COMMISSION STAFF WORKING PAPER EXECUTIVE SUMMARY OF THE IMPACT ASSESSMENT COMMISSION STAFF WORKING PAPER EXECUTIVE SUMMARY OF THE IMPACT ASSESSMENT
DOKUMENT TA’ ĦIDMA MILL-PERSUNAL
TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI
TAL-IMPATT Flimkien mad-dokument ta' Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U
TAL-KUNSILL
dwar l-applikazzjoni ta' skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati 1. Definizzjoni tal-problema 1.1 Daħla Is-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi
("l-iskema") tgħin lill-pajjiżi li qegħdin
jiżviluppaw, u b'mod partikolari l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati
(LDCs), biex inaqqsu l-faqar billi toffrilhom preferenzi għall-importazzjoni
biex jiġġeneraw jew jagħtu spinta lid-dħul
mill-kummerċ internazzjonali. Barra minn hekk l-iskema tagħti
l-inċentivi fil-forma ta' preferenzi addizzjonali fuq it-tariffi
lill-pajjiżi li jimpenjaw ruħhom għall-iżvilupp sostenibbli
u għaltmexxija tajba. Bħalissa l-iskema qed timmira li tikseb
l-għanijiet stipulati fil-Komunikazzjoni mingħand il-Kummissjoni
lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali
dwar il-funzjonament tas-Sistema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (GSP)
għall-għaxar snin ta' bejn l-2006 u l-2015. L-iskema tagħti
aċċess preferenzjali għas-swieq tal-UE b'mod ġenerali u
mhux diskriminatorju lil 176 pajjiż u territorju eliġibbli.
Għandha tliet tipi ta' arranġament: · l-arranġament ġenerali (ta' sikwit deskritt sempliċiment
bħala "GSP"); · l-arranġament inċentiv speċjali għall-iżvilupp
sostenibbli u għal tmexxija tajba (deskritt bħala "GSP+")
li joffri preferenzi addizzjonali bħala inċentivi li
jappoġġaw lill-pajjiżi vulnerabbli li qegħdin
jiżviluppaw biex jirratifikaw u jimplimentaw 27 konvenzjoni
internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, dwar
l-ambjent u t-tmexxija tajba. · l-arranġament Kollox Minbarra l-Armi (EBA), li jipprovdi
aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwota lil-LDCs. L-iskema preżenti GSP hija implimentata
permezz ta' regolamenti suċċessivi, li kull wieħed minnhom
japplika għal tliet snin. Ir-regolament kurrenti GSP se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011.
Fis-26 ta' Mejju 2010, il-Kummissjoni adottat proposta biex
testendi l-validità tar-regolament kurrenti sal-31 ta' Diċembru 2013
biex tagħti ż-żmien għall-preparazzjoni tar-reviżjoni
tal-iskema GSP minħabba l-proċeduri itwal imdaħħlin
bit-Trattat ta' Lisbona. Reviżjoni reċenti ta' nofs it-terminu turi
l-isfond tal-proposta ppjanata tal-Kummissjoni għal regolament rivedut li
jieħu post l-iskema eżistenti malli din tiskadi fl-2013. Kemm
l-arranġament EBA kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar ir-regoli
tal-oriġini ma jidħlux fl-ambitu ta' din ir-reviżjoni: dak
tal-ewwel, minħabba li mhuwiex suġġett għal reviżjonijiet
perjodiċi; u tal-aħħar għaliex fl-2011 daħlet
fis-seħħ leġiżlazzjoni ġdida dwar ir-regoli
tal-oriġini. 1.2 Konsultazzjoni u għarfien espert Din l-istima tal-impatt saret wara konsulti
fil-fond mal-Istati Membri u partijiet interessati oħra (inklużi
s-soċjetà ċivili, l-industrija, pajjiżi benefiċjarji,
il-Parlament Ewropew, u l-membri tad-WTO). L-ideat tal-partijiet interessati
tqiesu, kif inhu enfasizzat ħafna drabi fir-rapport ewlieni. Intlaħqu
l-istandards minimi tal-Kummissjoni għall-konsulti. Biex jiġi stmat
safejn l-iskema tal-UE tilħaq il-ħtiġijiet tal-pajjiżi li
qegħdin jiżviluppaw, saret valutazzjoni ta' nofs it-terminu minn
konsulent barrani: Centre for Analysis of Regional Integration (iċ-Ċentru
għall-Analiżi tal-Integrazzjoni Reġjonali) f'Sussex (CARIS).
Ir-rapport finali ġie ppubblikat fis-26 ta' Mejju 2010
fil-websajt tad-DĠ għall-Kummerċ[1].
Ir-riżultati ta' dan l-istudju jidhru fir-rapport ewlieni tal-istima
tal-impatt fejn hu relevanti. 1.3 Il-punti sodi u l-punti dgħajfa
tal-iskema GSP Il-valutazzjoni tal-CARIS tal-iskema
eżistenti GSP (2010) ikkonkludiet li: · hemm evidenza ċara li l-preferenzi GSP tal-UE jistgħu jkunu
effettivi biex iżidu l-esportazzjonijiet u l-benessri tal-pajjiżi fi
stat ta' żvilupp; · ir-rati tal-użu tal-iskema/i GSP huma għoljin, u kkorrelatati
pożittivament mal-marġni tat-tariffi u tal-preferenzi; · il-pajjiżi esportaturi jaqbdu madwar nofs il-qligħ idderivat
mill-marġnijiet ta' preferenza; · ir-reġim GSP+ kellu impatt pożittiv fuq ir-ratifika tas-27 konvenzjoni
internazzjonali mitluba għall-eliġibbiltà, iżda l-progress
rigward l-implimentazzjoni tagħhom huwa ħafna inqas ċar. B'danakollu l-iskema hija soġġetta
għal għadd ta' restrizzjonijiet strutturali u ta’ natura oħra
(li huma ddettaljati kemm fl-istudju tal-CARIS kif ukoll fir-rapport ewlieni).
Hemm ukoll numru ta' kwistjonijiet speċifiċi li hemm bżonn li
jiġu indirizzati fil-proċess tar-reviżjoni; taqsira ta' dawn
tidher fid-dijagramma analitika tal-problemi fil-paġna segwenti. Għażla ta' benefiċjarji li
mhijiex ideali Titpoġġa ħafna pressjoni
kompetittiva fuq Pajjiżi Anqas Żviluppati minn benefiċjarji
oħrajn GSP. Bosta pajjiżi bi dħul għoli (HICs) jibqgħu
benefiċjarji fuq il-pretest li ma għandhomx biżżejjed
diversifikazzjoni. Dawn il-pajjiżi għandhom ir-riżorsi biex
jiksbu livelli ogħla ta' diversifikazzjoni mingħajr l-għajnuna
tal-preferenzi tal-UE. L-istess jista' jintqal dwar il-pajjiżi hekk
imsejħin bi Dħul Medju Għoli (UMIs). U l-pajjiżi li
jibbenefikaw minn preferenzi meħudin minn arranġament mal-UE bilaterali
preferenzjali ieħor, ukoll jibqgħu jibbenefikaw mill-iskema GSP.
