17.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 50/9


Avviż ta' bidu ta' proċediment antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, limitat għal żewġ produtturi esportaturi Ċiniżi, Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited u Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited, u ta' bidu ta' reviżjoni tal-miżuri antidumping fuq l-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

2011/C 50/07

Il-Kummissjoni rċeviet ilment skont l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), li jallega li l-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”) u prodotti minn Fang Da Food Additive (Shen Zhen) Limited u Fang Da Food Additive (Yang Quan) Limited (“il-grupp Fang Da” jew “iż-żewġ produtturi esportaturi kkonċernati”), qed jiġu dumped u għalhekk qed jikkontribwixxu għall-ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni.

1.   Ilment

L-ilment tressaq fit-3 ta’ Jannar 2011 minn Productos Aditivos SA (“il-kwerelant”) l-uniku produttur fl-Unjoni taċ-ċiklamat tas-sodju, li jirrappreżenta 100 % tal-produzzjoni tal-Unjoni tiegħu.

2.   Il-prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott li huwa soġġett għal din l-investigazzjoni huwa ċ-ċiklamat tas-sodju (“il-prodott li qed jiġi investigat”).

3.   Allegazzjoni ta’ dumping  (2)

Il-prodott li allegatament qed ikun oġġett ta' dumping huwa l-prodott li qed jiġi investigat, li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat u li bħalissa għandu l-kodiċi NM ex 2929 90 00. Dan il-kodiċi NM qed jingħata biss għall-informazzjoni.

Fin-nuqqas ta' dejta affidabbli dwar il-prezzijiet li hija disponibbli għall-kwerelant f'pajjiż analogu, l-allegazzjoni tad-dumping hija bbażata fuq tqabbil tal-valur normali maħdum (il-kosti tal-manifattura, l-SG&A u l-qligħ) mal-prezzijiet tal-esportazzjoni (fil-livell ex-works) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni fl-Unjoni.

Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta' dumping li ġew ikkalkulati huma sinifikanti.

4.   Allegazzjoni ta' ħsara

Il-kwerelant ipprovda evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat mill-pajjiż ikkonċernat kif ukoll miż-żewġ produtturi esportaturi kkonċernati żdiedu b’mod ġenerali f’termini assoluti u f’termini tas-sehem tas-suq.

L-evidenza prima facie li pprovda l-kwerelant turi li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott importat li qed jiġi investigat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa, fuq il-livelli tal-prezzijiet mitluba u fuq is-sehem tas-suq miżmum mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat ta’ effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni ġenerali, fuq is-sitwazzjoni finanzjarja u fuq is-sitwazzjoni tal-impjiegi fi ħdan l-industrija tal-Unjoni.

5.   Il-Proċedura

Wara li ġie determinat, fuq konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li l-ilment tressaq minn jew f’isem l-industrija tal-Unjoni u li hemm evidenza biżżejjed biex ikun ġustifikat il-bidu ta’ proċediment, il-Kummssjoni permezz ta' dan qed tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi investigat li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u prodott mill-grupp Fang Da huwiex oġġett ta’ dumping u jekk dan id-dumping ikkontribwixxiex għall-ħsara lill-industrija tal-Unjoni. Jekk il-konklużjonijiet ikunu fil-pożittiv, l-investigazzjoni se teżamina jekk l-impożizzjoni ta' miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

5.1.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tad-dumping

Iż-żewġ produtturi esportaturi (3) kkonċernati tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-iskop għandhom iressqu kwestjonarju mimli li jkollu informazzjoni dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija(i) tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija(i) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, il-kost tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fis-suq domestiku tal-pajjiż konċernat u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat lill-Unjoni.

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji liż-żewġ produtturi esportaturi kkonċernati tal-grupp Fang Da u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Iż-żewġ produtturi esportaturi kkonċernati għandhom iressqu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.1.2.   Il-proċedura fir-rigward tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

5.1.2.1.   L-għażla ta’ Pajjiż b’Ekonomija tas-Suq

Soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 5.1.2.2 hawn taħt, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina l-valur normali għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tal-prezz jew il-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Għal dan il-għan il-Kummissjoni se tagħżel pajjiż terz b’ekonomija tas-suq xieraq. Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament l-Indoneżja. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar kemm hija xierqa din l-għażla fi żmien għaxart ijiem mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.1.2.2.   It-trattament tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, iż-żewġ produtturi esportaturi kkonċernati, jistgħu jressqu talba sostanzjata kif xieraq għal dan il-għan (“talba għal TES”) jekk iqisu li fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat, jgħoddu l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq. Jingħata trattament ta’ ekonomija tas-suq (“TES”) jekk il-valutazzjoni tat-talba għal TES turi li l-kriterji stipulati fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku (4) huma ssodisfatti. Il-marġni ta’ dumping tal-produtturi esportaturi li ngħataw TES se jiġi kkalkulat, safejn hu possibbli u bla ħsara għall-użu ta’ fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, billi jintuża l-valur normali u l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom stess skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku.

