|
15.2.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 47/12 |
Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel
2011/C 47/07
Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni
DOKUMENT UNIKU
IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006
“LOUGH NEAGH EEL”
Nru tal-KE: UK-PGI-0005-0796-10.02.2010
IĠP ( X ) DPO ( )
1. Isem:
“Lough Neagh Eel”
2. Stat Membru jew pajjiż terz:
Ir-Renju Unit
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel:
3.1. Tip ta’ prodott:
|
Klassi 1.7. |
Ħut, molluski u krostaċji friski, flimkien ma' prodotti derivati minnhom |
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1):
“Lough Neagh Eel” hu l-isem mogħti kemm lis-sallur selvaġġ Isfar (“Yellow”, magħruf lokalment bħala l-Kannella – “Brown”) kif ukoll lil dak Fiddi (matur, “Silver”) tal-ispeċi Anguilla anguilla (Sallura) maqbud fiż-żona ddefinita. Din l-applikazzjoni tkopri biss sallur frisk.
Il-“Lough Neagh Eels” għandhom il-karatteristiċi li ġejjin:
|
— |
Daqs kbir (tul minimu ta' 40 cm, piż bejn 150 u 600 g) |
|
— |
Kontenut ogħla ta' xaħam minn sallur li ġej minn lokalitajiet oħra (il-“Lough Neagh eels” maturi għandhom madwar 23 % xaħam). |
|
— |
Il-“Brown/Yellow Eels” li huma iżgħar fiż-żmien, għandhom kulur aħdar skur bi sfumatura ta' kannella fl-isfar. |
|
— |
Is-“Silver Eels” akbar fiż-żmien huma suwed bi sfumatura lewn il-fidda. |
|
— |
Il-“Lough Neagh Eels” għandhom ras dejqa u denb qasir b'ġisem tond. |
|
— |
Il-laħam tas-sallura friska, meta msajjar hu abjad, tari u mpaħpaħ b'togħma terrena |
3.3. Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss):
—
3.4. Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss):
Ma hu pprovdut l-ebda għalf. Is-sallur jiekol fis-selvaġġ.
3.5. Stadji speċifiċi fil-produzzjoni li għandhom iseħħu fiż-żona ġeografika identifikata:
Is-sallur irid jinqabad fiż-żona ddefinita bl-użu tal-metodu ta' xlief twil jew tal-għeżula tal-mitlaq fil-Lough Neagh jew maqbud bi lqugħ fissi mill-bokka tal-Lough san-naħa ta' Isfel tax-Xmara Bann.
Għall-prodotti pproċessati bħas-sallura ffumikata, l-indikazzjoni ġeografika (“Lough Neagh Eels”) tirreferi għall-materja prima, il-“Lough Neagh Eels” frisk.
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.:
—
3.7. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar:
—
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika:
Il-Lough Neagh fl-Irlanda ta' Fuq u n-naħa ta' Isfel tax-Xmara Bann, mill-plajja tat-Tramuntana tal-Lough Neagh sa Cutts f'Coleraine.
5. Rabta maż-żona ġeografika:
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika:
Il-Lough Neagh hu l-akbar lag fil-Gżejjer Britaniċi u hu l-ħames l-akbar lag fl-Ewropa, billi jkopri 150 mil kwadru. Jirċievi l-ilma minn numru ta' xmajjar u jnixxi fil-baħar permezz tan-naħa ta' Isfel tax-Xmara Bann fil-plajja tat-Tramuntana tal-Lough.
In-numru kbir ta' xmajjar li jferrgħu fil-Lough jirriżultaw f'depożiti għolja ta' residwi fil-Lough. Dawn ir-residwi huma skuri ħafna u magħmula minn ħama u tafal, materja organika u frustuli diatomi. Il-ħama u t-tafal jiġu primarjament mill-materjal fil-wiċċ tal-ilma imkaxkar mill-ilmijiet tax-xmajjar filwaqt li l-materja organika toriġina parti minn sorsi ta' qbid u parti oħra minn materjal prodott fil-lag stess. In-natura u d-daqs tagħhom jagħmluhom abitat ideali għan-numru kbir ta' invertebrati, b'mod partikolari l-larvi tad-dubbiena Chironomid li huma magħrufa li jiddominaw il-komunitajiet bentiċi fil-lag u li jiffurmaw il-biċċa l-kbira tal-ikel tas-sallura.
Il-Lough hu mimli nutrijenti (ipertrofiċi) u hu kontinwament espost għall-arja minn irjieħ ta' ċirkolazzjoni, li jiżguraw li n-natura arrikkita tal-lag ma tirriżultax f'nuqqas drammatiku ta' ossiġenu fix-xhur aktar sħan.