L-użu ta' preferenzi GSP mill-HICs, l-UMIs u pajjiżi li diġà
jibbenefikaw minn arranġamenti bilaterali preferenzjali oħra
jżid il-pressjoni kompetittiva fuq l-esportazzjonijiet minn pajjiżi
li huma ifqar u iżjed vulnerabbli, li l-bżonnijiet tagħhom huma
ħafna ikbar u għalhekk jistħoqqilhom iżjed attenzjoni. Mekkaniżmu ta' gradwazzjoni mhux
ideali Ekonomiji emerġenti li qed
jiżviluppaw iġġenerew setturi tal-manifatturi orjentati
għall-esportazzjoni li qegħdin jirnexxu ħafna u li huma
kompetittivi ħafna f'livell dinji. Dawn is-setturi jirċievu
l-benefiċċji taħt l-iskema, allavolja jista' jingħad li ma
għadx għandhom bżonn il-preferenzi biex ikollhom preżenza
sostanzjali fl-UE. Jagħmlu pressjoni kompetittiva fuq l-industrija tal-UE;
u jagħmluha iżjed diffiċli li jidħlu pajjiżi ifqar li,
b'konsegwenza ta' dan, iridu jagħmlu sforzi dejjem akbar biex
jiddiversifikaw il-bażi ta' esportazzjoni tagħhom. L-iskema GSP
għandha mekkaniżmu li jelimina s-setturi kompetittivi minn
pajjiżi speċifiċi u jirtira l-preferenzi – il-mekkaniżmu
ta' gradwazzjoni. Iżda dan bilkemm intuża bl-iskema kurrenti. Minn
total ta' 'l fuq minn 2400 settur marbut ma' pajjiżi, ġew iggradwati 20
biss, li 13 minnhom huma setturi Ċiniżi. Dan juri li
l-mekkaniżmu ta' gradwazzjoni attwali mhuwiex sensittiv
biżżejjed biex jiżgura l-effikaċja u l-effiċjenza
tal-iskema. Dgħufija oħra kbira tal-mekkaniżmu ta' gradwazzjoni
hija li l-gradwazzjoni hija bbażata fuq taqsimiet tal-iskeda tat-Tariffi
Doganali tal-UE li tant huma kbar u eteroġenji li l-prodotti mhux
neċessarjament kompetittivi jiġu esklużi għar-raġuni
sempliċi li qegħdin f'kategorija fejn jippredominaw prodotti minn
industrija kompletament differenti iżda kompetittiva ħafna. Kopertura insuffiċjenti tal-prodotti L-iskema GSP għandha kopertura
wiesgħa tal-prodotti, iżda din mhijiex sħiħa.
Bħalissa, 9 % tal-linji tariffarji kollha huma barra mill-iskema u
soġġetti għal tariffi pożittivi. Il-pajjiżi li huma
l-iżjed fil-bżonn xi drabi ma jirnexxilhomx jiksbu l-aċċess
għas-suq tal-UE għaliex ikunu jridu jesportaw xi wħud minn dawn
il-prodotti. Limitazzjoni oħra de facto fuq il-kopertura
tal-prodotti tirriżulta mit-tqassim tal-linji tal-prodotti f'dawk
sensittivi u dawk li mhumiex sensittivi: prodotti li mhumiex sensittivi jgawdu
l-aċċess mingħajr dazju, iżda l-prodotti sensittivi jiksbu
tnaqqis tariffarju ta' 3,5 punti perċentwali fuq id-dazji ad valorem. Appoġġ insuffiċjenti
għad-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet L-għan oriġinali tal-iskemi
ġeneralizzati ta' preferenzi kien jappoġġja d-diversifikazzjoni
permezz tal-industrijalizzazzjoni. Iżda l-valutazzjoni tal-2010 sabet li
meta l-benefiċjarji u l-prodotti kollha jitqiesu flimkien,
id-diversifikazzjoni hija fil-biċċa l-kbira limitata
għall-prodotti esportati mill-ekonomiji emerġenti li għandhom
marġni preferenzjali baxxi. L-inklużjoni fl-iskema kurrenti ta'
pajjiżi GSP li bilkemm jikkwalifikaw bħala pajjiżi li huma
l-iżjed fil-bżonn (HICs u UMIs) u li jagħmlu pressjoni sinifikanti
fuq prodotti EBA u GSP+ fl-iskema li jkunu qed jikkompetu magħhom –
flimkien mal-mekkaniżmu ta' gradwazzjoni dgħajjef – jagħmilha
iżjed diffiċli għall-pajjiżi foqra u vulnerabbli biex
jiddiversifikaw għaliex il-pajjiżi GSP jieħdu
l-maġġoranza tal-preferenzi. Inkonsistenza mal-għanijiet
ġenerali tal-kummerċ L-eżistenza ta' benefiċċji GSP
tista' ddgħajjef l-inċentivi tal-pajjiżi benefiċjarji li
jinnegozjaw il-ftehimiet kummerċjali bilaterali jew multilaterali.
B'kuntrast għal dan, l-għan li l-benefiċċji GSP jiġu
ffokati fuq dawk il-pajjiżi li l-iżjed għandhom bżonn
jista' jkollu l-konsegwenza mhux mistennija li jagħti inċentiv akbar
lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma aktar żviluppati biex
jibdew u jikkonkludu n-negozjati kummerċjali reċiproki mal-UE. Utilizzazzjoni baxxa tal-preferenzi minn xi
pajjiżi Il-pressjoni kompetittiva magħmula
mill-benefiċjarji GSP tista' tbaxxi l-istatus tal-pajjiżi GSP+ u
tal-LDCs għal dak ta' fornituri reżidwi u irregolari tas-suq tal-UE.
