2.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 193/22


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

2011/C 193/11

Din il-pubblikazzjoni tagħti dritt għal oġġezzjoni għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

SOMMARJU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

“BÉA DU ROUSSILLON”

Nru tal-KE: FR-PDO-0005-0548-30.03.2006

DPO ( X ) IĠP ( )

Dan is-sommarju jippreżenta l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal finijiet ta’ informazzjoni biss.

1.   Servizz kompetenti tal-Istat Membru:

Isem:

Institut national de l’origine et de la qualité (INAO)

Indirizz:

51 rue d’Anjou

75008 Paris

FRANCE

Tel.

+33 153898000

Fax

+33 142255797

Posta elettronika:

info@inao.gouv.fr

2.   Assoċjazzjoni:

Isem:

Syndicat de défense de la pomme de terre primeur du Roussillon

Indirizz:

Marché de Gros

66200 Elne

FRANCE

Tel.

+33 468359768

Fax

+33 468228695

Posta elettronika:

Kompożizzjoni:

produtturi/manifatturi ( X ) oħrajn ( )

3.   Tip ta' prodott:

Klassi 1.6.

Frott, ħaxix u ċereali, fl-istat naturali jew ipproċessati

4.   Speċifikazzjoni:

(sommarju tal-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

4.1.   Isem:

“Béa du Roussillon”

4.2.   Deskrizzjoni:

Il-“Béa du Roussillon” hija patata bikrija, jiġifieri patata li tinqala' qabel tkun immaturat għal kollox, mibjugħa friska.

Hija ġejja esklussivament mill-varjetà Béa.

Il-“Béa du Roussillon” għandha forma oblunga u tawwalija, hija ċatta u regolari. Il-qoxra tagħha lixxa u tleqq, ta' kulur isfar ċar, tant hija fina li l-patata tidher imqaxxra. Il-kulur tal-laħma tagħha huwa isfar ċar. Mill-perspettiva tat-togħma, għandha togħma qawwija ta' ħaxix bikri. Fil-ħalq hija kkaratterizzata minn togħma ftit ħelwa u minn aromi intensi ta' ħaxix bikri (qaqoċċ, piżelli, fażola). Il-laħam tal-patata huwa sukkulenti.

Il-“Béa du Roussillon” għandha daqs bejn 17-il millimetru u 65 millimetru u kontenut ta' materja xotta ta' inqas minn 20 % meta tkun ippakkjata.

Il-patata titpoġġa fis-suq bid-denominazzjoni tal-oriġini “Béa du Roussillon” mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Lulju tas-sena li fiha tinqala'.

4.3.   Żona ġeografika:

Il-patata tinbet, tkun ikkultivata, maħsula, magħżula u ppakkjata fiż-żona ġeografika tal-produzzjoni jiġifieri fit-territorju tal-muniċipalitajiet li ġejjin tal-pjanura ta' Roussillon (département des Pyrénées Orientales): Alénya, Argelès-sur-Mer, Baho, Bompas, Canet, Corneilla-la-Rivière, Elne, Latour-Bas-Elne, Le Soler, Ortaffa, Palau-del-Vidre, Perpignan, Pezilla-la-Rivière, Pia, Saint-Cyprien, Saint-Estève, Sainte-Marie, Saleilles, Théza, Torreilles, Villelongue-de-la-Salanque, Villeneuve-de-la-Rivière.

Iż-żona ġeografika hija kkaratterizzata prinċiparjament minn klima Mediterranja tipika, lokalizzazzjoni fuq it-terrazzi alluvjali riċenti tal-kwaternarju fuq art li tiskula u minn pajsaġġi partikolari magħmula mill-bniedem.

Il-patata tinqala' miż-żona ġeografika tal-produzzjoni, f'żona identifikata minn ġonta raba' jew parti minn ġonta raba', kif approvat mill-kumitat nazzjonali tal-prodotti agroalimentari ta' l’Institut National de l'Origine et de la Qualité, waqt is-seduta tad-19 ta' Mejju 2005.