Il-frieħ tas-sallur jemigraw mill-Baħar Sargasso lejn it-Tramuntana matul il-Kurrent tal-Golf lejn l-Oċean Atlantiku. Isegwu l-Kurrent tal-Atlantiku tan-Nord lejn l-Irlanda. Jilħqu fejn tasal il-marea tax-Xmara Bann fil-kosta tat-Tramuntana tal-Irlanda ta' Fuq f'Coleraine fejn jiġu jew maqbuda u ttrasportati permezz ta' trakkijiet, jew jgħumu 'l fuq lejn il-Lough Neagh. Hekk kif jaslu fil-Lough, jiefqu, jieklu u jikbru sakemm ikunu lesti biex imorru lura fil-Baħar Sargasso biex ibidu. Meta jikbru għal kollox, jiefqu jieklu u istintivament jmorru lura fiż-żoni tal-bidien. L-unika rotta diretta għas-sallur biex imur lura fil-baħar hi permezz tan-naħa ta' Isfel tax-Xmara Bann.
Il-“Lough Neagh Eels” huma maqbuda bi tliet modi tradizzjonali differenti, żewġ metodi differenti għas-Sallur “Yellow” u t-tielet metodu għas-Sallur “Silver”:
Is-Sallur “Yellow”
Il-metodu tax-xlief twil
Is-sajjieda jagħmlu sa erba' linji tan-najlon bejn wieħed u ieħor b'tul ta' mil, b' madwar 400 sunnara llixkata mqabbda ma' kull linja. Imbagħad dawn il-linji jiġu “merfugħa” fis-siegħat bikrin tal-għada filgħodu. Dan jinvolvi li l-linja tinġab abbord bl-idejn u li tinħażen kull sallura maqbuda fi btieti li jiġi ppumpjat ilma frisk ġo fihom, sabiex titnaqqas il-mortalità.
Il-qabda tiddaħħal ix-xatt, fejn kull sallura taħt is-16-il pulzier (40 ċm) fit-tul tittieħed lura fil-Lough, skont ir-regolamenti tas-Soċjetà Kooperattiva tas-Sajjieda ta' Lough Neagh (Lough Neagh Fisherman’s Co-operative Society), sabiex jiġu żgurati stokkijiet sostenibbli għall-futur.
L-għeżula tal-mitlaq
Il-ġbid manwali ta' xbiek twil sa 90 jarda (82,3 m) u fond 18-il jarda (16,5 m). Biex jinġibu lura l-ħbula mwaħħla max-xbieki jintużaw rmunkaturi idrawliċi, iżda x-xibka nnifisha trid tiġi rmunkata bl-idejn u mhux bid-dgħajsa. It-tkarkir tal-qiegħ għas-sallur huwa pprojbit biex jiġi protett il-qiegħ tal-Lough.
Is-sajjieda ta' spiss jiddependu fuq l-esperjenza jew fuq l-għarfien profond tal-Lough biex jillokalizzaw l-aqwa qbid taħt kundizzjonijiet varji ta' temp u ta' ambjent.
Meta jiddaħħal ix-xatt, is-sallur jiġi ggradat u dawk inqas minn 40 cm jittieħdu lura fil-Lough bħala parti mill-immaniġġjar sostenibbli tal-istokkijiet tas-sallur. Miżuri oħra sabiex tiġi mmaniġġjata s-sostenibbiltà tal-istokk jinkludu, l-istaġun magħluq, meta s-sajd ikun pprojbit u l-kwota ta' qbid ta' kuljum.
Is-Sallur “Silver”
Is-Sallur “Silver” huwa sallur li kiber fil-Lough Neagh u issa se jibda istintivament il-migrazzjoni tiegħu lejn it-Tramuntana lejn il-kosta u aktar il-quddiem għall-Baħar Sargasso biex jirriproduċi.
Is-Sallur “Silver” jista' jinqabad biss mill-1 ta' Ġunju sal-aħħar ta' Frar.
Jinqabdu fi lqugħ fissi f'Toome (Toomebridge), fil-ħarġa tal-Lough Neagh fil-plajja tat-Tramuntana, u f'Kilrea fin-naħa ta' Isfel tax-Xmara Bann, madwar15-il mil aktar lejn it-Tramuntana minn Lough Neagh.
Is-Sallur “Silver” jemigra biss fid-dlam, allura jiġi maqbud bil-lejl billi jitniżżlu l-isfel fix-xmara xbieki kbar coghill fl-ilqugħ fissi. Kull xibka hi biswit tank fix-xmara fejn jitiqiegħed is-sallur maqbud. Dawn it-tankijiet jistgħu jitgħollew jew jitbgħaxxew skont il-livell tal-ilma fix-xmara skont il-fluttwazzjoni ta' inżul ix-xita.
