġetti għat-traspożizzjonijiet individwali tagħhom tal-MiFID fil-liġi nazzjonali, jistgħu jwettqu tibdiliet fil-liġijiet nazzjonali tagħhom li jittrasponu l-MiFID sabiex ikun possibbli għas-swieq regolati (u l-operaturi tas-suq tagħhom (9)) stabbiliti fit-territorju tagħhom li jiġu awtorizzati għall-irkantar ta' prodotti rkantati previst fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament tal-Irkantar. Ma hemm l-ebda obbligu, skont l-Artikolu 35(4) tar-Regolament dwar l-Irkantar, fuq Stat Membru biex ibiddel il-liġijiet nazzjonali tiegħu li jittrasponu l-MiFID sabiex ikun possibbli għas-swieq regolati (u l-operaturi tas-suq tagħhom) stabbiliti fit-territorju tagħhom li jiġu awtorizzati għall-irkantar ta' prodotti rkantati skont ir-Regolament tal-Irkantar.

Għall-akkwisti pubbliċi konġunti tal-pjattaformi tal-irkant mill-Istati Membri u l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 26(1) u (2) tar-Regolament dwar l-Irkantar, l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Finanzjarju jipprevedi li kuntratti għandhom jingħataw skont il-kriterji ta' għoti wara li tkun ġiet ivverifikata, skont il-kriterji ta' għażla, il-ħila tal-operaturi ekonomiċi mhux esklużi skont il-kriterji ta' esklużjoni. Minbarra dan, skont l-Artikolu 135(3) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni, kwalunkwe kandidat jew offerent jista' jagħti prova li huwa awtorizzat li jwettaq il-kuntratt skont l-liġi nazzjonali kif evidenzjat, inter alia, b'ċertifikat jew dikjarazzjoni ġuramentata jew awtorizzazzjoni espressa. Dan jista' jinkludi prova ta' awtorizzazzjoni bħala suq regolat għall-irkantar ta' prodotti rkantati. Ir-rekwiżiti preċiżi ta' evidenza meħtieġa għall-konformità mal-Artikolu 135(3) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni u mal-għażla taż-żmien għall-preżentazzjoni tagħhom se jkunu parti mid-dokumenti relatati mas-sejħa għall-offerti msemmija fl-Artikolu 92 tar-Regolament Finanzjarju, ippubblikati mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, Serje S fuq is-sit elettroniku: http://ted.europa.eu/TED/main/HomePage.do (10). Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li kandidati jew offerenti jistgħu jkunu meħtieġa li jippreżentaw il-prova ta' evidenza meħtieġa mal-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti jew tat-talbiet biex jipparteċipaw, kif imsemmi fl-Artikolu 140 tar-Regoli ta' Implimentazzjoni.

Kandidati jew offerenti jeħtieġu biss li jkunu awtorizzati bħala suq regolat fi Stat Membru wieħed sabiex ikunu jistgħu jippreżentaw offerta skont l-Artikolu 135(3) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni. Hija r-responsabbiltà tal-kandidati jew l-offerenti li jivverifikaw, mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-istat ta' implimentazzjoni tal-Artikolu 35(4) tar-Regolament dwar l-Irkantar fl-Istati Membri rispettivi.

3.   L-Implimentazzjoni Nazzjonali ta' dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament dwar l-Irkantar li huma rilevanti għall-ħatra ta' Suq Regolat bħala pjattaforma tal-irkant

Flimkien ma' dan, l-Istati Membri huma meħtieġa li jagħmlu tibdiliet fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, jekk meħtieġ, sabiex jimplimentaw l-Artikoli 36(1) u 43 tar-Regolament dwar l-Irkantar fir-rigward tar-regoli dwar l-abbuż tas-suq; l-Artikolu 55(1), (3) u (4) tar-Regolament dwar l-Irkantar marbut mar-regoli dwar il-ħasil tal-flus, l-iffinanzjar tat-terroriżmu jew l-attività kriminali u l-Artikolu 64(2) tar-Regolament dwar l-Irkantar marbut mar-regoli dwar id-dispożizzjoni ta' mekkaniżmu straġudizzjarju fi ħdan is-suq regolat.

