15.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 366/112


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea GNSS għas-sena finanzjarja 2010, flimkien mat-tweġibiet tal-Aġenzija

2011/C 366/20

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija Ewropea GNSS (Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita) (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”), li tinsab fi Brussell, twaqqfet mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1321/2004 tat-12 ta’ Lulju 2004 (1) sabiex tmexxi l-interessi pubbliċi fir-rigward tal-programmi Ewropej tal-GNSS u biex taġixxi bħala l-aġenzija regolatorja għall-programm matul il-fażijiet ta’ skjerament u ta’ operazzjoni tal-Programm Galileo. Ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 (2) naqqas ir-responsabbiltajiet tal-Aġenzija għall-kontroll tas-sigurtà tas-sistemi Galileo u għat-tħejjija tal-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Sal-2010, l-Aġenzija kienet magħrufa bħala l-Awtorità ta’ Viġilanza tal-GNSS Ewropea (3).

2.

Il-baġit adottat tal-Aġenzija għall-2010 ammonta għal EUR 15,9 miljun meta mqabbel ma’ EUR 44,4 miljun is-sena ta’ qabel. L-għadd ta’ persunal impjegat mill-Aġenzija fi tmiem is-sena kien 42 meta mqabbel mal-35 is-sena ta’ qabel.

ID-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(1), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti vverifikat il-kontijiet annwali tal- Aġenzija (4), li jikkonsistu fir-“rendikonti finanzjarji” (5) u fir-“rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit” (6) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010 u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

4.

Din id-Dikjarazzjoni ta’ Assigurazzjoni hija indirizzata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, skont l-Artikolu 185(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (7).

Ir-responsabbiltà tad-Direttur

5.

Bħala uffiċjal li jawtorizza, id-Direttur jimplimenta d-dħul u l-infiq tal-baġit skont ir-regoli finanzjarji tal-Aġenzija, taħt ir-responsabbiltà tiegħu u fi ħdan il-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (8).Id-Direttur huwa responsabbli mit-twaqqif (9) tal-istruttura organizzattiva u s-sistemi u l-proċeduri tal-ġestjoni u l-kontroll interni rilevanti biex jiġu ppreparati kontijiet finali (10) li huma ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali, kemm jekk minħabba frodi jew inkella żball, u biex jiżgura li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet huma legali u regolari.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti

6.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li tipprovdi, abbażi tal-verifika tagħha, dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom.

7.

Il-Qorti wettqet il-verifika tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Verifika u l-Kodiċi tal-Etika tal-IFAC u tal-ISSAI (11). Dawk l-istandards jitolbu li l-Qorti tikkonforma mar-rekwiżiti tal-etika u li tippjana u twettaq il-verifika biex tikseb assigurazzjoni raġonevoli dwar jekk il-kontijiet humiex ħielsa minn dikjarazzjoni żbaljata materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet ta’ bażi humiex legali u regolari.

8.

Il-verifika tal-Qorti tinvolvi t-twettiq ta’ proċeduri sabiex tinkiseb evidenza tal-verifika dwar l-ammonti u l-iżvelar fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li huma bbażati fuqhom. Il-proċeduri jintgħażlu skont il-ġudizzju tal-awditur, inkluża l-valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali fir-rapporti finanzjarji, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta tagħmel dawk il-valutazzjonijiet tar-riskju, il-kontroll intern rilevanti għall-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-entità jiġi kkunsidrat sabiex jitfasslu proċeduri tal-verifika li huma xierqa fiċ-ċirkostanzi. Il-verifika tal-Qorti tinkludi wkoll evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politika tal-kontabilità użata, tar-raġonevolezza tal-estimi tal-kontabilità magħmula mill-maniġment u kif ukoll evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-kontijiet inġenerali.

9.

Il-Qorti tqis li l-evidenza tal-verifika miksuba hija biżżejjed u xierqa biex tipprovdi bażi għall-opinjoni kwalifikata tagħha dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u għall-opinjoni tagħha dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Il-bażi għal opinjoni kwalifikata dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

10.

Matul l-2010 l-Aġenzija xtrat attivi fiss tanġibbli (12) relatati mal-programm Galileo (13) għal ammont ta’ EUR 4,4 miljun. Dawn l-attivi għandhom jiġu trasferiti mill-Aġenzija lill-Kummissjoni Ewropea. Dawn l-attivi ġew irreġistrati bħala nefqa tar-riċerka iżda minflok kien imisshom ġew klassifikati bħala attivi miżmuma għat-trasferiment. Ir-riżultat ta’ din it-tranżazzjoni huwa sottodikjarazzjoni ta’ attivi fl-ammont ta’ EUR 4,4 miljun u sottodikjarazzjoni tal-kont tar-riżultat ekonomiku bl-istess ammont.

