Recommendation for a COUNCIL RECOMMENDATION on the National Reform Programme 2011 of Polandand delivering a Council opinionon the updated Convergence Programme of Poland, 2011-2014
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011
tal-Polonja
u l-għoti ta’ Opinjoni tal-Kunsill
dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-Polonja, 2011-2014 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 121(2) u
148(4) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar
it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u
s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 9(3)
tiegħu, Wara li kkonsidra r-rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni Ewropea[2], Wara li kkonsidra l-konklużjonijiet
tal-Kunsill, Wara li kkonsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Impjiegi, Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat
Ekonomiku u Finanzjarju, Billi: (1)
Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill
Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tvara strateġija
ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq
koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq
l-oqsma ewlenin fejn tkun meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta
lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività. (2)
Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill
adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki
ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni (mill-2010 sal-2014), u
fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar
il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri[3], li flimkien jagħmlu l-"linji
gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida
integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali. (3)
Fit-12 ta’ Jannar 2011,
il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien
il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru
Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes
fuq l-istrateġija Ewropa 2020. (4)
Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill
Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma
strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u
s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ
Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq il-ħtieġa li
tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibilità
fiskali, lit-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol
u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati
Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu
inklużi fil-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza u
fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. (5)
Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill
Ewropew stieden lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex
jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin biex jiġu
inklużi fil-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza tagħhom
u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom. (6)
Fis-27 ta’ April 2011, il-Polonja
ressqet il-Programm ta’ Konverġenza 2011 tagħha aġġornat li
jkopri l-perjodu 2011-2014 u fid-29 ta’ April 2011 il-Programm
Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnotazzjonijiet
bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess
waqt. (7)
Il-kriżi finanzjarja dinjija wasslet għal
tnaqqis fir-rittmu ekonomiku tal-Polonja, bir-rata tat-tkabbir tal-PDG reali
taqa' għal 1,7 % fl-2009, imma ma twassalx sa riċessjoni.
Fl-2010, it-tkabbir fil-PDG reali rpilja għal 3,8 % minħabba li
d-domanda esterna qawwija xprunat il-manifattura u dawwret iċ-ċiklu