Imbagħad, is-sallur jittieħed fil-fabbrika tal-Kooperattiva għall-gradazzjoni u aktar 'il quddiem għat-trasportazzjoni, l-istess bħas-Sallur “Yellow”.
Sostenibbiltà u Mmaniġġjar tal-Istokkijiet
Is-sallura hi mniżżla fl-Anness II tas-CITES (Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu). Barra minn hekk, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 li jistabilixxi miżuri għall-irkupru tal-istokk tas-sallura Ewropea jipproponi li għandhom jiġu implimentati l-Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tas-Sallur (Eel Management Plans).
Biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-istokk tas-Sallura fil-baċir ta' Neagh/Bann, twettaq il-Pjan ta' Mmaniġġjar tas-Sallur li kien żviluppat u mħaddem flimkien mas-Soċjetà Kooperattiva tas-Sajjieda ta' Lough Neagh. Iddaħħlu fis-seħħ numru ta' miżuri biex jinżammu l-istokkijiet. Dawn il-miżuri jistgħu jiġu mmaniġġjati prattikament biss permezz ta' sistema ta' liċenzjar, li hi mħaddma mis-Soċjetà. Ma hemm l-ebda restrizzjoni fuq min jista' japplika għal liċenzja. L-isħubija mas-soċjetà mhix prerekwiżit meta tapplika għal liċenzja, iżda jekk jingħata liċenzja, is-sajjed jista' jsir membru tas-Soċjetà Kooperattiva.
Is-Soċjetà Kooperattiva tas-Sajjieda ta' Lough Neagh timmaniġġja s-sotenibbiltà tas-sajd tas-sallur permezz ta' numru ta' miżuri:
|
— |
Kontroll fuq il-ħruġ ta' liċenzji. Il-Kooperattiva toħroġ madwar 180 liċenzja fis-sena. Il-propjetarju lliċenzjat tad-dgħajsa jrid ikun dejjem preżenti fuq id-dgħajsa meta jsir is-sajd. |
|
— |
Kontroll fuq il-metodi tas-sajd. Is-sajd għas-sallur jista' jsir biss bil-proċess ta' xlief twil jew tal-għeżula tal-mitlaq. Il-linji huma soġġetti għal numru massimu ta' snanar. Ġie stabbilit limitu ta' daqs kemm fuq id-dgħajsa kif ukoll fuq ix-xibka. |
|
— |
Kwoti ta' qbid. Ġiet stabbilita kwota ta' qbid ta' kuljum għal kull dgħajsa biex jiġi żgurat li fil-lough mhux qed isir sajd żejjed. |
|
— |
Daqs minimu ta' qbid. Is-sallur inqas minn 40 cm irid jittieħed lura fl-ilma mis-sajjieda. Jekk sallur żgħir wisq jintbagħat il-fabbrika, jittieħed lura fl-ilma mill-fabbrika u jistgħu jiġu mposti penalitajiet. |
|
— |
Operazzjoni ta' għeluq tal-istaġun. Is-sajd kemm għal sallur “yellow” kif ukoll għal sallur “silver” hu llimitat għal ċerti żminijiet fis-sena biex jippermetti r-riforniment mill-ġdid tal-istokkijiet. |
|
— |
Servizz ta' Protezzjoni. Ġie stabbilit servizz ta' protezzjoni 24 siegħa kuljum biex jiżgura li s-sajjieda lliċenzjati biss jistadu għas-sallur. |
|
— |
Operazzjoni ta' “qbid f'nasses u trasport”. Biex tgħin il-migrazzjoni “l ġewwa ta” sallur żgħir matul ix-Xmara Bann sa Lough Neagh, ħafna mis-sallur jiġi maqbud f'nasses u ttrasportat f'tankijiet sal-Lough biex jiżdied in-numru ta' sallur żgħir li ta' kull sena jasal fil-Lough. |
|
— |
Ħbula tradizzjonali tat-tiben. Il-ħbula tat-tiben huma magħmulin bl-idejn u mpoġġija matul il-mogħdijiet tas-sallur żgħir biex jgħinuh fil-passaġġ tiegħu biex jitla' 'l fuq tul il-Lough. Dan jgħin biex tiżdied ir-rata ta' suċċess ta' migrazzjoni 'l ġewwa lejn il-Lough. |
|
— |
Il-manteniment ta' fetħa (Queen's Gap) għall-passaġġ ta' Sallur “Silver” fl-ilqugħ fissi. Fetħa ta' 10 % (Queen's Gap) fejn ma jsirx sajd hi miżmuma fl-ilqugħ fejn is-sallur “Silver” huma maqbuda biex jippermetti lil xi ftit mill-istokk biex imur lura fiż-żoni tagħhom ta' tgħammir fil-Baħar Sargasso. |
|
— |
Ix-xiri ta' sallur żgħir minn żoni oħra biex ifornixxi r-reklutaġġ naturali tal-istokk. Fis-snin riċenti l-migrazzjoni naturali ta' sallur żgħir lejn Lough Neagh naqset, u għalhekk il-Kooperattiva tixtri sallur żgħir minn żoni oħra biex jikbru fil-Lough. Dan is-sallur żgħir jikber fil-Lough u għalhekk jagħtih il-karatteristiċi distinti tal-“Lough Neagh Eels”. |
5.2. Speċifiċità tal-prodott:
Il-“Lough Neagh Eels” huma magħrufa sew madwar l-Ewropa minħabba l-kontenut għoli ta' xaħam li għandhom (is-sallur matur għandu madwar 23 % xaħam), li jagħmilhom ideali biex ikunu affumikati. Prattikament, is-sallur kollu minn Lough Neagh jiġi mibjugħ barra l-Irlanda. Uħud minnhom jmorru fis-suq ta' Billingsgate f'Londra, iżda l-biċċa l-kbira jmorru l-Pajjiżi l-Baxxi u fit-Tramuntana tal-Ġermanja, fejn jiġu affumikati.
