22.1.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 22/4 |
Estratt mid-Deċiżjoni dwar Glitnir banki hf. skont id-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu
2011/C 22/03
Fit-22 ta’ Novembru 2010, Il-Qorti Distrettwali ta’ Reykjavík ordnat li Glitnir banki hf., bin-numru ta' Reġistazzjoni 550500-3530, Sóltún 26, Reykjavík, (il-“bank”) għandu jkun soġġett għal proċedura ta’ stralċ f’konformità mar-regoli ġenerali fit-Taqsima B tal-Kapitolu XII tal-Att Nru 161/2002, ara madanakollu il-Punti 3 u 4 tad-Dispożizzjoni Temporanja V tal-istess Att u b’seħħ legali skont il-Punt 2 tal-istess dispożizzjoni, kif emendat bl-Artikolu 2 tal-Att Nru 132/2010. Fit-8 ta’ Ottubru 2008 l-Awtorità Finanzjarja Superviżorja Iżlandiża (FME) ħadet l-inkarigu ta’ laqgħa tal-azzjonisti u ħatret Kumitat għar-Riżoluzzjoni għall-bank. Kif ġie awtorizzat bl-Att Nru 129/2008, ara l-Att Nru 21/1991, il-bank ingħata permess għal moratorju fuq id-djun tiegħu b’deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali tal-24 ta’ Novembru 2008. Dan il-moratorju ġie estiż tliet darbiet minn dak iż-żmien, l-aktar wieħed riċenti jkun fit-13 ta' Awissu 2010 sal-24 ta' Novembru 2010. Il-liġi ma awtorizzatx li jkun hemm estensjoni ulterjuri.
L-Att Nru 44/2009, li daħal fis-seħħ fit-22 ta' April 2009, emenda n-natura u sustanza tal-moratorju tal-impriza finanzjarja. Skont il-Punt 2 tad-Dispożizzjoni Temporanja II tal-Att Nru 44/2009 (Dispożizzjoni Temporanja V tal-Att Nru 161/2002), id-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 101, l-Artikolu 102, l-Artikolu 103 u l-Artikolu 103 a tal-Att Nru 161/2002, kif emendati mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 5 u l-Artikoli 6-8 tal-Att Nru 44/2009, japplikaw għall-moratorju bl-istess mod daqs li kieku l-bank tqiegħed taħt il-proċeduri ta' stralċ b'deċiżjoni tal-Qorti fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Att. Madanakollu, il-Qorti ddikjarat li l-proċeduri ta' stralċ għandhom ikunu riferiti bħala moratorju tad-djun sakemm dan ikun awtorizzat. L-Att Nru 44/2009 iddikjara wkoll li hekk kif jiskadi dan il-moratorju, l-impriża għandha awtomatikament, u mingħajr il-ħtieġa ta' deċiżjoni tal-qorti, titqies bħala waħda li qiegħda taħt il-proċeduri ta' stralċ skont ir-regoli ġenerali. Il-bord tal-istralċ inħatar għall-bank b’deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali ta’ Reykjavík fit-12 ta' Mejju 2009.
Ġiet ippubblikata stedina lill-kredituri u l-iskadenza biex jitressqu t-talbiet ġiet iffissata għas-26 ta' Novembru 2009. Minbarra l-istedina, l-avviż inidika l-iskadenzi li kellhom jiġu osservati. Saru tliet laqgħat dwar it-talbiet imressqa u għandha ssir laqgħa oħra fl-14 ta' April 2011. F'dik il-laqgħa, mistennija li tiġi konkluża l-preżentazzjoni mill-Bord tal-Istralċ dwar ir-rikonoxximent tat-talbiet kontra l-bank.
L-Att Nru 132/2010, li daħal fis-seħħ fis-17 ta' Novembru 2010, emenda l-Att Nru 161/2002 b'tali mod li qabel jiskadi l-moratorju tad-djun awtorizzat tal-impriża, il-Kumitat għar-Riżoluzzjoni u l-Bord tal-Istralċ b'mod konġunt jistgħu jitolbu li l-Qorti tordna li l-impriża titqiegħed taħt proċeduri ta' stralċ skont regoli ġenerali, jekk fl-analiżi tal-Qorti jkunu ssodisfati l-ħtiġiet sostanzjali tal-Punt 3 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tal-Att. Jekk il-Qorti tilqa' din it-talba, dawk il-miżuri li jkunu ttieħdu matul il-moratorju għad-dejn tal-impriża, ma jkunux mibdula mad-dħul fis-seħħ tal-Att Nru 44/2009.
Il-Kumitat għar-Riżoluzzjoni u l-Bord tal-Istralċ ressaq talba għal tali ordni, u fit-22 ta' Novembru 2010 ttieħdet deċiżjoni abbażi tal-Att kif emendat mill-Att Nru 132/2010. Il-Qorti sabet li kienu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Att għal deċiżjoni ta' proċeduri ta' stralċ.
L-assi tal-bank jammontaw għal ISK 783 biljun (ibbażati fuq il-prospetti attwali għall-irkupru u bir-rata tal-kambju għall-ISK tat-30 ta' Settembru 2010) u bid-djun tagħha ta' kważi ISK 2,838 biljun. Skont il-valutazzjoni tal-Qorti, il-bank kien għaldaqstant fallut u d-diffikultajiet tiegħu biex iħallas aktarx ma kinux temporanji, ara l-Punt 3 tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tal-Att Nru 161/2002.
Barra minn hekk, kif tipprovdi l-liġi, id-deċiżjoni tal-Qorti tikkonferma li l-miżuri li ttieħdu matul il-moratorju tal-impriża wara d-dħul fis-seħħ tal-Att Nru 44/2009 għandhom jibqgħu validi, li jkun ifisser, pereżempju, li l-ħatra tal-Kumitat għar-riżoluzzjoni u l-Bord tal-Istralċ jibqgħu jiffunzjonaw, flimkien mal-miżuri li ttieħdu abbażi tal-Artikoli 101-103 u 103 a tal-Att Nru 161/2002, ara aktar, il-Punt 2 tad-Dispożizzjoniji Temporanja V tal-Att. Id-deċiżjoni tikkonferma wkoll li d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Att Nru 44/2009, li hija t-22 ta' April 2009, għandha tibqa' tintuża bħala referenza biex tkun iddeterminata l-prijorità tat-talbiet u l-effetti l-oħra legali li tkun iddeterminata bid-data ta' meta titħabbar id-deċiżjoni tal-istralċ.
Reykjavík, it-30 ta' Novembru 2010.
Bord tal-Istralċ ta' Glitnir banki hf.
Steinunn H. GUðBJARTSDÓTTIR, Avukat tal-Qorti Suprema
Páll EIRÍKSSON, Avukat tal-Qorti Suprema
Kumitat għar-Riżoluzzjoni ta' Glitnir banki hf.
Árni TÓMASSON
Heimir HARALDSSON
Thórdís BJARNADÓTTIR, Avukat tal-Qorti Suprema