Minħabba l-valur baxx tat-tranżazzjonijiet li jiġu konklużi
f'dawn il-kundizzjonijiet, l-importaturi għandhom inqas inċentiva
biex iħallsu l-ispejjeż li huma involuti fit-talba
għall-preferenzi (pereżempju biex wieħed jikseb jew jamministra ċ-ċertifikati
ta' oriġini). Għaldaqstant, ħafna preferenzi ma jiġux
utilizzati. Appoġġ insuffiċjenti
tas-sostenibbiltà u l-governanza tajba Il-kriterji ta' vulnerabbiltà kurrenti li
jiddeterminaw l-eliġibbiltà għall-GSP+ huma ristrettivi
żżejjed. Dan jillimita kemm il-GSP+ tista' tippromwovi
l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza t-tajba, fis-sens li rekwiżit
għall-eliġibbiltà inqas ristrettiv jista' jkun ta' inċentiv
għal numru akbar ta' pajjiżi biex jirratifikaw u jimplimentaw regoli
u standards internazzjonali u biex jagħmlu r-riformi interni. Il-kundizzjoni
għall-aċċess għall-GSP+ (li l-pajjiż ikun mhux biss
irratifika, iżda wkoll "implimenta b'mod effettiv"
il-konvenzjonijiet) tagħmel limiti bla bżonn; ma tappoġġjax
dan it-tip ta' skema bbażata fuq l-inċentivi. Minħabba li hemm
il-perjodi ta' żmien limitati għad-dħul fil-GSP+ (li jkunu
miftuħa għad-dħul darba kull 18-il xahar biss)
il-benefiċjarji potenzjali ma jkunux jistgħu jidħlu fl-iskema
malli jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha għad-dħul. Skont l-iskema
kurrenti, il-Kummissjoni trid tissorvelja l-istatus ta' ratifikazzjoni u
l-implimentazzjoni effettiva tas-27 konvenzjoni speċifikata billi
teżamina l-informazzjoni disponibbli li tasal mingħand il-korpi ta'
sorveljanza relevanti. Iżda l-mekkaniżmu ta' sorveljanza
għall-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet juri għadd ta'
dgħufijiet sostanzjali. Mekkaniżmu ta' ħarsien mhux
adegwat Ġew identifikati bosta dgħufijiet
fil-mekkaniżmu ta' ħarsien tal-GSP, partikolarment in-nuqqas ta'
definizzjoni tal-kunċetti legali ewlenin; in-nuqqas ta' definizzjoni
tad-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet involuti f'investigazzjoni; u l-qafas
proċedurali mhux iddefinit sew. 2. Analiżi tas-Sussidjarjetà Il-bażi legali għall-azzjoni
tal-Komunità f'din il-kwistjoni hija l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem it-TFUE).
Il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax f'dan il-każ.
Il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa sodisfatt meta jitqies li
r-regolament huwa l-uniku tip ta' azzjoni xierqa li tista' tieħu l-Unjoni
Ewropea biex tistabbilixxi l-aċċess preferenzjali għas-suq
unilaterali u mhux reċiproku għall-pajjiżi li qed
jiżviluppaw. 3. Għanijiet 3.1 Għanijiet ġenerali L-iskema għandha tliet għanijiet
ġenerali: 1. Li tikkontribwixxi
għall-qerda tal-faqar billi tkabbar l-esportazzjonijiet minn dawk
il-pajjiżi li iżjed huma fil-bżonn (G-1); 2. Li tippromwovi
l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza t-tajba (G-2); 3. Li tiżgura ħarsien
aħjar għall-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-UE (G-3).
3.2 Għanijiet speċifiċi u
operazzjonali Għall-perjodu ta' bejn l-2006 u l-2015 il-Komunikazzjoni dwar
il-GSP tal-Kummissjoni stabbiliet l-għanijiet li ġejjin
għall-iskema: 1. Li jinżammu
preferenzi tariffarji ġenerużi li jkomplu jipprovdu inċentivi
veri biex il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw iżidu l-esportazzjonijiet
tagħhom b'mod sostenibbli; 2. Li l-preferenzi jkunu
mmirati lejn il-pajjiżi li l-iżjed għandhom bżonnhom billi
jintemm l-aċċess preferenzjali għal dawk il-pajjiżi li ma
għadx għandhom bżonnu, u billi jkun żgurat li r-rati preferenzjali
GSP jiġu rtirati minn fuq il-prodotti kompetittivi; 3. Li ssir disponibbli
skema ta' preferenzi sempliċi, prevedibbli u faċilment
aċċessibbli; 4. ³Li l-iżvilupp
sostenibbli u l-governanza t-tajba jkomplu jkunu mħeġġa; 5. Li jkun hemm ipprovduti
l-mekkaniżmi għall-irtirar u l-istrumenti ta' ħarsien biex ikun
żgurat li jkunu mħarsin l-aspetti marbutin mal-iżvilupp
sostenibbli u mal-governanza t-tajba tal-GSP u l-interessi finanzjarji u
ekonomiċi tal-UE. Biex ikun aċċertat li l-għażliet politiċi li
jitqiesu jkunu dawk l-iżjed adattati biex jilħqu l-għanijiet
ġenerali tal-iskema f'ambjent ekonomiku dinji li qed jinbidel, dawn
l-għanijiet inbidlu f'għanijiet speċifiċi u operazzjonali: L-għanijiet speċifiċi huma dawn li ġejjin: 1. Li l-preferenzi jkunu ffokati
aħjar fuq dawk il-pajjiżi li l-iżjed qegħdin fil-bżonn
(S-1); 2. Li jitneħħew
id-diżinċentivi għad-diversifikazzjoni għal dawk
il-pajjiżi li l-iżjed qegħdin fil-bżonn (S-2); 3. Li tikber il-konsistenza ma'
għanijiet ġenerali tal-kummerċ (bilaterali u multilaterali, S-3); 4. Li jissaħħaħ
l-appoġġ tal-iżvilupp sostenibbli u tal-governanza t-tajba (S-4); 5. Li tittejjeb
l-effiċjenza tal-mekkaniżmi ta' ħarsien li jiżguraw li
l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-UE jkunu mħarsin (S-5); 6. Li tittejjeb
iċ-ċertezza legali, l-istabbiltà u prevedibbiltà tal-iskema (S-6). L-għanijiet operazzjonali huma dawn li ġejjin: 1. Li l-lista tal-pajjiżi
benefiċjarji tiġi rreveduta billi jiġu ddiferiti
l-benefiċċji għal dawk il-pajjiżi li, skont
il-bżonnijiet ta' żvilupp, u l-bżonnijiet finanzjarji u
kummerċjali, ma għadx għandhom bżonn il-preferenzi; 2. Li l-gradwazzjoni tkun
immirata lejn il-benefiċjarji ewlenin, u b'hekk ikun żgurat li r-rati
preferenzjali GSP jiġu rtirati għall-prodotti kompetittivi; 3. Li t-taqsimiet tal-prodotti
jiġu ddefiniti mill-ġdid biex jirriflettu kategoriji aktar
omoġenji tal-prodotti; 4. Li jiġi ssimplifikat
il-mekkaniżmu għad-dħul fil-GSP+; 5. Li jiġi żviluppat
mekkaniżmu aktar effettiv u trasparenti għas-sorveljanza u
