Recommendation for a COUNCIL RECOMMENDATION on the National Reform Programme 2011 of Swedenand delivering a Council opinionon the updated Convergence Programme of Sweden, 2011-2014
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011
tal-Isvezja
u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill
dwar il-Programm ta’ Konverġenza aġġornat tal-Isvezja 2011-2014 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkonsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2)
u 148(4) tiegħu, Wara li kkonsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar
it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza
u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u b’mod
partikolari l-Artikolu 9(3) tiegħu, Wara li kkonsidra r-rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni Ewropea[2], Wara li kkonsidra l-konklużjonijiet
tal-Kunsill Ewropew, Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Impjiegi, Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u
Finanzjarju, Billi: (1)
Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill
Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tvara strateġija
ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni
msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin
fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal
tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività. (2)
Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill
adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki
ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u
fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji
gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri[3],
li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri
ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u
okkupazzjonali nazzjonali. (3)
Fit-12 ta’ Jannar 2011,
il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien
il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel
semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika,
imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020. (4)
Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill
Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma
strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u
s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ
Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq il-ħtieġa li
tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibilità
fiskali, lit-tnaqqis tal-qagħad permezz ta’ riformi fis-suq
tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Hu
talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri
konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’
Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. (5)
Fid-29 ta’ April 2011, l-Isvezja
ressqet l-aġġornament tal-Programm ta’ Konverġenza 2011
tagħha li jkopri l-perjodu 2011-2014 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma
2011 tagħha. Iż-żewġ programmi ġew ivvalutati
fl-istess żmien. (6)
Qabel il-kriżi ekonomika tal-2008-2009,
l-ekonomija Svediża bbenefikat għal aktar minn għaxar snin minn
tkabbir b’saħħtu mmexxi minn kemm id-domanda domestika u minn
esportazzjonijiet netti. Peress li l-ekonomija hi bbażata fuq
l-esportazzjoni b’settur finanzjarju sostanzjali, din ġiet affettwata
ħafna mit-tnaqqis fid-domanda esterna u mill-iffriżar tas-swieq
finanzjarji fl-2008, li biex il-PDG ċkien b'5,1% fl-2009 u għal
żieda fir-rata tal-qgħad minn madwar 6% għal aktar minn 9%.
Grazzi għal pożizzjoni tajba fil-bidu mingħajr ħtiġijiet
għal aġġustamenti kbar fis-setturi tal-unitajiet domestiċi
u tal-banek u f'dak pubbliku, kif ukoll minħabba rispons politiku
monetarju u fiskali xieraq, ir-riċessjoni kienet pjuttost qasira u
affettwat primarjament lis-settur tal-manifattura li hu mmirat
għall-esportazzjoni. Hekk kif il-kummerċ dinji ħa r-ruħ,
l-ekonomija Svediża esperjenzat irkupru qawwi ħafna u bbażat fuq
firxa wiesgħa, u l-PDG reali reġa' kiber b’5,5% fl-2010.
Minħabba l-effett ikkombinat ta’ stabilizzaturi awtomatiċi u
miżuri diskrezzjonali, il-bilanċ fiskali nbidel minn wieħed
pożittiv ta’ 3,7% tal-PDG fl-2007 għal defiċit ta’ 0,9% fl-2009,
qabel ma reġa' ġie f'bilanċ fl-2010. (7)
Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’
Konverġenza aġġornat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 1466/97, l-opinjoni tal-Kunsill hi li x-xenarju makroekonomiku
fil-bażi tal-proġettazzjonijiet baġitarji huwa ġeneralment
plawsibbli, ħlief għall-2012 fejn hu favorevoli wisq.
L-istrateġija baġitarja, kif deskritta fil-Programm ta’
Konverġenza aġġornat, hija xierqa, peress li din tkun
tikkontribwixxi biex jinkiseb l-objettiv ta’ terminu medju (OTM) tal-Isvezja
ta’ bilanċ favorevoli ta’ 1% tal-PDG matul ċiklu. Dan jipprovdi
ċertu marġni kontra vjolazzjoniet tal-valur ta’ referenza ta’ 3%
tal-PDG fi kwalunkwe andament ħażin fil-futur. Il-programm
jipproġetta li l-bilanċ pożittiv ġenerali tal-gvern se
jikber minn 0,6% tal-PDG fl-2011 għal 3,7% tal-PDG fl-2014,
l-aħħar sena tal-programm. Dan it-titjib jirriżulta minn tkabbir
ekonomiku preżunt b’saħħtu, billi l-programm ma jipprevedi ebda
sforz ta' konsolidazzjoni matul dawn is-snin. Ir-riskji għall-miri
baġitarji huma ġeneralment ekwilibrati. Peress li l-previżjoni
tad-dħul ippreżentata fil-programm hija kemxejn kawta għall-2011,
ir-riżultati baġitarji jistgħu jkunu xi ftit aħjar din
is-sena, filwaqt li ċerti riskji ta' andament ħażin
għall-proġettazzjonijiet baġitarji mill-2012 ’il quddiem huma
marbuta ma’ suppożizzjonijiet makroekonomiċi favorevoli. Peress li
l-gvern indika li jistgħu jiġu implimentati aktar miżuri
għall-espansjoni fiskali previsti fl-Abbozz ta' Liġi Baġitarju
tal-2011 (inkluż il-ħames pass fil-kreditu tat-taxxa fuq
ix-xogħol għal dawk li jaqilgħu paga, żieda oħra
fil-livell limitu għall-ħlas tat-taxxa fuq id-dħul tal-Istat,
tnaqqis tal-VAT fuq is-servizzi tar-ristoranti, u tnaqqis tat-taxxi fuq
il-pensjonijiet) mill-2012, jekk ikun hemm biżżejjed possibbiltà
fiskali, ikun hemm riskju ta' pożizzjoni ta' politika fiskali
proċiklika. Minħabba l-perspettiva demografika hu importanti li
l-Isvezja tkompli tilħaq l-OTM tagħha. (8)
Is-sitwazzjoni attwali fis-swieq tal-propjetà u
s-self b'ipoteki hi sors ta' instabbiltà potenzjali. Wara korrezzjoni qasira u
dgħajfa fl-eqqel tal-kriżi finanzjarja, il-prezzijiet tad-djar
fl-Isvezja – b’kuntrast ma’ pajjiżi oħra – reġgħu ħadu
x-xejra b'saħħitha 'l fuq ħafna li kienet osservata mit-tieni
nofs tas-snin disgħin u issa jinsabu fl-ogħla tagħhom.
