16.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 368/1


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Artemis għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta

2011/C 368/01

INTRODUZZJONI

1.

L-Impriża Konġunta Artemis, li tinsab fi Brussell, twaqqfet f’Diċembru 2007 (1) għal perjodu ta’ 10 snin.

2.

L-objettiv prinċipali tal-Impriża Konġunta huwa li tiddefinixxi u timplimenta “Aġenda għar-Riċerka” għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin għas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter fl-oqsma kollha differenti ta’ applikazzjoni sabiex tissaħħaħ il-kompetittività Ewropea u s-sostenibbiltà, u tippermetti l-ħolqien ta’ swieq ġodda u applikazzjonijiet fis-soċjetà (2).

3.

Il-Membri Fundaturi tal-Impriża Konġunta Artemis huma l-Unjoni Ewropea rrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, l-Estonja, Franza, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja u r-Renju Unit u l-Artemisia, assoċjazzjoni li tirrappreżenta kumpaniji u organizzazzjonijiet oħra tar-riċerka li huma attivi fil-qasam tas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter fl-Ewropa. Fl-2009, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, il-Latvja u n-Norveġja saru wkoll membri tal-Impriża Konġunta.

4.

Il-kontribut massimu tal-UE lill-Impriża Konġunta Artemis li jkopri l-ispejjeż operattivi u l-attivitajiet ta’ riċerka huwa ta’ EUR 420 miljun li għandhom jitħallsu mill-baġit tas-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka (3). L-assoċjazzjoni Artemisia għandha tagħmel kontribut ta’ mhux aktar minn EUR 30 miljun għall-ispejjeż operattivi. L-Istati Membri fl-Artemis għandhom jagħmlu kontributi in natura għall-ispejjeż operattivi (permezz tal-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġetti), u jagħmlu kontributi finanzjarji li għandhom jammontaw għal mill-inqas 1,8 darbiet aktar mill-kontribut finanzjarju tal-UE. Kontributi in natura għandhom jingħataw ukoll mill-organizzazzjonijiet tar-riċerka li qegħdin jieħdu sehem fi proġetti.

5.

L-Impriża Konġunta bdiet taħdem b’mod awtonomu fis-26 ta’ Ottubru 2009.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

6.

Skont id-diżpożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali (4) tal-Impriża Konġunta Artemis li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (5) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

7.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (7).

Ir-responsabbiltà tad-Direttur

8.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (8). Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif (9) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll interni rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (10) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawn il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti

9.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

10.

Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u tal-ISSAI (11). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

11.

Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u l-iżvelar fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża l-valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali fir-rapporti finanzjarji, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta tagħmel dawk il-valutazzjonijiet tar-riskju, il-kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

12.

Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjonijiet t’hawn taħt.

L-opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

13.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-Kontijiet Annwali tal-Impriża Konġunta Artemis jippreżentaw b’mod ġust fir-rispetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2010 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha.

L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

14.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal- Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

15.

Il-kummenti li ġejjin fil-paragrafi 16 sa 26 ma jixtħux f’dubju l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

Implimentazzjoni tal-baġit

16.

Għall-kuntrarju tal-Artikoli 29 sa 31 tar-regoli finanzjarji għall-Impriża Konġunta, il-baġit tal-2010 ma ġiex adottat sal-aħħar tas-sena li għaddiet (adottat fit-28 ta’ Jannar 2010). L-istruttura u l-preżentazzjoni tiegħu ma kinux skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji.

17.

Il-baġit finali jinkludi l-ħlas ta’ approprjazzjonijiet ta’ EUR 27 miljun. Ir-rata ta’ utilizzazzjoni kienet ta’ 37,7 %. Depożiti f'kontijiet bankarji fl-aħħar tas-sena ammontaw għal EUR 16,6 miljun (60 % tal-approprjazzjonijiet ta’ ħlas disponibbli fl-2010). Skont l-Impriża Konġunta, ir-rata ta’ implimentazzjoni relattivament baxxa ta’ approprjazzjonijiet ta’ ħlas tirrifletti d-dewmien fil-livell ta’ Stat Membru fl-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ għoti nazzjonali (12).

Is-sistemi ta’ kontroll intern

18.

L-Impriża Konġunta ma implimentatx b’mod sħiħ il-kontrolli interni tagħha u s-sistemi ta’ informazzjoni finanzjarji matul l-2010. B’mod partikolari, aktar xogħol hu meħtieġ fuq il-verifika operattiva għal klejms ta’ spejjeż, fuq l-assigurazzjoni pprovduta miċ-ċertifikati tal-awtoritajiet nazzjonali u l-istrateġija ex post ta’ verifika. Dawn huma elementi importanti għas-sistema tal-Impriża Konġunta ta’ kontroll intern.