l-valutazzjoni tal-impenn u l-progress tal-pajjiżi fil-GSP+
fl-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet tal-GSP+; 6. Li jiġu żviluppati
proċeduri kredibbli u effiċjenti għall-irtirar temporanju
tal-preferenzi u proċeduri għat-tiġdid tal-preferenzi; 7. Li jittejbu l-proċeduri
amministrattivi tal-mekkaniżmi ta' ħarsien. 4.Għażliet politiċi It-tabella bl-informazzjoni mqassra turi sett ta' għażliet
politiċi ewlenin li ġew identifikati bħala rappreżentattivi
tat-toroq ewlenin li jistgħu jintgħażlu. Għażla || Karatteristiċi ewlenin L-għażla A: Waqfien || Il-preferenzi għall-benefiċjarji tal-GSP u GSP+ jiġu abbandunati. Jibqa' l-arranġament EBA. L-għażla B: Kollox jibqa’ kif inhu LINJA BAŻI || Il-politika kurrenti tkompli mingħajr tibdil. Din l-għażla għandha żewġ xenarji bażi: B1 (għal żmien qasir) – it-tkomplija tal-iskema filwaqt li jitqiesu l-istatus kurrenti tal-ftehimiet bilaterali u multilaterali. B2 (għal żmien twil) – it-tkomplija tal-iskema bbażata fuq is-suppożizzjoni li n-negozjati multilaterali u bilaterali li għadhom għaddejjin se jkunu ġew konklużi b'suċċess L-għażla C: Tfassil mill-ġdid parzjali || Din hija maqsuma f'żewġ għażliet sekondarji oħra. It-tnejn għandhom xi elementi komuni u xi differenzi - it-tibdiliet tal-għażla C1 huma inqas minn dawk tal-għażla C2. L-elementi komuni għal dawn iż-żewġ għażliet sekondarji: 1. Il-preferenzi għal ċerti pajjiżi eliġġibbli jiġu ddiferiti: pajjiżi u territorji barranin; pajjiżi li għandhom dħul għoli u dħul medju għoli; il-pajjiżi li għandhom ftehim kummerċjali preferenzjali li fir-realtà jkopri l-preferenzi kollha. 2. Il-prinċipji tal-gradwazzjoni jiġu riveduti: it-taqsimiet tal-prodotti jiġu ddefiniti mill-ġdid il-gradwazzjoni ma tapplikax għall-pajjiżi GSP+. 3. Il-mekkaniżmu għad-dħul fil-GSP+ jiġi ssimplifikat u jsir iżjed flessibbli: il-pajjiżi jridu jirratifikaw, u mhux jimplimentaw bis-sħiħ il-konvenzjonijiet, filwaqt li jintrabtu li jiggarantixxu l-implimentazzjoni il-pajjiżi jistgħu japplikaw għall-GSP+ f' kwalunkwe ħin. 4. il-mekkaniżmu għas-sorveljanza tal-GSP+ jiġi mffassal mill-ġdid biex itejjeb l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet. 5. Jiġu introdotti proċeduri iżjed trasparenti u effiċjenti għall-irtirar temporanju tal-preferenzi. 6. Il-proċeduri amministrattivi tal-mekkaniżmi ta' ħarsien jittejbu. L-elementi differenti bejn dawn iż-żewġ għażliet sekondarji: 1. Il-limitu minimu tal-gradwazzjoni L-għażla C1 Il-limitu minimu tal-gradwazzjoni jibqa' l-istess. L-għażla C2 Il-limitu minimu tal-gradwazzjoni jitnaqqas għal 7.5% u l-limitu ta' sikurezza ta' 50% jiġi eliminat. 2. l-kriterju ta' vulnerabbiltà tal-GSP+ L-għażla C1 Il-limitu minimu tas-sehem tal-importazzjoni jiħfief (jiżdied minn 1% għal 2%). L-għażla C2 Il-kriterji tal-vulnerabbiltà jitħassru. 3. Lista ta' konvenzjonijiet GSP+ L-għażla C1 Il-lista tal-konvenzjonijiet GSP+ tibqa' l-istess. L-għażla C2 Il-lista tal-konvenzjonijiet GSP+ titwessa'. L-għażla D: Tfassil mill-bidu nett || Din l-għażla tinkludi u tkompli tibni fuq il-karatteristiċi tal-għażla C. B'mod partikolari, il-kopertura tal-prodotti tal-iskema titfassal mill-ġdid, bi 3 għażliet sekondarji: L-għażla D1 Il-pajjiżi benefiċjarji kollha jieħdu kopertura tal-prodotti sħiħa u l-prodotti kollha jitqiesu li jkunu mhux sensittivi, ma jkunx hemm gradwazzjoni. L-għażla D2 Għadd ta' prodotti industrijali u agrikoli jgħaddu mil-lista tal-prodotti sensittivi għal-lista tal-prodotti mhux sensittivi. L-għażla D3 Il-lista tal-prodotti li huma koperti mill-iskema tiżdied u tinkludi għadd ta' prodotti industrijali u agrikoli. 5. Analiżi tal-impatti 5.1 Ġenerali L-importazzjonijiet li jibbenefikaw mill-preferenzi jagħmlu inqas
minn 5 % tal-importazzjoni totali tal-UE. Dan ifisser li, filwaqt li
l-impatti fuq il-benefiċjarji jistgħu jkunu kbar, l-impatti
ġenerali fuq l-UE x'aktarx ikunu limitati. L-impatti ġew stmati
abbażi tal-analiżi mwettqa mill-CARIS, u analiżi oħra li
twettqet fuq mudell SMART[2], u
permezz tal-istudju ta' statistiċi dwar l-importazzjonijiet uffiċjali
tal-UE, il-produzzjoni, il-konsum u l-impjieg. L-impjieg huwa l-varjabbli
ewlieni użat fl-analiżi tal-impatti soċjali. L-impatti
ambjentali huma dejjem baxxi, u ġew analiżżati separatament. 5.2 Kummenti dwar il-linji bażi (B1 u B2) Hemm tnaqqis naturali fil-livell tad-dazji fuq l-importazzjoni (u
għaldaqstant, preferenzi) minħabba t-tnaqqir tal-preferenzi bl-impatt
ta' ftehimiet ulterjuri kummerċjali bilaterali u multilaterali. It-tnaqqir
tal-preferenzi jnaqqas l-importazzjonijiet li jkunu ġejjin minn
pajjiżi benefiċjarji tal-GSP; dan huwa l-isfond attwali li fuqu
titwettaq din l-istima. Fl-aħħar nett, meta jkunu ġew
implimentati bis-sħiħ il-ftehimiet kollha multilaterali u bilaterali,
id-dazji x'aktarx li tant ikunu baxxi li l-idea ta' preferenzi tkun
kważi irrilevanti – kif ukoll tkun sistema ġeneralizzata ta' preferenzi.
Jista' jkun li jkollhom jitfasslu għodod oħrajn, kompletament
differenti minnha. Sakemm jasal dak iż-żmien, il-kwistjoni hija
x'jista' jsir biex ngħinu lil dawk il-pajjiżi li l-iżjed
għandhom bżonn ta' preferenzi. 5.3 L-għażla A: ma titkompliex L-għażla A twaqqaf l-iskema GSP filwaqt li żżomm
l-iskema EBA li jibbenefikaw minnha l-LDCs. L-importazzjonijiet totali tal-UE
jonqsu, iżda b'ammont insinifikanti (madwar EUR sitt biljun, jew
inqas minn wieħed fil-mija). Valutazzjoni ġenerali tal-effetti ekonomiċi, soċjali u
ambjentali Dawn li ġejjin huma l-effetti ġenerali relattivi għal B1.