Il-“Lough Neagh Eels” primarjament jieklu larvi invertebrati li huma predominanti fil-Lough Neagh. Din it-tip ta' alimentazzjoni tfisser li għandhom ras iktar dejqa meta mqabbla ma' sallur ieħor minn reġjuni oħra li jieklu ħut.
Is-sallur huwa maqbud permezz ta' tekniki sostenibbli ta' sajd li jiżguraw l-immaniġġjar tajjeb tas-sajd tas-sallur.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP):
It-tradizzjoni storika antika ħafna u t-tekniki użati għall-qbid tas-sallur fiż-żona ġeografika speċifikata jiffurmaw il-bażi tar-rabta maż-żona ġeografika. Barra minn hekk, l-applikazzjoni hi bbażata fuq il-fama tal-“Lough Neagh Eels” li għandhom kontenut ogħla ta' xaħam minn sallur ieħor li ġej minn żoni oħra.
Il-Lough Neagh huwa l-akbar lag ta' ilma ħelu fil-Gżejjer Britaniċi mogħni b'ħafna karatteristiċi speċifiċi kif deskritti fis-sezzjoni 5.1 li jagħtu lok għal abitat li jipprovdi ikel ta' valur għoli u jikkontribwixxi għall-kontenut iktar għoli ta' xaħam li hu uniku fis-sallur tal-Lough Neagh.
Hemm tradizzjoni storika li ilha għaddejja, b'evidenza li s-sajd għas-sallur selvaġġ seħħ fil-Lough Neagh sa minn Żmien il-Bronż. It-teknika għall-qbid tas-sallur fiż-żona ġeografika speċifikata ilha għaddejja ħafna u l-istess metodi għadhom jintużaw sal-lum.
Is-sajjieda għadhom jużaw ħafna mill-metodi tradizzjonali użati mill-ġenerazzjonijiet ta' qabilhom. Huma maqbuda bl-użu tal-prattiċi sostenibbli mmaniġġjati mis-Soċjetà Kooperattiva tas-Sajjieda ta' Lough Neagh. Il-pratiċċi adottati jinkludu l-manteniment ta' “queens gap” li tipprovdi fetħa ta' 10 % fl-ilqugħ fissi tas-sallur biex tippermetti s-sallur “Silver” (matur) imur lura fiż-żoni ta' tgħammir fil-Baħar Sargasso.
L-importanza u l-fama tas-sajd tas-sallur fil-Lough Neagh huma evidenti matul l-istorja. Inkitbu ħafna poeżiji dwar is-sajjieda taż-żona stess u hemm numru ta' superstizzjonijiet mis-sajjieda tas-sallur. Iktar riċentement, skultura mibnija fil-belt ta' Toome li turi sallur jgħum, tirrifletti r-rilevanza li s-sajd tas-sallur għandu fl-istorja tal-lokal u fil-patrimonju taż-żona.
Ħafna mill-“Lough Neagh Eels” huma mibjugħa lill-kummerċjanti fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn jikklassifikaw il-“Lough Neagh eels” bħala l-aqwa fid-dinja biex ikunu affumikati. B'hekk, is-sallur minn Lough Neagh huwa mfittex ħafna u jġib prezzijiet ħafna ogħla minn sallur imrobbi jew minn sallur li ġej minn x'imkien ieħor.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni:
(L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)
http://www.defra.gov.uk/foodfarm/food/industry/regional/foodname/products/documents/lough-neagh-eel-pgi.pdf
(1) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.