Opinjoni kwalifikata dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

11.

Fl-opinjoni tal-Qorti, ħlief għall-effett tal-kwistjoni deskritta fil-paragrafu 10, il-Kontijiet Annwali tal-Aġenzija (14) jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2010 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u tal-likwidità tagħha għas-sena li ntemmet, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha.

L-opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

12.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2010, fl-aspetti materjali kollha huma legali u regolari.

13.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux f’dubju l-opinjonijiet tal-Qorti.

IL-ĠESTJONI TAL-BAĠIT U DIK FINANZJARJA

14.

Fir-rigward tal-proċeduri ta’ għotja għas-Seba’ Programm ta’ Qafas għar-Riċerka / Galileo/ it-Tieni Sejħa b’baġit ta’ EUR 26 miljun, il-proċess ta’ evalwazzjoni ma għamilx distinzjoni ċara bejn il-kriterji tal-għażla u tal-għoti. Ma ġewx definiti l-kriterji għall-valutazzjoni tal-kapaċità finanzjarja tal-applikanti. Għalkemm l-istatus tal-applikant iddetermina r-rata massima ta’ rimborż, dan l-istatus ma kienx ikkonfermat mill-Aġenzija.

15.

Fir-Rigward tas-Sitt Programm ta’ Qafas (FP6)/ it-Tielet Sejħa, f’żewġ ftehimiet ta’ għotja vverifikati, il-klejms għall-ispejjeż ippreżentati mill-benefiċjarji kienu bbażati fuq rati standard, minflok spejjeż attwali. Dan ma kienx f'konformità mal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ qligħ għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-UE.

16.

Ħames għotjiet ivverifikati, relatati l-aktar mas-Sitt Programm ta’ Qafas, urew dewmien ta’ bejn sena u tliet snin biex jiġu implimentati. Ġew innutati żidiet suċċessivi fil-valur iniżjali tal-kuntratti.

17.

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 683/2008, il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet u l-attivi relatati mal-programmi tal-EGNOS u l-Galileo ġew trasferiti lill-Kummissjoni f’Diċembru 2009. Fil-31 ta’ Diċembru 2010, għad kellu jiġi determinat l-istatus ta’ EUR 2 miljun miżmuma mill-Aġenzija fir-rigward ta’ sostenn tekniku mill-Aġenzija Spazjali Ewropea.

KWISTJONIJIET OHRA

18.

Fil-proċeduri tal-għażla tal-persunal ivverifikati, ma ġewx determinati l-punteġġi ta’ livell limitu għal aċċess għat-testijiet bil-miktub u għall-intervisti jew għall-inklużjoni fil-lista ta’ kandidati xierqa. Dawn il-prattiki poġġew f’riskju t-trasparenza tal-proċeduri tar-reklutaġġ.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Igors LUDBORŽS, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 246, 20.7.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.

(3)  L-Anness jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Jiġi ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(4)  Dawn il-kontijiet huma akkumpanjati minn rapport dwar il-ġestjoni tal-baġit u dik finanzjarja matul is-sena li, fost l-oħrajn, jagħti rendikont tar-rata ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet flimkien ma’ informazzjoni fil-qosor dwar it-trasferimenti tal-approprjazzjonijiet fost il-partiti varji tal-baġit.

(5)  Ir-rendikonti finanzjarji jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-likwidità, ir-rendikont tat-tibdil fil-kapital u l-anness għar-rendikonti finanzjarji li jinkludi d-deskrizzjoni tal-politika tal-kontabilità prinċipali u informazzjoni oħra ta’ spjegazzjoni.

(6)  Ir-rapporti tal-implimentazzjoni tal-baġit jikkonsistu fil-kont tar-riżultat tal-baġit u fl-anness tiegħu.

(7)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(8)  L-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 (ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72).

(9)  L-Artikolu 38 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002.

(10)  Ir-regoli dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet u tal-kontabilità mill-Aġenziji huma stabbiliti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu VII tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 652/2008 (ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23) u huma fil-fatt integrati fir-Regolament Finanzjarju tal-Aġenzija.

(11)  Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC) u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Verifika (ISSAI).

(12)  Magnetotorquers tas-satelliti, magni ta’ imbottatura bi propulsjoni għas-satelliti, tankijiet tal-fjuwil tas-satelliti (Validazzjoni fl-Orbita) u arloġġi atomiċi tar-rubidju fuq l-art (Kapaċità Operattiva Sħiħa).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 683/2008 dwar implimentazzjoni ulterjuri tal-programmi Ewropej ta’ navigazzjoni bis-satellita (EGNOS u Galileo).