Iż-żewġ produtturi esportaturi kkonċernati jistgħu wkoll, jew bħala alternattiva, jitolbu trattament individwali (“TI”). Sabiex jingħataw TI, dawn il-produtturi esportaturi għandhom jipprovdu evidenza li huma jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku (5). Il-marġni ta' dumping tal-produtturi esportaturi li jingħataw TI se jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjonijiet tagħhom stess. Il-valur normali għall-produtturi esportaturi li jingħataw TI se jissejjes fuq il-valuri stabbiliti għall-pajjiż terz b’ekonomija tas-suq magħżul kif deskritt hawn fuq.

(a)   It-Trattament ta’ Ekonomija tas-Suq (TES)

Il-Kummissjoni se tibgħat formoli għat-talbiet għal TES liż-żewġ produtturi esportaturi kkonċernati, kif ukoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Fil-każ li ż-żewġ produtturi esportaturi kkonċernati jiddeċiedu li jitolbu għal TES, għandhom iressqu l-formola għat-talba għal TES fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(b)   Trattament individwali (TI)

Biex japplikaw għal TI, iż-żewġ produtturi esportaturi kkonċernati għandhom iressqu l-formola għat-talba għal TES bit-taqsimiet li jirrigwardjaw it-TI mimlija kif xieraq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.1.3.   L-investigazzjoni tal-importaturi mhux relatati  (6)  (7)

Fid-dawl tal-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan il-proċediment u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti tal-iskadenza statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita għal għadd raġonevoli l-importaturi mhux relatati li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “teħid ta’ kampjuni”). It-teħid ta’ kampjuni se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi kollha mhux relatati, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b'dan jintalbu jippreżentaw lilhom infushom quddiem il-Kummissjoni. Dawn il-partijiet għandhom jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu l-informazzjoni li ġejja dwar il-kumpanija jew il-kumpaniji tagħhom lill-Kummissjoni:

l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numri tat-telefown u tal-faks u l-persuna ta’ kuntatt,

l-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat,

il-fatturat totali matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2010,

il-volum f'tunnellati u l-valur f'EUR ta' importazzjonijiet u bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2010 sal-31 ta' Diċembru 2010 tal-prodott importat li qed jiġi investigat li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u prodott mill-grupp Fang Da,

l-ismijiet u l-attivitajiet preċiżi tal-kumpaniji relatati kollha (8) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat,

kull informazzjoni rilevanti oħra li tista' tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

Meta tipprovdi l-informazzjoni ta' hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan jimplika li trid timla kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-bini tagħha sabiex jiġi vverifikat ir-rispons tagħha (“verifika fuq il-post”). Jekk kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, se jitqies li ma kkooperatx fl-investigazzjoni. Is-sejbiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx huma msejsa fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista' wkoll tikkuntattja kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jressqu xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, għajr l-informazzjoni mitluba hawn fuq, għandhom jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat fl-Unjoni u li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet tal-importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati li jkunu ttieħdu bħala kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet għandhom iressqu kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju mimli għandu jkun fih informazzjoni dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija(i) tagħhom, l-attivitajiet tal-kumpanija(i) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat u dwar il-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.2.    Il-proċedura għad-determinazzjoni tal-ħsara

Ħsara tfisser ħsara materjali lill-industrija tal-Unjoni, jew theddid ta’ ħsara materjali lill-industrija, jew dewmien materjali fl-istabbiliment ta’ tali industrija. Id-determinazzjoni tal-ħsara hija msejsa fuq evidenza pożittiva u tinvolvi determinazzjoni oġġettiva tal-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping, l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Biex ikun stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni ġarrbitx ħsara materjali, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.2.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi tal-Unjoni, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produttur tal-Unjoni magħruf. Il-produtturi tal-Unjoni kollha u l-assoċjazzjonijiet kollha tal-produtturi tal-Unjoni huma mistiedna li jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih bil-faks, iżda mhux aktar tard minn 15-il jum wara l-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jippreżentaw lilhom infushom u jitolbu kwestjonarju.