L-effetti ekonomiċi u soċjali għall-pajjiżi li l-iżjed
qegħdin fil-bżonn mistennija li jkunu negattivi. Jibbenefikaw l-LDCs,
iżda dawk il-bosta pajjiżi fi stat ta' żvilupp u s-setturi
ekonomiċi li wkoll huma fil-bżonn isofru kif jgħib
l-aċċess preferenzjali. Fl-UE jkun hemm tliet elementi li
jagħmlu impatt fuq l-effetti ġenerali ekonomiċi u soċjali:
surplus għall-produtturi, surplus għall-konsumaturi, u d-dħul
mit-tariffi. L-impatti negattivi għall-konsumaturi x'aktarx jiġu
kkumpensati bi dħul ogħla mit-tariffi, li huma tal-istess ordni ta’
daqs. L-impatt nett b'hekk ikun iġġenerat mill-benefiċċji
għall-produtturi. Kif inhu spjegat hawn fuq, dawn il-benefiċċji
ma jkunux, b'mod ġenerali, sinifikanti, iżda b'danakollu jkollhom
effetti pożittivi sinifikanti fuq setturi importanti (iz-zokkor, il-frott
u l-ħxejjex, id-drappijiet u l-ilbies) – u fuq l-Istati Membri tal-UE fejn
dawn is-setturi huma importanti. Għalhekk dawn l-impatti jkunu
ġeneralment pożittivi. L-impatti ambjentali fl-UE l-iżjed li
jistgħu jkunu pożittivi huwa b'mod negliġibbli, għaliex
it-tnaqqis tal-importazzjonijiet ikun minimu. U min-naħa tal-pajjiżi
li huma fil-bżonn, hemm il-possibbiltà li jekk jitilfu l-GSP+ jibdew
jiddevjaw mill-prattiċi sostenibbli favur l-ambjent. Għaldaqstant,
b'mod ġenerali, jista' jinħass impatt minimament negattiv. A kontra B1. Effetti fuq: || ekonomiċi: || soċjali: || ambjentali: Pajjiżi li huma l-iżjed fil-bżonn || -- || -- || 0/- UE || + || + || 0/+ It-tibdiliet mqabblin mal-linja bażi B2 ikunu mistennija li jaqbdu
l-istess direzzjoni, iżda jkunu ħafna inqas – tant li ma
jinħassux. 5.4 L-għażla C: tfassil mill-ġdid parzjali L-għażla C hija magħmula minn ħafna elementi. Biex
jiġu studjati l-perspettivi differenti ta' dawn l-elementi, ġew
studjati żewġ għażliet sekondarji. Id-differenzi ewlenin
bejniethom jirrigwardaw il-gradwazzjoni tas-setturi kompetittivi u l-kriterji
ta' vulnerabbiltà skont il-GSP+. Rigward il-gradwazzjoni, is-setturi li
attwalment se jiġu gradwati mhumiex magħrufin f'dan l-istadju – dan
ikun jiddependi fuq il-kalkoli dwar l-importazzjonijiet abbażi
tal-iżjed ċifri riċenti disponibbli qabel id-dħul
fis-seħħ tar-regolament il-ġdid. Intużaw iċ-ċifri
kurrenti b’mod rappreżentattiv. Rigward il-vulnerabbiltà, C1 ittejjeb
il-kriterju "ekonomiku" minn wieħed fil-mija għal tnejn
fil-mija. Il-pajjiżi li jilħqu l-kriterju mtejjeb f'dan l-istadju
għadhom mhumiex magħrufa - dawn il-kalkoli jsiru għal darba
oħra abbażi tal-iżjed ċifri riċenti disponibbli qabel
id-dħul fis-seħħ tar-regolament il-ġdid. Il-pajjiżi
addizzjonali li fil-preżent jkunu kapaċi jilqgħu l-isfida
(il-Pakistan, il-Filippini u l-Ukraina) ġew ikkunsidrati bħala
rappreżentattivi. C2 telimina il-kriterji ta' vulnerabbiltà filwaqt li żżid
aktar rekwiżiti dwar il-konvenzjonijiet. Bl-istess mod, il-lista reali
tal-pajjiżi li jilħqu l-kriterju dwar il-konvenzjonijiet relevanti
tkun deċiża kemm jista' jkun qrib iż-żmien tad-dħul
fis-seħħ tar-regolament il-ġdid. Bħalissa, nistennew li
dawn se jkunu t-tliet pajjiżi C1 u n-Namibja u n-Niġerja (li kollha
jkunu diġà rratifikaw il-konvenzjonijiet relevanti), u dawn intużaw
bħala rappreżentattivi f'dan l-eżerċizzju. Il-valutazzjoni
tibda b'analiżi tal-għażla C1 imbagħad tiddeskrivi
d-differenzi ewlenin li joħorġu fl-għażla C2. 5.4.1 L-għażla C1 Valutazzjoni ġenerali tal-effetti ekonomiċi, soċjali u
ambjentali Meta pparagunati mal-linja bażi B1, l-effetti ġenerali
tal-għażla C1 huma dawn li ġejjin. L-importazzjonijiet totali
tal-UE jonqsu b'madwar EUR erba' biljun (żieda ta' EUR biljun
f'importazzjonijiet minn pajjiżi li qatt ma kienu parti mill-iskema,
kkumpensati bi tnaqqis ta' EUR ħames biljun fl-importazzjonijiet
minn pajjiżi li ma jibqgħux membri tal-iskema. L-effetti
ekonomiċi u soċjali fuq il-pajjiżi li l-iżjed qegħdin
fil-bżonn huma mistennija li jkunu pożittivi hekk kif
l-esportazzjonijiet jiżdiedu u jakkumulaw il-benefiċċji
tal-benessri. Kif jiġri bl-għażla A, l-impatti negattivi
għall-konsumaturi tal-UE x'aktarx jiġu kkumpensati bi dħul
ogħla mit-tariffi, li jkunu tal-istess ordni ta’ daqs. L-impatt nett
b'hekk ikun iġġenerat mill-impatti fuq il-produtturi. Kif inhu
spjegat hawn fuq, dawn il-benefiċċji ma jkunux, b'mod ġenerali,
sinifikanti, iżda b'danakollu jkollhom effetti negattivi sinifikanti fuq
setturi importanti (ir-ross, il-prodotti ta' raba' li jinħadem,
iż-żjut u x-xaħmijiet, iz-zokkor, il-frott u l-ħxejjex,
id-drappijiet u l-ilbies, u l-ġilda) – u fuq l-Istati Membri tal-UE li
dawn is-setturi huma importanti għalihom. Għalhekk dawn l-impatti
jkunu ġeneralment negattivi. L-impatti ambjentali fl-UE l-iżjed li
jistgħu jkunu pożittivi huwa b'mod negliġibbli, għaliex
it-tnaqqis tal-importazzjonijiet ikun minimu. Fil-pajjiżi li huma
iżjed fil-bżonn, l-impatt tas-sħubija imkabbra tal-GSP+ ikun,
b'mod ġenerali pożittiv b'mod insinifikanti. C1 kontra B1. Effetti fuq: || ekonomiċi: || soċjali: || ambjentali: Pajjiżi li huma l-iżjed fil-bżonn || ++ || ++ || 0/+ UE || - || - || 0/+ Meta jitqabblu l-effetti tal-għażla C1 mal-linja bażi B2,
it-tibdiliet ikunu mistennija li jkunu fl-istess direzzjoni, iżda jkunu
ħafna inqas – u għal darba oħra, tant li ma jinħassux. 5.4.2 L-għażla C2 Hemm differenza importanti bejn is-C2 u s-C1. Limiti aktar baxxi
tal-gradwazzjonijiet iżidu l-livell tal-gradwazzjoni b'mod sinifikanti
għal ċerti pajjiżi u setturi, b'mod partikolari, għall-Indja.