tal-inventarji, filwaqt li suq tax-xogħol reżiljenti
appoġġa l-konsum privat. Ir-rata tal-qgħad telgħet
għal 9,6 % fl-2010, minn 7,1 % fl-2008, minkejja
ż-żieda fl-okkupazzjoni. Il-kriżi tefgħet piż kbir fuq
il-finanzi pubbliċi. Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika tela'
minn 3,7 % tal-PDG fl-2008 għal 7,3 % fl-2009. Fl-2010, minkejja
pakkett modest ta’ konsolidazzjoni u fil-kuntest ta’ tkabbir qawwi, laħaq
is-7,9 % tal-PDG. Il-proporzjon dejn-PDG żdied minn 50,9 %
fl-2009 għal 55,1 % fl-2010, minkejja li għadu taħt
is-60 % tal-livell limitu stabilit mit-Trattat u l-limitu massimu ta’ dejn
stabilit mill-Kostituzzjoni Pollakka. (8)
Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza
aġġornat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97,
il-Kunsill jaħseb li x-xenarju makroekonomiku sottostanti
għall-proġettazzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli, filwaqt li
huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet ta’ tkabbir kemxejn favorevoli
żżejjed għall-2012. Il-programm jippjana li jniżżel
id-defiċit taħt il-valur referenzarju ta’ 3 % tal-PDG sal-2012,
l-iskadenza stipulata mill-Kunsill. L-isforz fiskali annwali medju tul
il-perjodu 2010-2012 huwa ġeneralment bi qbil mal-1,25 % tal-PDG irrakkomandat
mill-Kunsill skont il-Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv
(PŻE) fis-6 ta’ Lulju 2009. Mhuwiex maħsub li
jintlaħaq l-objettiv ta’ terminu medju (OTM) matul il-perjodu ta’
programmazzjoni. L-emenda għar-riforma tal-pensjonijiet – li jnaqqsu
d-defiċit baġitarju strutturali b'0,7 % fl-2011 u b'0,5%
addizzjonali fl-2012 tal-PDG – ma jtejbux is-sitwazzjoni baġitarja
sottostanti minħabba li żżid l-obbligazzjonijiet fit-tul
bl-istess manjitudni. Ir-riskji għall-miri baġitarji ixaqilbu
għan-negattiv. Partikolarment id-dħul mit-taxxi diretti jista'
jirriżulta anqas minn dak proġettat minħabba
s-suppożizzjonijiet ottimistiċi dwar l-elastiċitajiet
fir-rigward tal-bażi tat-taxxa; il-proġettazzjonijiet tal-programm għall-kontribuzzjonijiet
soċjali huma bbażati fuq xenarji favorevoli għall-okkupazzjoni u
t-tkabbir fil-pagi; u d-dewmiet potenzjali fl-implimentazzjoni u l-bidliet
fil-miżuri li jnaqqsu d-defiċit, ukoll lil hinn mill-kontroll dirett
tal-gvern, jistgħu jwasslu għal diskrepanza fl-eżekuzzjoni
tal-baġit. (9)
Il-gvern Pollakk impenja lil innifsu biex
iniżżel id-defiċit ta’ amminsitrazzjoni pubblika taħt
it-3 % tal-PDG sal-2012, kif irrakkomandat mill-Kunsill, u biex
jiggarantixxi l-istabilità tal-finanzi pubbliċi fit-tul. Għal dan
il-għan, fl-2011 daħal għal pjan biex jikkonsolida
sostanzjalment il-finanzi pubbliċi, permezz ta' miżuri li jaffettwaw
kemm id-dħul kif ukoll in-nefqa, inkluż tnaqqisiet kbar fin-nefqa
pubblika ta' investiment. L-abbozz tal-baġit tal-2012 ġie adottat
mill-gvern fil-5 ta' Mejju 2011. Huwa mistenni li
jikkontribwixxi għal tnaqqis sinifikanti akbar fid-defiċit. Xorta
waħda jista' jeħtieġ li jiġu implimentati miżuri
oħra apparti dawk ippreżentati fl-abbozz tal-Baġit tal-2012 biex
tintlaħaq l-iskadenza tal-2012 għall-korrezzjoni tad-defiċit
eċċessiv. Madankollu, aktar tnaqqisiet fl-infiq pubbliku
fl-investiment jissogra li tiġi llimitata l-kapaċità ta’
kofinanzjament tal-proġetti ta’ investiment iffinanzjati mill-UE. (10)
Il-Polonja saħħet il-qafas fiskali tul
is-snin. Madankollu, sabiex tiġi żgurata s-sostenibilità tal-finanzi
pubbliċi fit-terminu medju-twil ir-regoli fiskali eżistenti u
l-proċeduri ta' programmazzjoni għat-terminu medju ma jidhrux li
jipprovdu għal trasparenza suffiċjenti għall-proċess baġitarju,
inċentivi għall-koordinazzjoni bejn saffi varji tal-gvern u