Iż-żona tikkonsisti f'superfiċje ta' 5 500 ettaru fit-22 muniċipalità taż-żona ġeografika tad-denominazzjoni tal-oriġini “Béa du Roussillon”.

Iż-żona tal-ġonot tar-raba' kif identifikata hija mmarkata fuq il-mapep tar-reġistru tal-artijiet li jinsabu fil-kunsill lokali tal-muniċipalitajiet ikkonċernati.

4.4.   Prova tal-oriġini:

Il-patata “Béa du Roussillon” tiġi sorveljata u kkontrollata mill-għalqa sal-prodott finali

Huma identifikati l-operaturi kollha (produtturi u lokalitajiet tal-ħasil, l-għażla u l-ippakkjar), kif ukoll il-mezzi tal-produzzjoni tagħhom li jiffurmaw parti mill-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tad-denominazzjoni tal-oriġini. L-operaturi għandhom jippreżentaw dikjarazzjoni ta' identifikazzjoni qabel l-1 ta' Novembru tal-ewwel sena tat-talba tad-denominazzjoni. It-traċċabbiltà tal-prodott hija żgurata permezz ta' reġistri (reġistri tal-ħażniet, reġistru tal-kultivazzjoni) u ta' dikjarazzjonijiet li jintraċċaw il-movimenti kollha tal-prodott u tal-operazzjonijiet imwettqa.

Kull operatur li ma jixtieqx jalloka l-mezzi ta' produzzjoni tiegħu jew parti minnhom għad-denominazzjoni tal-oriġini kkontrollata, għandu jippreżenta dikjarazzjoni ta' intenzjoni li mhux se jalloka l-mezzi ta' produzzjoni inkwistjoni lill-assoċjazzjoni, qabel l-1 ta' Mejju tas-sena tat-tħawwil.

Kull produttur, kull sena wara li tinqala' l-patata, għandu jagħmel dikjarazzjoni tal-ħsad lill-assoċjazzjoni qabel il-31 ta' Awwissu tas-sena tal-ħsad. L-operaturi li jaqilgħu, jagħżlu u jippakkjaw il-patata għandhom jagħmlu dikjarazzjoni rikapitulattiva tal-kummerċjalizzazzjoni indirizzata lill-grupp qabel il-31 ta' Awwissu tas-sena tal-ħsad.

Din il-proċedura kollha tkun kompluta b'eżami analitiku u organolettiku, li jsir permezz ta' stħarriġ, li jippermetti li tkun żgurata l-kwalità u t-tipiċità tal-prodott. Dan l-eżami jsir fuq lottijiet ta' patata bikrija ppakkjata jew lesta biex tiġi ppakkjata.

4.5.   Metodu ta’ produzzjoni:

Il-fażijiet kollha tal-produzzjoni, tal-ħasil, l-għażla u l-ippakkjar għandhom isiru fiż-żona ġeografika identifikata.

It-tekniki tal-kultivazzjoni kif ukoll il-fażijiet tal-ħasil, l-għażla u l-ippakkjar għandhom jikkonformaw mal-metodu tal-produzzjoni u l-konservazzjoni tan-natura bikrija tal-patata, jiġifieri dehra ta' patata mingħajr qoxra.

Il-pjanta ċċertifikata tal-varjetà Béa, qabel tinbet titpoġġa f'kaxex miftuħa, f'serer jew mini mdawlin u arjużi, bejn l-aħħar ta' Diċembru u l-bidu ta' Jannar għal perjodu bejn 4 u 12-il ġimgħa.

It-tħawwil isir fir-raddiet fil-ħamrija mikxufa jew fil-ħamrija mogħttija bit-tiben u għandu jsir bejn il-25 ta' Jannar u l-20 ta' April. Il-pjanti jitħawlu bl-idejn.

Id-densità tat-tħawwil tkun bejn 60 000 u 78 000 pjanta għal kull ettaru għall-pjanti ta' daqs bejn 28 mm u 35 mm. F'dan il-każ, l-ispazju bejn ir-raddiet għandu jkun bejn 70 u 80 ċm u l-ispazju fuq ir-radda għandu jkun bejn 17 u 20 ċm.