Dan iwassal għal għadd ta' effetti. L-ewwel effett huwa iżjed
tnaqqis ta' esportazzjonijiet mill-parteċipanti tal-GSP b'mod
ġenerali. It-tieni impatt huwa żieda tal-esportazzjonijiet EBA, hekk
kif l-impatti negattivi fuq il-Bangladexx (mistennija bis-C1) jonqsu.
Ir-riżultat huwa li, filwaqt li l-effetti pożittivi fuq
il-benefiċjarji tal-EBA u tal-GSP+ ma jistgħux jiġu
sottovalutati, l-esportazzjonijiet GSP ta' bosta benefiċjarji se jbatu.
L-effetti dinamiċi mistennijin li jikkompensaw sew għal dan it-telf
statiku, għalhekk l-impatt ġenerali mistenni li jkun pożittiv,
iżda żgur li jkun inqas minn tas-C1. Minħabba li l-impatti li
jifdal jixbħu ħafna lil tas-C1, it-tabella tal-valutazzjoni
ġenerali tas-C2 tkun bħal din ta' hawn taħt: C2 kontra B1. Effetti fuq: || ekonomiċi: || soċjali: || ambjentali: Pajjiżi li huma l-iżjed fil-bżonn || + || + || 0/+ UE || - || - || 0/+ 5.5 L-għażla D: tfassil mill-bidu nett Il-biċċa l-kbira tal-komponenti tal-iskema ġew
iddefiniti mill-ġdid fl-għażla C. Iżda għadd ta' dawk
li ntalbet l-opinjoni tagħhom waqt il-konsulta ssuġġerew
twessiegħ kbir taż-żewġ komponenti ewlenin l-oħra
fl-iskema: il-medda tal-prodotti koperti u l-marġnijiet ta' preferenza.
Għalhekk studjajna wkoll tfassil mill-ġdid komprensiv li jinkludi
t-tibdiliet proposti skont l-għażla C, u barra minn dawn
tibdiliet għal dawn iż-żewġ komponenti. Biex nissimplifikaw
l-analiżi, l-għażliet sekondarji D jiġu kkalkulati
bħala inkrementi għas-C2 biss. Huma vvalutati tliet
għażliet sekondarji. Id-D1 hija għażla li jkollha effetti
mifruxin. Hija tipprovdi t-tkabbir tal-kopertura sħiħa tal-prodotti u
l-eliminazzjoni tal-prodotti sensittivi kollha (pereżempju l-estenzjoni
tat-trattament ta' bla dazju u bla kwoti tal-pajjiżi EBA) lil dawk
il-pajjiżi li l-iżjed għandhom bżonn (kemm jekk huma
benefiċjarji tal-GSP jew tal-GSP+). Dan jimplika li l-benefiċjarji li
jifdal ma jibqgħux soġġetti għall-gradwazzjoni. Id-D2 u d-D3
ma għandhomx effetti daqshekk mifruxa. Jieħdu l-parametri kollha
tas-C2 (inkluża l-gradwazzjoni) u jżidu t-tneħħija parzjali
tas-sensittività (D2) u t-twessiegħ parzjali tal-kopertura tal-prodotti (D3). 5.5.1 L-għażla D1: kopertura sħiħa tal-prodotti,
tneħħija sħiħa tas-sensittività Valutazzjoni ġenerali tal-effetti ekonomiċi, soċjali u
ambjentali Meta pparagunati mal-linja bażi B1, l-effetti ġenerali
tal-għażla D1 huma kif ġej. Minkejja li l-effetti ekonomiċi
u soċjali fuq pajjiżi li huma l-iżjed fil-bżonn huma
mistennija li jkunu ġeneralment pożittivi, dawn
il-benefiċċji jakkumulaw l-iżjed f'setturi li diġà huma
kompetittivi, minn fuq dahar dawk li huma inqas avvanzati. Ikun hemm effetti
kbar fid-distribuzzjoni, bis-sehem addizzjonali tal-importazzjonijiet tal-UE
maħtuf miċ-Ċina, mill-Indja u minn pajjiżi oħra li
qabel kienu soġġetti għall-gradwazzjoni, filwaqt li jkun hemm impatt
negattiv fuq bosta pajjiżi li huma l-iżjed fil-bżonn. B'mod
partikolari jbatu l-benefiċjarji EBA (l-aqwa eżempju ta' dan ikun
il-Bangladexx), u jbatu l-pajjiżi benefiċjarji tal-GSP+
bħall-Pakistan. Il-valutazzjoni pożittiva ġenerali
("+") għalhekk irid ikun fiha gradi ta' differenzi sottili.
L-impatti pożittivi għall-konsumaturi tal-UE x'aktarx jiġu
kkumpensati bi dħul iżjed baxx mit-tariffi, li jkun tal-istess ordni
ta’ daqs. L-impatt nett b'hekk ikun iġġenerat mill-impatti fuq
il-produtturi. Kif inhu spjegat fuq, b'mod ġenerali dawn l-impatti ma
jkunux sinifikanti, iżda jkollhom effetti negattivi sinifikanti għal
setturi importanti – u għall-Istati Membri tal-UE fejn dawn is-setturi
huma importanti. Bir-riżultat li dawn l-impatti jkunu ġeneralment negattivi.
Minkejja li huma ikbar minn dawk li ġġib magħha
l-għażla C, probabbilment ikunu ta' ordni ta’ daqs simili. L-impatti
ambjentali fl-UE jkunu minimament negattivi minħabba ż-żieda
ġenerali tal-importazzjonijiet. Iż-żieda kbira
tal-importazzjonijiet, speċjalment miċ-Ċina jew mill-Indja
tista' twassal għal impatti negattivi f'dawn il-pajjiżi wkoll.
L-impatt fuq il-pajjiżi GSP+ ikun ġeneralment pożittiv,
għaliex minkejja li l-esportazzjonijiet tagħhom jiżdiedu,
il-qafas għall-ħarsien ambjentali li jimxu miegħu n-negozji
(kollha) jittejjeb billi jżomm mal-konvenzjonijiet ambjentali relevanti.