L-implimentazzjoni ta' dawn l-Artikoli mill-Istati Membri fejn is-suq regolat maħtur bħala pjatafforma tal-irkant (jew l-operatur tas-suq tiegħu) huwa stabbilit mhijiex rilevanti għad-deċiżjoni li jingħata kuntratt skont il-proċedura ta' akkwist pubbliku konġunt għall-ħatra ta' pjattaforma tal-irkant, iżda tista' tkun rekwiżit rilevanti għall-implimentazzjoni tal-kuntratt riżultanti. Jekk l-implimentazzjoni tal-kuntratt hija mfixxkla minħabba nuqqas ta' implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq min-naħa tal-Istat Membri fejn huwa stabbilit is-suq regolat maħtur bħala pjattaforma tal-irkant (jew l-operatur tas-suq tiegħu), il-kuntratt jista' jiġi tterminat minnufih.

Madankollu, fejn l-implimentazzjoni tal-Artikoli msemmija, min-naħa tal-Istati Membri, timponi obbligi fuq pjattaforma tal-irkant biex tistabbilixxi ċerti kapaċitajiet ma jistax jiġi eskluż li pjattaforma tal-irkant tkun meħtieġa li turi l-kapaċitajiet meħtieġa fl-offerta jew fit-talba ta' parteċipazzjoni irrispettivament minn jekk l-Istat Membru fejn tinsab il-pjattaforma tal-irkant ikun ikkompleta l-implimentazzjonali nazzjonali tiegħu tal-Artikolu rilevanti tal-Pjattaforma dwar l-Irkantar jew le. Pereżempju, l-Artikolu 55(4) tar-Regolament dwar l-Irkantar, inter alia, jesiġi li Stat Membru għandu jiżgura li l-miżuri nazzjonali ta' traspożizzjoni tal-Artikolu 34(1) tad-Direttiva 2005/60/KE dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering [ħasil ta' flus] u l-finanzjament tat-terroriżmu (11) (minn issa 'l quddiem id-“Direttiva AML”) japplikaw għal pjattaforma tal-irkant li tinsab fit-territorju tiegħu. Il-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 34(1) tad-Direttiva AML jesiġu li l-Istati Membri jiżġuraw li l-pjattaforma tal-irkant ikkonċernata tistabbilixxi politiki u proċeduri adegwati u xierqa sabiex tantiċipa u tipprevjeni operazzjonijiet relatati mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Pjattaforma tal-irkant tista' tkun meħtieġa li turi l-kapaċitajiet tagħha li tistabbilixxi dawk il-politiki u l-proċeduri fl-offerta jew it-talba ta' parteċipazzjoni tagħha. Hija r-responsabbiltà tal-kandidati u l-offerenti li jivverifikaw, mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-istat ta' implimentazzjoni tal-Artikoli 36(1), 43, 55(1), 55(3), 55(4) u 64(2) tar-Regolament dwar l-Irkantar fl-Istati Membri rispettivi.

4.   Lista tal-Implimentazzjoni mill-Istati Membri

Lista tal-Istati Membri li nfurmaw lill-Kummissjoni dwar jekk wettqux diġà t-tibdiliet jew għadhom qed iwettqu tibdiliet għal-liġijiet nazzjonali tagħhom kif deskritti fit-taqsimiet 2 u 3, inkluż qafas ta' żmien indikattiv għall-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom, se tiġi ppubblikata fuq is-sit elettroniku http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/auctioning_en.htm. L-iskop ta' din il-lista huwa li tippovdi lill-kandidati u offerenti b'informazzjoni dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-Artikoli 35, 36(1), 43, 55(1), 55(3), 55(4) u 64(2) tar-Regolament dwar l-Irkantar fil-ġurisdizzjonijiet varji tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni ma terfa' l-ebda responsabbiltà fir-rigward tal-akkuratezza u l-kompletezza tal-lista msemmija jew jekk hijiex f'waqtha.