Id-densità tat-tħawwil tkun bejn 42 000 u 53 000 pjanta għal kull ettaru għall-pjanti ikbar minn 35 mm. F'dan il-każ, l-ispazju bejn ir-raddiet għandu jkun bejn 70 u 80 ċm u l-ispazju fuq ir-radda għandu jkun bejn 25 u 32 ċm.

It-tkabbir f'serer jew f'mini huwa pprojbit. Huma awtorizzati biss għotjien temporanji kontra l-ġlata u r-riħ.

L-irrigazzjoni permezz ta' kanali, bexx jew irrigazzjoni lokalizzata huma awtorizzati minn meta l-pjanta tkun kibret 100 % sat-tmien (8) ġurnata qabel tinqala'. Dakinhar jew lejliet li l-patata tinqala', jista' jsir bexx fuq ħamrija xotta.

Il-fertilizzazzjoni minerali jew organika permezz tal-bexx hija pprojbita.

Il-kontroll tal-ħaxix ħażin bil-kimika huwa awtorizzat (fil-ħamrija koperta bit-tiben għandha tintuża nofs doża).

Iċ-ċiklu tal-produzzjoni għandu jdum massimu ta' 100 ġurnata. Huwa pprojbit li l-patata titqalleb qabel tinqala'. Il-qtugħ tal-weraq tal-patata biss huwa awtorizzat li jsir fl-istess ġurnata meta tinqala' l-patata. Il-patata tibda tinqala' minn ġonta raba' meta 70 % tat-tuberi jkunu kibru bejn 28 u 55 mm. Il-patata tinqala' bl-idejn jew permezz ta' għodda biex tinqala' l-patata li tissodisfa kriterji definiti magħmula biex jippriservaw l-integrità tal-patata u speċjalment biex ikun evitat li l-patata tinqasam jew taqa'. Il-patata mill-idejn titpoġġa f'kaxex sa massimu ta' 30 kg u tkun ikkunsinnata fl-istess ġurnata li tinqala' fil-lokalitajiet tal-ġbir, ħasil, għażla u ppakkjar.

Ir-rendiment massimu awtorizzat huwa ta' 30 tunnellata netta għal kull ettaru.

Il-patata għandha tinħasel, tingħażel u tkun ippakkjata fiż-żona tal-produzzjoni tal-“Béa du Roussillon” sabiex tkun ippreservata l-kwalità u l-karatteristiċi ta' din il-ħaxixa friska, fraġli u sensittiva speċjalment għax-xokkijiet u għad-dawl (tinħaraq bix-xemx u tiħdar malajr). Sabiex tkun ikkonservata d-dehra kważi mingħajr qoxra tal-patata “Béa du Roussillon”, din għandha tkun ippakkjata fi żmien 24 siegħa wara li tinqala'. Dan ifisser li l-fażijiet kollha meta l-patata tinħasel u tingħażel għandhom isiru wkoll f'perjodu ta' żmien ristrett. Huwa pprojbit li l-patata tinħasel fl-għalqa. Il-patata għandha tinħasel, tingħażel u tkun ippakkjata skont għarfien lokali u bl-użu ta' makkinarju adattat (għall-ħasil, l-għażla u l-ippakkjar) għal din il-produzzjoni; dawn għandhom l-għan li jevitaw li l-prodott jiġi sottomess għal kwalunkwe xokk. B'dan il-mod, matul il-proċess kollu, it-tuberi ma jaqgħux minn għoli ta' aktar minn 50 ċm. Għal kull waqgħa ogħla minn 30 ċm, it-tuberi jiġu protetti b'ilqugħ jew jaqgħu fuq tapit artab.

Wara l-fażi tal-għażla, it-tuberi “Béa du Roussillon” ikollhom il-karatteristiċi li ġejjin:

ikunu sħaħ, jiġifieri mingħajr qsim jew daqqiet li ma jbiddlux id-dehra ta' integrità;

b'saħħithom;

fermi;

ma jkunux xpakkati, jiġifieri ma jkollhomx qsim minħabba l-kobor tagħhom;

nodfa, prattikament mingħajr materjali esterni viżibbli, speċjalment ħamrija mwaħħla;

mingħajr ħsara kkawżata minħabba sħana jew ġlata;

ma ħdarux;

mingħajr diffetti gravi minn ġewwa;

ħielsa minn umdità mhux tas-soltu fuq barra,

mingħajr ebda togħma u/jew riħa barranija.