Il-bilanċ ġenerali ta' dawn l-effetti jkun minimament negattiv. D1 kontra B1. Effetti fuq: || ekonomiċi: || soċjali: || ambjentali: Pajjiżi li huma l-iżjed fil-bżonn || + || + || 0/- UE || - || - || 0/- *Impatti pożittivi ekonomiċi u
soċjali għall-pajjiżi li l-iżjed qegħdin
fil-bżonn b'mod ġenerali jinnewtralizzaw l-impatti negattivi
sinifikanti fuq il-benefiċjarji tal-EBA u l-GSP+. Meta wieħed jipparaguna l-effetti tal-għażla D1
mal-linja bażi B2, it-tibdiliet ikunu mistennija jmorru fl-istess
direzzjoni, biss jiċkienu – iżda xorta waħda li wieħed
jinnutahom. 5.5.2 L-għażliet D2 u D3 Dawn l-għażliet jibnu fuq l-għażla C. Biex
l-analiżi tkun iżjed sempliċi, waħda biss
mill-għażliet, f'dan il-każ is-C2 intużat bħala
bażi għad-D2 u d-D3. Ma hemmx raġuni li wieħed jaħseb
li jkun hemm differenzi sinifikanti kieku minflok kellha tittieħed
bħala bażi s-C1. Billi d-D2 u d-D3 jibdlu l-komponenti wieħed
wieħed biss b’paragun mas-C, l-elementi ġodda ewlenin biss jissemmew
hawn. Id-D2 u d-D3 jiġġeneraw it-tnaqqir tal-preferenzi bi
żvantaġġ għal-LDCs. Id-D2 tesplora t-tneħħija tas-sensittività. Kif inhu
mistenni, l-impatt immedjat huwa t-tnaqqir tal-preferenzi għall-EBAs,
partikolarment fil-konfront tal-kompetituri GSP, li huma r-rebbieħa netti.
Billi l-valutazzjoni CARIS għamlitha ċara li l-pajjiżi GSP
jagħmlu ħafna pressjoni fuq il-kontropartijiet tagħhom fl-EBA,
dan kien mistenni. L-Indja, l-Indoneżja, il-Vjetnam u t-Tajlandja
jieħdu l-benefiċċji kważi kollha, filwaqt li l-pajjiżi
fl-EBA ma jieħdu kważi xejn. Id-D3 tesplora l-espansjoni
tal-prodotti. Huwa previst impatt jixbaħ lil dak li hu deskritt
għad-D2: benefiċċji għall-benefiċjarji tal-GSP
bil-prezz li jkun hemm tnaqqir tal-preferenzi u telf ta' esportazzjonijiet
għall-pajjiżi EBA. Kemm id-D2 u d-D3 b'hekk jikkonfermaw li
l-espansjoni tal-prodotti u t-tneħħija tas-sensittività se jiswewlhom
prezz li jrid jitħallas minn dawk li huma l-iżjed foqra u li jaggrava
t-tnaqqir tal-preferenzi li qegħdin ibatu. Id-D2 u d-D3 jistgħu jfixklu n-negozjati ta' ftehimiet bilaterali
u multilaterali Mqabblin mal-għażla C, wieħed jista’ jġib
l-argument li dawn l-għażliet jistgħu jagħtu sinjal falz
lil sħabna fil-kummerċ billi joħolqu l-istennija li jistgħu
jinkisbu b'mod awtomatiku mingħand l-UE fin-negozjati bilaterali jew
multilaterali, il-konċessjonijiet fuq prodotti li ddaħħlu
fl-iskema GSP jew li tneħħitilhom is-sensittività. It-tibdiliet
introdotti mid-D2 u d-D3 mhumiex kbar biżżejjed biex ivarjaw l-ordni
tal-kobor tal-bqija tar-riżultati tal-għażla C. Iżda
l-produtturi tal-UE ta' prodotti ġodda mdaħħlin fl-iskema GSP, u
ta' prodotti li jieħdu marġnijiet ta' preferenza ogħla permezz
tat-tneħħija tas-sensittività, ibatu aktar pressjoni. 6. Tqabbil tal-għażliet 6.1 Reviżjoni tal-għażliet differenti skont
l-għanijiet u l-impatti It-tabella ta' hawn taħt tqabbel kemm l-għażliet
differenti jilħqu sew l-għanijiet mixtieqa permezz ta' reviżjoni
tal-iskema. Dan il-paragun huwa bbażat fuq tliet kriterji: l-effettività
(in-numru ta' għanijiet li jintlaħqu, sa fejn jintlaħqu);
effiċjenza (użu tar-riżorsi meħtieġa biex
jintlaħqu l-għanijiet, effetti sekondarji mhux mixtieqa); u
l-konsistenza mal-għanijiet tal-UE li jolqtu kwistjonijiet diversi. Għażliet || A || C1 || C2 || D1 || D2 || D3 L-Effettività || - || ++++ || +++ || -- || ++ || ++ L-Effiċjenza || -- || +++ || ++ || -- || + || + Il-Konsistenza || ++++ || ++ || ++ || --- || + || + Issegwi analiżi dettaljata bbażata fuq l-effiċjenza u
l-effikaċja relattivi ta' kull waħda mill-għażliet biex
jinkisbu l-għanijiet strateġiċi ġenerali. 6.2 L-effikaċja tal-għażliet politiċi fil-kisba
tal-għanijiet ġenerali u speċifiċi L-għażla A: L-għażla A tilħaq biss parzjalment l-għan
ġenerali G-1 (kontribuzzjoni għall-qerda tal-faqar permezz
tal-espansjoni tal-esportazzjonijiet minn pajjiżi li huma l-aktar fil-bżonn).
Jekk jiġu ffokati l-preferenzi fuq l-LDCs, dan iħalli ħafna
pajjiżi oħra bl-istess bżonnijiet kummerċjali, ta'
żvilupp, u finanzjarji, mingħajr preferenzi (għan speċifiku
S-1) – bil-konsegwenza ta' impatti ekonomiċi u soċjali negattivi.
Barra minn hekk, jekk jitneħħew il-preferenzi minn xi pajjiżi li
huma l-iżjed fil-bżonn, dan jesponi s-setturi tal-esportazzjoni
f'dawk il-pajjiżi għall-kompetizzjoni minn pajjiżi
żviluppati. L-għażla A tmur direttament kontra l-għan
speċifiku S-4 u l-għan ġenerali G-2 (li jippromwovi
l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza t-tajba). U ma tgħinx biex
tiżgura salvagwardji mtejbin għall-interessi finanzjarji u
ekonomiċi tal-UE (għan ġenerali G-3 u għan speċifiku
S-5). B'kuntrast għal dan, l-għażla A tista' tagħti
iżjed forza lill-UE fin-negozjati bilaterali u multilaterali (għan
speċifiku S-3). Ikollha impatti ekonomiċi u soċjali
pożittivi għal ċerti setturi f'ċerti Stati Membri fi
żmien meta teżisti enfażi kbira fuq l-inkoraġġiment
tal-kompetittività, tat-tkabbir u tal-ħolqien tal-impjiegi. U
fl-aħħar nett, fi żmien ta' pressjoni kbira fuq il-finanzi
pubbliċi, din iżżid id-dħul mit-tariffi. L-għażla C1 L-għażla C1 tikkontribwixxi tajjeb lejn l-għan
ġenerali G-1 (kontribuzzjoni għall-qerda tal-faqar permezz
tal-espansjoni tal-esportazzjonijiet minn pajjiżi li huma l-aktar
fil-bżonn). B'mod partikolari, tiżgura li l-preferenzi jkunu mmirati
sew lejn l-iżjed pajjiżi li għandhom bżonnhom (S-1) u
tnaqqas id-diżinċentiv għad-diversifikazzjoni (S-2) li huwa
riżultat tal-pressjoni kompetittiva li ssir minn benefiċjarji aktar
żviluppati tas-sistema preżenti. L-għaqda ta' mekkaniżmu
tad-dħul fil-GSP+ aktar flessibbli, ta' kriterji kummerċjali
għall-eliġibbiltà aktar flessibbli, u ebda gradwazzjoni
tal-għażla C1 tkun tagħti spinta għall-kontribut tal-iskema
li tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza t-tajba (G-2 u S-4).