Iż-żieda kbira fil-prezzijiet tad-djar seħħet flimkien ma'
żieda fid-dejn tal-unitajiet domestiċi li kienet tirrappreżenta
madwar 170% mid-dħul disponibbli sa nofs l-2010, ċifra għolja
storika. Barra minn hekk, sehem kbir mid-dejn ipotekarju jinsab b’rati li
jvarjaw bi ftit amortizzazzjoni. Dan jagħmel lill-unitajiet domestiċi
fl-Isvezja partikolarment vulnerabbli għal żidiet fir-rati
tal-interess jew problemi fl-impjiegi. Korrezzjoni qawwija fis-suq tal-propjetà
jista’ jkollha riperkussjonijiet negattivi għall-istabbiltà makroekonomika
billi twassal għal trażżin tal-konsum mill-unitajiet
domestiċi biex jibbilanċjaw il-baġits tagħhom u billi
jiżdiedu l-ispejjeż ta’ finanzjar għall-banek Svediżi. (9)
Fir-rigward tas-suq tax-xogħol Svediż,
iċ-ċittadini mhux mill-UE u ż-żgħażagħ huma
f'pożizzjoni relattivament dgħajfa meta mqabbla mal-medja tal-UE.
Aktar titjib fil-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol hu
essenzjali biex tiżdied ir-rata ġenerali tal-impjiegi u jitjieb
il-forniment tal-ħaddiema fuq medda twila ta' żmien sabiex tintlaqa'
l-isfida demografika ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ. Il-gvern Svediż
attwalment qiegħed jimplimenta diversi riformi sabiex itejjeb
is-sitwazzjoni tal-impjiegi taż-żewġ gruppi bħal aktar
fondi għall-coaching, possibiltajiet ta’ esperjenza fuq il-post
tax-xogħol, edukazzjoni vokazzjonali għall-adulti, coaching għal
taħriġ permezz ta' apprendistat, sussidji mmirati fuq il-pagi u
korsijiet issimplifikati tal-lingwa Svediża. L-aħħar statistika
turi sinjali ċari li s-suq tax-xogħol Svediż qed jitjieb b’mod
ġenerali, ħlief għal nisa li twieldu barra mill-pajjiż. (10)
Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta’
Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma[4].
Fid-dawl tal-ħtieġa għal tisħiħ tal-governanza
ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jiġi provdut kontribut
fil-livell tal-UE għal deċiżjonijiet nazzjonali futuri,
fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni mhux biss qieset ir-rilevanza
tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli
fl-Isvezja, iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida
tal-UE. Hi tikkunsidra li l-programmi qed jindirizzaw b’mod adegwat l-isfidi ewlenin
għall-Isvezja. Madankollu, filwaqt li l-istrateġija fiskali tal-gvern
biex ikompli jirrispetta l-OTM hi xierqa, mill-2012 ’il quddiem trid
tingħata attenzjoni sabiex tkun evitata politika fiskali libera wisq fi
żminijiet ta’ tkabbir favorevoli. Ir-riskji ta’ żbilanċi
makroekonomiċi għandhom jiġu vvalutati, notevolment dawk
ġejjin miż-żieda fil-prezzijiet tad-djar u fid-dejn tal-familji.
Barra minn hekk, il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ gruppi
vulnerabbli teħtieġ li tiġi mmonitorjata u mtejba, notevolment
għaż-żgħażagħ u n-nisa li twieldu barra
mill-pajjiż. (11)
Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill
eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Konverġenza
tal-Isvezja u l-opinjoni tiegħu[5] hi riflessa b’mod
partikolari fir-rakkomandazzjoni tiegħu skont (1) hawn taħt. Fid-dawl
tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew
tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm
Nazzjonali ta’ Riforma tal-Isvezja, B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Isvezja
għandha tieħu azzjoni fil-perjodu 2011-2012 skont il-punti segwenti
biex: (1)
Iżżomm il-politika fiskali f'direzzjoni
li tiżgura li l-objettiv ta' terminu medju jkompli jintlaħaq u tevita
pożizzjoni ta' politika fiskali proċiklika fil-bidla pożittiva
ekonomika attwali. (2)
Tieħu azzjoni ta’ prevenzjoni biex titratta
r-riskji makroekonomiċi assoċjati maż-żieda fil-prezzijiet
tad-djar u d-dejn tal-unitajiet ekonomiċi, inklużi riformi
fis-sistema tad-dejn b'ipoteka, ir-regoli tal-kera, it-tassazzjoni tal-propjetà
u l-permessi ta’ kostruzzjoni. (3)
Timmonitorja u ttejjeb il-parteċipazzjoni
fis-suq tax-xogħol tal-persuni żgħażagħ u gruppi
vulnerabbli oħra. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. [2] ĠU C , , p. . [3] Miżmuma għall-2011 permezz
tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE
tad-19 ta’ Mejju 2011. [4] SEC(2011) 735. [5] Prevista fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.