30.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 98/22


Avviż ta' tnedija rigward il-ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti kompressuri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

2011/C 98/08

Il-Kummissjoni ddeċidiet fuq inizjattiva tagħha li tiftaħ mill-ġdid parzjalment investigazzjoni antidumping dwar importazzjonijiet ta' ċerti kompressuri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina li tnediet skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”). Il-ftuħ mill-ġdid huwa limitat għall-eżaminazzjoni ta' jekk ċerti tipi ta' prodotti jaqgħux fl-ambitu tal-miżuri antidumping imposti fuq importazzjonijiet ta' ċerti kompressuri li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

1.   Il-prodott

Il-prodott ikkonċernat huma kumpressuri ta' reċiprokazzjoni (esklużi l-pompi ta' kompressur ta' reċiprokazzjoni), li jagħti fluss li ma jaqbiżx iż-2 metri kubi (m3) fil-minuta, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8414 40 10, ex 8414 80 22, ex 8414 80 28 u ex 8414 80 51 u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2.   Il-Miżura kkonċernata

Il-miżura kkonċernata hija dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 261/2008 (2) fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat (“miżura kkonċernata”). Il-miżura kkonċernata skadiet fil-21 ta' Marzu 2010 (3).

3.   Raġunijiet għall-ftuħ mill-ġdid

L-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni tindika li dawk hekk imsejħa mini-kumpressuri, jiġifieri kumpressuri mingħajr tank li jistgħu jintużaw fuq forniment ta' qawwa ta' 12 V, li jaqgħu fl-ambitu tal-prodott, jidher li huma distinti minn kompressuri oħra li huma soġġetti għall-miżura kkonċernata. Għalhekk, huwa meqjus li hu xieraq li tinfetaħ mill-ġdid l-investigazzjoni parzjalment safejn għandha x’taqsam il-kjarifika tal-ambitu tal-prodott ikkonċernat, bil-konklużjoni dwaru possibbilment b’effett retroattiv sa mid-data tal-impożizzjoni tal-miżuri antidumping rilevanti.

4.   Proċedura

Wara li ddeterminat, fuq konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li t-tnedija ta' ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni antidumping hija ġġustifikata, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal-ftuħ mill-ġdid parzjali tal-investigazzjoni antidumping fir-rigward ta’ importazzjonijiet ta' ċerti kompressuri li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li tnediet skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku permezz ta' avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4).

Il-Kummissjoni se teżamina l-informazzjoni mressqa mill-partijiet interessati kollha bil-għan li tiddetermina jekk il-mini-kompressuri għandhomx jiġu esklużi mill-ambitu tal-miżuri antidumping imposti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 261/2008.

Il-partijiet interessati kollha huma b'dan mistiedna jippreżentaw il-perspettivi tagħhom, iressqu informazzjoni u jipprovdu evidenza ta' sostenn. Din l-informazzjoni u l-evidenza ta' sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fil-limitu taż-żmien stipulat fil-paragrafu 5(a) ta' dan l-avviż.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, kemm-il darba dawn jagħmlu talba fejn juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu. Din it-talba trid issir fil-limitu taż-żmien stipulat fil-paragrafu 5(b) ta' dan l-avviż.

5.   Limiti ta’ żmien

(a)   Biex il-partijiet jippreżentaw ruħhom u jressqu informazzjoni

Il-partijiet interessati kollha, jekk iridu li r-rappreżentazzjonijiet tagħhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, għandhom jippreżentaw ruħhom billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw il-perspettivi tagħhom u jressqu kull informazzjoni oħra fi żmien 40 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Ta' min isemmi li l-eżerċizzju tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet proċedurali stipulati fir-Regolament bażiku jiddependi milli l-parti tippreżenta ruħha matul il-perjodu msemmi hawn fuq.

(b)   Seduti ta' smigħ

Il-partijiet interessati kollha jistgħu japplikaw ukoll biex jinstemgħu mill-Kummissjoni fl-istess limitu ta' żmien ta' 40 jum.

6.   Is-sottomissjonijiet bil-miktub u l-korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha magħmula mill-partijiet interessati jridu jsiru bil-miktub kemm fuq karta kif ukoll f’format elettroniku, u jridu jiġu indikati l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Jekk parti interessata ma tkunx tista’ tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f’format elettroniku minħabba raġunijiet tekniċi, din għandha tgħarraf lill-Kummissjoni minnufih.

Is-sottomissjonijiet bil-miktub u l-korrispondenza kollha pprovduti mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “Limitata” (5).

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Limitata” huma mitluba jipprovdu t-taqsiriet mhux kunfidenzjali tagħhom skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u l-kwalità mitluba, din l-informazzjoni kunfidenzjali tista’ tiġi mwarrba.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Fax +32 22956505

7.   Nuqqas ta' kooperazzjoni

F'każijiet fejn kwalunkwe parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti taż-żmien, jew tostakola b'mod sinfikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet proviżorji jew finali, fl-affermattiv jew fin-negattiv, jistgħu jsiru fi qbil mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni għandha tiġi injorata u għandhom jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

8.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Ta’ min jinnota li kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità (Unjoni) u dwar il-moviment liberu ta' dak id-data (6).

9.   L-Uffiċjal għas-Seduti ta' Smigħ

Ta’ min jinnota wkoll li jekk il-partijiet interessati jqisu li qegħdin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet biex jeżerċitaw id-drittijiet ta’ difiża tagħhom, dawn ikunu jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal għas-Seduti ta’ Smigħ tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. Dan jaġixxi ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi tal-Kummissjoni, filwaqt li joffri, fejn ikun meħtieġ, medjazzjoni dwar kwistjonijiet proċedurali li jaffettwaw il-ħarsien tal-interessi tagħhom f’dan il-proċediment, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-fajl, il-kunfidenzjalità, l-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-trattament tas-sottomissjoni tal-perspettivi bil-miktub u/jew bil-fomm.

Għal aktar informazzjoni u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni fuq l-internet tal-Uffiċjal għas-Seduti ta' Smigħ fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (http://ec.europa.eu/trade).


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament sostitwit sussegwentament bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(2)  ĠU L 81, 20.3.2008, p. 1.

(3)  ĠU C 73, 23.3.2010, p. 39.

(4)  ĠU C 314, 21.12.2006, p. 2.

(5)  Dan id-dokument huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tal-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim AntiDumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.