Ittejjeb l-effiċjenza tal-istrument ta' ħarsien (S-5) u
l-mekkaniżmu ta' rtirar, li t-tnejn li huma jkunu jikkontribwixxu
għall-G-3. Tkabbar ukoll id-dħul mit-tariffi. Ikollha l-effetti mhux
intenzjonati li tagħti iżjed forza lill-UE fin-negozjati
kummerċjali bilaterali u multilaterali (iżda fir-rigward ta' inqas
pajjiżi milli bl-għażla A). Iżda jkun hemm ukoll impatti ekonomiċi
u soċjali negattivi għal ċerti setturi f'ċerti Stati
Membri. L-għażla C2 Id-differenza ewlenija bejn is-C2 u s-C1 hija li bis-C2 il-limiti
iżjed baxxi tal-gradwazzjoni jnaqqsu l-esportazzjonijiet totali
tal-pajjiżi li l-iżjed qegħdin fil-bżonn. Barra minn hekk,
iżjed ma jidħlu pajjiżi benefiċjarji tal-GSP+ li
jidħlu fl-iskema, iżjed tkun il-pressjoni kompetittiva fuq l-LDCs -
l-iżjed foqra fost il-pajjiżi li qegħdin fi stat ta'
żvilupp. Minħabba dawn l-effetti, is-C2 hija mod inqas effettiv biex
jintlaħaq l-għan ġenerali G-1 (li jgħin fil-qerda
tal-faqar). Iżda hija aħjar mis-C1 fl-effettività tal-għajnuna
tagħha biex jinkiseb il-G-2 (il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli)
għaliex tipprevedi reviżjoni tal-konvenzjonijiet meħtieġa. L-għażla D (l-għażla D1 biss ġiet diskussa
fis-sommarju eżekuttiv) L-għażla D1 hija mmirata lejn dawk il-pajjiżi li
l-iżjed jinstabu fil-bżonn billi tiddiferixxi l-preferenzi
għall-benefiċjarji li huma biżżejjed għonja u
għal dawk li jgawdu l-aċċess preferenzjali permezz ta' ftehim
bilaterali. Iżda telimina kompletament il-gradwazzjoni, u toffri
t-trattament ta' ekwivalenza għall-EBA lill-benefiċjarji kollha (dan
jaċċellera t-tnaqqir tal-preferenzi għal dawk li huma
l-iżjed foqra). Għaldaqstant, b'mod ġenerali, ma tistax tingħadd
bħala waħda li tilħaq l-għan G-1. Bl-istess mod,
l-għan G-2 (il-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli permezz
tal-inċentivi tal-GSP+) jintilef kompletament meta t-trattament ta'
ekwivalenza għall-EBA jinagħta lill-benefiċjarji kollha.
L-għażla D1 ittejjeb l-effiċjenza tal-mekkaniżmu ta'
ħarsien (S-5) u tal-mekkaniżmu tal-irtirar (S-6), u b'hekk
tikkontribwixxi b'mod pożittiv għall-ħarsien tal-interessi
finanzjarji u ekonomiċi tal-UE (l-għan ġenerali G-3). Iżda
d-D1 mistennija li tnaqqas id-dħul mit-tariffi fi żmien ta' pressjoni
kbira ħafna fuq il-finanzi pubbliċi. Tikkawża wkoll impatti
ekonomiċi u soċjali negattivi f'ċerti setturi industrijali u
f'ċerti Stati Membri. U tkun iddgħajjef b'mod sinifikanti
l-pożizzjoni negozjattiva tal-UE fil-kuntest bilaterali u multilaterali
(għan speċifiku S-3). 6.3 L-għażla ppreferita L-għażla li tilħaq l-għanijiet tal-iskema
bl-iżjed mod effikaċi, effiċjenti u koerenti hija
l-għażla C, u partikolarment is-C1. Dan ma jinnegax li s-C2 fiha
l-aspetti pożittivi (reviżjoni tal-lista ta' konvenzjonijiet) li
jistgħu wkoll jiġu meqjusa. 7. Monitoraġġ u Evalwazzjoni It-tabella ta' hawn taħt tinkludi suġġerimenti
għall-indikaturi li jistgħu jintużaw biex jiġi stmat
il-progress u l-effikaċja tal-għażla ppreferita fil-kisba
tal-għanijiet politiċi ġenerali. Għanijiet ġenerali || Indikaturi || Sorsi ta’ informazzjoni Li tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar billi tkabbar l-esportazzjonijiet minn dawk il-pajjiżi li iżjed huma fil-bżonn || - tkabbir tal-esportazzjonijiet għall-UE minn pajjiżi fi stat ta' żvilupp - sehem akbar ta' importazzjonijiet mill-iktar pajjiżi foqra - utilizzazzjoni akbar tal-preferenzi - gradwazzjoni effettiva tas-setturi kompetittivi - diversifikazzjoni dejjem tikber || Dejta tal-Eurostat Li tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli u l-governanza t-tajba || - numru akbar ta' pajjiżi li jimpenjaw rwieħhom għall-iżvilupp sostenibbli u prinċipji ta' governanza tajba fi ħdan l-arranġament GSP+ - titjib ġenerali tal-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet GSP+ mill-benefiċjarji tal-GSP+ - numru ta' revoki || - rapporti ta' korpi internazzjonali ta' monitoraġġ relevanti - DĠ TRADE Li tiżgura ħarsien aħjar għall-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-UE. || - numru ta' talbiet għas-ħarsien - numru ta' miżuri għall-ħarsien - dħul rinunzjat minħabba l-iskema - numru ta' ftehimiet kummerċjali preferenzjali ffirmati mal-benefiċjarji - numru ta' ftehimiet kummerċjali preferenzjali ffirmati ma' pajjiżi li mhumiex benefiċjarji || - Talbiet għall-ħarsien Dejta tal-Eurostat - DĠ TRADE L-effikaċja tal-iskema GSP
għandha tiġi soġġetta għal valutazzjoni formali u
indipendenti qabel kull reviżjoni sussegwenti. Biex tkun effettiva, din
il-valutazzjoni x'aktarx li jkollha bżonn minimu ta' dejta ta' tliet snin
ta' wara l-implimentazzjoni, dan jimplika li l-iżjed kmieni li tista' ssir
il-valutazzjoni ma jistax ikun qabel tmiem l-2017 [1] http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2010/may/tradoc_146196.pdf [2] Mudell żviluppat mill-Bank Dinji b'kollaborazzjoni
ma' diversi organizzazzjonijiet internazzjonali.