(14)  Il-Kontijiet Annwali Finali kienu ppreparati fis-16 ta’ Settembru 2011 u rċevuti mill-Qorti fit-3 ta’ Ottubru 2011. Il-Kontijiet Annwali Finali jistgħu jinstabu fil-websajt li ġej http://eca.europa.eu jew http://gsa.europa.eu.


ANNESS

L-Aġenzija Ewropea GNSS (Brussell)

Kompetenzi u attivitajiet

L-oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni stipulati fit-Trattat

Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi.

Il-kompetenzi tal-Aġenzija

(Ir-Regolament (KE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010)

L-Objettivi

Tmexxi l-interessi pubbliċi dwar il-programmi Ewropej tal-GNSS.

Tkun l-aġenzija regolatorja għall-programmi Ewropej tal-GNSS.

Il-Kompiti

L-Aġenzija għandha:

(a)

tiżgura l-akkreditazzjoni tas-sigurtà u l-operazzjoni taċ-ċentru tas-sigurtà tal-Galileo;

(b)

tikkontribwixxi għall-preparazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni tas-sistemi, inkluża l-analiżi tas-suq meħtieġa;

(c)

twettaq kompiti oħrajn li jistgħu jiġu fdati lilha mill-Kummissjoni.

It-Tmexxija

1 –   Il-Bord Amministrattiv

Il-Kompożizzjoni:

rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru;

rappreżentant wieħed mill-Kummissjoni.

Il-Kompiti

jaħtar id-Direttur;

jadotta l-programm ta’ ħidma annwali;

jadotta l-baġit;

jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet u l-prospetti tal-Aġenzija.

2 –   Id-Direttur Eżekuttiv

Maħtur mill-Bord Amministrattiv.

3 –   Kumitat għas-Sigurtà u l-Protezzjoni tas-Sistema

Magħmul minn rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u rappreżentant wieħed mill-Kummissjoni.

4 –   Il-verifika esterna

Il-Qorti tal-Awdituri.

5 –   L-Awtorità ta’ Kwittanza

Il-Parlament, jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Ir-riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2010 (2009)

Il-Baġit Finali

EUR 15,9 (44,4) miljun; dan huwa magħmul mis-sussidju tal-UE ta’ EUR 8,7 (7,4) miljun, li huwa s-sussidju operattiv mill-Kummissjoni, u EUR 7,2 (37) miljun f’fondi operazzjonali mill-Kummissjoni.

Il-persunal fil-31 ta’ Diċembru 2010 (2009)

28 (23) kariga mniżżla fil-pjan ta’ stabbiliment, li minnhom okkupati: 26 (23).

+ 14 (12)-il persunal ieħor (persunal kuntrattwali, esperti nazzjonali ssekondati), li minnhom okkupati: 14 (12).

It-total tal-persunal prevvist: 42 (35),

It-total tal-persunal impjegat fil-31 ta’ Diċembru 2010: 40 (35), li qegħdin jagħmlu l-kompiti li ġejjin:

 

operazzjonali: 18 (14)

 

amministrattivi: 14 (12)

 

mħallta: 8 (9)

Il-prodotti u s-servizzi fl-2010

Il-programmi

Sostenn lill-Kummissjoni Ewropea fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-EGNOS u Galileo.

Is-Sistemi tas-Sigurtà

Is-Sistemi tas-Sigurtà tal-Galileo u tal-EGNOS;

Servizz Pubbliku Regolat – PRS - tħejjija tas-Segment tal-Utent tal-PRS;

Ċentru ta’ Monitoraġġ tas-Sigurtà ta’ Galileo;

Reġim ta’ Kontroll tat-Teknoloġija tal-GNSS.

L-iżvilupp tas-suq

Dħul fis-Suq tal-EGNOS;

Attivitajiet internazzjonali (l-Amerika Latina, l-Iżrael, iċ-Ċina, l-Afrika);

Informazzjoni u Outreach (il-Portal ta’ Informazzjoni tal-EGNOS, avveniment “Growing Galileo 2009” (Galileo dejjem Jikber 2009).

Ir-riċerka u l-iżvilupp

Il-ġestjoni ta’ proġetti taħt is-6 Programm ta’ Qafas u s-7 Programm ta’ Qafas (l-ewwel u t-tieni sejħiet) għar-riċerka;

L-implimentazzjoni/l-aġġornament ta’ għodda ta’ ġestjoni u t-tixrid tat-tagħrif ibbażata fuq l-internet.

Sors: Informazzjoni mogħtija mill-Agenzija.


TWEĠIBIET TAL-AĠENZIJA

10.