l-flessibilità biex jiġu indirizzati xokkijiet u żbilanċi
makroekonomiċi. Ir-regoli fiskali għandhom jissejsu wkoll fuq
aggregati baġitarji wiesa' biżżejjed u għandhom ikunu
totalment konsistenti mas-Sistema Ewropea ta’ Kontabilità Nazzjonali u
Reġjonali (ESA95). Abbażi tal-politiki attwali, ir-riskji
għas-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi li joriġinaw
mit-tixjiħ tal-popolazzjoni jistgħu jitqiesu bħala medji. (11)
Minkejja li l-gvern abolixxa l-pensjonijiet bikrin
speċjali għall-maġġoranza tal-benefiċjarji,
għadhom fis-seħħ arranġamenti speċjali ta’ rtirar
bikri għall-membri tas-servizzi bl-uniformi u l-ħaddiema
tal-minjieri, u l-eta statutorja tal-pensjoni għan-nisa għadha
iżgħar minn dik għall-irġiel. Għalhekk l-età effettiva
tal-irtirar għadha baxxa. Barra minn
hekk, il-fond ta’ sigurtà soċjali għall-bdiewa (KRUS) li huwa
sussidjat bil-qawwi, ftit jagħti inċentiv lill-bdiewa biex
iżarmaw, bil-konsegwenza li jiddewwem ir-ristrutturar ekonomiku u
jixxekkel it-tkabbir fil-produttività. (12)
Is-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ
mhijiex magħmula biex taqdi bis-sħiħ il-bżonnijiet tas-suq
tax-xogħol. Minkejja żieda qawwija fl-ilħiq tal-edukazzjoni
terzjarja, l-impjegabilità hija affettwata minn diskrepanza bejn il-ħiliet
u l-impjiegi. Is-sistema edukattiva ogħla mhijiex marbuta adegwatement
mal-ambjent tan-negozju u l-impjiegi. Il-proporzjon tal-popolazzjoni adulta
(speċjalment ħaddiema akbar jew b'ħiliet baxxi) li
tipparteċipa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jibqa' baxx
ħafna. (13)
Fil-Polonja l-infiq pubbliku fuq ir-R&Ż
huwa baxx, u l-infiq privat, fost l-anqas fl-UE, ma jgħinx biex ipatti.
Aktar minn hekk dan kompla jonqos fl-aħħar snin, minħabba li
s-settur privat ma għandux inċentiv biżżejjed biex
jinvesti. Dan x'aktarx jispiċċa f'ostaklu kbir għat-tkabbir
ekonomiku fit-terminu medju u twil. Is-sistema tar-R&Ż mhijiex
integrata minħabba li ftit li xejn teżisti rabta bejn
l-universitajiet, l-istituti tar-riċerka u l-industrija. (14)
Il-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fis-suq
tax-xogħol huwa parzjalment dovut għad-disponibilità
insuffiċjenti ta’ faċilitajiet ta’ indukrar tat-tfal jew persuni
dipendenti. L-għadd ta’ tfal taħt it-tliet snin li għandhom
arranġamenti formali ta’ indukrar fil-Polonja huwa ħafna anqas
mill-medja tal-UE. Ir-rata ta’ reġistrazzjoni ta' tfal akbar, minkejja li
żdiedet tul l-aħħar snin, bl-istess mod baqgħet baxxa.
F'bosta każijiet ġenituri żgħażagħ jistgħu
jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol biss jekk l-indukrar tat-tfal isir
mill-qraba tagħhom. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ disponibilità ta’
servizzi ta' indukrar tnaqqas il-potenzjal tal-forza tax-xogħol
għan-nisa akbar partikolarment billi dawn iħallu l-impjieg
tagħhom jew jirtiraw qabel biex jieħdu ħsieb ulied uliedhom jew
persuni dipendenti oħra. (15)
L-infrastruttura tan-netwerk sottożviluppata
hija ostaklu għan-negozju u l-investiment barrani u l-infrastruttura
sottożviluppata tat-trasport tamplifika l-ispariġġi
reġjonali. L-infrastruttura enerġetika qed tiqdiem b'rata
mgħaġġla u laħqet il-limiti tal-kapaċità tagħha.
Barra minn hekk teħtieġ bidliet konsiderevoli biex jiġu
indirizzati r-rekwiżiti neċessarji marbuta mal-politiki
tal-mitigazzjoni tat-tibdil klimatiku. Minkejja li s-sistema ferrovjarja
tal-Polonja hija t-tielet l-akbar waħda fl-Ewropa, ma tistax
tappoġġa kif xieraq l-espansjoni tal-attività ekonomika minħabba
infrastruttura u vejikoli skaduti. (16)
Il-kwalità tal-ambjent tan-negozju u
l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika hija baxxa fil-Polonja.