5.   Miżuri ta' trasparenza fir-rigward tad-Dokumenti relatati mas-Sejħa għall-Offerti għall-akkwist pubbliku tas-SAM u tal-CAPs

Skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolament Finanzjarju, avviżi ta' kuntratt għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU). Dokumenti tas-sejħiet għall-offerti huma nnumerati fl-Artikolu 130(1) tar-Regoli ta' Implimentazzjoni. L-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Implimentazzjoni jippermetti forom oħra ta' reklamar sakemm dawn ma jsirux qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż fil-ĠU u jirreferu għall-avviż ippubblikat fil-ĠU li hu biss huwa awtentiku.

Fil-kuntest tal-akkwisti pubbliċi konġunti għall-ħatra tas-SAM skont l-Artikolu 24 tar-Regolament dwar l-Irkantar u tal-CAPs skont l-Artikolu 26 tar-Regolament dwar l-Irkantar, id-dokumenti relatati mas-sejħa għall-offerti msemmija fl-Artikolu 92 tar-Regolament Finanzjarju u, b'mod partikolari, kif stipulati fl-Artikolu 130 tar-Regoli ta' Implimentazzjoni, se jinkludu tagħrif sensittiv dwar is-suq. Skont il-ftehimiet tal-akkwist pubbliku konġunt, il-Kummissjoni hija meħtieġa li taqsam dak it-tagħrif mal-Istati Membri.

Sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għal tali tagħrif mill-parteċipanti kollha tas-suq, il-Kummissjoni beħsiebha tiżvela abbozzi ta' dokumenti ewlenin relatati mas-sejħa għall-offerti għall-ħatra tas-SAM u l-CAPs fuq is-sit elettroniku http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/auctioning_en.htm fl-istess mument li hija tqassamhom lill-Istati Membri, Kwalunkwe abbozz ippubblikat jista' jkun soġġett għal tibdiliet, inklużi tibdiliet sostanzjali, sakemm jiġi ppubblikat fil-ĠU. Kwalunkwe abbozz ippubblikat jista' jkun soġġett għal tibdiliet, inklużi tibdiliet sostanzjali, sakemm jiġi ppubblikat fil-ĠU. L-iżvelar tal-abbozzi tad-dokumenti relatati mas-sejħa għall-offerti ma għandux jikkostitwixxi pubblikazzjoni jew reklamar skont it-tifsira tal-Artikolu 90(1) tar-Regolament Finanzjarju jew l-Artikoli 118, 119 u 120 tar-Regoli ta' Implimentazzjoni; lanqas ma hu ser ikun vinkolanti fuq il-Kummissjoni jew l-Istati Membri li qed jieħdu sehem fl-akkwisti pubbliċi konġunti. Dawk l-avviżi u d-dokumenti assoċjati biss li jirrelataw mas-sejħa għall-offerti ppubblikati fil-ĠU għandhom ikunu awtentiċi skont it-tifsira tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Implimentazzjoni.


(1)  L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema li tippermetti l-iskambju [in-negozjar] tal-kwoti tal-emissjonijiet fir-rigward ta' gassijiet li jikkawżaw l-effett serra fi ħdan il-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003 p. 32).

(2)  L-Artikolu 3c(1) u l-Artikolu 3d(2) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema li tippermetti l-iskambju [in-negozjar] tal-kwoti tal-emissjonijiet fir-rigward ta' gassijiet li jikkawżaw l-effett serra fi ħdan il-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003 p. 32).

(3)  L-Artikoli 3d(3) u 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE kif emendata.

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 12 ta’ Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta’ rkantar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabilixxi skema għall-iskambju (għan-negozjar) ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 302, 18.11.2010, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolamenti Finanzjaru applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1).

(7)  Ara l-Artikolu 35(1) tar-Regolament dwar l-Irkantar.

(8)  Il-Punt (14) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2010, p. 1).

(9)  Il-Punt (13) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2010, p. 1).

(10)  Hemm aċċess għalihom ukoll permezz tas-sit elettroniku http://ec.europa.eu/clima/tenders/index_en.htm

(11)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.