Minbarra l-kontribuzzjoni għall-preservazzjoni tal-kwalità u tal-karatteristiċi tal-prodott, it-twettiq tal-fażijiet tal-ippakkjar fiż-żona ġeografika jsaħħu l-kontroll tat-traċċibbiltà tal-prodott.

L-ippakkjar: … Il-patata “Béa du Roussillon” għandha tkun ippakkjata f'imballaġġi ta' massimu ta' 15-il kilo. Is-sorveljanza tal-prodott hija ffaċilitata mit-tqegħid ta' dispożittiv fuq kull imballaġġ, li jitlef l-integrità tiegħu wara li jinbigħ lill-konsumatur aħħari. Il-patata tiġi ppakkjata skont id-daqs tagħha kif ġej:

minn 17 sa 28 mm, it-tuberi jistgħu jinbigħu bid-denominazzjoni “grenaille”;

minn 28 sa 65 mm.

Kummerċjalizzazzjoni: Il-patata bid-denominazzjoni tal-oriġini “Béa du Roussillon” titpoġġa fis-suq mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Lulju, iż-żewġ ġranet inklussivi, tas-sena tal-ħsad.

4.6.   Rabta:

Grazzi għas-sistema tal-irrigazzjoni introdotta mill-Viżigoti, u għat-tnixxif u r-reklamazzjoni tal-għadajjar mill-Mori, il-ġonna Hortas ġew ikkultivati kmieni ħafna f'Roussillon

Il-patata bdiet tinżera' fis-seklu XVIII, u fl-1855 kienet tkopri 500 ettaru ta' art.

F'territorju propizju għall-ħxejjex bikrija, grazzi għall-klima mediterranja tiegħu semi-arida, il-varjetà tal-patata Béa ġiet imposta minn meta ssemmiet fil-katalgu tal-1954. Illum, dan il-baċin huwa l-uniku (fi Franza, l-Italjna u Spanja flimkien) li jipproduċi din il-varjetà bikrija.

Il-ħamrija użata għall-kultivazzjoni tal-“Béa du Roussillon” hija identifikabbli faċilment. Hija ħamrija alluvjali li tinsab fuq terrazzi taż-żrar. Hija żviluppata ftit, profonda, permeabbli, bit-tajn jew r-ramel, ratba ħafna u jiskula l-ilma minnha. Din il-ħamrija ma fihix ġebel u żrar li jippermettu t-tkabbir mingħajr intoppi tat-tuberi.

Minbarra l-kundizzjonijiet klimatiċi, il-ħamrija tagħti lil “Béa du Roussillon” il-karatteristiċi viżwali partikolari tagħha: tawwalija, ċatta, lixxa, safra ċara u tleqq. Kien stabbilit b'mod ċar li f'ħamrija bi strutturi differenti, il-karatteristiċi kienu differenti ħafna (ħarxa u iktar tonda).

Il-“Béa du Roussillon” tibbenefika minn klima strettament mediterranja, semi-arida bi staġun xott distint ħafna. It-temperatura medja tvarja bejn 15 u 16-il grad Ċelsju bi sjuf sħan ħafna u b'medja ta' madwar 2 530 siegħa xemx fis-sena. B'mod ġenerali ma tinżilx ħafna xita, minn 550 sa 650 mm fis-sena, u jvarjaw ħafna skont is-snin u ħafna drabi jkunu tempestużi.

B'ammont ta' sigħat ta' xemx uniku, xitwa mhux kiefra u sajf sħun iżda moderat minħabba li tinsab viċin tal-baħar, il-kundizzjonijiet naturali kollha jippermettu tkabbir armonjuż tal-pjanti u huma propizji għall-kultivazzjoni regolari tat-tuberi.