Il-GSA ma rreġistratx dan it-tagħmir bħala parti mill-assi tagħha fil-kontijiet tagħha minħabba dawn ir-raġunijiet: i/l-għan tal-fażi IOV/FOC huwa li jivvaluta il-fattibbiltà teknika tas-sistema li ma ġietx ivvalidata fl-2010; ii/skont l-Arranġament Matimop, qatt ma kien hemm ħsieb li l-GSA takkwista dan it-tagħmir u dan la qatt kien u lanqas qatt ser ikun fil-kontroll tal-GSA; iii/mill-perspettiva tal-kontabbiltà ma deherx għaqli li t-tagħmir jiġi rikonoxxut ġaladarba ma kellu l-ebda benefiċċju/valur ekonomiku għall-GSA; iv/abbażi tal-punti msemmija hawn fuq u b'mod konformi mal-prattiki tal-kontabbiltà li tħaddem il-Kummissjoni f’tali sitwazzjonijiet, l-ispejjeż tat-tagħmir tniżżlu bħala nfiq fuq ir-riċerka fl-2010

14.

Il-GSA ssegwi proċessi ta’ valutazzjoni standard FP7, li jistipulaw sensiela ta’ kriterji ta’ eleġibbiltà u sensiela ta’ kriterji ta’ valutazzjoni. Madankollu bħalissa l-GSA qiegħda tirrevedi l-aħħar linji gwida u regoli tal-FP7 tal-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm konformità sħiħa qabel ma tiġi ffirmata t-tielet sejħa tal-ftehimiet ta’ sovvenzjoni tal-FP7.

Minkejja li l-verifiki standard tal-kapaċità finanzjarja saru tabilħaqq, dawn ma ġewx iddokumentati sewwa. Il-GSA qiegħda taġġorna l-proċeduri interni ħalli tiżgura li kull verifika standard tal-kapaċità finanzjarja tiġi rreġistrata kif suppost.

15.

Il-ftehimiet ta’ sovvenzjoni ġestiti mill-GSA għall-FP6 kienu ntirtu mill-predeċessur tal-GSA, l-Impriża Konġunta Galileo (GJU). Il-GJU u l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) min-naħa tagħhom kienu stipulaw regoli għall-FP6 li kienu daqsxejn differenti mir-regoli tal-Kummissjoni Ewropea. Il-ftehimiet ta’ sovvenzjoni tal-FP6 li għad fadal miftuħa għandhom jingħalqu skont l-istipulazzjonijiet ta’ dawn il-kuntratti, li kienu ssejsu fuq ir-rati standard użati u vverifikati ex-ante mill-ESA.

16.

Iż-żidied suċċessivi tal-valur inizjali ta’ ċerti kuntratti FP6 bħala regola sar qbil dwarhom billi tqiesu l-kompiti addizzjonali li kellhom isiru mill-benefiċjarju.

Dment li l-kompiti l-ġodda tqiesu tabilħaqq importanti, permezz ta’ pakketti ta’ ħidma ddokumentati, il-ftehimiet ta’ sovvenzjoni ġew emendati ħalli jappoġġaw il-kompiti l-ġodda li kellhom jiġu żviluppati. Dan mhux xi avveniment ġdid fil-ġestjoni tal-kuntratti tal-UE.

In-natura dejjem oriġinali teknoloġika ta’ dawn l-attivitajiet, li tinbidel il-ħin kollu, kienet ir-raġuni fundamentali li ġġustifikat id-deċiżjonijiet li ttieħdu dwar dawn l-emendi u l-estensjonijiet (mhux neċessarjament ittardjar).

17.

Il-GSA rrispettat l-obbligi kuntrattwali u legali kollha rigward “It-Talba Uffiċjali Teknika Nru 7 tal-ESA”. Fl-aħħar l-GSA kellha tiċħad it-talba għal pagament mill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) li laħħaq iż-żewġ miljun euro, għax l-ESA ma pprovdietx ir-rapporti meħtieġa biex isiru l-pagamenti fi żmien l-iskadenzi maħsuba. Għaldaqstant il-fondi mhux użati kellhom jiġu ttrasferiti lill-Kummissjoni Ewropea, bl-obbligu li dawn il-fondi jintużaw fl-implimentazzjoni tal-ftehim IOV bejn l-ESA u l-GSA. It-trasferiment ser ikun iffinalizzat f’Settembru 2011.

18.

Il-GSA rrevediet il-proċedura tal-għażla. Mill-2011, il-panil ta’ pre-selezzjoni beda jiffissa minn qabel il-limiti tal-iskala tal-punteġġi għall-eżamijiet bil-miktub u għall-intervisti.