19.

Fil-qasam ta’ verifika ex ante, il-fiduċja titpoġġa b’mod sħiħ kollha fuq iċ-ċertifikati pprovduti mill-awtoritajiet nazzjonali u ma twettqu l-ebda kontrolli oħra biex jiżguraw il-legalità u r-regolarità tal-ispejjeż iddikjarati mill-benefiċjarji.

20.

Il-verifika ex post ta’ klejms ta’ spejjeż relatati mal-proġetti ġiet delegata b’mod sħiħ lill-Istati Membri, mingħajr ma jiġi eżerċitat l-ebda kontroll mill-Impriża Konġunta (13). Dan se jagħmilha diffiċli għall-Impriża Konġunta sabiex tiżgura: i) li l-interessi finanzjarji tal-Membri tagħha jiġu mħarsa adegwatament, kif meħtieġ mir-Regolament tal-Kunsill (14), u ii) il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

21.

L-analiżi limitata tal-kontrolli tal-IT uriet li l-Impriża Konġunta għandha livell adegwata ta’ tmexxija u prattika tal-IT għad-daqs u l-missjoni tagħha, imma l-formalizzazzjoni ta’ politiki u proċeduri, madankollu għadha lura f’ċerti oqsma (15).

22.

L-Uffiċjal tal-Kontijiet tal-Impriża Konġunta vvalida s-sistemi finanzjarji u ta’ kontabilità (ABAC u SAP), imma għadu ma vvalidax l-proċessi tan-negozju ta’ bażi li jipprovdi informazzjoni finanzjarja, partikolarment dak li jipprovdu informazzjoni finanzjarja dwar il-validazzjoni u l-pagamenti tal-klejms ta’ spejjeż li waslu mill-awtoritajiet nazzjonali.

23.

Għall-kuntrarju tal-Artikolu 103 tar-regoli finanzjarji tagħha, l-Impriża Konġunta għadha ma implimentatx proċedura interna għat-tnaqqis tal-interess ġenerat mill-prefinazjamenti mill-pagament tal-bilanċ ta’ ammonti dovuti lill-benefiċjarji.

KWISTJONIJIET OĦRA

Il-Funzjoni ta’ verifika interna u s-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni

24.

L-Artikolu 6.2 tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Artemis jistipula li l-Impriża Konġunta għandha jkollha l-kapaċità ta’ verifika interna tagħha. Madankollu, sal-aħħar tal-2010, dan l-element importanti tas-sistema ta’ kontroll intern kien għadu ma ġiex stabbilit.

25.

Fir-rapport preċedenti tagħha, il-Qorti saħqet fuq il-ħtieġa li tiġi kjarifikata d-dispożizzjoni fl-Istatuti tal-Impriża Konġunta dwar l-irwol tal-awditur intern tal-Kummissjoni. Għalkemm ir-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta għadhom ma ġewx emendati biex jinkludu d-dispożizzjoni li tirreferi għall-poteri tal-awditur intern tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni u l-Impriża Konġunta ħadu azzjoni biex jiżguraw li l-irwoli operattivi rispettivi tas-Servizz ta’ Verifika Interna tal-Kummissjoni u l-funzjoni tal-verifika interna tal-Impriża Konġunta huma definiti b’mod ċar.

Nuqqas ta’ ftehim dwar l-ospitalità

26.

Kif irrappurtat qabel mill-Qorti, skont ir-Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf l-Impriża Konġunta, għandu jiġi konkluż ftehim dwar l-ospitalità bejn l-Impriża Konġunta u l-Belġju dwar l-akkomodazzjoni għall-uffiċċji, il-privileġġi u l-immunitajiet u appoġġ ieħor li għandu jipprovdi l-Belġju. Iżda, sal-aħħar tal-2010, l-ebda ftehim bħal dan kien għadu ma ġie ffirmat.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Igors LUDBORŽS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 (KE) dwar it-twaqqif tal-“Impriża Konġunta Artemis” għall-implimentazzjoni ta’ Inizjattiva Teknoloġika Konġunta f’Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter (ĠU L 30, 4.2.2008, p. 52).

(2)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi, attivitajiet u riżorsi disponibbli tal-Impriża Konġunta. Huwa ppreżentat għal għanijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Is-Seba’ Programm Kwadru, adottat mid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jiġbor flimkien l-inizjattivi kollha tal-UE relatati mar-riċerka taħt saqaf wieħed u għandu rwol kruċjali fil-ksib tal-iskopijiet ta’ tkabbir, kompetittvità u impjiegi. Huwa ukoll pilastru ewlieni għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

(4)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti ta’ approprjazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

(5)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-fluss ta’ flus, l-istqarrija ta’ bidliet f’assi netti u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludu d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(6)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(8)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(9)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(10)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE) Nru 2343/2002, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.07.2008, p. 23) u huma fil-fatt inkorporati fir-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunt.