Ir-riħ mit-Tramuntana li jonfoħ kull ġurnata minn tlieta f'Roussillon ħafna drabi bis-saħħa, seta' kien ta' żvantaġġ, iżda għall-kuntrarju, għandu impatt benefiċjenti fuq il-kultivazzjoni filwaqt li jillimita bl-effett tiegħu, l-iżvilupp ta' mardiet kriptogamiċi li jagħmlu ħsara lill-forma u lin-natura regolari u uniformi tal-“Béa du Roussillon”. Barra minn hekk, l-għarfien tal-bniedem għen jillimita l-impatt tiegħu: sabiex ikunu miġġielda l-impatti diretti tiegħu (ikisser iz-zkuk), id-densitajiet jogħlew sabiex ikun introdott effett ta' massa u l-ġonta raba' tinqasam b'ħafna ċnut li jtaffu l-impatt tar-riħ. Fil-fatt, iż-żerriegħa hija fraġli ħafna fl-ewwel fażi tat-tkabbir, anke jekk din il-varjetà tirreżisti tajjeb ir-riħ minħabba li għandha zkuk ħoxnin u weraq reżistenti ħafna għall-buffuri tar-riħ, ladarba t-tħawwil isir kif suppost.

Il-pajsaġġ inkwistjoni huwa partikolari ħafna b'ġonot żgħar ta' ħamrija, ċnut għoljin u ċirkwit antik ta' kanali għall-irrigazzjoni u biex jiskula l-ilma. Dan il-pajsaġġ, għalkemm mhux statiku, ftit li xejn jinbidel u b'ħafna prekawzjonijiet. Ir-ristrutturar tiegħu iwassal għall-abbandun tal-kultivazzjoni tal-“Béa du Roussillon”.

Fil-livell tal-kultivazzjoni, il-fażi qabel jinbtu hija fażi essenzjali fil-preservazzjoni u l-iżvilupp ta' diversi żrieragħ, fejn it-tħawwil isir bl-idejn b'densità li tinvolvi ħafna żrieragħ. Id-densità togħla sabiex ikunu miġġielda l-effetti tar-riħ. L-irrigazzjoni li għadha ssir permezz tal-kanali hija sostitwita bil-bexx, mod kif ikun iffrankat l-ilma.

Barra minn hekk, l-għarfien tal-produtturi jidher ukoll fil-mod kif tinqala' l-patata. Fil-fatt, il-produtturi ivvintaw mod adattat għall-fraġilità tal-Béa, mod li jaqbad il-patata bil-ħamrija b'kollox għall-kuntrarju tal-metodu klassiku li l-għan tiegħu huwa li jelimina kemm jista' jkun ħamrija minn mal-patata mingħajr konsiderazzjoni tal-preservazzjoni tat-tuberi.

Dan il-mod jippermetti li jkunu evitati x-xokkijiet għal dawn it-tuberi fraġli minħabba li għandhom qoxra fina ħafna. Dawk li jaqilgħu l-patata jaħdmu bil-mod ħafna u b'attenzjoni kbira minħabba li kull patata titpoġġa fil-kaxxa bl-idejn.

Il-fażijiet l-oħra tal-ħasil, l-għażla u l-ippakkajr ukoll isiru bil-mod u b'attenzjoni kbira sabiex ikunu evitati ix-xokkijiet, protetti bi speċi ta' żurżieqa jew ilqugħ tal-plastik fejn jaqaw fihom minn għoli limitat, u jiġu ppakkjati mhux fi xkejjer jew f'xibka tradizzjonali, iżda f'imballaġġ sod li ma jistax ikun iktar minn 15-il kilo sabiex tkun ippreservata l-integrità tat-tuberi.

