52011SC0814

Recommendation for a COUNCIL RECOMMENDATION on the National Reform Programme 2011 of Portugal[and delivering a Council opinionon the updated Stability Programme of Portugal, 2011-2014]


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tal-Portugall u l-għoti tal-Opinjoni tal-Kunsill dwar l-aġġornament tal-Programm ta' Stabbiltà tal-Portugall, 2011-2014

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, u partikolarment l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1) Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2) Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri[1], li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali ekonomiċi u dawk dwar l-impjiegi.

(3) Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4) Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibbiltà fiskali, lit-tnaqqis tal-qagħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(5) Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin għall-inklużjoni fil-Programmi ta’ Stabbiltà jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom. Fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma, l-impenji u l-azzjonijiet speċifiċi għall-2011 mhumiex ikkomunikati b'mod espliċitu iżda huma mistennija li jitressqu lill-Kunsill Ewropew.

(6) Fit-23 ta' Marzu 2011, il-gvern Portugiż ressaq Programm ta' Stabbiltà għall-2011-2014 lill-parlament nazzjonali, li rrifjutah. Fid-19 ta' April 2011, il-gvern Portugiż ressaq Programm Nazzjonali ta' Riforma. Il-Memorandum ta' Qbil iffirmat fis-17 ta' Mejju 2011 ħa post ix-xenarji makroekonomiċi u fiskali proposti kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-politiki.

(7) Fis-17 ta' Mejju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/0122 sabiex l-assistenza finanzjarja għal terminu medju tkun disponibbli għall-Portugall għall-perjodu ta' tliet snin 2011-2014 skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja. Il-Memorandum ta' Ftehim li jakkumpanja iffirmat fl-istess ġurnata u s-supplimenti suċċessivi tiegħu jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta' politika ekonomika li abbażi tagħhom ġiet żburżata l-assistenza finanzjarja.

(8) Fl-2010, il-PDG tal-Portugall kiber b'rata ta' 1,3 %. Madankollu, dan it-tkabbir pożittiv kien dovut l-iktar għal fatturi eċċezzjonali li taw spinta lill-esportazzjoni u l-konsum privat. L-iżviluppi tal-prezzijiet u tal-kostijiet indikaw biċ-ċar li l-Portugall ma kienx qed jagħti spinta il-kompetittività f'rata mgħaġġla biżżejjed sabiex jirrimedja d-defiċit tal-kont kurrenti tiegħu, li kien jilħaq l-10 % tal-PDG fl-2010. Din l-ekonomija ġeneralment dgħajfa u ż-żieda qawwija tal-qgħad (11,2 fl-aħħar tal-2010) wasslet għal defiċits kbar tal-gvern, li qabżu l-10 % tal-PDG fl-2009 u d-9 % fl-2010, filwaqt li fl-2008 kien biss 3,5 %. Bħala riżultat ta' dan, il-Portugall sofra żieda fil-pressjoni fis-swieq finanzjarji, u dan wassal għal tħassib dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tiegħu. Wara twaqqigħ fl-ikklassifikar ta' bonds Portuġiżi għal diversi drabi konsekuttivi mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, il-pajjiż ma setax jiffinanzja mill-ġdid lilu nnifsu b'rati li huma kompatibbli ma' sostenibbiltà fiskali fuq terminu twil. Fl-istess ħin, is-settur bankarju, li jiddependi ħafna fuq il-finanzjament estern, l-iktar fiż-żona tal-euro, kien dejjem iktar maqtugħ mill-finanzjament tas-swieq.

(9) Il-Portugall ħa l-impenn li jimplimenta programm ta' aġġustament finanzjarju bl-għan li terġa' tinkiseb fiduċja fis-settur sovran u f'dak bankarju u li japppoġġa t-tkabbir u l-impjiegi. Dan jipprevedi azzjoni kompensiva li tindirizza tliet kwistjonijiet: (i) strateġija ta’ konsolidazzjoni fiskali li hija bbilanċjata u kredibbli, appoġġata minn miżuri fiskali strutturali u kontroll fiskali aħjar; (ii) riformi sturtturali radikali u proattivi fis-swieq tax-xogħol u tal-prodotti; u (iii) sforzi sabiex is-settur finanzjarju jitħares minn diżingranar disorganizzat permezz ta' mekkaniżmi bbażati fuq is-suq appoġġati minn faċilitajiet ta' riżerva.

(10) Il-Kummissjoni vvalutat il-Pragramm Nazzjonali ta' Riforma[2]. Mhux biss qieset ir-rilevanza tiegħu għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fil-Portugall imma wkoll kemm jikkonforma mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tenfasizza l-urġenza tal-implimentazzjoni tal-miżuri ppjanati f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/0122,

JIRRAKKOMANDA li l-Portugall għandu:

Jimplimenta l-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill [2011/0122] u li huma speċifikati aħjar fil-Memorandum ta' Qbil tas-17 ta' Mejju 2011 u s-suppliment sussegwenti tiegħu.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011.

[2]               Ara SEC(2011) 730.