Il-produtturi tal-Unjoni u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni għandhom jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Il-kwestjonarju mimli se jkun fih informazzjoni dwar, inter alia, l-istruttura tal-kumpanija(i) tagħhom, il-qagħda finanzjarja tal-kumpanija(i), l-attivitajiet tal-kumpanija(i) fir-rigward tal-prodott li qed jiġi investigat, il-kost tal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat.

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ dumping u l-ħsara kkawżata minħabba f’hekk, se tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-adozzjoni ta’ miżuri antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw irwieħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Biex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi għandhom juru, fiż-żmien tal-istess skadenza, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi investigat.

Il-partijiet li jippreżentaw irwieħhom fl-iskadenza msemmija hawn fuq jistgħu jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar jekk l-impożizzjoni ta’ miżuri tmurx kontra l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata kemm f’format ħieles jew billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni mressqa skont l-Artikolu 21 titqies biss jekk tkun sostnuta b’evidenza fattwali meta titressaq.

5.4.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

Suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-avviż, il-partijiet interessati kollha b'dan huma mistiedna juru fehmiethom, iressqu l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ għandha titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    Il-proċedura biex isiru sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlijin u korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha, inkluża l-informazzjoni mressqa għall-għażla tal-kampjun, il-formoli mimlija għat-talba għal TES, il-kwestjonarji mimlija u kwalunkwe aġġornament tagħhom, li jsiru mill-partijiet interessati għandhom isiru bil-miktub kemm fuq karta kif ukoll f’format elettroniku, u għandhom jindikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz elettroniku, in-numru tat-telefown u tal-faks tal-parti interessata. Jekk parti interessata ma tkunx tista’ tipprovdi s-sottomissjonijiet u t-talbiet tagħha f’format elettroniku għal raġunijiet tekniċi, din għandha tgħarraf lill-Kummissjoni minnufih.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-avviż, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom ikunu mmarkati “Ristrett” (9).

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu taqsiriet mhux kunfidenzjali ta' din skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li għandhom ikunu mmarkati “Għal spezzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn it-taqsiriet għandhom ikunu dettaljati biżżejjed biex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali. Jekk parti interessata li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix taqsira mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u tal-kwalità mitluba, din l-informazzjoni kunfidenzjali tista’ tiġi injorata.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N105 04/092

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Faks +32 22956505

6.   In-nuqqas ta' kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti tal-iskadenza stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi, jistgħu jsiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Fejn jinstab li kwalunkwe parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista' tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk xi parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u s-sejbiet għalhekk ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

7.   L-uffiċjal tas-seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-DĠ Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi bħala medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għal aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti tal-iskadenza u t-talbiet għal smigħ minn terzi persuni. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet għad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qegħdin jiġu eżerċitati b’mod sħiħ.

Talba għal smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha issir bil-miktub u għandha tispeċifika għal liema raġunijiet tkun qed titressaq. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal smigħ għandha titressaq fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost oħrajn, id-dumping, il-ħsara, ir-rabta kawżali u l-interess tal-Unjoni. Smigħ bħal dan, bħala regola, isir mhux aktar tard minn tmiem ir-raba’ ġimgħa wara l-iżvelar tas-sejbiet provviżorji.

Għal aktar informazzjoni u dettalji ta’ kuntatt il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-DĠ Kummerċ: (http://ec.europa.eu/trade).

8.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tiġi konkluża, skont l-Artikolu 6(9) tar-Regolament bażiku fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri proviżorji jistgħu jiġu imposti mhux aktar tard minn disa' xhur mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   Ir-reviżjoni tal-miżuri eżistenti

Permezz tar-Regolament Implimentattiv tal-Kunsill (EU) Nru 492/2010 ġie impost dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet taċ-ċiklamat tas-sodju li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-Indoneżja, li attwalment għandhom il-kodiċi NM ex 2929 90 00 (kodiċi TARIC 2929900010). Ir-rata tad-dazju għall-kumpaniji tal-grupp Fang Da kienet ta’ EUR 0 għal kull kilogramma.

Fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO fil-Messiku – Ċanga u Ross (10), l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri imposti fuq il-grupp Fang Da bir-Regolament Implimentattiv tal-Kunsill (UE) Nru 492/2010 ma għadhiex xierqa u r-Regolament Implimentattiv (UE) Nru 492/2010 għandu jiġi emendat skont dan. Għalhekk għandha titnieda reviżjoni fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 492/2010 sabiex tippermetti li ssir kull emenda meħtieġa fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell il-Messiku – iċ-Ċanga u r-Ross.