Il-karatteristiċi analitiċi, viżwali u gustativi tal-“Béa du Roussillon” huma marbuta maż-żona ta' produzzjoni u mal-għarfien espert tal-produtturi. B'dan il-mod, l-analiżi sensorjali mwettqa bejn l-1995 u l-2004 uriet b'mod ċar min-naħa li l-karatteristiċi partikolari tal-patata “Béa du Roussillon” matul is-snin baqgħu stabbli u min-naħa oħra li din il-varjetà ta' patata prodotta banda oħra ma jkollhiex l-istess karatteristiċi. Viżwalment il-patata hija ħoxna, iktar tonda, b'dehra ħarxa u jkollha kulur isfar iktar skur. Il-patata ma jkollhiex ir-riħa ta' ħaxix bikri u hija ħafna inqas intensa, u dan għal kuntrarju tat-togħma u tal-irwejjaħ ta' affumikazzjoni u ta' ħruq li jiddominaw.

L-ammont ta' materja xotta tal-“Béa du Roussillon” jista' jidher relattivament għoli meta mqabbel ma' dak ta' baċini ta' produzzjoni oħra, iżda dan huwa spjegat minn diversi fatturi: l-ewwel nett il-klima Mediterranja b'ammont baxx ta' xita, sigħat twal ta' xemx (speċjalment fir-rebbiegħa, il-perjodu meta jikbru t-tuberi u fis-sajf, il-perjodu ta' maturazzjoni), l-alternazzjoni tax-xita (okkażżjonijiet ta' xita tipiċi, ħafna drabi importanti fir-rebbiegħa) segwita minn xemx qawwija, temperaturi għoljin u t-tul ta' żmien taċ-ċiklu. Iktar ma javvanzaw l-istaġuni, kif ukoll fil-każ taċ-ċikli ta' kważi 100 ġurnata, l-ammont ta' materjal xott jiżdied biex jilħaq kważi 20 % mingħajr ma tinbidel il-kwalità tal-prodott.

Għall-kuntrarju, jekk jinqabeż dan il-perjodu, il-qoxra teħxien u l-patata titlef in-natura bikrija tagħha. Fil-fatt, l-analiżi sensorjali uriet li l-karatteristiċi tal-prodott “ Béa du Roussillon” kienu kkonservati u kostanti għall-ammont ta' materja xotta inqas minn 20 % (speċjalment bħala sukkulenza u aromi ta' ħxejjex bikrija

Dawn ir-rekwiżiti kollha jiġifieri, il-ħamrija, il-klima u l-ħila esperta tal-bniedem ikkontribwixxew għall-fama tal-“Béa du Roussillon” Din il-fama hija stabbilita kemm fil-livell professjonali kif ukoll fost il-konsumaturi. Il-“Béa du Roussillon” tkun mistennija fis-suq u meta tasal, tkun iktar popolari mill-varjetajiet oħrajn proposti lokalment bħala patata bikrija.

Dan huwa għaliex sa minn nofs is-snin ħamsin (1950's) u saħansitra sal-lum, għadd ta' artikoli fil-gazetti lokali, reġjonali u nazzjonali jagħmlu referenza għal dan il-prodott tipiku marbut mill-qrib maż-żona ta' produzzjoni tiegħu.

4.7.   Korp ta' spezzjoni:

Isem:

Institut national de l’origine et de la qualité (INAO)

Indirizz:

51 rue d’Anjou

75008 Paris

FRANCE

Tel.

+33 153898000

Fax

+33 142255797

Posta elettronika:

info@inao.gouv.fr

Isem:

DGCCRF

Indirizz:

59 boulevard Vincent Auriol

75703 Paris Cedex 13

FRANCE

Tel.

+33 144871717

Fax

+33 144973037

Posta elettronika:

4.8.   Tikkettar:

Barra l-informazzjoni obbligatorja prevista mir-Regolament dwar it-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-oġġetti tal-ikel, it-tikkettar tal-patata bikrija li tibbenifika mid-denominazzjoni protetta tal-oriġini “Béa du Roussillon” jinkludi t-tagħrif li ġej fuq kull imballaġġ individwali:

l-isem tad-denominazzjoni tal-oriġini “Béa du Roussillon”, miktub b’ittri li jkunu tal-inqas daqs l-ikbar ittri li jkun hemm fuq it-tikketta;

wara r-reġistrazzjoni tal-UE, ir-referenza “denominazzjoni protetta tal-oriġini” jew “DPO”

wara r-reġistrazzjoni tal-UE, il-logo DPO tal-UE.


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.