(11)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(12)  L-Impriża Konġunta tagħmel pagamenti ta’ prefinanzjament għal proġetti biss ladarba l-ftehimiet ta’ għotja nazzjonali ġew iffirmati mill-awtoritajiet nazzjonali. Fl-aħħar tas-sena, kien għad hemm ftehimiet ta’ għotja nazzjonali għas-sejħiet tal-2008 u tal-2009 li ma kinux ġew iffirmati.

(13)  Il-ftehimiet amministrattivi ffirmati mill-Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Iffinanzjar (NFAs) ma jispjegawx b'mod dettaljat l-arranġamenti prattiċi għall-verifiki ex post (jiġifieri l-metodoloġija tal-verifika, proċeduri li jridu jiġu applikati) li għandhom jitwettqu mill-NFA’s. L-NFA’s huma legalment marbuta biss biex jikkomunikaw r-riżultati ta’ dawn il-verifiki lill-Impriża Konġunta.

(14)  L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill li jwaqqaf Impriża Konġunta jiddikjara li l-Impriża Konġunta “għandha tiżgura li l-interessi finanzjarji tal-membri tagħha ikunu adegwatament protetti billi twettiq jew tqabbad lil min iwettaq kontrolli interni u esterni adatti” u li “għandha twettaq kontrolli fuq il-post u verifiki finanzjarji fost id-destinatarji tal-finanzjament pubbliku tal-Impriża Konġunta Artemis. Il-kontrolli u l-verifiki għandhom isiru direttament mill-Impriża Konġunta Artemis jew mill-Istati Membri Artemis f’isimha.”

(15)  (a) ċiklu strateġiku mhux komplut ta’ ppjanar u monitoraġġ tal-IT, (b) nuqqas ta’ politiki u regoli kompluti ta’ sigurtà formali, (c) ġestjoni ta’ Riskju tal-IT mhux kompluta (d) nuqqas ta’ Pjan tal-Kontinwità tan-Negozju (BCP) u Pjan ta’ Irkupru ta’ Diżastru komplut u ttestjat (DRP).


ANNESS

Impriża Konġunta Artemis (Brussell)

Kompetenzi u attivitajiet

l-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

(Is-siltiet mill-Artikolu 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

L-Unjoni tista’ toħloq impriżi komuni jew kull struttura oħra neċessarja għall-esekuzzjoni effiċjenti tal-programmi tar-riċerka ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimonstrazzjoni tal-Unjoni.

Il-komptenzi tal-Impriża Konġunta

(Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 74/2008)

L-Objettivi

L-Impriza Konġunta Artemis għandha tikkontribwixxi lejn l-implimentazzjoni tas-Seba’ Programm Kwadru u t-Tema “Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni” tal-Programm Speċifiku “Koperazzjoni”.

Il-Kompiti

tiddefinixxi u timplimenta “Aġenda ta’ Riċerka” għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji ewlenin għal Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter;

tappoġġja l-implimentazzjoni tal-Attivitajiet ta’ R & Ż partikolarment billi tagħti finanzjament lil parteċipanti fi proġetti magħżula wara sejħiet kompetittivi għall-proposti;

tippromwovi sħubija pubblika-privata mmirata lejn il-mobilizzazzjoni u l-ġbir tal-isforzi tal-Unjoni, nazzjonali u privati, li żżid l-investimenti globali fl-R&Ż fil-qasam tas- Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter;

tikseb sinerġija u koordinazzjoni tal-isforzi R & Ż fil-qasam tas-Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter;

tippromwovi l-involviment ta’ SMEs.

It-tmexxija

1 –   Il-Bord ta’ Tmexxija (BT)

il-Bord tat-Tmexxija għandu jkollu r-responsabbiltà kumplessiva għall-operazzjoniiet tal-Impriża Konġunta u għandu jissorvelja l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tagħha.

2 –   Id-Direttur

id-Direttur Eżekuttiv huwa responsabbli għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-Impriża Konġunta skont id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija u jkun ir-rappreżentant ġuridiku tagħha.

3 –   Il-Bord tal-Awtoritajiet Pubbliċi

huwa responsabbli għad-deċiżjonijiet tal-iskop u l-baġit tas-sejħiet għal proposti, l-għażla ta’ proposti u l-allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi għal proposti magħżula.