Għalhekk, il-Kummissjoni hawnhekk tagħti bidu, skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1515/2001, għal reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 492/2010.

10.   L-ipproċessar tad-dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni se tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (11).


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Id-dumping huwa l-prattika ta' bejgħ ta’ prodott għall-esportazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) bi prezz aktar baxx mill-“valur normali” tiegħu. Il-valur normali ġeneralment jitqies bħala prezz komparabbli għall-prodott “simili” fis-suq domestiku tal-pajjiż li jesporta. It-terminu “prodott simili” huwa interpretat li jfisser prodott li jixbah fl-aspetti kollha lill-prodott ikkonċernat jew, fin-nuqqas ta’ tali prodott, prodott li jixbah ħafna lill-prodott.

(3)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott li qed jiġi investigat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament jew permezz ta’ terza persuna, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat. Esportaturi li ma jipproduċux normalment mhumiex intitolati għal rata ta’ dazju individwali.

(4)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) id-deċiżjonijiet u l-kosti tan-negozju jsiru b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq u mingħajr indħil sinifikanti mill-Istat; (ii) id-ditti għandhom sett wieħed ċar ta’ rekords bażiċi tal-kontabbiltà li jiġu vverifikati b’mod indipendenti b’mod konformi mal-istandards tal-kontabbiltà internazzjonali u li jiġu applikati għall-għanijiet kollha; (iii) ma hemm l-ebda distorsjoni sinifikanti li tkun intirtet mis-sistema preċedenti ta’ ekonomija mhux tas-suq; (iv) il-liġijiet dwar falliment u l-proprjetà jiggarantixxu ċertezza u stabilità legali u (v) il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jsiru skont ir-rati tas-suq.

(5)  Il-produtturi esportaturi għandhom juru b’mod partikolari li: (i) fil-każ ta’ ditti jew impriżi konġunti totalment jew parzjalment f’idejn barranin, l-esportaturi huma liberi li jibagħtu lura lejn pajjiżhom il-kapital u l-qligħ; (ii) il-prezzijiet tal-oġġetti esportati u l-kwantitajiet u l-kundizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ jiġu stabbiliti b’mod ħieles; (iii) il-maġġoranza tal-ishma tappartjeni lil persuni privati. L-uffiċjali tal-Istat li jiffurmaw parti mill-Bord tad-Diretturi jew li għandhom pożizzjonijiet maniġerjali ewlenin għandhom ikunu f’minoranza jew għandu jintwera li l-kumpanija hija madankollu indipendenti biżżejjed mill-indħil tal-Istat; (iv) il-konverżjonijiet tar-rata tal-kambju jsiru skont ir-rata tas-suq u (v) l-indħil mill-Istat mhuwiex tali li jippermetti ċirkomvenzjoni tal-miżuri jekk esportaturi individwali jingħataw rati differenti ta’ dazju.

(6)  L-importaturi li ma jkunux relatati mal-produtturi esportaturi biss jistgħu jintgħażlu għall-kampjun. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi għandhom jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għall-dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 8.

(7)  Id-dejta pprovduta minn importaturi li mhumiex relatati tista' tintuża wkoll fir-rigward ta' aspetti ta' din l-investigazzjoni għajr id-determinazzjoni tad-dumping.

(8)  Skont l-Artikolu 143 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, il-persuni għandhom jitqiesu relatati biss jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju ta' xulxin; (b) ikunu legalment rikonoxxuti bħala msieħba fin-negozju; (c) ikunu l-impjegatur u l-impjegat; (d) kull persuna li direttament jew indirettament tippossjedi, tikkontrolla jew ikollha 5 % jew aktar tal-ishma jew tal-kwoti ta' ishma bid-dritt tal-vot li jifdal jew it-tnejn flimkien; (e) wieħed minnhom, direttament jew indirettament, jikkontrolla lill-ieħor; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn terza persuna; (g) flimkien jikkontrollaw terza persuna direttament jew indirettament; jew (h) huma membri tal-istess familja. Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss ir-relazzjonijiet li ġejjin ma’ xulxin: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk tal-istess żewġ ġenituri jew aħwa minn genitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenituri jew ulied tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1). F’dan il-kuntest “persuna” tfisser kwalunkwe persuna naturali jew legali.

(9)  Dan id-dokument huwa dokument kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343 22.12.2009 p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(10)  Il-Messiku – Miżuri Definittivi ta' Antidumping fuq iċ-Ċanga u r-Ross, Rapport tal-Korp tal-Appell, WT/DS295/AB/R, id-29 ta' Novembru 2005.

(11)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.