F'paragun bejn il-pajjiżi, il-Polonja għandha problemi partikolari
fl-oqsma tal-ġbir tat-taxxi, il-ftuħ u l-għeluq ta’ negozji,
l-infurzar tal-kuntratti u r-reġistrazzjoni tal-proprjetà. Il-kumpaniji
huma mfixkla bi proċeduri twal ta’ ħruġ tal-liċenzji u
permessi. Fir-rigward tal-azzjonijiet legali, bħall-infurzar tal-kuntratti
u l-ksib ta’ permessi tal-bini, l-ammont ta’ proċeduri involuti huwa
pjuttost kbir u l-proċess kollu twil wisq. (17)
Il-Polonja ħadet għadd ta’ impenji
fil-Patt Euro Plus[4].
Mil-lat fiskali, il-Polonja timpenja ruħha li, dwar id-dejn eżistenti
u r-regola temporanja tan-nefqa, tintroduċi regolamenti ġodda biex
jiġu llimitati l-proporzjonijiet tad-defiċit tal-gvernijiet lokali u
li tintroduċi regola permanenti tan-nefqa. Biex issaħħaħ
l-istabilità finanzjarja, jittieħdu miżuri li jimmiraw għal
regolazzjoni u superviżjoni aktar effiċjenti tas-settur bankarju.
Jittieħdu miżuri dwar l-okkupazzjoni li jiffukaw fuq
il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol kif ukoll
tal-ħaddiema mdaħħla fiż-żmien u jsiru riformi biex
jissaħħew ir-rabtiet bejn in-negozju u l-edukazzjoni. Jittieħdu
miżuri ta’ kompetittività li jiffokaw fuq l-edukazzjoni u s-settur
tax-xjenza, it-trasport u l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-faxxa
l-wiesgħa (broadband) u jittieħdu miżuri biex jittejjeb
l-ambjent tan-negozju. Dawn l-impenji jirreferu għal erba' oqsma tal-Patt
u jirriflettu sew l-aġenda ppreżentata fil-Programm ta’
Konverġenza u fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma. Bosta sfidi importanti
ta’ politika baqgħu ma ġewx indirizzati (eż. ir-rata baxxa ta’
parteċipazzjoni tal-ħaddiema akbar) jew ingħataw ftit li xejn
attenzjoni (eż. t-titjib tal-amministrazzjoni tan-negozju). L-impenji
tal-Patt Euro Plus ġew ivvalutati u meqjusa fir-rakkomandazzjonijiet. (18)
Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta’
Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma, inkluż l-impenji
fil-Patt Euro Plus[5].
Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika sostenibbli
fiskali u soċjoekonomika fil-Polonja imma wkoll lejn il-konformità
tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa
tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea
billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE
għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Hi tqis li l-programmi
jagħmlu pjan ambizzjuż ta’ konsolidazzjoni tal-finanzi pubbliċi
u tħeġġeġ lill-gvern biex jipproċedi bl-implimentazzjoni,
u biex jieħu miżuri addizzjonali, fejn meħtieġ, biex
inaqqas id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika taħt it-3 %
tal-PDG sal-2012. Abbażi tal-kisbiet fl-aħħar għaxar snin,
għandhom jittieħdu passi biex iżidu l-okkupazzjoni,
prinċipalment bl-implimentazzjoni tar-riformi fis-sistemi tal-pensjonijiet
u l-edukazzjoni, u billi jittejbu s-servizzi tal-indukrar tat-tfal u persuni
dipendenti. Barra minn hekk, il-kompetittività mhux abbażi tal-prezzijiet
għandha tiżdied aktar billi jittejjeb il-qafas tar-R&Ż u
l-ambjent tan-negozju u billi jiġi promoss l-investiment
fl-infrastruttura. (19)
Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, meta titqies
ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2009 skont
l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’
Konverġenza tal-Polonja u l-opinjoni tiegħu[6] qed tiġi riflessa partikolarment
fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) hawn taħt. B'kunsiderazzjoni
tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew
tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm
Nazzjonali ta’ Riforma tal-Polonja, JIRRAKKOMANDA li l-Polonja għandha
tieħu azzjoni tul il-perjodu 2011-2012 sabiex: (1)
Timplimenta l-miżuri mħabbra
fl-abbożż tal-Liġi tal-Baġit tal-2012 u tinkludi miżuri
addizzjonali ta’ natura permanenti biex jitnaqqas id-defiċit
tal-amministrazzjoni pubblika taħt it-3 % tal-PDG fl-2012. Jiġu
mminimizzati t-tnaqqisiet fin-nefqa li ttejjeb it-tkabbir fil-futur,
partikolarment il-kofinanzjament tal-fondi tal-UE, filwaqt li tiżgura
progress adegwat lejn l-objettiv ta’ terminu medju. (2)
Tiddaħħal leġiżlazzjoni
bil-ħsieb li tintroduċi regola permanenti tan-nefqa sal-2013.