4 –   Il-Kumitat tal-Industrija u r-Riċerka

jelabora l-pjan strateġiku multiannwali kif ukoll l-aġenda ta’ riċerka u l-programm ta’ ħidma annwali.

5 –   Il-verifika esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

6 –   L-Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Ir-riżorsi disponibbli għall-Impriża Konġunta fl-2010

Il-Baġit

il-baġit jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 38,5 miljun u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 27 miljun.

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2010

8 karigi mogħtija fil-pjan ta’ twaqqif, li minnhom 7 kienu okkupati

Persunal ieħor:

Esperti Nazzjonali Ssekondati: 0

Persunal kuntrattwali: 4

Persunal lokali: 0

Persunal Totali impjegat: 11

Allokati lil:

Attivitajiet Operazzjonali 5

Kompiti amministrattivi: 4

Kompiti mħallta: 2

L-attivitajiet u s-servizzi mogħtija fl-2010

Ġiet organizzata Sejħa għal Proposti fl-2010 bi baġit totali ta’ EUR 93 miljun.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Impriża Konġunta.


TWEĠIBIET TAL-IMPRIŻA KONĠUNTA ARTEMIS

Paragrafu 16

Ġaladarba l-parti operattiva tal-baġit tiddependi mill-impenn tal-Istati Membri, u peress li għall-biċċa l-kbira tagħhom dan jista' jkun possibbli biss wara l-adozzjoni tal-baġit nazzjonali, il-baġit ġie adottat mill-Bord Amministrattiv matul il-laqgħa tiegħu ta’ Jannar 2011.

L-istruttura u l-preżentazzjoni tal-baġit ġew adattati fil-baġit 2011, skont ir-rimarki u r-rakkomandazzjonijiet li kienu saru mill-Qorti tal-Awdituri.

Paragrafu 17

Naqblu mal-kummenti tal-Qorti tal-Awdituri. Artemis qiegħda tagħmel li tista' biex tħaffef il-pass tal-proċess.

Paragrafu 20

Prinċipalment, il-verifiki ex post jiġu ddelegati lill-Istati Membri ta’ Artemis. Qed jitbassru xi eċċezzjonijiet fl-istrateġija tal-verifika ex post adottata. Bħalissa Artemis qiegħda tiġbor tagħrif dwar id-diversi strateġiji nazzjonali mill-Istati Membri u dwar ir-riżultati tal-verifika ex post. Imbagħad biħsiebna nanalizzaw mal-IAS (l-awditur intern ta’ Artemis) l-mod kif nistgħu ntejbu u nirrevedu l-istrateġija tagħna.

Paragrafu 21

Il-formalizzazzjoni tal-politiki u tal-proċeduri għadha għaddejja, u għadha ma tlestiet minħabba s-sitwazzjoni temporanja tas-sede proviżorja ta’ Artemis matul l-2010.

Paragrafu 22

Inkwantu l-proċessi kummerċjali l-oħrajn, Artemis tiddependi mill-informazzjoni mogħtija mill-Awtoritajiet Nazzjonali u qiegħda taħdem ħalli ttejjeb is-sistema. (ara 20)

Paragrafu 23

Fi ħdan l-ABAC (għodda tal-IT li tittratta l-kontijiet u l-pagamenti), Artemis tuża proċedura biex tnaqqas l-interessi fuq il-prefinanzjamenti, b'mod konformi mat-tbassir u mad-dokumentazjoni fl-ABAC mill-Kummissjoni Ewropea. Madankollu s'issa l-Awtoritajiet Nazzjonali ma ddikkjarawx interessi mill-prefinanzjamenti. Artemis biħsiebha tistaqsi lill-Awtoritajiet Nazzjonali kwantu r-regoli li jirrigwardaw l-obbligu tal-benefiċjarji li jiddikjaraw l-interessi ġġenerati mill-prefinanzjamenti.

Paragrafu 24

Dan il-punt qed jiġi ttrattat flimkien mas-Servizz tal-Verifika Interna tal-Kummissjoni.

Paragrafu 25

Il-Karta tas-Servizz tal-Verifika Interna tal-Kummissjoni ġiet adottata mill-Bord Amministrattiv fil-25 ta’ Novembru 2010. Ir-regoli finanzjarji ta’ Artemis ser jiġu emendati skont din l-adozzjoni fil-mument opportun.

Paragrafu 26

L-Impriża Konġunta Artemis qed tkompli tikkoopera fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim ta’ Stat Ospitant, u qed tistennna l-eżitu tal-fażi li jmiss tal-proċedura sabiex jiġi ffirmat il-ftehim.