Ir-regola għanda tissejjes fuq aggregati baġitarji wiesa'
biżżejjed u għandha tkunu totalment konsistenti mas-sistema
Ewropea ta’ kontabilità. Barra minn hekk, tieħu miżuri biex
issaħħaħ il-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni fost il-livelli
differenti tal-gvern għat-terminu medju u l-proċessi annwali
baġitarji. (3)
Tgħolli kif ippjanat l-età statutorja
tal-irtirar għas-servizzi ta' uniformi, tkompli tieħu passi biex
iżżid l-età effettiva tal-irtirar u torbotha mal-istennija
tal-għomor. Tistabilixxi skeda ta’ żmien biex temenda r-regoli
għall-fond ta’ sigurtà soċjali għall-bdiewa (KRUS) biex
jirriflettu aħjar l-introjti individwali. (4)
Timplimenta l-istrateġija proposta
tat-tagħlim tul il-ħajja, ittejjeb l-apprentistati u taħriġ
vokazzjonali speċifikat u programmi edukattivi għall-ħaddiema
mdaħħla fiż-żmien u ħaddiema b'ħiliet baxxi. Issaħħaħ ir-rabta bejn ix-xjenza u
l-industrija billi timplimenta l-programm "Nibnu fuq l-Għarfien"
(‘Budujemy na Wiedzy’). Timplimenta l-programm ta’ riforma tal-edukazzjoni għolja "Sħubija
għall-Għarfien" (‘Partnerstwo dla
Wiedzy’) sabiex tallinja aħjar tal-edukazzjoni disponibbli
mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. (5)
Iżżid il-parteċipazzjoni tan-nisa
fis-suq tax-xogħol billi tieħu miżuri biex jiġi żgurat
finanzjament stabbli għall-arranġamenti ta’ indukrar tat-tfal ta’
qabel l-iskola, biex jiżdiedu r-rati ta’ reġistrazzjoni tat-tfal
taħt it-tliet snin. (6)
Jittieħdu miżuri biex jiġu
bbilanċjati l-inċentivi għall-investiment fil-kapaċità
tal-ġenerazzjoni tal-enerġija bl-għan li jiġu promossi
t-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju, u biex jiġu
żviluppati aktar l-interkonnessjonijiet transfruntieri tal-grilja
tal-elettriku; tiżviluppa pjan
multiannwali għall-investiment fl-infrastruttura ferrovjarja u timplimenta
pjan kumplessiv għat-trasport ferrovjarju. (7)
Tistabilixxi skeda ta’ żmien biex jiġu
ssemplifikati l-proċeduri legali involuti fl-infurzar tal-kuntratti;
tirrevedi l-leġiżlazzjoni tal-bini u t-tqassim taż-żoni,
bl-għan li jiġu armonizzati l-proċeduri tal-appell u
jitħaffu l-proċeduri amministrattivi. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. [2] ĠU C , , p. . [3] Miżmuma għall-2011, permezz
tad-Deċiżjoni 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011. [4] Aktar dettalji dwar l-impenji li saru fil-Patt Euro Plus
jinsabu fi SEC(2011) 729. [5] SEC(2011) 729. [6] Prevista fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.